Legislature:
Category:
Reset
Active:

proġett Leonardo

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk l-Istitut għall-Istudji Turistiċi hux se jagħmel arranġamenti biex studenti li kienu se jmorru sena barra fuq proġett Leonardo li issa jinsab sospiż, ma jitilfux sena fil-kors tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bħalissa l-Internship Unit tal-Istitut tal-Istudji Turistiċi qed jagħmel l-aħħar preparamenti biex 90 student jibdew l-International Internship tagħhom f’Ġunju 2010. Minn dawn id-90 student hemm 8 studenti li ntlaqtu mis-sospensjoni temporanja tal-Lifelong Learning Programme. Qed isiru arranġamenti biex dawn l-istudenti jkunu jistgħu jwettqu l-Internship tagħhom ħalli jissodisfaw l-obbligi tal-programm ta’ studju tagħhom.
Leg 11 PQ #17578 Sitting 229 2010-05-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — tuition centres mingħajr il-compliance certificate

Question

Jista’ l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ tuition centres li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għadha ma ħarġitilhomx compliance certificate ? X’xogħlijiet meħtieġa jrid jagħmel kull ċentru biex jinħarġilhom dan iċ-ċertifikat u sa meta jridu jsiru dawn ix-xogħlijiet meħtieġa ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta u d-Dipartiment tal-Kuntratti — screening dwar każijiet ta’ korruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi screening u verifiki saru mill-Korporazzjoni Enemalta u d-Dipartiment tal-Kuntratti dwar każijiet ta’ korruzzjoni u professional misconduct li kienu involuti fihom is-sub-contractors Warstila, ABB u Siemens li se jipprovdu partijiet mill-impjant li l-BWSC ingħatat il-kuntratt biex tipprovdi bħala estensjoni tal-power station f’Delimara?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta u d-Dipartiment tal-Kuntratti — screening dwar każijiet ta’ korruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid xi screening u verifiki saru mill-Korporazzjoni Enemalta u d-Dipartiment tal-Kuntratti dwar każijiet ta’ korruzzjoni u professional misconduct li kienu involuti fihom is-sub-contractors Warstila, ABB u Siemens li se jipprovdu partijiet mill-impjant li l-BWSC ingħatat il-kuntratt biex tipprovdi bħala estensjoni tal-power station f’Delimara?

Response (FENECH, TONIO)

Nireferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21656

impjant tal-BWSC — esportazzjoni ta' skart

Question

Jista’ jgħid x’arranġamenti saru biex jiġi esportat l-iskart li se jibda jipproduċi l-impjant tal-BWSC f’Delimara meta jibda jopera ? Fejn se jiġi esportat ? Kemm huwa stmat li se jiġi jiswa l-ġarr u l-ispiża biex jiġi depożitat f’landfill apposta f’pajjiż ieħor ?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi hawn prematur li wieħed jistenna li l-Enemalta ikollha kuntratt daqshekk kmieni għal skart li mhux ser jiġi iġġenerat qabel l-aħħar ta’ l-2011, jiġifieri sena u nofs oħra. Aktar tard din is-sena huwa mistenni li tiġi ppublikata tender biex jinbeda l-proċess. Mill-istimi li saru jidher li dan il-proċess ser jiswa madwar €2.5 miljun fis-sena.

Chairman tal-Korporazzjoni Enemalta

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17014 u 16317 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li bih inħatar iċ-chairman tal-Korporazzjoni Enemalta, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, minn nofs is-sena 2005?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ma hemm l-ebda kuntratt li bih inħatar iċ-chairman ta’ l-Enemalta. Il-ħatra saret b’ittra ta’ ħatra maħruġa fit-28 ta’ Ġunju, 2005 skont l-Att numru 272, wara deċiżjoni mill-Kabinett.

programm Grundtvig

Question

Tista’ l-Ministru tghid kemm persuni u għaqdiet intlaqtu ħażin mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea kkomunikata fl-10 ta’ Mejju 2010 li tissospendi l-programm Grundtvig f’Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuni milquta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea kkomunikata fl-10 ta’ Mejju 2010 li tissospendi l-programm Grundtvig f’Malta huma: · Learning Partnerships – 12-il persuna minn żewġ organizazzjonijiet u · In-service Training u Visits and Exchanges – 6 persuni.

programmi miftuħa għat-tfal u żgħażagħ

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta hu maħsub li l-programmi Comenius, Erasmus, Leonardo da Vinci u Grundtvig se jerġgħu jkunu miftuħa għat-tfal u ż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kummissjoni Ewropea għadha ma tatx iż-żmien tas-sospensjoni tal-Programmi Comenius, Erasmus, Leonardo da Vinci u Grundtvig.

Proċess ta' aġġudikazzjoni tas-sejħa għall-offerti

Question

B'referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija 17236 , jista' l-Ministru issa jwieġeb din il-mistoqsija u jgħid fejn wasal il-proċess ta' aġġudikazzjoni tas-sejħa għall-offerti ppubblika mill-MITA M482/09 - 'Call for expression of interest for a strategic partnership for the provision of an E-Learning solution' liema sejħa għalqet fil-11 ta' Novembru 2009 filwaqt li jgħid kemm minn dan il-proġett sejjer ikun finanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropeja u kemm se jkun il-ko-finanzjament lokali filwaqt li jgħid meta hi l-mira li jingħata bidu għal dan il-proġett? Jista' jgħid ukoll min kien il-konsulent barrani li ġie ngaġġat għall-evalwazzjoni tal-offerta msemmija u jekk dan il-konsulent għandux xi rabta ma' xi waħda mill-kumpanija li tefgħet offerta? X'passi ħadet il-MITA, u meta, dwar ir-rabta ta' dan il-konsulent barrani? Kemm tħallas dan il-konsulent barrani?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninnota illi l-Onor. Interpellant diġa wasal għall-konklużjonijiet tiegħu dwar dan it-tender għaliex mingħajr ma ħabbel rasu biex ikollu r-risposti għad-domandi li staqsa, ġa ppublika artikolu fis-16 ta' Mejju fejn ikkonkluda illi: 1. mhux minnhu li l-proċess tħassar għax hemm possibilita ta' kunflitt ta' interess; 2. din tal-kunflitt ta' interess hi biss skuża; 3. il-verita hi li l-proċess tħassar għax xi kumpanija li kienet għal qalb il-Gvern ma ġietx short-listed. Għar-raġunijiet li nispjega aktar il-quddiem dawn huma konklużjonijiet gratuwiti, immaġinarji u malizjużi mibnija mill-fantasija fertili tal-Onor. Interpellant liema fantasia issa waslet biex tivvinta anki fatti li ħadd ma jista jmerihom. Iżda għar min hekk ma nistax ma nikkumentax dwar kumbinazzjoni stramba ħafna li tinvolvi lill-Onor. Interpellant, kumpanija tal-IT u tenders oħra li kemm din il-kumpanija kif ukoll l-Onor. Interpellant kienu nvoluti fihom. Il-kumpanija Computer Domain hi sub-contractor nominat ta' kumpanija li ġiet short-listed għal dan it-tender, li għalhekk kella l-possibilita li tirbaħ it-tender u li bit-tħassir tal-proċess żgur ma kienx jaqbilla. Il-kumpanija Computer Domain kienet ukoll involuta f'żewġ tenders preċedenti u differenti, li dwarhom l-Onor. Interpellant kiteb artikoli u staqsa domandi - anzi f'wieħed mit-tenders prattikament qal li t-tender kellu bilfors jintrebaħ mill-Computer Domain. Waqt li nħalli f'idejn l-Onor. Interpellant jispjega x'inhi l-konnessjoni tiegħu mal-kumpanija Computer Domain u għaliex hu daqshekkk pront biex jiddefendi l-interssi tagħha akkost li ma jistennix risposti u akkost li jgħawweġ il-fatti, qiegħed nelenka hawn taħt il-fatti kolla li jikkonċernaw il-proċess ta' dan it-tender. Il-proċess marbut mas-sejħa għall-Expression of Interest għal Strategic Partnership for an eLearning Solution (u li 85% minnu se jiġi finanzjat minn fondi Ewropej) nħarġet mill-MITA fit-18 ta’ Settembru 2009, ġie mwaqqaf fl-10 ta’ Mejju 2010 fuq direzzjoni tiegħi personali u mhux fuq direzzjoni tal-MITA. Il-fatti li wassluni għal din id-deċiżjoni huma: 1. Is-sejha għall-Expression of Interest ġiet pubblikata fit-18 ta’ Settembru 2009 u ż-żmien tas-sottomissjoni ta’ l-offerti għalaq fil-11 ta’ Novembru 2009. Ġew sottomessi disa’ offerti li l-bord ta’ l-Evalwazzjoni iddeċieda li kollha kienu jikkwalifikaw għaliex kienu jikkonformaw mal-Mandatory Requirements. 2. Il-Bord ta’ Evalwazzjoni ġie maħtur mill-Kap Ezekuttiv tal-MITA fit-30 ta’ Novembru 2009 u kien jikkonsisti f’erba’ persuni: tlieta mpjegati tal-MITA u wieħed tal-Ministeru ta’ l-Edukazzjoni. Il-Bord kien mgħejjun ukoll minn Technical Advisor u Financial Advisor, it-tnejn impjegati tal-MITA. Jien fl-ebda ħin ma ġejt konsultat dwar min jiġi nominat, kif wara kollox hi l-prassi normali. 3. Il-MITA kienet ukoll talbet, permezz ta’ offerta pubblika, s-servizz ta’ konsulent tekniku b’esperjenza internazzjonali fuq il-materja ta’ l-e-Learning u kienet qabbdet il-kumpanija ingliza IT Consulting Services Ltd, liema kumpanija tħallset is-somma ta’ €32,448 għas-servizzi illi tat lil MITA sakemm il-kuntratt taghha ġie eventwalment terminat. 4. Il-kumpanija fuq imsemmija qabbdet tlett persuni biex jezegwixxu l-konsulenza: Tom McMullan (Lead Consultant) Owen Lynch u Laurie O’Donnell. Hu stramb ħafna kif l-Onor. Bartolo għoġbu jsemmi biss wieħed min dawn it-tliet persuni. 5. Il-kumpaniji li ssottomettew offerta kienu: 1) Benchmark Softec (P) Ltd., Excelsoft Technologies Pvt. Ltd. and Digital Borneo Ltd, Consortium 2) Blackboard International B.V. and Loqus Solutions Ltd. Consortium 3) eLP + Consortium 4) Fronter as 5) Hewlett-Packard International Trade B.V. 6) IBM Malta Ltd. 7) IX Consortium 8) Megabyte Ltd. & SIVECO Romania SA Consortium 9) Young Digital Planet SA 6. Għat-tieni darba, hu stramb kif l-Onor. Bartolo kien jaf l-ismijiet kollha ta' min tefa' l-offerti imma ħalla barra tlieta - Excelsoft, Digital Borneo (li kella sehem importanti fl-izvilupp tal-affarijiet) u l-unika kumpanija Maltija li pparteċipat, Megabyte Limited. 7. Fl-10 ta’ Dicembru 2009 il-Bord tal-Evalwazzjoni ġie infurmat illi Laurie O’Donnell kellu rabtiet kummerċjali ma’ waħda mill-kumpaniji li kienet sub-contractor ta’ wieħed mill-offerenti u fid-dawl ta’ dan il-Bord ta’ Evalwazzjoni ddeċieda li din il-persuna m’għandiex tkompli fil-konsulenza u li kellha titkompla biss miż-żewg persuni l-oħra diġa msemmija. 8. Fit-12 ta’ Frar 2010 il-Bord tal-Evalwazzjoni lesta r-rapport tiegħu u bagħtu lill-Kap Ezekuttiv fl-1 ta’ Marzu 2010 - fatt li l-Onor. Bartolo jġibu preċiż - li bagħat ir-rapport lura - fatt li l-Onor. Bartolo jafu imma għoġbu jħallih barra - għal kjarifiki teknici, liema kjarifiċi kienu jinvolvu wkoll kjarifiċi mal-offerenti. Il-Bord tal-Evalwazzjoni reġa bagħat ir-rapport lil Kap Ezekkuttiv tal-MITA fid-9 ta' April 2010 - fatt ieħor li l-Onor. Bartolo jafu imma ħallih barra apposta biex jagħti x'jifhem li r-rapport kien għand il-Bord tal-MITA sa minn Frar 2010! 9. Fil-5 ta’ Marzu 2010 (xahrejn qabel mal-Bord tad-Diretturi rċieva r-rapport tal-Bord tal-Evalwazzjoni mingħand il-Kap Ezekuttiv), iċ-Chairman tal-MITA ġie infurmat minn rappreżentant ta’ Digtial Borneo Ltd. - il-kumpanija li l-Onor. Bartolo "nesa" jsemmi - illi fl-opinjoni tiegħu d-ditta ta’ konsulenti mqabbda kellha kunflitt ta’ interess ma’ wieħed mill-offerenti u li l-esklusjoni biss ta' O'Donell mhux neċessarjament neħħiet dan il-kunflitt. Din kienet l-ewwel darba li c-Chairman sema' b'kaz ta' kunflitt ta' interess potenzjali. 10. Fl-istess ġurnata ic-Chairman talab lill-Kap Ezekuttiv biex jinvestiga din l-allegazzjoni. Din kienet l-ewwel darba li tali informazzjoni waslet a konjizzjoni tal-Kap Ezekuttiv u fil-fatt ma kien hemm xejn dwar dan fir-rapport tal-Bord tal-Evalwazzjoni li kien intbagħtlu fit-12 ta' Frar 2010. 11. Il-Kap Eżekuttiv talab parir legali dwar din il-possibilita' ta' kunflitt ta' nteress liema parir inghata fit-22 ta' Marzu u jikkonkludi li: · l-Bord tal-Evalwazzjoni kien mexa korrettament meta eskluda lill-konsulent O'Donnell mill-proċess u teknikament l-evalwazjoni kienet allura mhux mittifsa mill-kunflitt ġaladarba kien dikjarat u l-persuna ġiet eskluża; · b'danakollu l-parir jgħid ukoll li għalkemm il-proċedura kienet legalment korretta jista jkun il-każ li ssir spekulazzjoni dwar il-possibilita li l-eskluzzjoni ta' O'Donnell ma kienitx biżżejjed u kella wkoll tiġi eskluża l-kumpanija nnifisha (u allura ż-żewġ konsulenti l-oħra wkoll) għaliex dan kien qasam speċjaliżżat ħafna ; · kemm il-darba l-MITA kien jidrilha li tali spekulazzjoni setgħet tintralċja jew ittawwal il-process, saret rakkomandazzjoni illi, r-rapport tal-konsulenti jigi injorat u jew isir "review" tar-rapport, jew jitqabbad konsulent iehor. 12. Il-Bord ta’ Evalwazzjoni baghat it-tieni rapport tekniku taghha lil Kap Ezekkuttiv fid-9 ta’ April 2010 li lesta r-rakkomandazzjonijiet tiegħu u għaddihom lil membri tal-Bord tad-Diretturi fis-26 ta’ April 2010. 13. F’laqgħa li l-Bord tad-Diretturi kellhom miegħi fit-28 ta’ April 2010, iċ-Chairman u l-Kap Ezekuttiv tal-MITA irrapurtawli dan il-fatt u spjegawli li għalkemm mill-informazzjoni li kellhom jidher li l-Bord ta’ l-Evalwzzjoni kien ħa l-miżuri neċessarji u kien hemm ukoll il-konfort tal-parir legali li mill-lat strettament tekniku jgħid li mxew sew, xorta waħda seta’ kien hemm possibilita’ li l-proċess ikun ivvizzjat minħabba li l-kumpanija ta’ konsulenti kienet waħda relattivament zgħira u għalhekk kien hemm riskju li l- governance structure ma kienx tali li seta jiggarantixxi l-indipendenza operattiva taż-żewġ konsulenti li kienu baqgħu joperaw mill-konsulent l-ieħor li kien iddikjara kunflitt ta’ interess. 14. Fid-dawl ta’ dan jien tajt, dak il-ħin stess, direzzjoni Ministerjali lill-Bord tad-Diretturi biex iwaqqfu l-proċess minnufih u jerġgħu joħorġu s-sejħa mill-ġdid, minkejja li jien konxju illi din id-direzzjoni ser titfa’ lura l-implimentazzjoni ta’ dan il-proġett. 15. Irrid infakkar li din mhux l-ewwel darba li jien ħadt deċiżjoni simili. Infakkar illi meta ftit xhur qabel il-ftuħ tal-Isptar Mater Dei u waqt in-negozjati biex jingħata t- tender tal-IT, skoprejna li kien hemm possibilita reali li persuna fuq in-naħa tal-Gvern kien qed jgħaddi nformazzjoni lin-naħa l-oħra, ma ddejaqtx nwaqqaf in-negozjati, nabortixxi l-proċess u nibdewh mill-ġdid minkejja s-sensitivita taż-żmien fil-proċess. Infakkar li dik il-persuna għaddejja proċeduri kriminali quddiem il-Qorti. 16. Niddikjara bl-aktar mod ċar illi, d-decizjoni li jitwaqqaf l-proċess u jerga’ jinħareġ it-tender ħadtha jien, ħadtha quddiem għaxra min-nies, ħadtha fuq fatti li kont smajthom l-ewwel darba dak il-ħin stess, ħadtha mingħajr ma qagħdt nistenna li naqra l-parir legali u ħadtha mingħajr ma kelli l-anqas l-iċken ħjiel min gie u min ma giex short-listed, tant, li l-anqas biss kont għadni naf min kien tefa l-offerta, aħseb u ara min kien short-listed! 17. F’din ir-risposta twila jien semmejt ismijiet, semmejt ċirkostanzi, semmejt dati u fatti. Ma spekulajtx kif għamel malizjosament l-Onor Interpellant u nistenna għalhekk li issa l-Onor Interpellant jissostanza bil-fatti u mhux bil-paroli, l-insinwazzjonijiet u l-allegazzjonij li għamel jew igiddeb bil-fatt id-dikjarazzjoni cara li jien qed naghmel fil-paragrafu preċedenti. 18. Hu wkoll evidenti mill-artikolu li kiteb l-Onor. Bartolo illi hu kellu kuntatt ma' wieħed mill- bidders għaliex ma hemmx mod ieħor kif seta jaf iċ-ċirkostanzi li jsemmi. Nistieden lill-Onor. Bartolo biex issa jippublika l-isem ta' din il-kumpanija. 19. L-Onor. Bartolo jikkwota wkoll suppost kummenti ta' kumpaniji li pparteċipaw fit-tender. Nistiednu jsemmi min huma. 20. Fl-aħħarnett, irrid ukoll nirrispondi lill-Onor Interpellant għall-insinwazzjoni li jien kelli xi nteress partikolari biex ma nirrispondix id-domanda tiegħu tas-26 ta’ April. Ngħarraf lill-Onor Interpellant li jien mhux imdorri nindaħal fil-proċess tal-għoti ta’ kuntratti – kif issa hu d-drawwa li jagħmel hu – u għalhekk deherli, li biex żgur ma ninfluwenzax dan il-process, għandi nħalli jgħaddi l-perijodu li fih jista jsir appell u peress li dan skada fl-20 ta’ Mejju 2010 issa qed nirrispondi d-domanda tal-Onor Interpellant b’mod eżawrjenti. Ovvjamnet, billi l-Onor. Interpellant m’għandux min dawn l-iskrupli, ma nistenniehx jikkondividi din il-pożizzjoni.

Sejħa għall-offerti

Question

B'referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija 17254, jista' l-Ministru issa jwieġeb din il-mistoqsija u ċioe: B'referenza għas-sejħa għall-offerti ppubblikata mill-MITA M482/09 - 'Call for expression of interest for a strategic partnership for the provision of an E-Learning solution' liema sejħa għalqet fil-11 ta' Novembru 2009, jista' l-Ministru jgħid kemm minn dan il-proġett se jkun finanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropeja u kemm se jkun il-ko-finanzjament lokali filwaqt li jgħid meta hi l-mira li jingħata bidu għal dan il-proġett u x'inhu t-timeframe previst mill-Planning and Priorities Co-ordination Division biex ikun sar il-ħlas kollu għal tali proġett? Jista' jgħid għaliex ġie mħassar dan it-tender? Jista' jgħid ukoll x'sehem kellu s'issa fil-proċess tat-tender il-kumitat ta' evalwazzjoni teknika u s-sehem fl-istess proċess tal-bord tal-MITA nnifsu?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija Nru 17453.
Leg 11 PQ #17455 Sitting 226 2010-05-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Lista ta' Ħlasijiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 17242 u 16596 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra b'mod dettaljat lista ta' ħlasijiet li saru lill-individwu, li dettalji dwaru qed jingħataw separatament, mill-uffiċċju tiegħu u mid-dipartimenti, entitajiet, kummissjonijiet, kunsilli u mid-dekasteru kollu tiegħu għall-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2002 sal-lum billi jagħti f'kull każ kemm kien l-ammont imħallas, għal liema fini u d-data meta sar kull ħlas relattiv?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Kuntratti lill-Kumpanija Content House

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 16769 u 16152 u jgħid mis-sena 2003 sal-lum x’kuntratti ngħataw mill-Ministeru tal-Finanzi jew xi entità li taqa' taħtu lill-kumpanija Content House? F’kull każ, x’kien il-valur tal-kuntratt u x’kien ix-xogħol li kellha tagħmel il-kumpanija? Il-kuntratti ngħataw b’tender jew direttament?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta se tingħata f'xi seduta oħra.

awditjar tal-EUPA

Question

Tista’ l-Ministru tgħid meta matul is-sena 2010 s’issa l-Kummissjoni Ewropea ordnat li jsir awditjar tal-EUPA, l-aġenzija nazzjonali li tieħu ħsieb il-programmi edukattivi u taż-żagħżagħ tal-Unjoni Ewropea f’Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul is-sena 2010 l-Kummissjoni Ewropea talbet ‘Declaration of Assurance’ għas-sena 2009 li skont ir-regolamenti u kif isir kull sena il-bażi ta' din l-assigurazzjoni ikun jinkludi l-awditjar tal-EUPA minn awdituri indipendenti mqabbdin mill-Awtorità Nazzjonali.

awditjar tal-Kummissjoni Ewropea fl-EUPA

Question

Tista’ l-Ministru tghid x'irriżulta mill-awditjar tal-Kummissjoni Ewropea fl-EUPA? X’nuqqasijiet ġew identifikati f’dan l-awditjar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mill-2008 sal-lum ma sarx awditjar mill-Kummissjoni Ewropea tal-Agenzija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea (EUPA).

programmi edukattivi u taż-żgħażagħ f’Malta — sospiżi

Question

Tista’ l-Minsitru tgħid x’passi ttieħdu fl-EUPA mill-10 ta’ Mejju 2010 sal-lum minn meta d-Direttur Helene Clark kitbet lid-diretturi kollha tal-agenziji nazzjonali tas-27 stat fl-Unjoni Ewropea biex tinfurmahom li ġew sospiżi l-programmi edukattivi u taż-żgħażagħ f’Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-European Union Programmes Agency (EUPA), koordinati mill-istess Ministeru ta’ l-Edukazzjoni, Impjieg u l-Familja, għamlet eżerċizzju ta’ verifika fuq ir-rakkomandazzjonijiet tal-istess Kummissjoni, u fuq ir-rakkommandazzjonijiet tar-rapport minn awdituri indipendenti. Qegħda npoġġi fuq il-mejda tal-kamra kopja tal-osservazzjonijiet mill-Kummissjoni Ewropea u l-azzjoni li ittieħdet s`issa.

programm Comenius

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm persuni qed jintlaqtu ħażin fl-iskejjel lokali mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea ikkomunikata fl-10 ta’ Mejju 2010 li tissospendi l-programm Comenius f`Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuni milquta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea kkomunikata fl-10 ta’ Mejju 2010 li tissospendi l-programm Comenius huma 111-il persuna u żewġ proġetti ta’ żewġ kulleġġi.

programm Erasmus

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm persuni qed jintlaqtu ħażin fl-Università ta’ Malta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea kkomunikata fl-10 ta’ Mejju 2010 li tissospendi l-programm Erasmus f’Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuni fl-Universita` ta’ Malta milquta mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea kkomunikata fl-10 ta’ Mejju 2010 li tissospendi l-programm Erasmus f’Malta huma 288 student u 56 għalliem.

programm Leonardo da Vinci

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm persuni qed jintlaqtu ħażin fl-MCAST u fl-ITS mid-deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea kkomunikata fl-10 ta’ Mejju 2010 li tissospendi l-programm Leonardo da Vinci f’Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru tal-persuni milquta huwa kif ġej : Istituzzjoni Numru ta’ Persuni Milquta Malta College for Arts, Science and Technology 93 Istitut għall-Istudji Turistiċi 16

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — Kuntratti lill-Kumpanija Content House

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16152 u jgħid mis-sena 2003 sal-lum x’kuntratti ngħataw mill-Ministeru tal-Finanzi jew xi entità li taqa' taħtu lill-kumpanija Content House? F’kull każ, x’kien il-valur tal-kuntratt u x’kien ix-xogħol li kellha tagħmel il-kumpanija? Il-kuntratti ngħataw b’tender jew direttament?

Response (FENECH, TONIO)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar. Għaldaqstant ir-risposta tingħata f’xi seduta oħra.

Stallazzjoni ta' Smart Meters

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 16313 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt iffirmat mal-IBM International biex jiġu stallati smart meters f'Malta u Għawdex filwaqt li jsiru stallazzjonijiet oħra meħtieġa biex tali infrastruttura tkun tista' tkun operattiva?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 16313.