Jista' l-Prim Ministru jikkonferma li l-GRTU tirrappreżenta l-interessi ta' dawk li jaħdmu għal rashom u l-SMEs fuq il-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali u għaldaqstant tagħmel parti minn dawk l-għaqdiet ta' min iħaddem rappreżentati fuq l-istess Kunsill filwaqt li jikkonferma wkoll li l-istess GRTU hija rappreżentata fuq grupp 1 (għaqdiet ta' min iħaddem) tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew fi Brussell mill-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament, li inċidentalment hija s-Segretarja Eżekuttiva tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali, filwaqt li jgħid min se jkunu ż-żewġ rappreżentanti li se jirrappreżentaw lill-Malta Hotels and Restaurants Association, liċ-Chamber of Commerce, Enterprise and Industry, lil General Retailers and Traders Union u lil Malta Employers Association fuq l-istess Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew minn Settembru 2010 'l quddiem?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għall-Gazzetta tal-Gvern ta’ Malta tat-Tnejn 30 ta’ Lulju 2001 li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra u nirreferi wkoll għall-Att Nru XV tal-2001 fejn tinstab l-informazzjoni dwar il-kompożizzjoni tal-Kunsill.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija nikkonferma li s-Segretarja Eżekuttiva tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali rriżenjat mill-General Retailers’ and Traders’ Union meta aċċettat il-kariga l-ġdida tagħha fl-MCESD u mhux se terġa’ tkun riappuntata fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.
Dwar l-aħħar parti tal-mistoqsija qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tan-nomini tal-Gvern Malti għall-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew. L-adozzjoni formali ssir mill-Kunsill tal-Ministri tal-Unjoni Ewropea fil-jiem li ġejjin, biex il-membri l-ġodda jidħlu fis-seħħ fil-21 ta’ Settembru 2010.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-ufiċċju tal-istipendji tal-Università ta’ Malta qed jagħmel minn kollox biex jiġbor lura l-flus li tħallset l-istudenta li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, daqslikieku din b’xi kapriċċ abbandunat l-istudji tagħha meta kellha titlaq bilfors minħabba s-saħħa tagħha kif hemm ippruvat f’dokumenti pprovduti lill-Università?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kull student tal-Università li jirċievi stipendju jiffirma dikjarazzjoni li jekk għal xi raġuni ma jkomplix il-kors tiegħu, għandu jirrifondi lura “pro rata” skont kemm idum fil-kors, parti mill-istipendju.
Hu l-Bord għall-Għotjiet ta’ Manteniment lill-istudenti, li jiddeċiedi jekk f’ċerti każi bħal dak riferut mill-Onor. Interpellant għandux jibqa’ jinsisti jew le għall-ħlas lura ta’ studenti li ma jtemmux il-korsijiet tagħhom.
Din hi l-ewwel darba li dan il-każ inġieb għall-attenzjoni tal-Bord. Billi fl-informazzjoni li l-interpellant għadda hemm indikat li din l-istudenti bdiet kors ieħor, il-Bord indaga mal-Universita’ u ma jirriżultax li l-istudenti imsemmija fil-fatt qed tagħmel xi kors hemmhekk.
Billi jekk l-istudenta qed tagħmel kors f’xi istituzzjoni edukattivi li l-isudenti tagħha huma intitolati għal stipendju, l-istudenta ma tintalabx tħallas flus lura, l-Onor Interpellant mitlub jagħti dettalji ta’ x’kors qed tagħmel l-imsemmija studenta biex tkun tista’ tinstab soluzzjoni malajr.
Jekk l-istudenta m’hi tagħmel ebda kors ieħor minħabba l-kundizzjoni tagħha, il-Bord jiddeċiedi l-każ fuq il-merti tiegħu u jżomm quddiem għajnejh il-pariri tat-tobba.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18243 u jgħid kemm għandna proprjetà skedata s’issa f’pajjiżna għax meqjusa ta’ valur ta’ wirt kulturali? Kemm jonqos li tiġi skedata minn din il-proprjetà u liema proprjeta` hemm il-ħsieb li tiġi skedata matul is-sena li ġejja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-MEPA skedat total ta’ 2072 sit ta’ wirt kulturali (bini u arkeoloġija) bejn l-1994 u l-2010.
Il-MEPA qed tkompli tiġbor inventarji dettaljati dwar siti li jimmeritaw protezzjoni.
Mhux prattika li l-MEPA issemmi liema huma l-proprjetajiet proposti għall-iskedar minħabba ħsara li tista’ ssir lil din il-proprjetà qabel jiġu skedati u ppubblikati u s-sidien infurmati kif provdut fil-liġi. Hemm madwar 220 sit li għandhom jiġi preżentati għall-approvazzjoni sal-aħħar ta’ din is-sena.
Minbarra dan, hemm 283 siti ta’ valur naturali li wkoll ġew skedati bejn l-1994-2010 u hemm 3 siti b’total ta’ sitt kilometri kwadrati ta’ proposti għal din is-sena wkoll.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18241 u jgħid kemm iffirmajna konvenzjonijiet tal-wirt kulturali s’issa tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Ġnus Magħquda? Liema huma dawk il-konvenzjonijiet li għadna ma ffirmajniex? Għaliex? Meta hemm il-ħsieb li niffirmawhom?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-lista ta’ konvenzjonijiet tal-wirt kulturali tal-Kunsill tal-Ewropa u tal-Ġnus Magħquda iffirmati jew ratifikati minn Malta hija spjegata fit-tabelli li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-gvern qed jeżamina liema konvenzjonijiet għandhom prijorità biex jiġu ffirmati jew ratifikati.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18253 u jgħid kemm atti ta’ kurazija ġew ifformati s’issa ma’ kunsilli lokali u ma’ għaqdiet non-governattivi? Liema huma l-proprjetajiet koperti b’dawn l-atti? X’atti pendenti hemm matul is-sena li ġejja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15280 u jgħid x'inhuma r-raġunijiet li hemm persuni li ngħataw art pubblika f'Tal-Ibraġġ, fil-Mellieħa (bejn il-Mellieħa u Selmun) biex jibnu f'inħawi li sas-sena 2006 kien Outside Development Zone? Min huma l-persuni li se jibbenefikaw minn din id-deċiżjoni u kemm se jingħataw art?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 15280.
kwestjoni dwar kumpaniji li jibnu l-power stations
Question
Peress li l-BWSC hija 100% tal-Mitsui Engineering and Shipbuilding Co Ltd (MES) u peress li l-MAN hija licenzjata mill-MES biex tibni magni għall-power stations u MAN u MES jipproduċu magni għall-power stations flimkien u peress li l-BWSC u l-MAN kienu tnejn mill-offerenti għall-kuntratt tal-estensjoni tal-power station f’Delimara u waħda ntagħżlet u l-oħra ġiet runner up, jista' l-Ministru jara li ssir investigazzjoni jekk l-offerti tal-BWSC u l-MAN jammontawx għall-collusive bidding peress li l-benefiċjarja finali kienet se tkun il-MES, jirbaħ min jirbaħ il-kuntratt?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi filwaqt li huwa veru li BWSC hija kumpanija sussidjaru tal-Mitsui, m’huwiex il-każ għall-bidder l-ieħor. MAN hija indipendenti minn Mitsui u l-impjant li offriet huwa bbażat fuq il-medium speed diesel engines. Mitsui permezz tal-MES għandha licence agreement ma’ MAN biex jinbnew slow speed diesel engines, li ma kinux offruti la minn BWSC u lanqas minn MAN. Il-magni li ġew offruti minn MAN kienu se jiġu mibnija il-fabbrika tagħhom u ma kellhomx konnessjoni ma’ Mitsui. L-allegazzjoni li Mitsui kienet l-benefiċjarja finali ta’ żewġ bids mhijiex korretta.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-kumpaniji li wrew interess u tefgħu offerta biex jagħmlu l-interconnector bejn Sqallija u Malta għall-Korporazzjoni Enemalta ddikjarawx li kienu nvoluti f’każijiet ta’ korruzzjoni, tixħim, ħasil ta’ flus jew grave professional misconduct? X’verifiki saru mill-ministeru tiegħu, mill-Korporazzjoni Enemalta u mill-Kumitat tal-Kuntratti biex jaraw jekk id-dikjarazzjonijiet li għamlu humiex veri jew le?
Response (FENECH, TONIO)
Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s’issa l-ebda kumpanija m’għadha tefgħet offerta għall-implimentazzjoni tal-Interconnector. Dan minħabba l-fatt li t-tender għadu ma għalaqx.
Jista’ l-Ministru jgħid fl-aħħar sentejn kemm spetturi tas-sanità żaru kiosks fl-inħawi tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Baħar iċ-Ċagħaq, San Ġiljan, tas-Sliema u l-Gżira biex jaraw jekk humiex jippreparaw ikel f’kundizzjonijiet mhux igjeniċi u ikel li m’għandhomx permess biex jippreparawh f’dawn il-kiosks? X'irriżulta f’kull każ minn dawn iż-żjarat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat illi dawn l-aħħar sentejn uffiċjali fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali għamlu numru ta’ spezzjonijiet fuq bażi ta’ Risk Assessment f’diversi kiosks fl-inħawi indikati.
In-numru ta’ spezzjonijiet saru kif inhu indikat hawn taħt:
2008
2009
Mellieħa
1
11
San Pawl il-Baħar
3
19
Baħar iċ-Ċagħaq
1
2
San Ġiljan
2
11
Sliema
3
22
Gżira
2
6
TOTAL
12
71
Inħarġu 83
improvement notices
,
filwaqt li ttieħdu passi legali kontra 14–il post, kif jidher hawn taħt:
Sena Passi Legali
2008 2 garanziji u 9 ċitazzjonijiet
2009 1
prohibition order
u 2 ċitazzjonijiet
Jista' l-Ministru jgħid kemm huwa ppjanat li jqum il-proġett ta’ riabilitazzjoni tas-Salini ħdejn Kennedy Grove?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-proġett hu stmat li jiswa €7 miljun u hemm applikazzjoni għal-finanzjament ta 85% tal-proġett minn fondi tal-Unjoni Ewropeja li għadha qed tiġi evalwata.
Jista' l-Ministru jgħid fil-pjan ta’ riabilitazzjoni tas-Salini ħdejn Kennedy Grove x’arranġamenti saru ma’ min għandu l-kuntratt biex iħaddem is-salini?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Bdiewa u raħħala — Għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru jgħid fl-aħħar sitt snin kemm kienu l-bdiewa u r-raħħala li ħadu għajnuna finanzjarja minn xi programm tal-Unjoni Ewropea? X’kienet l-ikbar somma u x’kienet l-iżgħar somma li ħa bidwi jew raħħal f’din l-għajnuna? Għal liema oqsma ta’ ħidma ngħataw dawn l-għajnuniet? Minn dawn il-fondi tal-Unjoni Ewropea li ngħataw lill-bdiewa jew raħħala, kemm huwa stmat li ħadu konsulenti, awdituri jew persuni oħra li jkunu mlew l-applikazzjonijiet biex tingħata din l-għajnuna? Jista’ jagħti lista ta’ dawn il-konsulenti/awdituri u nies oħra professjonisti u jgħid f’kull każ kemm ħadu tax-xogħol tagħhom?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Entitajiet governattivi permessi li jissellfu minn banek jew istituzzjonijiet finanzjarji
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra b'mod dettaljat, lista tal-entitajiet kollha governattivi li minn Ġunju 1987 sal-lum, ingħataw il-permess mill-istess Ministeru biex jissellfu minn banek jew istituzzjonijiet finanzjarji kemm lokali kif ukoll barranin, filwaqt li jgħid x'inhu l-massimu li kull entità hi permessa tissellef?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jkollna mużew tal-arti kontemporanja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Gvern jagħraf il-ħtieġa li pajjiżna jkollu mużew kemm għall-arti moderna kif ukoll għall-arti kontemporanja. Għalkemm l-ewwel prijorità ser tingħata għall-mużew tal-arti moderna, il-Gvern u Heritage Malta qegħdin iħarsu lejn numru ta’ proprjetajiet li jistgħu jservu bħala sit għal mużew tal-arti kontemporanja.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jkollna mużew tal-arti moderna?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Heritage Malta qegħda tlesti proġett li jestendi l-Mużew tal-Fine Arts biex jinkorpora fih arti moderna sa ċertu epoka. Bħalissa qed jinħadmu l-budgets għal dan il-proġett.
nies reliġjużi akkużati fil-qorti li abbużaw mit-tfal
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm każi kontra qassisin/ nies reliġjużi akkużati fil-qorti li abbużaw mit-tfal? F’liema stadju waslu dawn il-każi differenti?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Filwaqt li nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba numru 18672, ninsab infurmat illi quddiem il-Qrati ta’ Ġurisdizzjoni Kriminali hemm kawża waħda pendenti.
Tista' l-Ministru tgħid fl-aħħar sentejn x’passi ttieħdu mill-pulizija biex jaraw humiex jitħarsu l-liġijiet mis-sidien tal-kiosks li jarmaw fl-inħawi tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Baħar iċ-Ċagħaq, San Ġiljan, Sliema u Gżira? X'irriżulta minn dawn il-passi?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi kull fejn ikun osservat li jkun qed iseħħ xi ksur tar-Regolamenti minn sidien ta’ kiosks, il-Pulizija tieħu passi skont il-liġi. Infurmat ukoll illi fil-postijiet imsemmija mill-Onoervoli Interpellant kien hemm tliet okkazzjonijiet fejn il-Pulizija ħadet passi quddiem il-Qorti.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x’passi ttieħdu mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta fl-aħħar sentejn beix jaraw jekk is-sidien tal-kiosks li jarmaw fl-inħawi tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Baħar iċ-Ċagħaq, San Ġiljan, Sliema u Gżira qed iħarsu l-ligijiet u l-permessi li għandhom? X'irriżulta minn dawn il-passi f’kull każ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
L-informazzjoni mitluba qiegħda tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.