Legislature:
Category:
Reset
Active:

Għajnuna lil studenti li qed jistudjaw f'università ewropea

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm se tkun l-għajnuna lil kull student li se jmur jistudja semester f’università Ewropea u kif inhi meta mqabbla mal-fondi li kienu jieħdu mill-Unjoni Ewropea bħala kontribuzzjoni mill-programm Erasmus li ġie sospiż mill-Kummissjoni Ewropea?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Taħt l-iskema Direct Exchange Programme, kull student se jingħata €300 kull xahar għal massimu ta’ erba’ xhur. Kieku ma kienx ġie sospiż il-Programm Erasmus, l-istudenti xorta waħda kienu se jieħdu l-istess figura għas-sena akkademika li jmiss. Dan peress li l-ammont ta’ studenti li applikaw għal programm Erasmus għal din is-sena kien ħafna ikbar minn dak ta’ snin preċedenti, waqt li l-fond li ingħata lil Malta mill-Unjoni Ewropea ma kibirx daqstant (il-fond ma jingħatax skont in-numru ta’ applikanti imma skond kriterji stabbiliti għal kull pajjiż mill-Unjoni Ewropea innifisha).

Fondi għall-għajnuna li se tingħata lill-istudenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm se tammonta l-għajnuna li se tingħata lil studenti li se jmorru jistudjaw semester f’università Ewropea u minn liema line item tal-estimi ġenerali għas-sena 2010 se joħorġu l-fondi għal din l-għajnuna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-ammont stmat taħt l-iskema tad-Direct Exchange Programme huwa ta’ madwar €309,000 bil-fondi li joħorġu taħt il-line item 5015 tal-Estimi Ġenerali. Dan l-ammont se jkun qed ikopri studenti li qed jistudjaw f’università Ewropea kemm fl-ewwel semester kif ukoll dawk li ser jistudjaw fit-tieni semester ta’ din is-sena akkademika.

Korsijiet tal-mediċina veterinarja

Question

Tista' l-Ministru tgħid x’taħditiet qed isiru mal-Università ta’ Malta u bi ftehim ma’ universitajiet barranin biex jibda jingħata f’Malta stess il-kors tal-medicina veterinarja? Fejn waslu dawn it-taħditiet? Liema parti tal-kors se ssir f’Malta, liema parti se ssir f’università oħra u meta huwa mmirat li jibda dan il-kors?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sal-lum l-Università ta’ Malta m’għandhiex ir-riżorsi meħtieġa għall-iżvilupp ta’ degree għal veterinarju, liema degree jirrikjedi riżorsi sostanzjali. Minkejja dan, l-Università ta’ Malta qed tesplora x’possibilitajiet jista’ jkun hemm għal kollaborazzjoni f’dan il-qasam ma’ istituzzjonijiet oħra. Iżda dan għadu fi stadju bikri u s'issa m’hemm l-ebda kollaborazzjoni konkreta.

Salini — kuntratt biex jitħaddmu

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18688 u jgħid fil-pjan ta’ riabilitazzjoni tas-Salini ħdejn Kennedy Grove x’arranġamenti saru ma’ min għandu l-kuntratt biex iħaddem is-salini?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Peress li din hi materja li tikkonċerna lid-Dipartiment tal-Artijiet, nitlob lill-Onor Membru jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kumpaniji — interconnector bejn Sqallija u Malta

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18585 u jgħid liema huma l-kumpaniji differenti li wrew interess u tefgħu l-offerta biex jagħmlu l-interconnector bejn Sqallija u Malta għall-Korporazzjoni Enemalta?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18585.

Interconnector bejn Sqallija u Malta

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18586 u jgħid jekk il-kumpaniji li wrew interess u tefgħu offerta biex jagħmlu l-interconnector bejn Sqallija u Malta għall-Korporazzjoni Enemalta ddikjarawx li kienu nvoluti f’każijiet ta’ korruzzjoni, tixħim, ħasil ta’ flus jew grave professional misconduct? X’verifiki saru mill-ministeru tiegħu, mill-Korporazzjoni Enemalta u mill-Kumitat tal-Kuntratti biex jaraw jekk id-dikjarazzjonijiet li għamlu humiex veri jew le?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 18586.
Leg 11 PQ #19029 Sitting 258 2010-10-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Delimara — power station

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18588 u jgħid fejn wasal il-każ li qajmet il-Kummissjoni Ewropea kontra Malta dwar it-tħaddim tal-power station f’Delimara dwar kemm u jekk hix iżżomm mal-livell ta’ emissjonijiet fl-arja permessi mid-direttiva tal-Unjoni Ewropea dwar impjanti kbar ta’ kombustjoni?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Dan il-każ wasal fl-istadju ta’ l-Ittra ta’ Avviż Formali taħt l-Artiklu 260 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta’ l-Unjoni Ewropea. Malta, wara li kienet ittieħdet id-deċiżjoni fil-Qorti Ewropea, provdit pjan ta’ azzjoni lill-Kummissjoni Ewropea li jispjega kif Malta ser taderixxi mad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea. Fuq numru ta’ aspetti Malta diġà qed taderixxi mad-deċiżjoni tal-Qorti Ewropea. Fuq aspetti oħrajn qed isiru numru ta’ modifiki, filwaqt li qed jittieħdu miżuri u qed isiru testijiet biex il-livelli ta’ emissjonijiet fl-arja li joħorġu mill-impjant ta’ Delimara ikomplu jitjiebu. Il-miżuri u t-testijiet li saru s’issa qed jindikaw riżultati pożittivi. Dawn it-testijiet għad iridu jitkomplew biex wieħed ikun ċert li l-miżuri huma effettivi għal tul ta’ żmien u li l-emissjonijiet jinżammu taħt il-livelli stipulate mid-Direttiva 2001/80/KE. Sadattant Malta u l-Kummissjoni qed ikomplu d-djalogu bejniethom dwar dawn il-miżuri għat-titjieb tal-emissjonijiet fl-arja.

ITS — ħlas lil għalliem

Question

Peress li l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jgħallem fl-Istitut tal-Istudji Turistiċi kien irċieva l-wegħda li dettalji tagħha qed tingħata separatament, u peress li għadda Ġunju u dan għadu ma rċeviex il-ħlasijiet dovuti lilu, tista’ l-Ministru tgħid meta se jitħallas?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-evalwazzjoni tax-xogħol u l-proġett in kwistjoni għadu għaddej u l-pagament rispettiv jsir immedjatament hekk kif jsiru l-verifiċi neċessarji. Jien infurmata li dan il-proċess għandu jitlesta sa l-aħħar ta’ dan ix-xahar.
Leg 11 PQ #19152 Sitting 258 2010-10-05 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Repubblika tal-Irlanda

Question

Peress li fil-bidu ta’ Lulju 2010 l-istampa tar-Repubblika tal-Irlanda rrappurtat li : Irish politicians have passed a bill granting gay and lesbians couples the right to civil partnerships. The bill passed in the Dail yesterday without a vote and justice minister Dermot Ahern said the move reflected change in Irish society, jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jitressaq abbozz ta’ liġi simili fil-Parlament Malti u jgħaddi wkoll bla vot kif għadda fir-Repubblika Irlandiża biex ma jkunx hemm min juża r-reliġjon u l-preġudizzji omofobiċi biex dawn il-persuni jibqgħu mċaħħda mid-drittijiet umani sħaħ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ma jidhirlix li l-kejl tal-liġijiet li jgħaddu mill-Parlament Malti għandu jkun jiddependi minn dak li jiġri f'Parlamenti barranin.

Studenti — għajnuna biex jistudjaw f'universitajiet Ewropej

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm hemm studenti li se jingħataw għajnuna biex imorru jagħmlu semester studju f’universitajiet Ewropej?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Sa’ llum hemm 223 student li se jingħataw għajnuna finanzjarja biex jagħmlu semestru ta’ studju f’universitajiet Ewropej matul is-sena akkademika 2010/11.

Awtorità dwar it-Trasport — Azzjoni neċessarja

Question

B'referenza għall-ittra mibgħuta separatament, jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 3467 u 2624 u jgħid x'wieġbet l-Awtorità dwar it-Trasport peress li għaddew tmien xhur mindu ntalbet il-veduti tagħha u azzjoni neċessarja?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li saru r-riċerki meħtiega u ġie stabbilit li dik il- parti ta’ triq imsemmija kienet iffurmata direttament mill-Gvern jew mill-kunsill lokali respettivament bejn is-sena 2000 u 2002. F’dan il-proċess ma ttieħdux il-miżuri kontemplati fil- ‘Code of Police Laws’ Parti II, ‘Fuq toroq’ Kapitlu 20 klawsola 14 u għalhekk ma tibqax applikabli Klawsola 5 tal-istess kodiċi. Dan iffisser li l-gvern fil-preżent ma jistax idur fuq terzi persuni biex ikun jista jikkumpensa lil dak li ttieħditlu l-art biex tkun iffurmata triq. Għalhekk inbeda proċess ta’ esproprazzjoni biex kumpens ikun jista' jingħata lil min ittieħditlu l-art għal formazzjoni ta’ triq.

Request for Proposals għall-Management and Operations of Organised Mooring Areas — sejħiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18403 u jgħid kemm saru sejħiet s’issa bħala "Request for Proposals għall-Management and Operations of Organised Mooring Areas” mal-kosta ta’ Malta u Għawdex, fejn wasal il-proċess ta’ kull sejħa, minn min ġew evalwati l-offerti riċevuti u f’kull każ jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapport tal-evalwazzjoni?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li saru tliet sejħiet bħala "Request for Proposals ghall-Management and Operation of Organised Mooring Areas” mal-kosta ta’ Malta u Għawdex. Il-proċess ta’ kull sejħa wasal s’hekk: · Xemxija - ġie aġġudikat favur Harbour Management Ltd imma il-proċess tal-għoti ġie appellat minn wieħed mill- bidders u għaldaqstant id-deċisjoni dwar l-appell għada mistennija; · Salina – ġie identifikat preferred bidder liema kundizzjonijiet tal-kuntratt għadhom qed jiġu negozjati mal-istess preferred bidder · Ta’ Xbiex - ġie identifikat preferred bidder liema kundizzjonijiet tal-kuntratt għadhom qed jiġu negozjati mal-istess preferred bidder L-offerti riċevuti ġew evalwati permezz ta’ kumitati iffurmati minn uffiċjali tal-awtorità. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-rapporti ta' evalwazzjoni.
Leg 11 PQ #18886 Sitting 257 2010-10-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Marina tal-Imġarr, Għawdex — effetti ħżiena

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’qed isir mill-Ministeru biex ma jkunx hemm effetti ħżiena fuq l-Għawdxin li jużaw il-Marina tal-Imġarr, Għawdex, issa li ġiet privatizzata u ġew imposti kundizzjonijiet ġodda mill-operatur il-ġdid li se jħaddem il-marina?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li barra mit-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 18884, il-Ministeru għal Għawdex qiegħed isegwi kontinwament dak li qed jiġri fil-Marina tal-Mġarr f'Għawdex fir-rigward ta' dak li hu stipulat fil-Concession Agreement li ġie ffirmat bejn l-Awtorità tat-Trasport u l-Harbour Mġarr Ltd. bil-għan li jiġbed l-attenzjoni tal-awtoritajiet konċernati kull meta tinħass il-ħtieġa.
Leg 11 PQ #18888 Sitting 257 2010-10-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru għal Għawdex

Marina tal-Imġarr, Għawdex — Għawdxin li kienu jgħumu hemm

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’passi qed tieħu biex dawk il-familji Għawdxin li kienu jinżlu jgħumu u jgawdu l-arja f’żewġ bajjiet fl-inħawi tal-Marina tal-Imġarr, Għawdex ma jintlaqtux ħażin mid-deċiżjoni li ttieħdet, peress li issa bl-operatur privat li se jmexxi l-marina mhux se jitħalla li jsir għawm f’dawn iż-żewġ bajjiet?

Response (DEBONO, GIOVANNA)

Ninsab infurmata li uffiċċjali tat-Trasport Malta kemm-il darba ġibdu l-attenzjoni tal-għawwiema għall-perikli li jeżistu fiż-żona fejn isorġu l-jottijiet u jimmanuvra l-ajruplan tal-baħar. L-Onor. Interpellant għandu jkun jaf ukoll li l-operatur tal-yacht marina l-ġdida huwa obbligat li jżomm livelli għoljin ta' sigurta fiż-żona li fiha jopera. Għaldaqstant hu ntitolat li jinforza restrizzjoni t'aċċess f'din iż-żona partikulari inkella jista' jinżamm responsabbli f'każ ta' inċident li jseħħ fil-concession area.

Marina fl-Imġarr Għawdex — stqarrija

Question

Peress li fis-26 ta’ Mejju 2010, il-Ministru skont stqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni qal li "il-privatizzazzjoni tal-Marina fl-Imġarr Għawdex hi riżultat ta’ proċess sħiħ li seħħ tul is-sena li għaddiet mill-Malta Maritime Authority, illum Transport Malta. Il-proċess kien jinvolvi studji dettaljati tal-marinas kollha eżistenti u oħrajn li jistgħu jkunu żviluppati. Wara l-istudji sar ukoll proċess ta’ konsultazzjoni", jista’ l-Ministru jgħid min mexxa din il-konsultazzjoni, ma’ min saret u xi rriżulta minnha?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru 18883.

Marina tal-Imġarr, Għawdex — kundizzjonijiet iebsa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-proċess tal-privatizzazzjoni tal-Marina tal-Imġarr, Għawdex, Transport Malta jew xi struttura oħra li taqa’ taħtu, ħaditx ħsieb li ma jintlaqtux ħażin l-Għawdxin li jużaw il-marina u li issa li ġiet privatizzata qed jiġu mposti fuqhom kundizzjonijiet iebsa?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess ta' privatiżżazzjoni ma jaqax taħt id-dekasteru tiegħi.

Marina tal-Imġarr Għawdex — kundizzjonijiet ġodda

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk f’xi stadju tal-privatizzazzjoni tal-Marina tal-Imġarr Għawdex itteħdux kunsiderazzjonijiet biex ma jintlaqtux ħażin l-Għawdxin li jużaw il-marina bil-kundizzjonijiet il-ġodda li qed jimponi fuqhom l-operaur magħżul?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tal-privatiżżazzjoni tal-Marina tal-Imġarr Għawdex ma tmexxiex mill-Ministeru tiegħi.

privatizzazzjoni tal-Marina tal-Imġarr, Għawdex — konsultazzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk xi struttura li taqa’ taħtu kenitx involuta fil-konsultazzjoni li saret bħala parti mill-proċess ta' privatizzazzjoni tal-Marina tal-Imġarr, Għawdex? Jekk iva, liema kienet din l-istruttura, ma' min saret il-konsultazzjoni u x'irrizulta minnha?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 18883.

shelters għaż-żwiemel tal-karozzini

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18402 u jgħid fejn wasal l-impenn tal-Ministeru biex jipprovdi kenn mix-xemx u x-xita għaż-żwiemel tal-karozzini mogħti f’email tas-27 ta’ Awwissu 2009 bl-isem ta’ ‘Karozzini horses’ fejn il-Ministru kiteb: “I can assure you that the Malta Transport Authority is all for the creation of shelters for horses and is willing to pay for them itself provided that there is space where to erect them and that they are used by the cab owners.”? Mindu nkitbet din l-email kemm saru minn dawn ix-shelters għaż-żwiemel, fejn saru u kemm intnefqu flus minn Trasport Malta fuqhom? Jekk ma sarux għal liema raġuni dawn ma sarux u jekk hemm il-ħsieb li se jsiru, meta se jkun dan, filwaqt li tingħata breakdown dettaljata tal-infiq previst?

Response (GATT, AUSTIN)

Waqt li nerġa nikkonferma l-impenn tal-Gvern għall-bini tax-xelters imsemmija u d-disponibilità ta’ Transport Malta li ssib metodoloġija kif isir il-finanzjament tagħhom, naħseb l-Onor Interpellant jaf li dan hu negozju li minnu jsir qligħ ta’ flus kunsidrat li dawra ta’ nofs siegħa l-Belt tiswa bejn €60 u €70. Konsegwentement jidhirli illi negozju bħal dan m’għandux igawdi minn sussidju li hu għad-dannu ukoll ta’ oqsma oħra ta’ trasport li jikkompetu mal-karozzini. Jidher illi s-sidien tal-karozzini ma jaqblux ma' dan il-prinċipju kif jidher ukoll illi jippretendu li darba x-xelters jinbnew, il-manteniment tagħhom isir ukoll mill-Gvern. Qed isiru diskussjonijiet bejn Transport Malta u l-GWU (li tirrapresenta s-sidien) biex possibilment jintlaħaq ftehim.

Organized Mooring Areas — għażla tal-operaturi

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18404 u jgħid kemm ġew magħżula operaturi għall-Organized Mooring Areas fl-ibħra ta’ Malta u Għawdex? F’kull każ min huma dawn l-operaturi? B’liema kundizzjonijiet ingħataw dawn l-Organized Mooring Areas f’dak li għandu x’jaqsam ma’ finanzi, tul ta’ żmien u obbligi lejn l-istat u lejn dawk li jużaw il-faċilitajiet f’dawn l-areas filwaqt li jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta’ kull kuntratt iffirmat għal tali operat rispettivament?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li sal-lum ma ġie ffinalizzat l-ebda kuntratt għall-immaniġġjar ta’ rmiġġi organizzati. Fil-fatt, in-negozjati ma’ operaturi prospettivi għadhom għaddejjin u l-informazzjoni tkun tista’ tingħata meta l-kuntratti jiġu konlużi.