Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Racing Club — pagi u salarji ta' individwi

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' rapport magħmul miċ-Chairman tal-Malta Racing Club li jindika li din l-entità governattiva tul is-snin kienet qiegħda tħallas pagi u salarji lil individwi li ma kenux reġistrati mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali għall-fini tal-ħlas tal-bolla kontributorja, mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ għall-fini ta' records ta' impjieg u mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni għal skopijiet ta' taxxa kontributorja li kawża ta' dan il-Gvern kien qiegħed jitlef minn dħul bi dritt u aktar u aktar tikkonferma li l-individwi konċernati li kienu qegħdin jirċievu paga jew salarju kienu qegħdin fl-istess ħin jirreġistraw għax-xogħol mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ u jieħdu l-benefiċċju tal-qgħad mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali li qatt ma ġew mitluba jroddu lura lill-istess Dipartiment?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma sar l-ebda rapport miċ-Chairman tal-Malta Racing Club li jindika li din l-entità tul is-snin kienet qiegħda tħallas pagi u salarji lil individwi li ma kenux reġistrati mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, mal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ u mad-Dipartiment tat-Taxxi Interni.

Capacity Building Exercise

Question

Tista' l-Ministru tiddefinixxi u tispjega fiex jikkonsisti l-hekk imsejjaħ Capacity Building Exercise li għaddej f'kull qasam li jaqa' taħtha u tgħid b'mod dettaljat x'effett se jħalli fuq il-qasam edukattiv? Per eżempju, kif se jintlaqtu l-Learning Support Assistants li ġew imwiegħda u ġie miftiehem mal-Malta Union of Teachers li wara li jagħmlu kors ta' 70 siegħa jieħdu promozzjoni u jitjiebu l-kundizzjonijiet tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Capacity Building Exercise huwa eżerċizzju bejn il-Public Administration Human Resource Unit, il-Ministeru tal-Finanzi u l-Ministeru konċernat. Kull entita’ taħt l-istess Ministeru tagħmel ir-rikjesti tagħha skont il-bżonnijiet previsti. Wara diskussjoni tingħata l-approvazzjoni tad-deċizjoni meħuda. B’referenza għal- Learning Support Assistants , meta dawn eventwalment jagħmlu l-kors ta’ 70 siegħa dawn jiġu assimilati bħala LSAII skont il-ftehim bejn il-Gvern u MUT .
Leg 11 PQ #19597 Sitting 262 2010-10-13 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Sliema — Villa Bonici - Bdil fl-istatus tal-ġonna

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid għaliex u meta l-istatus tal-ġonna ta’ Villa Bonici f’Tas-Sliema ġie mibdul minn Urban Conservation Area għal ‘unspecified as included height in the NHLP 2006’?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #19598 Sitting 262 2010-10-13 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Livell ta’ popolazzjoni proġettat għal tas-Sliema

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid x’inhu l-livell ta’ popolazzjoni proġettat mill-Awtorità ta' Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar għal Tas-Sliema biex tiżgura ippjanar urban u żvilupp sostenibbli għall-inħawi? Jekk din it-tip ta’ proġettazzjoni ma saritx, xi kriterji jużaw l-Awtorità ta' Malta għall-Ambjent u l-Ippjanar u entitajiet oħra governattivi biex jiżguraw żvilupp sostenibbli li jissalvagwardja s-saħħa u l-kwalità tal-ħajja tar-residenti ta’ tas-Sliema? X’policies ta’ sostenibbilità qed jiġu segwiti fl-istrateġija ta’ żvilupp għal dik il-belt?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Pjan ħolistiku għall-immaniġjar tat-traffiku f’tas-Sliema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk Transport Malta fasslitx pjan ħolistiku għall-immaniġjar tat-traffiku f’tas-Sliema? Jekk iva, jista’ jgħid x’inhuma r-rakkmandazzjonijiet ta’ dan il-pjan u f’liema terminu ta’ żmien se jittieħdu l-miżuri f’dan il-pjan ta’ azzjoni? Jekk ma sarx pjan bħal dan, għaliex ma sarx u meta hemm il-ħsieb li jsir?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta, matul l-aħħar snin, ħadmet u għadha qed taħdem fuq diversi interventi ta’ immaniġjar tat-traffiku fil-lokalita’ ta’ Tas-Sliema. Matul l-aħħar sentejn, il-prijorità kienet fuq it-titjib ta’ Triq Qui-Si-Sana li toħloq rotta tat-traffiku alternattiva fl-inħawi ta’ Tigne. Fil-fatt, l-awtorità applikat quddiem il-MEPA u wara li nħarġu l-permessi neċessarji iktar kmieni din is-sena, beda x-xogħol fuq is-servizzi u l-promenade mit-Taqsima tax-Xogħlijiet biex issa, fil-ġimgħat li ġejjin, ikun jista’ jibda x-xogħol fuq it-triq innifisha, liema xogħol qed ikun koordinat minn Transport Malta. Dan il-proġett se jinkludi miżuri biex jiffaċilita t-traffiku filwaqt li, kemm hu possibbli, jitnaqqsu l-vetturi li jgħaddu mill-inħawi residenzjali bħala short cut. Hekk kif ix-xogħol fuq din it-triq jitlesta, tkun tista’ tinfetaħ għat-traffiku l-mina li nbniet bħala parti mill-proġett ta’ Tigne biex hekk tibda taħdem ir-rotta alternattiva msemmija. Sadattant, il-MEPA qed tipproċessa talba għall-pedestrianisation ta’ Triq Bisazza, liema applikazzjoni saret wara konsultazzjoni u diskussjoni ma’ Transport Malta. Ninsab infurmat ukoll li bir-riforma fit-trasport pubbliku ser tkun introdotta rotta intera li sejra tkopri l-inħawi prinċipali f’ tas-Sliema. Din il-lokalità sejra tara ukoll żieda ta’ rotot diretti li minn lokalitajiet differenti jgħaddu minn tas-Sliema. Fost dawn il-lokalitajiet hemm Ħ’Attard, B’Kara, St. Venera u Għargħur. Bl-introduzzjoni ta’ diversi interchanges se tkun aktar faċli tintlaħaq din il-lokalità, fejn se jitnaqqas il-bżonn li wieħed ikollu jagħmel użu mill-Venda tal-Belt sabiex imbagħad jipproċedi lejn Tas-Sliema. Dan huwa maħsub sabiex il-ħin ta’ l-ivvjaġġar jonqos u jagħmel din il-belt aktar aċċessibli bit-trasport pubbliku. Dawn il-miżuri huma maħsuba sabiex inaqqsu l-bżonn tal-użu tal-karozzi privati.

Bormla — Skola Primarja - Proġett "Il-Bejta"

Question

Tista' l-Ministru tagħti rendikont dettaljat tal-infiq li sar fuq il-proġett 'Il-Bejta' fl-Iskola Primarja ta' Bormla filwaqt li tghid kemm mill-ammont minfuq kien finanzjat mill-Unjoni Ewropea u kemm minn dawn kienu minn fondi lokali, meta kien antiċipat li jibda jintuża dan iċ-ċentru u għaliex kien hemm dewmien biex jibda jiffunzjona dan iċ-ċentru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-nefqa kapitali fuq il-proġett ‘Il-Bejta’ tammonta għal erbgħin elf ħames mija wieħed u tletin euro u 21 ċenteżmu (€ 40,531.21). Dan l-ammont huwa ffinanzjat minn Fondi lokali u ma kien hemm l-ebda fondi mill-Unjoni Ewropea. It-twaqqif ta’ dan iċ-ċentru kien rakkmandat fost diversi proposti oħra mill-Kumitat ta’ Azzjoni li twaqqaf f’Novembru 2008 fejn ippreżentaw ir-rapport ‘Pjan għal Tiġdid Edukattiv fl-Iskola Primarja ta’ Cospicua’. Ir-rapport ġie ppreżentat lill-Ministeru fl-2009, u minnufih bdew il-preparamenti sabiex jinfetaħ iċ-ċentru, fosthom ir-rinovvazjoni fiżika taċ-ċentru, ix-xiri tal-apparat meħtieġ u kif ukoll ir-reklutaġġ tal-ħaddiema ta’ dan iċ-ċentru. “Il-Bejta” beda jiffunzjona f’Mejju 2010.

Kuntratt għall-estensjoni tal-Power Station f'Delimara — nuqqas ta' ħarsien ta' Regolamenti ta' Prokurar

Question

B'referenza għall-ittra miktuba lill-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin mill-Vici President tal-Kummissjoni Ewropea Michel Barnier f'Ġunju li għadda dwar nuqqas ta' ħarsien ta' Regolamenti ta' Prokurar fil-Kuntratt għall-estensjoni tal-Power Station f'Delimara, jista' jgħid x'sehem kellu ċ-Chairman tal-Kumitat ta' Aġġudikazzjoni tas-sejħa għall-offerti għall-estensjoni tal-Power Station f'Delimara, li dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, fit-tħejjija tal-ittra tat-tweġiba mibgħuta mill-Gvern Malti fil-5 t'Awwissu li għadda?

Response (BORG, TONIO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant li jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.

Kuntratt għall-estensjoni tal-power station f'Delimara

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi rwol kellhom il-Ministeru tiegħu u l-Awtorita' Maltija tar-Riżorsi fl-abbozzar tat-tweġiba li ngħatat lill-Kummissjoni Ewropea b'reazzjoni tal-ittra li l-Viċi President tagħha Michel Barnier bagħat lill-Gvern Malti f'Ġunju li għadda dwar il-kuntratt għall-estensjoni tal-power station f'Delimara filwaqt li jgħid fiex kien jikkonsisti l-kontribut tal-persuna, li d-dettlalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fl-istess abbozzar u li kien iċ-Chairman tal-Kumitat tal-Aġġudikazzjoni tal-istess sejħa għall-offerti msemmija?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Kuntratt għall-estensjoni tal-power station f'Delimara

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi rwol kellhom il-Ministeru tiegħu, id-Dipartiment tal-Kuntratti u l-Korporazzjoni Enemalta fl-abbozzar tat-tweġiba li ngħatat lill-Kummissjoni Ewropea b'reazzjoni tal-ittra li l-Viċi President tagħha Michel Barnier bagħat lill-Gvern Malti f'Ġunju li għadda dwar il-kuntratt għall-estensjoni tal-power station f'Delimara filwaqt li jgħid x'kien il-kontribut tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fl-istess abbozzar u li kien iċ-Chairman tal-Kumitat tal-Aġġudikazzjoni tal-istess sejħa għall-offerti msemmija?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta għall-ittra tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropeja Michel Barnier kienet abbozzata mid-Dipartiment tal-Kuntratti u l-Korporazzjoni Enemalta. Ma’ dawn iż-żewġ organizzazjonijiet kien hemm ukoll kontribuzzjonijiet mid-Direttorat għall-Affarijiet Ewropej tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment, mill-Uffiċċju ta’ l-Avukat Ġenerali kif ukoll mis-Segretarjat ta’ l-Unjoni Ewropeja fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru.

Malta Racing Club — rendikont tal-avvenimenti

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont dettaljat tad-dħul tal-flus mill-entratura (il-bibien) tal-avvenimenti kollha li saru mill-Malta Racing Club fil-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2000 sal-lum, xahar b'xahar, fil-korsa tal-Marsa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-istatistika dwar id-dħul bdiet tinżamm minn Ottubru tas-sena 2000.

Malta Racing Club — infiq f'konsum ta' dawl u ilma

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont dettaljat ta' x'intnefaq f'konsum ta' dawl u ilma b'mod separat xahar b'xahar fil-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2000 sal-lum mill-Malta Racing Club għall-korsa tal-Marsa filwaqt li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-kopji kollha tal-kontijiet riċevuti għall-istess perjodu relattiv għad-dawl u l-ilma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba mill-Onor. Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Ninforma lill-Onor. Interpellant li kopja tal-kontijiet li jkopru l-perjodu Novembru 2000 sa Marzu 2001, Lulju 2001 sa Marzu 2002 u l-perjodu April 2006 u Novembru 2007 jinsabu nieqsa mill-files li jinżammu fil-Malta Racing Club.
Leg 11 PQ #15810 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — park tal-familja f'Selmun

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 15282 u jgħid xi kriterji użat l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex tapprova l-proġett ta' park tal-famlija f'Selmun fit-12 ta' Jannar, 2010 skont il-pjan lokali meta l-inħawi huma barra miż-żona ta' żvilupp, meta tqis li l-Awtorità kienet riġida ħafna fis-snin ta' qabel meta kkunsidrat proposti ta' proġett fl-istess inħawi, imressqa mill-kunsill lokali tal-Mellieħa ta' qabel dak preżenti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fuq dan is-sit kien hemm diversi applikazzjonijiet għall-istess għan ta’ żvilupp li huma allenkati hawn taħt. 1. PA4020/99 (Outline Development Application) Proposta: Żvillupp ta’ Afforestazzjoni b’faċilitajiet oħra għall-użu tal pubbliku. Applikant: Mr. Carmelo Debono o.b.o Mellieħa Local Council Permess inħareġ: 27 ta’ Jannar, 2001 2. PA2806/04 (Full Development Application) Proposta: Żvillupp ta’ Afforestazzjoni b’faċilitajiet oħra għall-użu tal pubbliku. Applikant: Mr. Carmelo Debono o.b.o Mellieha Local Council Permess inħareġ: 5 ta’ April, 2005 3. PA1258/09 (Amended Full Development Application) Proposta: Amenda ta’ 2806/04, rikostruzzjoni ta’ ħitan tas-sejjieħ eżistenti u proviżjoni ta' ġnien pubbliku. Applikant: Mr. Carmelo Debono o.b.o Mellieħa Local Council Permess inħareġ: 27 ta’ Jannar, 2010 Din l-applikazzjoni ġiet ikkunsidrata partikolarment peress li din kienet amenda ta’ permessi oħrajn li diġà kienu nħarġu kif inhu indikat. Is-sit suġġett għall-applikazzjoni li ġiet approvata fit-12 ta' Jannar, 2010 kien ilu marbut b'permessi għall żvilupp ta’ afforestazzjoni b’passaġġi, bankijiet, parkeġġ u faċilitajiet oħra għall użu rekreazzjonali tal-pubbliku. Din l-applikazzjoni tinkudi amendi fil-permessi li jorbtu din l-art billi toffri varjazzjoni akbar ta' faċilitajiet għal użu rekreazzjonali u kulturali tal-pubbliku filwaqt li titħawwel veġetazzjoni vasta. Dan seta jiġi fis-seħħ permess tal-Pjan Strutturali li jirregola l-użu ta’ artijiet barra iż-żoni ta’ żvilupp billi jillimita l-iżvilupp aċċettabli anke biex jinkludi faċilitajiet bħal picnic area, toilets, parkeġġi u faċilitajiet oħra li raġonevolment ma jistgħux jiġu provduti ġewwa ż-żoni ta’ żvilupp. L-istess pjan jeħtieġ li jsir użu aktar effiċjenti ta’ art diġa mfassla għall-użu rekreazzjonali billi anke tiżdied il kwalità ta’ varjazzjonijiet u anke aċċessibilità ta’ faċilitajiet. Fl-interess tal-pubbliku kollu u anke għat-turisiti, l-istess pjan jiddentifika li l-aċċessibilità għall-wirt naturali, storiku u arkeoloġiku għandu jiġi faċilitat.

Salini — użu u tmexxija

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18689 u jgħid, wara li s-Salini ta’ ħdejn Kennedy Grove jiġu riabilitati, xi pjan hemm għall-użu u t-tmexxija tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi l-użu futur prinċipali tas-Salini se jibqa' għall-produzzjoni tal-melħ. Se jkun hemm ukoll ċentru għall-viżitaturi li se jkun qed jagħti tagħrif dwar iż-żona kollha u wirja permanenti dwar il-produzzjoni tal-melħ. It-tmexxija tas-Salini se tkun f’idejn il-gvern.

Bdiewa u raħħala — Għajnuna finanzjarja mill-Unjoni Ewropea

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18690 u jgħid fl-aħħar sitt snin kemm kienu l-bdiewa u r-raħħala li ħadu għajnuna finanzjarja minn xi programm tal-Unjoni Ewropea? X’kienet l-ikbar somma u x’kienet l-iżgħar somma li ħa bidwi jew raħħal f’din l-għajnuna? Għal liema oqsma ta’ ħidma ngħataw dawn l-għajnuniet? Minn dawn il-fondi tal-Unjoni Ewropea li ngħataw lill-bdiewa jew raħħala, kemm huwa stmat li ħadu konsulenti, awdituri jew persuni oħra li jkunu mlew l-applikazzjonijiet biex tingħata din l-għajnuna? Jista’ jagħti lista ta’ dawn il-konsulenti/awdituri u nies oħra professjonisti u jgħid f’kull każ kemm ħadu tax-xogħol tagħhom?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat illi bejn is-sena 2004 u it-30 ta’ Ġunju 2010, ibbenefikaw 8,393 bidwi u raħħal minn għajnuna finanzjarja taħt diversi programmi tal-Unjoni Ewropea maħsuba għall-agrikoltura u żvilupp rurali. L-akbar somma li tħallset mill-imsemmija għajnuna kienet ta’ €650,318. Din is-somma tħallset taħt l-iskema ta’ Tadam għall-Ipproċessar. Mill-banda l-oħra, l-iżgħar somma li tħallset lill-bidwi taħt l-iskema ta’ Raba Mistrieħ (Set Aside) kienet ta’ anqas minn €10. Dawn l-għajnuniet ingħataw għal dawn il-miżuri hawn taħt imsemmija: Għajnuna taħt il-European Agricultural Guarantee Fund (EAGF) Għajnuna lill-organizzazzjonijiet tal-produtturi Tadam għall-ipproċessar Għajnuna lill-gruppi ta' produtturi Għajnuna fuq dwieli Għajnuna lil min irabbi n-naħal Skema ta' pagament uniku Għajnuna fuq qmugħ u ċerejali Għajnuna fuq raba mistrieħ Special premium Calf premium Adult premium Ewe and goat premium Għajnuna lis-settur tal-ħalib (inkluż għajnuna għar-ristrutturar) Għajnuna taħt il-European Agricultural Fund for Rural Development Għajnuna lill-bdiewa full-time Għajnuna fuq raba f'żoni żvantaġġati Għajnuna fuq miżuri agri-ambjentali Għajnuna għall-baqra Maltija Għajnuna fuq biedja organika Għajnuna fuq ħitan tas-sejjieħ Għajnuna taħt il-miżura 3.1 (investiment fi strutturi agrikoli) Għajnuna taħt il-miżura 121 (modernizzar fi strutturi agrikoli) Rigward is-servizz ta’ konsulenza jrid jingħad illi l-Ministeru jħallas lill-benefiċjarji u sta għalihom li jagħżlu l-konsulenti.
Leg 11 PQ #19310 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kiosks armati skont il-liġi

Question

Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18675 u jgħid x’passi ttieħdu mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar u mill-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta fl-aħħar sentejn beix jaraw jekk is-sidien tal-kiosks li jarmaw fl-inħawi tal-Mellieħa, San Pawl il-Baħar, Baħar iċ-Ċagħaq, San Ġiljan, Sliema u Gżira qed iħarsu l-ligijiet u l-permessi li għandhom? X'irriżulta minn dawn il-passi f’kull każ?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar (MEPA) ħarġet sitt (6) Avviżi tat-Twettieq mill-ewwel ta’ Jannar 2008 sal-ġurnata tal-lum kontra sidien ta’ kjosks situwati fil-lokalitajiet imsemmija li b’xi mod wettqu irregolitajiet reletati mal-kjosks tagħhom bi ksur tal-Liġi tal-Ippjanar. Dawn jinkludu tlieta (3) każi fil-konfini tal-Kunsill tal-Mellieħa u tlieta (3) oħra ġo San Pawl il-Baħar. L-azzjonijiet f’kull każ huma hekk: Mellieħa: .ECF 0209/08 – Estensjoni bla permess ma’ kjosk eżistenti – riferut għall-azzjoni diretta .ECF 0612/09 – Kjosk bla permess – riferut għall-azzjoni diretta. .ECF0162/09- Kjosk bla permess- riferut għall-azzjoni diretta .ECF 0151/10-Estensjoni u non osservanza tal-permess applikazzjoni pendenti. San Pawl il-Baħar .ECF 0299/09- Estensjoni bla permess ma’ kjosk eżistenti-riferut għall-azzjoni diretta ECF 1068/09- Struttura tal-aluminium tintuża bħala kjosk mingħajr permess-applikazzjoni pendenti. ECF0335/10-Twaqqiegħ illegali ta’kjosk-pendenti. L-Awtorità irċeviet ukoll (12)-il ilment li tirċievi, min żmien għal żmien l-awtorità twettaq moniteraġġ skont proċedura stabbilita fuq dawk il-kjosks li dwarhom issir applikazzjoni ta’ żvilupp li tittieħed xi forma ta’ deċiżjoni mill-Kummisjoni għall-Kontroll tal-Iżvilupp (DCC) u dan biex kemm jista' jkun, kif qal tajjeb l-Onorevoli Interpellant, ikun assigurat li l-liġijiet u l-permessi jiġu mħarsa. Rigward l-Awtorità tat-Turiżmu ta’ Malta jien infurmat illi saru spezzjonijiet min uffiċjali ta’ l-istess awtorità sabiex jiġu żgurat li r-regolamenti li jaqgħu fil-kompitenza ta’ l-stess awtorità u li jirrigwardjaw dan it-tip ta’ operat jiġu mħarsa.Ittieħdet azzjoni kontra l-operaturi ta’ dawn il-kjosks hekk kif hu ndikat fit-tabella li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra..

Supervisory Committee

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2009 sal-lum kemm-il darba tlaqqa' is-Supervisory Committee tad-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ta' l-Awtorita' tat-Trasport ta' Malta mic-Chairman tiegħu filwaqt li jgħid x'remunerazzjoni kellu mill-istess Awtorita' ic-Chairman ta' dan l-istess kumitat fil-perjodu msemmi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li s-Supervisory Committee tad-Direttorat tat-Toroq u l-Infrastruttura ġie mwaqqaf permezz tal-Att XV dwar l-Awtorità għat-Trasport f’Malta u għaldaqstant dan il-kumitat beda jiffunzjona mill-1 ta’ Jannar 2010. Infurmat li dan il-kumitat tlaqqa’ sitt darbiet matul din is-sena, sa Settembru 2010. Ir-remunerazzjoni annwali taċ- Chairman ta' dan l-istess kumitat hija ta’ € 13,976.

Grand Harbour Regeneration Corporation

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qiegħed iwassal biex sejħiet għall-offerti tal-Grand Harbour Regeneration Corporation qegħdin jiġu ppubblikati minn din l-istess entita' u mhux permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti minkejja l-portata tal-valur tagħhom u liema superviżjoni metikoluza qiegħed jagħmel id-Direttur Generali tal-Kuntratti biex jassigura li l-process tas-sejħiet għall-offerti inkluż l-aġġudikazzjoni tagħhom qegħdin isiru bl-aktar mod trasparenti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Grand Harbour Regeneration Corporation hija kklassifikata bħala entità ta’ Skeda 3 tar-Regolamenti dwar Kuntratti Publiċi. Dan ifisser li skond ir-Regolamenti din il-korporazzjoni tista’ tippublika u tagħti kuntratti hi skond dawn ir-Regolamenti mingħajr l-awtorizzazjoni tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Madankollu, il-korporazzjoni qegħda taghmel użu mir-riżorsi tad-Dipartiment tal-Kuntratti billi qegħda tibgħat l-abbozzi ta’ sejħiet għall-offerti lil dan l-uffiċċju biex dawn jiġu skrutinizzati kif isir f’sejħiet għall-offerti minn Dipartimenti oħra.
Leg 11 PQ #19534 Sitting 260 2010-10-11 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Fond Soċjali Ewropew

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid b'mod dettaljat kif inhuma allokati l-fondi identifikati għall-użu minn Malta mill-Fond Socjali Ewropew għall-perjodu 2007 - 2013? Kemm minn dawn il-fondi allokati kienu mħallsa mill-1 ta' Jannar 2007 sal-lum u kemm huma identifikati li jitħallsu minn issa sal-aħħar tas-snin 2013, 2014 u 2015, filwaqt li jgħid kemm mill-ammont globali sal-lum ġie firmly committed għall-programmi u inizjattivi u kemm minn dawn il-fondi kommessi jaħseb li fil-verità se jkunu tħallsu fil-perjodu permessibbli?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-fondi identifikati għall-użu minn Malta taħt il-Fond Soċjali Ewropew għall-perjodu 2007–2013 huma allokati taħt ħames prijoritajiet kif muri fil-Programm “Insaħħu ħilitna għal aktar impjiegi u kwalità ta’ ħajja aħjar” li jinsab fuq is-sit tal-PPCD (www.ppcd.gov.mt). L-ammont allokat għal kull ass jinsab ukoll fl-istess dokument u huwa muri hawn taħt: Assi ta’ Prijorità tal-Programm Operattiv II – Insaħħu ħilitna għal aktar impjiegi u kwalità ta’ ħajja aħjar. Fondi UE Fondi Nazzjonali Total 1. Insaħħu l-edukazzjoni u ħilitna. €31,790,000 €5,610,000 €37,400,000 2. Ninvestu fl-impjegabbilta’ u l-adattabbilta’ tal-ħaddiema. €26,345,750 €4,649,250 €30,995,000 3. Promozzjoni tal-ugwaljanza u l-inklużjoni fis-suq tax-xogħol. €31,365,000 €5,535,000 €36,900,000 4. Insaħħu l-kapaċitajiet istituzzjonali u amministrattivi. €18,194,250 €3,210,750 €21,405,000 Total €107,695,000 €19,005,000 €126,700,000 Mill-bidu tal-Programm, €7,627,152 intefqu fi proġetti ko-finanzjati taħt l-Assi indikati fit-tabella. Il-pjan ta’ nfiq, li hu indikat fil-Programm Operattiv, juri li sal-aħħar ta’ 2013 għandhom jintefqu €66,000,000 minn dan il-Programm, filwaqt li n-nefqa sal-aħħar ta’ 2014 hija prevista li tlaħħaq €95,000,000. Sal-aħħar tal-Programm (fl-2015), il-pjan hu li jintefqu l-flus kollha allokati, kif kien il-każ fl-aħħar programm ta’ fondi strutturali li għadu kemm ingħalaq. Sal-aħħar ta’ Awwissu 2010, €76,817,440 ġew kommessi fi proġetti, inizjattivi u skemi (li d-dettalji tagħhom jinsabu fuq is-sit elettroniku (www.ppcd.gov.mt). Il-pjan hu li l-fondi kollha kommessi jintefqu fil-perjodu permissibli.

Għażla ta' studenti biex jistudjaw f'università ewropea

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif intgħażlu l-istudenti li se jingħataw għajnuna biex imorru jistudjaw semester f’xi università Ewropea?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-istudenti ġew magħżula fuq kriterji akkademiċi, skont ir-riżultati tal-eżamijiet li għamlu s’issa fl-Università. Is-selezzjoni tagħhom saret bil-kollaborazzjoni tal-Fakultajiet rispettivi tal-Università.

Għajnuna lil studenti biex jistudjaw f'Universitajiet Ewropej

Question

Tista' l-Ministru tgħid min seta’ japplika għal din l-għajnuna u meta saret is-sejħa għall-applikazzjonijiet biex studenti jingħataw għajnuna biex imorru jistudjaw semester f’xi università Ewropea?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-sejħa għall-applikazzjonijiet saret fi Frar u għalihom setgħu japplikaw studenti reġistrati għal kors ta’ studju fl-Università ta’ Malta.