Tista' l-Ministru tgħid għaliex għall-Budget 2009 għall-Ministeru tal-Edukazzjoni ġew ivvotati €27.5 miljun mill-European Union Structural Funds 2007-2013 u skont il-Financial Report 2009 paġna 159 ġew minfuqa biss €3.1 miljun? Tista' tgħid b'mod dettaljat fuqiex kienu se jintnefqu s-€27.5 miljun? Tista' tgħid fuqiex intnefqu t-€3.1 miljun?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ħafna mill-fondi illi kienu ġew ivvotati għas-sena 2009 ġew trasferiti għas-sena 2010 u ntnefqu fis-sena 2010.
L-informazzjoni dwar fuq xiex kienu se jintefqu fis-2009 u kif fil-fatt intefqu fl-2009 u 2010, qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Parti mid-differenza bejn ‘in-nefqa ippjanata’ u ‘in-nefqa attwali’ hija ‘tfaddil ’
(savings),
minħabba illi l-Ministeru rċieva offerti mill-kuntratturi, illi huma inqas mit-
tender value
.
Università ta' Malta — ħruġ ta' kuntratti pubbliċi
Question
Tista' l-Ministru tagħmel rappreżentazzjonijiet xierqa mal-Ministru tal-Finanzi biex l-Università ta' Malta titqiegħed fi skeda 3 f'dak li għandu x'jaqsam mal-ħruġ ta' kuntratti pubbliċi għax bħalissa din għandha idejha marbutin għal kollox biex twettaq il-proġetti li għandha u allura qed tintlaqat ħażin fl-awtonomija akkademika tagħha għax l-awtonomija akkademika u l-awtonomija fl-operat tagħha huma marbutin intrinsikament flimkien?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kemm l-Università, kif ukoll il-Ministeru, għamlu r-rappreżentazzjonijiet meħtieġa lill-Ministeru tal-Finianzi, l-Ekonomija u Investiment.
Direttorati tal-Edukazzjoni — proċess ta' kuntratti dwar eLearning
Question
Tista' l-Ministru tagħmel rappreżentazzjonijiet xierqa mal-Ministru tal-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni biex id-direttorati tal-Edukazzjoni jkunu involuti serjament fil-proċess tal-kuntratti dwar l-eLearning fl-iskejjel għax dan huwa proġett edukattiv u mhux sempliċiment teknoloġiku?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-Direttorati tal-Edukazzjoni huma nvoluti fil-proċess tal-kuntratti dwar l-eLearning kif diġà ġie indikat fit-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19689.
Bachelor of Dental Surgery — applikazzjonijiet mhux aċċettati minħabba n-numerus clausus
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm applikaw studenti biex jibdew il-kors tal-Bachelor of Dental Surgery mal-Faculty of Dental Surgery tal-Università ta' Malta għas-sena akkademika 2010/2011? Kemm minn dawk li applikaw kellhom il-kwalifiki rikjesti u ma ġewx aċċettati minħabba n-numerus clausus ?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kien hemm 59 applikazzjoni għall-kors tal-Bachelor of Dental Surgery li kienu maqsumin kif ġej:
38 applikaw għal dan il-kors bħala l-ewwel preferenza. 26 applikant/a kellhom il-kwalifiki rikjesti u 8 ġew aċċettati.
21 applikaw għal dan il-kors bħala t-tieni preferenza. 13 applikant/a kellhom il-kwalifiki rikjesti għal dan il-kors. 11-il applikant/a ġew aċċettati għall-kors tal-ewwel preferenza, filwaqt li l-2 l-oħra li kellhom il-kwalifiki rikjesti għal B.Ch.D. (
Bachelor of Dental Surgery)
ma ġewx aċċettati u ma kinux kwalifikati għall-kors tal-ewwel preferenza.
It-total tal-applikanti li kellhom il-kwalifiki rikjesti u ma ġewx aċċettati huwa 20.
Università ta' Malta — Faculty of Dental Surgery - żieda ta' dental chairs
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-argumenti mressqa mill-Faculty of Dental Surgery tal-Università ta' Malta biex tiġġustifika li taċċetta tmien studenti fis-sena biss biex jibdew il-kors tal-Bachelor of Dental Surgery? Tista' tara kif flimkien mal-Ministru tas-Saħħa żżid in-numru ta' dental chairs fl-Isptar Mater Dei mal-14 li hemm bħalissa u li jieħdu biss 32 clinical students? Peress li jingħad li l-ikbar limitazzjoni għat-tneħħija tan-numerus clausus preżenti fil-kors tal-Bachelor of Dental Surgery hija n-nuqqas ta' pazjenti adekwati bil-kumplessità u d-diversità ta' problemi dentali li lesti jippreżentaw irwieħhom għal waqt il-kors tal-istudenti, jista' jsir eżerċizzju rigoruż u dettaljat biex jistabbilixxi kemm fil-fatt hemm pazjenti potenzjali li jkunu aċċessibbli għal iżjed studenti li jikkwalifikaw biex jagħmlu dan il-kors u għalhekk ikun jista' jitneħħa n-numerus clausus preżenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Skont id-Dekan tal-Fakultà tal-Kirurġija Dentali:
Il-limitazzjoni prinċipali fuq numru ta' studenti huwa n-nuqqas ta' pazjenti adatti li huma lesti li jgħaddu minn trattament operattiv mill-istudenti Dentali.
Il-pazjenti kollha li jgħaddu mill-Mater Dei Dental Department jiġu evalwati, però dawn għandhom ikunu magħżula b'mod rigoruż u ggradati mhux biss fuq il-bażi ta 'kumplessità, iżda wkoll fit-temperament u disponibbiltà. Każijiet għandhom ukoll ikunu standardizzati sabiex tiġi żgurata l-uniformità ta' tagħlim u valutazzjoni.
Is-sitwazzjoni ilha kkontrollata matul is-snin u t-tendenza turi li l-għadd ta’ pazjenti bħal dawn qed jonqos. Konsegwentement l-istudenti qed jiffaċċjaw diffikultajiet biex jilħqu l-miri tagħhom. Ta’ min jinnota li l-Fakolta’ ġiet sfurzata tirremedja din is-sitwazzjoni billi tnaqqas il-miri u billi taċċetta illi ċertu xogħol isir fuq mudelli u mhux fuq pazjenti.
Restrizzjoni oħra hija waħda ta' superviżjoni. It-tagħlim għandu neċessarjament jiġi mwettaq f'ambjent ikkontrollat, minn membri ta’ staff affidabbli, li jew ikollhom higher degree relevanti jew, għall-inqas, huma fil-proċess tal-kisba. It-tagħlim klinikali huwa one on one u l-proporzjon ideali huwa supervisor wiehed għal kull sitt studenti. In-numru ta ' Kirurgi Dentali b’dawn il-kwalifiki li huma disponibbli għat-tagħlim huwa limitat.
Kieku n-numru ta' studenti jiżdied, il-problema tiġi aggravata aktar għad-detriment tal- quality assurance standards tal-programm tal-kors. Jidhol ukoll il-fattur ta’ periklu lill-pazjenti minhabba superviżjoni inadegwata.
Il-fakultà tipproduċi gradwati tal-ogħla kwalità. Kwalunkwe tnaqqis fl-istandards eventwalment se jkun rifless fil-kwalità tal-kura mogħtija lill-poplu Malti.
Ir-Rettorat ser jiftaħ diskussjonijiet fid-dettal mal-Fakultà tal-Kirurġija Dentali biex is-sitwazzjoni tiġi studjata aktar fil-fond.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 19307 u 18688 li oriġinarjament saru lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u li issa ġew riferuti lilu u jgħid fil-pjan ta’ riabilitazzjoni tas-Salini ħdejn Kennedy Grove x’arranġamenti saru ma’ min għandu l-kuntratt biex iħaddem is-salini?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern huwa nfurmat mill-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali li kien hemm tentattivi biex isiru arranġamenti maċ-ċenswalist li jħaddem is-Salini, iżda ma ntlaħaq l-ebda ftehim. Għaldaqstant, id-Dipartiment tal-Artijiet, fuq talba tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, qiegħed jipproċessa l-esproprju taċ-ċens rimanenti li hemm fuq din il-proprjetà.
moviment ħieles ta’ persuni fl-Unjoni Ewropea — koppji gay u leżbjani
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kif Malta qiegħda timplementa d-Direttiva 2004/38/KE dwar il-moviment ħieles ta’ persuni fl-Unjoni Ewropea fir-rigward ta’ koppji gay u leżbjani fil-każijiet li ġejjin:
(a) il-koppja tkun miżżewġa;
(b) il-koppja tkun reġistrata ċivilment (registered partnership); u
(c) il-koppja tkun tikkoabita imma ma tkunx miżżewga jew reġistrata ċivilment?
Jista’ l-Ministru jgħid ukoll kemm-il talba kienet sommessa għall-moviment ta’ dawn il-koppji lejn Malta matul l-2009 u 2010 u jindika kemm-il talba minnhom kienet milqugħa/miċħuda?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li Malta ma timponix limitazzjonijiet fuq il-moviment ħieles tal-persuni membri tal-Unjoni Ewropea skont l-orjentazzjoni sesswali tagħhom, biss ma tirrikonoxxix żwiġijiet bejn persuni ta' l-istess sess.
Joints Expert Group — tħaffir ta' żejt bejn żewġ stati
Question
Jista' l-Viċi Prim Ministru u l-Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid kemm drabi minn Marzu 2006 sal-lum iltaqa' l-Joints Expert Group maħtur minn Malta u t-Tuneżija biex jidentifika żoni fuq il-blata kontinentali bejn iż-żewġ stati biex ikun hemm tiftix u tħaffir għaż-żejt flimkien? Jista' jgħid jekk dan il-grupp ressaqx ir-rapporti li kellu jressaq dwar dawn iż-żoni? Jista' jgħid abbażi tax-xogħol ta' dan il-grupp ta' esperti x'tiftix u tħaffir komuni se jsir bejn iż-żewġ stati fil-blata kontinentali ta' bejniethom?
Response (BORG, TONIO)
Ninsab infurmat li, l-Joint Experts Group, li jipparteċipa fih il-Ministeru tar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, iltaqa' erba' darbiet bejn April u Lulju 2006.
Ninforma wkoll li l-materja ġiet trattata f'diskussjonijiet li kelli mal-Ministru tal-Affarijiet Barranin Tuneżin f'Mejju tal-2007, f'Mejju tal-2009 u Ġunju tal-2010, it-tnejn tal-aħħar fil-qafas tal-Kummissjoni Mħallta bejn iż-żewġ pajjizi.
Grand Harbour Regeneration Corporation — Direct Orders
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra b'mod dettaljat lista ta' direct orders mogħtija mill-Grand Harbour Regeneration Corporation mit-twaqqif tagħha sal-lum, billi f'kull każ jgħid lil min ingħatat id-direct order, f'kull każ inkisibx il-permess tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment fejn meħtieġ, kemm kien il-valur ta' kull direct order, għal liema servizz jew xogħol kienet meħtieġa kull direct order? X'ġustifikazzjoni kien hemm biex ingħatat direct order u f'kull każ jgħid minn meta ngħatat id-direct order sal-lum xi tħallas fuq direct order u jekk kienx hemm il-ħtieġa ta' approvazzjoni supplimentari peress li nqabeż il-valur tas-servizz jew tax-xogħol approvat oriġinarjament? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra b'mod dettaljat lista ta' sejħiet għall-offerti li l-istess Korporazzjoni ppubblikat fl-istess żmien referut kemm minnha direttament jew permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti? F'kull każ jista' jgħid x'kien il-valur ta' kull offerta, lil min ġew assenjati l-istess offerti, xi tħallas mill-assenjament tagħhom sal-lum mill-istess korporazzjoni? Jista' jgħid kienx hemm ħtieġa li tingħata approvazzjoni għal extras and variations f'kull każ, kienx hemm xi appelli għar-rakkmandazzjonijiet magħmula biex jiġu assenjati u f'kull każ jgħid minn min kien magħmul il-bord ta' aġġudikazzjoni ta' kull offerta ppubblikata?
Response (GATT, AUSTIN)
In vista tal-ammont kbir ta' dettal mitlub, risposta tingħata f'seduta oħra.
Grand Harbour Regeneration Corporation — direct orders
Question
Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra b'mod dettaljat lista ta' direct orders mogħtija mill-Ministeru tiegħu favur tal-Grand Harbour Regeneration Corporation mit-twaqqif tagħha sal-lum, billi f'kull każ jgħid lil min ingħatat id-direct order, kemm kien il-valur ta' kull direct order, għal liema servizz jew xogħol kienet meħtieġa kull direct order? Jista' jgħid x'ġustifikazzjoni kien hemm biex tingħata direct order u jekk kienx hemm il-ħtiega ta' approvazzjoni supplimentari peress li nqabeż il-valur tas-servizz jew tax-xogħol approvat originarjament, filwaqt li jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra b'mod dettaljat lista ta' sejħiet għall-offerti li l-istess Korporazzjoni ppubblikat fl-istess żmien referut permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti? Jista' jgħid f'kull każ x'kien il-valur ta' kull offerta, lil min ġew assenjati l-istess offerti, xi tħallas mill-assenjament tagħhom sal-lum mill-istess Korporazzjoni, kienx hemm ħtiega li tingħata approvazzjoni għal extras and variations f'kull każ, kienx hemm xi appelli għar-rakkmandazzjonijiet magħmula biex jiġu assenjati u f'kull każ jgħid minn min kien magħmul il-bord ta' aġġudikazzjoni ta' kull offerta ppubblikata?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Grand Harbour Regeneration Corporation hija entità fi skeda 3 tar-Regolamenti dwar Kuntratti Publiċi. Għaldaqstant, jekk ikollha ħtieġa ta’ approvazzjonijiet għal direct orders din tirreferihom lill-Ministeru responsabbli minnha u mhux lil Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment. Għall-istess raġuni, din il-korporazzjoni ma tippubblikax sejħiet għall-offerti permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti. Dan l-aħħar saru arranġamenti biex dawn id-dokumenti tat-tenders jiġu miflija mid-Dipartiment tal-Kuntratti qabel jiġu ppubblikati. F’dawn iċ-ċirkostanzi l-onorevoli membru huwa mitlub li jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18893 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk f’xi stadju tal-privatizzazzjoni tal-Marina tal-Imġarr Għawdex itteħdux kunsiderazzjonijiet biex ma jintlaqtux ħażin l-Għawdxin li jużaw il-marina bil-kundizzjonijiet il-ġodda li qed jimponi fuqhom l-operaur magħżul?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi meta kienu se jsiru l-privatizzazzjoni tal-Marinas kien ġie deċiż li l-Boat Owners li kellhom berth jiġu protetti billi jingħatalhom id-dritt li jżommu l-berth. Barra minn hekk l-berthing fees għall-ewwel ħames snin ġew mifthiema u dawn huma dak li hemm fil-Concession Agreement.
Marina tal-Imġarr, Għawdex — kundizzjonijiet iebsa
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 18892 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastrattura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk fil-proċess tal-privatizzazzjoni tal-Marina tal-Imġarr, Għawdex, Transport Malta jew xi struttura oħra li taqa’ taħtu, ħaditx ħsieb li ma jintlaqtux ħażin l-Għawdxin li jużaw il-marina u li issa li ġiet privatizzata qed jiġu mposti fuqhom kundizzjonijiet iebsa?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 19914.
Korporazzjoni Enemalta u d-Dipartiment tal-Kuntratti — screening dwar każijiet ta’ korruzzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18818, 18525, 18188, 17942 u 17579 u jgħid xi screening u verifiki saru mill-Korporazzjoni Enemalta u d-Dipartiment tal-Kuntratti dwar każijiet ta’ korruzzjoni u professional misconduct li kienu involuti fihom is-sub-contractors Warstila, ABB u Siemens li se jipprovdu partijiet mill-impjant li l-BWSC ingħatat il-kuntratt biex tipprovdi bħala estensjoni tal-power station f’Delimara?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni se tingħata f'seduta oħra.
Korporazzjoni Enemalta u d-Dipartiment tal-Kuntratti — screening dwar każijiet ta’ korruzzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18818, 18525, 18188, 17942 u 17579 u jgħid xi screening u verifiki saru mill-Korporazzjoni Enemalta u d-Dipartiment tal-Kuntratti dwar każijiet ta’ korruzzjoni u professional misconduct li kienu involuti fihom is-sub-contractors Warstila, ABB u Siemens li se jipprovdu partijiet mill-impjant li l-BWSC ingħatat il-kuntratt biex tipprovdi bħala estensjoni tal-power station f’Delimara?
MEPA — tuition centres mingħajr il-compliance certificate
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 18819, 18527, 18187, 17943 u 17578 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ tuition centres li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għadha ma ħarġitilhomx compliance certificate ? X’xogħlijiet meħtieġa jrid jagħmel kull ċentru biex jinħarġilhom dan iċ-ċertifikat u sa meta jridu jsiru dawn ix-xogħlijiet meħtieġa?
Jista' l-Ministru jgħid xi ftehim hemm bħalissa ma' kumpaniji biex ifittxu u jħaffru għaż-żejt fl-ibħra Maltin? Jista' jgħid liema huma dawn il-kumpaniji u f'kull każ f'liema stadju jinsab ix-xogħol għat-tiftix u tħaffir għaż-żejt fl-ibħra Maltin?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Bħalissa hemm ftehim tat-tip 'Production Sharing Contract' ma’ Heritage Oil u ieħor ma’ Malta Oil. Kemm Heritage Oil u Malta Oil qegħdin fit-tielet sena ta’ l-ewwel fażi ta’ esplorazzjoni.
Kwistjonijiet pendenti mal-Italja, mat-Tuneżija u mal-Libja
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi kwistjonijiet pendenti hemm mal-Italja, mat-Tuneżija u mal-Libja dwar inħawi fl-ibħra ta' madwarna li m'hemmx qbil fir-rigward ta' min huma u li qed iżommu lill-kumpaniji bi ftehim mal-gvern Malti milli jħaffru għaż-żejt?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-kwistjonijiet li ilhom miż-żmien li Malta marret il-Qorti Internazzjonali tal-Ġustizzja huma fil- Lvant u Punent tal-linja deċiża mill-Qorti għax kemm l-Italja, l-Libja u t-Tunezija iddikjaraw interessi f'dawn l-ibħra. Malta qiegħda f'diskussjonijiet mat-tliet pajjiżi sabiex tinstab soluzzjoni li tkun tajba għal Malta.
Estensjoni tal-kuntratt għat-tħaffir u tiftix għaż-żejt fl-ibħra Maltin
Question
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kumpaniji li qed jistennew risposta mingħandu biex jestendu l-kuntratt li għandhom mal-gvern Malti għat-tħaffir u tiftix għaż-żejt fl-ibħra Maltin, peress li l-kuntratt wasal biex jiskadi? Kemm ilhom jistennew risposta dawn il-kumpaniji? Għaliex iddum daqshekk ma tingħata risposta? Meta se tingħata risposta?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Il-kumpaniji li qed jistennew risposta huma Heritage Oil u Malta Oil.
Heritage Oil għamlu talba f' Lulju ta’ din is-sena. Malta Oil għamlu talba f'Ġunju ta’ din is-sena.
Hu mistenni li risposta għaż-żewġ każijiet tingħata fil-ġimgħat li ġejjin. Tajjeb li jingħad li dawn ir-risposti huma ta' natura legali u għalhekk ikun hemm bżonn ta’ konsultazzjoni qabel ma tingħata tweġiba.
Kwistjonijiet pendenti bejn Malta, l-Libja, t-Tuneżija u l-Italja
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'għamel fis-sentejn li għaddew biex iħoll kwistjonijiet pendenti li Malta għandha mal-Libja, t-Tuneżija u l-Italja dwar nuqqas ta' qbil ta' min huma inħawi fl-ibħra ta' madwarna fejn hemm prospetti li jinstab iż-żejt minn kumpaniji b'kuntratt mal-Gvern Malti biex iħaffru għaż-żejt? X'beħsiebu jagħmel matul is-sena li ġejja biex jaffronta dawn il-kwistjonijiet pendenti?
Awtorità tat-Turizmu ta' Malta — persuni li jiġu jitgħallmu l-Ingliż
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid matul is-sena 2008 l-Awtorità tat-Turiżmu ta' Malta kemm nefqet u x'ħidmiet għamlet, pajjiż b’pajjiż, biex tħajjar persuni jiġu jitgħallmu l-Ingliż f’pajjiżna? X’għamlet f’dan il-qasam fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena u x’beħsiebha tagħmel matul is-sena 2009 ?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Matul l-2008 l-isfida prinċipali kienet li tiġi aċċertata l-inklużjoni ta’ Malta fil-lista ta’ destinazzjonijiet approvati mill-Gvern Spanjol għall-Boroż ta’ Studju BECAS. Għal dan il-għan twaqqaf servizz ta’ Call Centre kif ukoll ġie pubblikat fuljett sabiex igħin lill-istudenti jġibu ruħhom sew waqt il-mawra tagħhom f’Malta.
Saret kampanja ta’ reklamar fuq numru ta’ xhur fuq rivisti bħall-
LTM
. Il-kampanji tal-MTA varjaw fl-intensità tagħhom skont l-istaġjonalità tas-suq, partikolarment għal meta jsiru
workshops
speċjalizzati. Matul l-istaġun tal-
workshops
saru wkoll riklami fir-rivisti
Global Study
u
EL Gazette
.
Ingħatat għajnuna lil diversi skejjel tal-Ingliż billi ġew organizzati żjajjar ta’ familjarizzazzjoni minn numru ta’ swieq ġeografiċi. Saru wkoll preżentazzjonijiet ta’ kull xahar lill-għalliema u studenti fi swieq bħal dak Awstrijak fejn ġew indirizzati madwar elf student fix-xahar matul is-sena skolastika.
Fil-Ġermanja, apparti l-promozzjoni mmirata lejn l-istudenti żgħażagħ saret ukoll kampanja biex tippromwovi l-
Business English
. Il-fondi allokati għall-2008 għal dan is-
segment
kienu ta’ €35,000.
Matul l-2009 l-Awtorità kompliet tibni fuq il-ħidma li saret is-sena l-oħra. Filwaqt li l-fondi allokati għas-sena 2009 kważi ġew irduppjati għal €62,500 saru sforzi aktar fokati u mmirati sabiex iġibu riżultat dirett.