Legislature:
Category:
Reset
Active:

Child Development Advisory Unit — learning disability

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod it-tim mediku taċ-Child Development Advisory Unit qed jasal għall-konkluzjonijiet tiegħu li tifel jew tifla għandhom learning disability? Jista' jgħid kemm qed idumu jistennew it-tfal li wara li jassessjahom it-tim mediku jiġu riferuti għall-assessjar ieħor mingħand nies differenti li għandhom listi twal ta' tfal jistennew li jiġu assessjati?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Child Development Advisory Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iċ-Child Development Advisory Unit għandux biżżejjed nies biex jiqsar iż-żmien li t-tfal qed ikollhom jistennew biex jiġu assessjati? Kemm għandu nies nieqsa f'kull qasam iċ-Child Development Adivsory Unit biex jaħdem b'mod effettiv u effiċjenti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li mill-aspett mediku ma hemm l-ebda nuqqas ta’ staff u ma hemm l-ebda waiting list. Fid-Dipartiment ta’ l- Occupational Therapy hemm bżonn ta’ 12-il terapista oħra, u mill-inqas 2 paramedic aides oħra biex is-servizz ikun aktar effiċjenti. Fid-Dipartiment tal-Fiżjoterapija u tal-iSpeech Language Pathology, hemm biżżejjed ħaddiema fiċ-Child Development Advisory Unit u fil-komunità biex jingħata servizz lit-tfal li jiġu referuti Bħalissa ġewwa s-sezzjoni tas-Servizzi Psikoloġiċi fi ħdan is-Child Development Advisory Unit għad hemm nuqqas ta’ Psikoloġi biex ilaħħqu mad-domanda qawwija għal dan is-servizz. Hemm bżonn tal-inqas żewġ Psikologi oħra full-time . Dawn jistgħu jkunu Child and Developmental Psychologists u mhux bilfors Clinical jew Counselling Psychologists . B’dan il-mod ikunu jistgħu jsiru ukoll follow-ups kif ukoll xogħol ta’ c ounselling mal-ġenituri.
Leg 11 PQ #20241 Sitting 271 2010-11-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Birżebbuġa — Passi fuq Bar fi Pretty Bay

Question

Jista' l-Ministru jara li l-pulizija tieħu l-passi meħtieġa biex tara li s-sid tal-bar fi Pretty Bay, f'Birżebbuġa, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, isegwi l-liġijiet u r-regolamenti kollha dwar livell ta' ħsejjes u għeluq tal-ħanut minħabba l-inkonvenjenza regolari li qed joħloq lill-ġirien?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi kull meta rriżulta illi kien hemm xi ksur tar-regolamenti fil-ħanut imsemmi, il-Pulizija dejjem ħadet u se tkompli tieħu passi skont il-liġi.
Leg 11 PQ #20242 Sitting 271 2010-11-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Marsa — Open Centre - Foundation for Shelter and Support to Migrants

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi proċess intuża biex l-Open Centre tal-Marsa jgħaddi f'idejn il-Foundation for Shelter and Support to Migrants? Jista' jgħid x'kundizzjonijiet intrabtet bihom din il-Foundation u xi ħlasijiet se tirċievi għas-servizzi li se toffri? Jista' jgħid jekk ġewx ikkunsidrati għaqdiet oħra biex imexxu dan iċ-ċentru?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma l-Onorevoli Interpellant li f’Mejju 2010, il-Fondazzjoni ta’ Suret il-Bniedem infurmat lill-Ministeru li ma kienetx beħsibha tkompli l-operat tagħha ġewwa ċ-Ċentru u li kienet ser tittermina l-impjieg tal-ħaddiema tagħha nvoluti fit-tmexxija taċ-Ċentru tal-Marsa. Dawn il-ħaddiema sussegwentement għażlu li jiffurmaw fondazzjoni ġdida bil-għan li jkomplu jagħtu servizz simili. Il-Ministeru, wara li xtarr din il-proposta, deherlu li jkun fl-aħjar interess ta’ l-immigranti akkommodati fiċ-Ċentru li jżomm il-grupp ta’ ħaddiema eżistenti. Infurmat li l-esperjenza ta’ dawn l-aħħar tliet snin uriet li kellhom il-ħiliet meħtieġa biex jidħlu għal dan l-impenn u dan ħareġ ċar bil-mod seren li bih saret din il-bidla tal- management li seħħet fil-15 ta’ Settembru 2010. Infurmat ukoll li l- Foundation for Shelter and Support to Migrants imxiet fuq l-istess prinċipji tal-kuntratt preċedenti ċioe' li tipprovdi ambjent san ġewwa ċ-Ċentru u tgħin lill-istess immigranti jgħixu ħajja ndipendenti fis-soċjeta’ Maltija. Ta’ dan, il-Fondazzjoni ser titħallas is-somma ta’ €550,420 fis-sena.
Leg 11 PQ #20243 Sitting 271 2010-11-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Ċentri ta' detenzjoni għall-immigranti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hawn ċentri (miftuħa u ta' detenzjoni) f'Malta u f'Għawdex għall-immigranti? Jista' jgħid f'kull każ liema organizzazzjoni tmexxihom u kemm hemm ħaddiema jaħdmu magħhom u kemm hemm immigranti miżmuma f'kull ċentru? Jista' jgħid kemm jirċievi flus kull ċentru minn dawn u mnejn ġejjin il-fondi għat-tmexxija ta' kull ċentru?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi f’Malta hawn 3 ċentri tad-detenzjoni li huma mmexxija mis-Servizz ta’ Detenzjoni fi ħdan il-Ministeru. Bħalissa hemm 78 immigrant fiċ-ċentru tad-detenzjoni ta’ Ħal Safi. Is-Servizz ta’ Detenzjoni jimpjega 50 membru tal-Forzi Armati u Uffiċjal mill-Pulizija li huma on secondment, u 176 Uffiċjali Temporanji tas-Servizz ta’ Detenzjoni. Minn dawn 17 il-membru tal-Forzi Armati, Uffiċjal tal-Pulizija u 117 Uffiċjali Temporanji tas-Servizz ta’ Detenzjoni joperaw miċ-ċentru tad-detenzjoni ta’ Lyster u jipprovdu s-sigurta’ fiċ-ċentri miftuħa. Matul l-2009, is-Servizz ta’ Detenzjoni ingħata madwar €3.9 miljun għaż-żamma taċ-ċentri ta’ detenzjoni mill-Vot tal-Ministeru għal Ġustizzja u l-Intern. Parti mill-fondi li jiffinanzjaw is-Servizz ta’ Detenzjoni jaqgħu taħt il-Vot tal-Forzi Armati. L-informazzjoni dwar iċ-Ċentri miftuħa huwa kif ġej:-
Leg 11 PQ #20244 Sitting 271 2010-11-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Fondi mill-Ġnus Magħquda

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm Malta rċeviet fondi mill-Unjoni Ewropea, mill-Ġnus Magħquda u minn sorsi internazzjonali oħra, sena b'sena mit-2003 sal-lum, biex jintnefqu fil-qasam tal-immigrazzjoni rregolari f'pajjiżna? Jista' jgħid kif intnefqu dawn il-fondi, sena b'sena, fl-istess perjodu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Leg 11 PQ #20245 Sitting 271 2010-11-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Djar u faċilitajiet biex jinżammu l-immigranti fihom

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm il-gvern kera mingħand ordinijiet reliġjuzi u individwi, djar u faċilitajiet f'Malta u f'Għawdex biex fihom jinżammu l-immigranti rregolari? Jista' jgħid f'kull każ x'inhi l-kera li titħallas fuq dawn id-djar u għal kemm huwa marbut l-gvern li jħallas din il-kera f'kull każ?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Gvern jikri żewġt id-djar mingħand ordnijiet reliġjuzi biex iżomm fihom l-immigranti. Waħda għandha kera ta' €9,320 fis-sena, li tiżdied b’10% kull tlett snin u hija għal perijodu indefinit, u oħra li għandha kera ta' €19,288 fis-sena, liema kera tagħlaq f'Settembru 2012.
Leg 11 PQ #20246 Sitting 271 2010-11-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Provvista tal-ikel lill-immigranti

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kuntratt għandu l-gvern għall-provvista tal-ikel minn kuntratturi privati? X'inhu l-valur ta' dawn il-kuntratti f'kull każ, kemm jiġu provduti ikliet kuljum u kemm jiġu kkunsmati minn immigranti? Hemm każijiet fejn il-kuntratturi qed jipprovdu ikel li m'hemmx min jieklu u allura qed jinħela u jintrema?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-Ministeru jamministra kuntratt mogħti wara tender mill-Forzi Armati ta’ Malta f’isem iċ-Ċentri ta’ Detenzjoni fejn giet magħzula l-orħos offerta. Il-kuntratt huwa għal valur ta’ €11,315,000 u l-kuntratturi huma James Caterers Ltd u jaħseb għall-provvista ta’ tlett ikliet kuljum għad-detenuti. Infurmat ukoll li, peress li n-numru ta’ immigranti fiċ-Ċentri ta’ Detenzjoni issa naqas sew, id-Direttur tal-Kuntratti approva li l-kuntratt jista’ jintuża biex jinqdew ħtiġijiet għall-ikel fiċ-Ċentri Miftuħa kif ukoll fil-Faċilita’ Korrettiva ta’ Kordin. Fil-fatt infurmat li, skont dan l-arranġament, qed jiġu provduti żewġ ikliet kuljum.

Korporazzjoni Enemalta — kumpanija Loqus - stallazzjoni ta' smart meters

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'sehem għandha l-kumpanija Loqus (ex-Datatrak) fl-istallazzjoni ta' smart meters għall-Korporazzjoni Enemalta? Kemm jiswa dan il-kuntratt u għal kemm snin? Kif ittieħdet id-deċiżjoni (tender jew direct order) biex ingħata l-kuntratt lil Loqus?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-Enemalta m’għamlet l-ebda ordni jew kuntratt ma’ l-kumpanija Loqus (ex-Datatrack) fl-istallazzjoni ta’ smart meters.

uffiċjali li jagħmlu użu mill-credit card tal-Korporazzjoni Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jindika min huma l-uffċjali tal-Korporazzjoni Enemalta li jagħmlu użu tal-credit card tal-Korporazzjoni Enemalta li tiġi maħruġa miċ-chairman? Jekk hemm iżjed minn credit card waħda li tintuża, jista' jagħti breakdown sħiħ tal-ispejjeż tal-credit cards tal-Korporazzoni Enemalta għal dawn l-aħħar tliet snin?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

San Pawl il-Baħar — bus stops bla ilqugħ

Question

Jista' l-Ministru jara li tissolva l-problema li qegħdin jesperjenzaw it-turisti u r-residenti li joqogħdu fi Triq il-Qawra, Triq l-Iskuna, Triq il-Frejgatina u oħrajn f’dawk l-inħawi f'San Pawl il-Baħar li jużaw it-trasport pubbliku minħabba li ż-żewg stages minn fejn wieħed jista’ jirkeb dan it-tip ta’ trasport jinsabu mingħajr ilqugħ u allura huma esposti għall-elementi tan-natura fis-sajf u fix-xitwa għal kesħa u xita? Jista' jara li jsir dan l-ilqugħ għal dawk li jużaw it-trasport pubbliku fl-inħawi?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li preżentament qed isir stħarriġ rigward l-eżiġenzi ta' bus shelters fuq in- network il-ġdid tat-trasport pubbliku. Dan l-istħarriġ jinkludi n-numru ta' karozzi tal-linja li jieqfu fuq kull bus stop, kif ukoll id-domanda għas-servizz f'kull lokalità. Dan qiegħed isir biex fost affarijiet oħra jiġi stabbilit fejn hu neċessarju li jitwaħħlu bus shelters ġodda.
Leg 11 PQ #20159 Sitting 270 2010-11-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Dipartiment tal-Agrikoltura — permess għall-bini ta' park għall-familja

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk id-Dipartiment tal-Agrikoltura kienx ikkonsultat qabel inħareġ il-permess bin-numru PA 1258/2009 għall-bini ta' park għall-familja ġewwa tal-Ibraġġ limiti tal-Mellieħa? Jekk iva, x'kien il-parir tal-imsemmi Dipartiment u jekk le x'inhuma r-raġunijiet għala l-case officer naqas milli jitlob din il-konsulenza meta l-iżvilupp se jsir propju fuq art agrikola fertili?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li PA 1258/09 kienet applikazzjoni li talbet li jsiru emendi għall-permess PA2806/04, li kien ‘full development application’ għal pjan ta’ afforestazzjoni. Id-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura kien ikkonsultat qabel il-ħruġ tal-permess PA 1258/09 fil-proċess tal-applikazzjoni għal permess outline PA4020/99. Id-Dipartiment talab għal ċertu kjarifiki fuq il-proposta. Dawn kienu mitluba lill-applikant u kienu riżolti mal-ipproċessar tal-applikazzjoni. L-applikazzjoni ta’ l-2009 kienet maħsuba biex tipprovdi aktar faċilitajiet rekrejattivi f’dan is-sit mingħajr ma jnaqqas xejn mill-pjan ta’ afforestazzjoni. Wieħed irid jiftakar ukoll li art fertili għall-afforestazzjoni mhux neċessarjament hija għammiela għall-biedja. Fiż-żewġ applikazzjonijiet kien ikkonsultat, fost oħrajn, id-direttorat ta’ l-ambjent minħabba konsiderazzjonijiet ambjentali ovvji. Fil-PA1258/09 id-Direttorat ta’ l-Ambjent daħħal fil-kundizzjonijiet tal-permess, diversi kindizzjonijiet ambjentali fosthom li ma jistgħax isir bini fuq il-ħamrija li jkun hemm fis-sit u, jekk tixxammar xi ħamrija, din għandha terġa tintuża fis-sit stess. Jekk il-ħamrija ma tkunx se tintuża fis-sit stess, ikun jinħtieġ il-permess tad-Dipartiment ta’ l-Agrikoltura.
Leg 11 PQ #20160 Sitting 270 2010-11-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Nature Protection Unit - Orkidi Piramidali ta' Malta - speċi endemika

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk in-Nature Protection Unit fi ħdan l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar ħarġitx xi permess biex Orkidi Piramidali ta' Malta Anacamptis urvilleana, speċi endemika protetta bil-liġi, jinqalgħu minn fuq sit ġewwa tal-Ibraġġ, liema sit qiegħed jiġi żviluppat f'Park għall-Familja mil-Kunsill Lokali tal-Mellieħa? Jekk le x'passi ħadet wara li din ġiet infurmata mill-pubbliku b'tali reat?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-Environment and Planning Directorate rċieva informazzjoni dwar il-preżenza ta’ dawn il-pjanti wara li l-permess kien diġa nħareġ. Ta’ min jgħid li waqt il-fażi ta’ konsultazzjoni u l-proċess ta’ applikazzjoni l-eżistenza ta’ din l-ispeċi fuq is-sit ma kinitx magħrufa. l-applikant issottometta applikazzjoni għall-possibilità li tiġi applikata deroga prevista mid-direttorat tal- Habitats biex dawn il-pjanti jiġu relokati jekk dawn ikunu l-uniku mezz biex jiġu mħarsa, liema appikazzjoni qed tiġi proċessata mill-MEPA skond il-provvediment tal-Unjoni Ewropea dwar il- Habitats . Il-MEPA m’għandha l-ebda informazzjoni jew evidenza li nqatgħu pjanti ta’ dan it-tip minn fuq is-sit.

Rata tal-kambju ġusta

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li ssegwi r-rakkmandazzjoni tal-Ombudsman, ( l-każ No J 0186) dwar rata ġusta tal-kambju mal-isterlina għall-persuni li jieħdu pensjoni mis-Servizzi Ingliżi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi r-rakkmandazzjoni ta’ l-Ombudsman se titressaq għal kunsiderazzjoni fid-diskussjonijiet u studji li għaddejjin fir-rigward tar-riforma tas-sistema pensjonistika. Deċiżjoni finali tittieħed fid-dawl tar-riżultati ta’ dawn l-istudji.

Korsijiet tal-mediċina veterinarja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19162 li saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’taħditiet qed isiru mal-Università ta’ Malta u bi ftehim ma’ universitajiet barranin biex jibda jingħata f’Malta stess il-kors tal-medicina veterinarja? Fejn waslu dawn it-taħditiet? Liema parti tal-kors se ssir f’Malta, liema parti se ssir f’università oħra u meta huwa mmirat li jibda dan il-kors? Peress li l-Ministru qed ikollu laqgħat mal-Università ta' Malta jista' jara x'jista' jsir dwar il-korsijiet tal-mediċina veterinarja lokali?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nirreferi l-Onor Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija numru 18590. It-taħditiet għadhom għaddejjin. Ta’ min jgħid ukoll li l-korsijiet li joffri l-Istitut tal-Agrikultura fi ħdan l-Università ta’ Malta kien ristrutturat b’mod li min għandu interess fil-produzzjoni tal-annimali jista` jsegwi din il-linja. Dan il-kors jista jwassal għal għarfien ta’ numru ta’ krediti f’korsijiet tal-Mediċina Veterinarja f’xi pajjiż Ewropej.

Mellieħa — inħawi tal-Ibraġġ - Park għall-Familja

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-awtoritajiet agrikoli humiex isegwu dak li qed jiġri fir-raba' maħdum fl-inħawi fuq tal-Ibraġġ il-Mellieħa? Peress li l-Ministeru tiegħu hu nvolut f'dan il-progett ta' Park għall-Familja jista' jgħid jekk hux veru li l-proġett se jieħu aktar minn 30 tomna raba' li tista' tgħid jinħadem kollu tant li issa bdew jirċievu l-ittri bil-Qorti l-bdiewa? Jaf li qed isir tħarbit sħiħ fir-raba tal-inħawi? Jaf li minkejja li l-applikazzjoni biex isir il-proġett kien jinkludi 'the reconstruction of rubble walls' meta mank kien hemm ħajt wieħed imwaqqa' waqt li issa li beda x-xogħol hemm ħitan imwaqqgħin żgur għax il-gaffa qed taqleb kollox u ħitan li għandhom mijiet ta' snin qed jinqerdu u dawk li qegħdin jibnu m'għandhom x'jaqsmu xejn magħhom, biss biss il-ġebel li qegħdin jibnu bih hu kantun antik miġjub minn post ieħor u qed jitfgħulhom il-konkos fil-wiċċ? Jaf li mill-post inqalgħu l-orkidi endemiċi protetti mill-Habitat Directive tant li l-Kummissjoni Ewropea ġiet infurmata bil-qerda tagħhom u qalet li qed tinvestiga?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Nissuġerixxi l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #20057 Sitting 269 2010-11-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — ħarsien tal-ambjent rurali tal-Ibraġġ tal-Mellieħa

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ħadet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex tħares l-ambjent rurali tal-Ibraġġ tal-Mellieħa fejn ħafna raba' maħdum u ambjent naturali qed jinqered biex fuqu jsir l-hekk imsejjaħ Park għall-Familja li ma kienx inkluż fil-pjan lokali? Jista' jgħid x'passi ħadet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar biex tipproteġi l-orkidi endemiċi li nqerdu fil-post u li suppost huma protetti mill-Habitat Directive tal-Unjoni Ewropea?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra

Dipartiment tal-Kuntratti — għoti ta' tender

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu previst li b'riżultat għas-sejħa għall-offerti CT 183/09 liema sejħa kellha r-riżultat tar-rakkmandazzjoni tagħha appellat, min rebaħ dan l-appell se jingħata l-kuntratt biex iforni lill-gvern bl-istents meħtieġa? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kull dokumentazzjoni skambjata bejn id-Dipartiment tal-Kuntratti u qualsiasi offerent miż-żmien li ngħatat id-deċiżjoni tal-appell sal-lum, peress li qiegħed jirriżulta li min suppost ingħata l-kuntratt għadu ma ħa l-ebda letter of acceptance biex iforni l-materjal li kien previst fis-sejħa għall-offerti oriġinali?

Response (FENECH, TONIO)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Membru li fid-deċiżjoni finali tal-Bord dwar l-Appelli Pubbliċi imkien m’hemm imniżżel li l-appellant rebaħ l-appell. Ma kien hemm l-ebda korrispondenza mibgħuta mid-Dipartiment tal-Kuntratti lil xi ]add mill-offerenti wara li ġiet ikkomunikata d-deċiżjoni tal-Bord ta’ l-Appell.

UEPA — Għajnuna finanzjarja

Question

Tista' l-Ministru tgħid, b'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19157, meta hemm il-ħsieb li l-233 student jingħataw it-€300 bħala għajnuna finanzjarja biex jagħmlu semestru ta' studju f'Universitajiet Ewropej matul is-sena akkedemika peress li ntilfu l-flus li kienu se jieħdu mill-programm tal-Unjoni Ewropea Erasmus minħabba tmexxija ħażina tal-UEPA?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hemm tnejn u għoxrin (22) student li għadhom ma tħallsux peress li għadhom ma issottomettewx id-dokumenti neċessarji lill-Uffiċju Internazzjonali ġewwa l-Università ta’ Malta. L-Uffiċju Internazzjonali diġa fakkar lill-istudenti biex jibgħatu dawn id-dokumenti mill-iktar fis possibbli. L-istudenti l-oħra li bħalissa qegħdin isegwu perjodu ta’ studju kollha tħallsu.

Program Erasmus — Università ta' Malta u l-Università La Sapienza ta' Ruma - flus

Question

Tista' l-Ministru tintervjeni biex ittaffi mmedjatament it-tbatija li għaddejjin minnha studenti Maltin li qed jagħmlu l-kors Master in Science of Performative Creativity bi sħab bejn l-Università ta' Malta u l-Università La Sapienza ta' Ruma għax għadhom ma ngħatawx il-flus imwegħda mill-gvern biex jagħmlu tajjeb għall-flus li ntilfu tal-programm Erasmus, u qed jiġi mċaħħda minn faċilitajiet u drittijiet li għandhom studenti oħra fl-istess kors iżda li huma meqjusa studenti tal-Erasmus?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Uffiċċju Internazzjonali tal-Università ta’ Malta ħa ħsieb biex l-istudenti jingħataw il- grants fil-kontijiet bankarji tagħhom u l-flus ġew trasferiti lill-istudenti fit 12 t’Ottubru 2010. L-istudenti tal-Università ta’ Malta li qed jattendu din l-istituzzjoni issa għandhom aċċess tal-internet u faċilità għall-libreriji. Bħalissa qed tiġi ndirizzata l-aċċess għall- canteen li hija ċirkustanza komuni għall-istudenti kollha f’La Sapienza.