Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #20970 Sitting 278 2010-11-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mellieħa — inħawi tal-Ibraġġ - Park għall-Familja

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 20056 li oriġinarjament saret lill-Ministru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali u issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk l-awtoritajiet agrikoli humiex isegwu dak li qed jiġri fir-raba' maħdum fl-inħawi fuq tal-Ibraġġ il-Mellieħa? Peress li l-Ministeru tiegħu hu nvolut f'dan il-progett ta' Park għall-Familja jista' jgħid jekk hux veru li l-proġett se jieħu aktar minn 30 tomna raba' li tista' tgħid jinħadem kollu tant li issa bdew jirċievu l-ittri bil-Qorti l-bdiewa? Jaf li qed isir tħarbit sħiħ fir-raba tal-inħawi? Jaf li minkejja li l-applikazzjoni biex isir il-proġett kien jinkludi 'the reconstruction of rubble walls' meta mank kien hemm ħajt wieħed imwaqqa' waqt li issa li beda x-xogħol hemm ħitan imwaqqgħin żgur għax il-gaffa qed taqleb kollox u ħitan li għandhom mijiet ta' snin qed jinqerdu u dawk li qegħdin jibnu m'għandhom x'jaqsmu xejn magħhom, biss biss il-ġebel li qegħdin jibnu bih hu kantun antik miġjub minn post ieħor u qed jitfgħulhom il-konkos fil-wiċċ? Jaf li mill-post inqalgħu l-orkidi endemiċi protetti mill-Habitat Directive tant li l-Kummissjoni Ewropea ġiet infurmata bil-qerda tagħhom u qalet li qed tinvestiga?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-risposta li tajt f’Mistoqsija Parlamentari Numru 20160.

Enemalta — Uffiċċju taċ-Chief Officer Human Resources - kwestjoni dwar cooker

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-Uffiċċju taċ-Chief Officer Human Resources fil-Korporazzjoni Enemalta huma mgħammar b'kitla għall-misħun, microwave u cooker u li fl-aħħar żmien kien hemm anke ħruq żgħir ta' karti aċċidentalment meta kien tqabbad l-istess cooker biex isir xi sajran?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi fl-uffiċċju taċ-Chief Officer Human Resources, fil-Korporazzjoni Enemalta la teżisti kitla għall-misħun, la microwave u lanqas cooker. Għaldaqstant ma kien hemm l-ebda ħruq f’dan l-uffiċċju.

Enemalta — Chief Officer Corporate Services - leave

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li ċ-Chief Officer Corporate Services tal-Korporazzjoni Enemalta ntalab joħroġ bil-leave u għaldaqstant jgħid x'wassal biex ittieħdet tali azzjoni?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li ċ-Chief Officer Corporate Services tal-Korporazzjoni Enemalta ma ntalabx joħrog bil-leave u għadu qed jaqdi d-dmirijiet u d-doveri tiegħu.

Korporazzjoni Enemalta — Uffiċju tas-CEO

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li fil-Main Office Building tal-Korporazzjoni Enemalta fil-Marsa, partikolarment fis-sular fejn għandu l-uffiċċju l-Kap Eżek utiv jirriżulta li hemm fire escape li jagħti għall-bejt flokk għas-sulari t'isfel, sistema sħiħa ta' cameras biex isegwi min se jidħol fl-uffiċċju tiegħu, sufan li meta jinfetaħ isir sodda, ħadida tal-mogħdija u ironing board , washing machine għal-lavanderija, dish washer , kċina lussuża, affarijiet li ġeneralment wieħed jassoċjahom ma' akkomodazzjoni aktar milli uffiċċju? Jista' jikkonferma li l-impjegati tal-istess Korporazzjoni, membri tas-segreatjat tal-Kap Eżekuttiv tal-istess korporazzjoni huma mistennija li jaħdmu ħinijiet irregolari jiġifieri mhux mal-ġurnata biss imma ħinijiet twal filgħaxija li meta wieħed jevalwa l-ammont tax-xogħol fl-istess segretarjat ma jidhirlix li dawn il-ħinijiet huma ġustifikati? Jista' jagħti dettalji estensivi kemm sewa l-uffiċċju tal-Uffiċjal Kap Eżekuttiv tal-Korporazzjoni Enemalta biex jiġi fornut b'kollox u jagħti lista itemized ta' dak li nxtara biex jgħammar dan l-uffiċċju u jgħid jekk jaħsibx li hija insensittiva ħafna din in-nefqa eżorbitanti fuq l-uffiċċju tas-CEO tal-korporazzjoni li qed toħloq tbatija kbira għall-familji u pensjonanti Maltin u Għawdxin bil-kontijiet tad-dawl li qed jirċievu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Leg 11 PQ #21061 Sitting 278 2010-11-08 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Nature Protection Unit - Orkidi Piramidali ta' Malta - speċi endemika

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20160, jista' l-Prim Ministru jgħid fiex waslet l-applikazzjoni biex l-orkidi piramidali jiġu rilokati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Kuntratt ta' servizzi lill-persuni b'diżabilità

Question

Jista’ l-Ministru jagħti rendikont maqsum sena b'sena ta' kemm matul dawn l-aħħar għaxar snin ingħataw kuntratti ta’ servizzi lill-persuni b’dizabilita’ intellettwali lill-aġenzji jew entitajiet privati mill-oqsma li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħu? Jista’ jagħti l-ammont li tħallsu taħt dawn il-kuntratti u jgħid kemm minn dawn il-kuntratti ingħataw wara sejħa pubblika għall-offerti, lil min ingħataw u kemm persuni ħadu servizzi taħt dawn il-kuntratti? Jista’ jgħid għala ma kienx hemm sejħa għall-offerti fil-kazijiet rilevanti?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li matul dawn l-aħħar għaxar snin ma ngħatawx kuntratti ta’ servizzi lill-persuni b’diżabilità intellettwali mill-aġenzji jew entitajiet privati mill-oqsma li jaqgħu taħt id-dekasteru tiegħi.
Leg 11 PQ #20809 Sitting 277 2010-11-08 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Swieqi — Halloween Night - pulizija

Question

Jista' l-Ministru jara li nhar il-Ħadd, 31 t'Ottubru 201 filgħaxija, f'Halloween Night jara li fis-Swieqi jintbagħtu biżżejjed pulizija biex jissorveljaw il-lokalità, peress li f'dawn l-aħħar snin, għadd ta' żgħażagħ ivvandalizzaw ir-residenti u l-karozzi tar-residenti fis-Swieqi f'Halloween Night meta ma kienx hemm biżżejjed pulizija jgħassu fil-lokalità?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija, anke din is-sena, ħadet passi meħtieġa sabiex tassigura li ma jkunx hemm imġieba mhux mixtieqa minn żgħażagħ matul il-ġranet ta' Halloween fis-Swieqi. Infurmat ukoll illi l-Pulizija ma kellha ebda rapporti ta' xi inċidenti.

Skejjel tal-knisja — flus bl-arretrati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm akkumulaw arretrati mis-sena skolastika 1999-2000 sas-sena skolastika 2009-2010, sena b'sena li l-gvern għandu jagħti lill-iskejjel tal-knisja? Għaliex akkumulaw dawn l-arretrati kollha? Meta hemm il-ħsieb li jitħallsu? Kemm minnhom se jitħallsu minn flus ivvotati fl-edukazzjoni fil-Budget 2011?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ammont ta arretrati akkumulati lill-iskejjel tal-knisja mis-sena skolasika 1999-2000 sa 2009-2010 huwa ta’ 2003 - € 2,325,557.88 2004 - € 1,749,575.33 2005 - € 1,089,073.45 2006 - € 78,571.98 2007 - € 29,389.33 2008 - € 1,502,482.00 2009 - € 1,364,758.00 2010 - € 107,000.00 ( projected arrears till end 2010) Totali - € 8,246,407.97 Hemm arretrati li għad trid isir rikonċiljazzjoni tal-ammonti dovuti. Meta ssir ir-rikonċiljazzjoni, jiġi miftiehem il-ħlas tal-arretrati.

Financial Estimates

Question

B'referenza għal dak li hemm imniżżel fil-Financial Estimates 2011 li għadhom kemm tressqu, tista' l-Ministru tispjega fuq liema proġetti u programmi ġew minfuqa inqas flus fil-qasam edukattiv minn dawk approvati għall-budget ta' din is-sena kif jingħad dwar in-nefqa kapitali f'pagna 29 li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament. Tista' tispjega f'iżjed dettal dak li hemm imniżżel fi Statement C, appendiċi mad-diskors tal-Budget fuq din in-nefqa kapitali inqas fejn jgħid: "Ġew approvati €51.1 miljun u ntnefqu €42.2 miljun (€8.8 miljun inqas) mistennija nefqa inqas mill-istima oriġinali, primarjament taħt il-Programmi tal-Fondi Strutturali 2007 - 2013, il-fakultà tal-ICT tal-Università ta' Malta u r-restawr tal-Forti Sant Anglu? Kemm flus kellhom jintefqu mill-Fondi Strutturali u fuq liema progetti jew programmi? Kemm kellu jintefaq fuq il-Fakulta' tal-ICT ta' l-Università u ma ntnefqux u għaliex ma ntnefqux il-flus approvati? Kemm kellu jintefaq fuq ir-restawr ta' Sant Anglu u l-għala ma ntnefaqx?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba dwar l-Universita’, l-MCAST u Edukazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Rigward in-nefqa fuq ir-restawr ta’ Sant Anglu nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-Mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

ITS — ħlas lil għalliem

Question

Peress li fi tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19118 fejn staqsejt dwar l-individwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament, li jgħallem fl-Istitut tal-Istudji Turistiċi kont għidt li l-evalwazzjoni tax-xogħol u l-proġett in kwistjoni għadu għaddej u l-pagament rispettiv jsir immedjatament hekk kif jsiru l-verifiki neċessarji, jien infurmat li dan il-proċess għandu jitlesta sa l-aħħar ta’ dan ix-xahar, u peress li issa għadda l-aħħar tax-xahar imsemmi u l-ħlasijiet baqgħu ma ħarġux, tista' l-Ministru tara li joħorġu l-ħlasijiet dovuti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li wara li saru l-verifiki neċessarji il-pagament relattiv għandu jintbgħat fil-ġranet li ġejjin.

Laqgħat waqt il-break lill-ħaddiema tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġewx mitluba u ngħatawx permessi biex isiru laqgħat waqt il-break f'bini ta' dipartimenti, aġenziji, organizzazzjonijiet li jaqgħu taħtu bħal dik li ġew mistiedna jattendu għaliha l-impjegati tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, nhar il-Ġimgħa, 5 ta' Novembru 2010 fis-12.40 fil-Conference Hall fejn infurmawhom b'avviż li qed jingħata separatament? Peress li din hi materja ta' kontroversja politika marbuta mad-diskussjoni dwar id-dħul tal-liġi tad-divorzju f'pajjiżna, jaħseb li hu xieraq li fuq il-post tax-xogħol f'uffiċini tal-gvern isiru laqgħat bħal dawn? U jekk dawk kontra d-dħul ta-divorzju f'pajjiżna se jingħataw il-permessi għal-laqgħat mal-ħaddiema fuq il-post tax-xogħol, l-istess permessi se jingħataw lil dawk favur id-dħul tad-divorzju f'pajjiżna biex jagħmlu laqgħat simili?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Leg 11 PQ #20630 Sitting 276 2010-11-06 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — tuition centres mingħajr il-compliance certificate

Question

Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 19707, 18819, 18527, 18187, 17943 u 17578 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ tuition centres li l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar għadha ma ħarġitilhomx compliance certificate ? X’xogħlijiet meħtieġa jrid jagħmel kull ċentru biex jinħarġilhom dan iċ-ċertifikat u sa meta jridu jsiru dawn ix-xogħlijiet meħtieġa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li mit-tfittxija elettronika taħt it-titlu ‘tuition’, jirriżulta li l-MEPA ħarġet dawn il-wieħed u għoxrin permess. Qed inpoġġi fuq il-mejda tal-kamra tabella bid-dettalji mitluba. Minn dawn PA7988/06, PA3034/07 u PA3265/08 inħarġilhom Compliance Certificate. Ta’ min jgħid li huwa obbligu ta’ l-applikant li jitlob li jinħariġlu final compliance certificate (qabel jibda jopera). Ix-xogħolijiet iridu jkunu skont il-permess maħruġ u l-kundizzjonijiet marbuta miegħu. Dan mhux marbut b’terminu ta’ żmien.

Korporazzjoni Enemalta u d-Dipartiment tal-Kuntratti — screening dwar każijiet ta’ korruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 19706, 18818, 18525, 18188, 17942 u 17579 u jgħid xi screening u verifiki saru mill-Korporazzjoni Enemalta u d-Dipartiment tal-Kuntratti dwar każijiet ta’ korruzzjoni u professional misconduct li kienu involuti fihom is-sub-contractors Warstila, ABB u Siemens li se jipprovdu partijiet mill-impjant li l-BWSC ingħatat il-kuntratt biex tipprovdi bħala estensjoni tal-power station f’Delimara?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.

Korporazzjoni Enemalta u d-Dipartiment tal-Kuntratti — screening dwar każijiet ta’ korruzzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 19706, 18818, 18525, 18188, 17942 u 17579 u jgħid xi screening u verifiki saru mill-Korporazzjoni Enemalta u d-Dipartiment tal-Kuntratti dwar każijiet ta’ korruzzjoni u professional misconduct li kienu involuti fihom is-sub-contractors Warstila, ABB u Siemens li se jipprovdu partijiet mill-impjant li l-BWSC ingħatat il-kuntratt biex tipprovdi bħala estensjoni tal-power station f’Delimara?

Response (FENECH, TONIO)

Nireferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 21656

Grand Harbour Regeneration Corporation — Direct Orders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 19852 u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra b'mod dettaljat lista ta' direct orders mogħtija mill-Grand Harbour Regeneration Corporation mit-twaqqif tagħha sal-lum, billi f'kull każ jgħid lil min ingħatat id-direct order, f'kull każ inkisibx il-permess tal-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment fejn meħtieġ, kemm kien il-valur ta' kull direct order, għal liema servizz jew xogħol kienet meħtieġa kull direct order? X'ġustifikazzjoni kien hemm biex ingħatat direct order u f'kull każ jgħid minn meta ngħatat id-direct order sal-lum xi tħallas fuq direct order u jekk kienx hemm il-ħtieġa ta' approvazzjoni supplimentari peress li nqabeż il-valur tas-servizz jew tax-xogħol approvat oriġinarjament? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra b'mod dettaljat lista ta' sejħiet għall-offerti li l-istess Korporazzjoni ppubblikat fl-istess żmien referut kemm minnha direttament jew permezz tad-Dipartiment tal-Kuntratti? F'kull każ jista' jgħid x'kien il-valur ta' kull offerta, lil min ġew assenjati l-istess offerti, xi tħallas mill-assenjament tagħhom sal-lum mill-istess korporazzjoni? Jista' jgħid kienx hemm ħtieġa li tingħata approvazzjoni għal extras and variations f'kull każ, kienx hemm xi appelli għar-rakkmandazzjonijiet magħmula biex jiġu assenjati u f'kull każ jgħid minn min kien magħmul il-bord ta' aġġudikazzjoni ta' kull offerta ppubblikata?

Response (GATT, AUSTIN)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata ta’ direct orders mogħtija mill-GHRC mit-twaqqif tagħha sal-aħħar ta’ Awwissu 2010. Jien infurmat li taħt it-termini tal-Public Procurement Regulations il-GHRC hija entita’ klassifikata f’ Schedule 3 u dan ifisser li l-approvazzjoni għad-direct orders issir mill-Ministru responsabbli mill-kumpanija. Id-direct orders ingħataw għaliex il-każijiet ikunu jaqgħu taħt il-parametri tal-Public Procurement Regulations 2010, Part VI, Sezzjoni A, Artiklu 60(b). Il-lista li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tagħti l-informazzjoni ta’ xi tħallas sal-aħħar ta’ Awwissu 2010. Kif turi din il-lista l-unika direct order li l-valur tagħha kien maqbuż, u li fuqu kien hemm l-approvazzjoni meħtiega, huwa dak fuq il-proġett tal-lift tal-Barrakka, dan għaliex il-proċess tal-permess tal-MEPA ġie mtawwal minħabba li d-disinn kellu jiġi mibdul iktar minn darba. Qed inpoġġi wkoll fuq il-Mejda tal-Kamra lista dettaljata ta’ sejħiet għall-offerti ( tenders ) li nħargu minn GHRC bl-informazzjoni mitluba. Kif jidher mil-lista l-unika kuntratti li qabżu il-valuri mogħtija fit-tenders huma dawk b’konnessjoni max-xogħol ta’ restawr ta’ Banca Giuratale, liema valur kellu bilfors jiżdied għaliex ir-restawr u x-xogħol ta’ alterazzjoni tal-istruttura prinċipali tal-post kien kumpless u ħafna mix-xogħol ma kienx mistenni u li dwaru kien hemm ukoll l-approvazzjoni meħtiega. Jien infurmat ukoll li kien hemm tlett appelli fuq tenders li ħarġet il-GHRC mil-bidu tat-twaqqif tagħha. Wieħed minn dawn għadu fil-proċess, it-tnejn l-oħra ġew mogħtija sentenza mill-Appeals Board tad-Dipartiment tal-Kuntratti, liema sentenzi ġew ippubblikati fil-gazzetta tal-gvern kif huwa mitlub mill-liġi. Il-lista tat-tenders li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tagħti aktar informazzjoni fir-rigward, inkluż dettalji dwar il-kompożizzjoni tal-bord ta’ aġġudikazzjoni f’kull każ.

Għaqda Nazzjonali tal-Ġenituri tal-Persuni b'Diżabilità — kwestjoni dwar energy vouchers

Question

Peress li l-Għaqda Nazzjonali tal-Ġenituri tal-Persuni b'Diżabilità (irreġistrata bħala Għaqda Volontarja 0156) infurmatni li membri tagħha għadhom ma rċevewx l-għajnuna kollha li ġiet imwiegħda lilhom f'ittra miktuba mill-Ministru fis-26 ta' Lulju 2010, jista' l-Ministru jgħid meta l-gvern se joħroġ il-ħlasijiet imwegħda minnu f'din l-ittra fejn wiegħed "Biex ikompli jitnaqqas l-impatt tat-tariffi, illum qed tirċievi, kif imwiegħed fil-bagit li għadda l-allowance li għandu l-għan li jagħmel tajjeb għaż-żieda fil-prezz internazzjonali taż-żejt fuq it-tariffi l-ġodda. Dan l-allowance qed jingħata skont id-daqs tal-familja. Kull familja se tingħata €30 u magħha jiżdiedu €25 għal kull persuna li hemm fid-dar. Il-Gvern qed jagħti wkoll energy voucher lill-familji li l-aktar għandhom bżonn biex ikollhom tnaqqis fil-kontijiet tagħhom."? Għaliex familji b'persuni b'diżabilità ġew esklużi mill-allowance, meta l-energy voucher joħroġ għal persuna waħda biss fil-familja u allura l-persuni l-oħra fil-familja ma rċevew l-ebda allowance minkejja li din ġiet imwegħda minnu fl-ittra tas-26 ta' Lulju 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 20831.

Memorandum of Understading

Question

B'rispett għad-deċiżjoni tal-Istati Uniti fir-rapport Implementing recommendations of the 9/11 Commission Act of 2007 (http:// intelligence.senate.gov/laws/pl 11053.pdf), fejn kien deċiż li jinbdew negozjati mal-Istati Uniti individwalment jew mal-Unjoni Ewropea fuq memorandums of understanding (MoUs) mal-Istati Uniti; in vista tat-transfer tal-informazzjoni fuq passiġġieri (PNR) lill-Istati Uniti, jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jiċċara jekk: a) jistax jippubblika l-memorandums of understadings li għamel il-Gvern Malti mal-Istati Uniti; b) jistax jgħid jekk dan l-memorandum jinkludix trasferimenti ta' PNR data; u ċ) hemm kategoriji ta' data mid-databases tal-Unjoni Ewropea (bħall-Prüm) li Malta tgħaddi lill-Istati Uniti skont dan l-memorandumof understanding?

Response (BORG, TONIO)

Filwaqt li nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru tal-Ġustizzja u l-Intern, ninfurmah li nhar il-21 ta' Settembru 2010, il-Kummissjoni Ewropea addottat pakkett ta' proposti dwar l-iskambju ta' data fuq il-PNR ma' pajjiżi terzi, li jinkludi strateġija u rakomandazzjonijiet għal negozzjati għal ftehim ġdid mal-Istati Uniti tal-Amerika, Awstralja u l-Kanada. Il-kwistjoni tal-bidu ta' negozjati ma' dawn it-tlett pajjiżi kien fuq l-aġenda tal-Coreper tat-3 ta' Novembru 2010.

Kuntratti ta' servizzi lill-persuni b'diżabilità

Question

Tista’ l-Ministru tagħti rendikont maqsum sena b'sena ta' kemm matul dawn l-aħħar għaxar snin ingħataw kuntratti ta’ servizzi lill-persuni b’dizabilita’ intellettwali lill-aġenzji jew entitajiet privati mill-oqsma li jaqgħu taħt id-dekasteru tagħha? Tista’ tagħti l-ammont li tħallsu taħt dawn il-kuntratti u tgħid kemm minn dawn il-kuntratti ingħataw wara sejħa pubblika għall-offerti, lil min ingħataw u kemm persuni ħadu servizzi taħt dawn il-kuntratti? Tista’ tgħid għala ma kienx hemm sejħa għall-offerti fil-kazijiet rilevanti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

qasam tal-edukazzjoni tal-mużika — ftuħ ta' kulleġġ

Question

Tista' l-Minsitru tgħid kemm-il kulleġġ hemm maħsub li jinfetħu fil-qasam tal-edukazzjoni tal-mużika? Veru li għall-ewwel kien se jkun hemm ħdax u issa se jkun hemm għaxra? Veru li l-kulleġġ tal-performing arts li kellu jsir mhux se jsir? Jekk iva, għaliex mhux se jsir?

Response (CRISTINA, DOLORES)

S’ issa m’hemmx pjani biex jinfetħu kulleġġi fil-qasam tal-edukazzjoni tal-mużika. Milli jidher l-Onorevoli Interpellant għandu informazzjoni skoretta.

skola tal-mużika — għalliema mingħajr telefon

Question

Tista’ l-Ministru tara jekk hux veru li fl-ewwel ġimgħa tas-sena skolastika tal-iskola tal-mużika f’Malta l-għalliema kellhom jikkuntattjaw lill-istudenti tagħhom bil-mobile tagħhom stess biex jgħidulhom fejn se jsiru l-lezzjonijiet għax lanqas telefon ma kellhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kien hemm problema teknika waqt it-trasferiment ta’ l-istess numru tat-telefon mill-binja tal-iSkola tal-Mużika Johann Strauss fi Triq l-Ifran għall-post temporanja fi Triq it-Tramuntana fil-Belt stess. Madankollu, l-amministrazzjoni tal-iskola ma mponiet fuq ebda għalliem/a biex iċempel lill-istudenti minn fuq il-mobajl personali. Li ġara hu, bħal ma kien hemm xi każijiet fil-passat, li l-istudenti u l-għalliema jikkomunikaw b’sms dwar id-data u l-ħin tal-lezzjoni. L-amministrazzjoni tal-iskola qatt ma għamlet xi forma ta’ restrizzjoni biex l-għalliema ma jużawx il-mezzi ta’ komunikazzjoni disponibbli fl-iskola, nkluż it-telefon, biex jiġu infurmati l-istudenti.