Legislature:
Category:
Reset
Active:

Lezzjonijiet tal-PSD lill-istudenti fis-sekondarja

Question

Tista' l-Ministru tgħid f'liema istituzzjonijiet edukattivi post sekondarji statali, tal-Knisja u indipendenti l-istudenti qed jingħataw lezzjonijiet tal-PSD u x'taħriġ għandhom f'dan il-qasam l-għalliema li jgħallmuh iżjed u iżjed meta ż-żgħażagħ ikunu qed jersqu iżjed lejn id-dinja tax-xogħol u ħafna minnhom isibu ruħhom f'ambjent ko-edukattiv wara li jkunu għamlu ħames snin f'ambjent edukattiv fejn ikun hemm ġeneru wieħed biss?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-istituzzjonijiet post-sekondarji tal-knisja li qed jagħtu lezzjonijiet tal-PSD huma: San Alwiġi u De La Salle. L-għalliema ta’ dan is-suġġett għandhom warrant permanenti ta’ għalliema. F’istituzzjonijiet indipendenti u fl-istituzzjonijiet Post Sekondarji Statali ma jiġix mgħallem il-PSD.

Aġenzija Sapport

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex jikkonsistu s-servizzi residenzjali pprovduti mill-Aġenzija Sapport?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-servizzi residenzjali tal-Aġenzija SAPPORT jagħtu l-opportunità lill-persuni b’diżabilità li m’għandhomx familja jew inkella li l-ambjent tad-dar tagħhom ma jippermettilhomx li jibqgħu jgħixu hemm, minħabba diversi raġunijiet, fosthom challenging behaviour, li jingħataw servizz f’residenza mmexxija mill-Aġenzija. Fil-preżent hemm 6 residenzi attivi immexxija mill-Aġenzija SAPPORT kif ukoll żewġ djar residnezjali mmexxija minn NGO u mill-Knisja. F’dawn ir-residenzi, l-klijenti jitrawmu f’ħiliet li jeħtieġu biex b’hekk ikunu jistgħu jgħixu fil-komunità b’mod mill-aktar indipendenti.

Persuni fid-djar residenzjali mmexxija mill-Aġenzija Sapport

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni f'kull dar residenzjali mmexxija mill-Aġenzija Sapport u f'kull każ x'tip ta' diżabilità għandhom il-persuni li jgħixu f'dawn id-djar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fil-preżent l-Aġenzija SAPPORT għandha 47 klijent/a li qed jgħixu fid-djar residenzjali tal-Aġenzija. Ir-residenti huma mqassmin fid-djar tal-aġenzija kif jidher hawn: Bormla – 7 Fgura – 3 Kirkop – 4 Vajrita 1 (Marsascala) – 14 Vajrita 2 (Marsascala)– 12 Mtarfa – 7 It-tipi ta’ diżabilità tal-klijenti huma varji, u fosthom : diżabilità intellettwali u ta’ saħħa mentali u f’ħafna każijiet hemm klijenti b’imġieba diffiċli.

Persuni jaħdmu fid-djar residenzjali mmexxija mill-Agenzija Sapport

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni jaħdmu fid-djar residenzjali mmexxija mill-aġenzija Sapport? X'inhu x-xogħol tagħhom? X'inhuma l-kwalifiki tagħhom? X'taħriġ ingħataw mindu bdew jaħdmu f'dan ix-xogħol?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’kollox hemm 50 support worker li jaħdmu fir-residenzi tal-Aġenzija SAPPORT fuq bażi full time, kif ukoll 40 support workers fuq bażi part time. Barra minn hekk, hemm 14-il persuna oħra li jaħdmu fis-servizz ta’ riżorsi li jmexxu u joffru s-servizz tal-on call 24 siegħa kuljum lill-istaff u l-klijenti tas-servizz residenzjali. Huwa wkoll importanti li wieħed jinnota li fl-Uffiċċju Ċentrali tal-Aġenzija hemm persuni li jaħdmu fil-qasam amministrattiv tal-Aġenzija li jagħtu sapport kontinwu lis-servizz residenzjali. Is- support workers għandhom ikollom waħda minn dawn il-kwalifiki: Jew 3 O’Levels, jew diploma avvanzata mill-Università ta’ Malta f’ residential care , jew diploma in care mill-MCAST jew inkella Foundation Training Programme in Care mill-MCAST + O Level fil-Malti jew inkella ETC Certificate in Care + O Level fil-Malti. Hemm 2 support workers li m’għandhomx dawn il-kwalifiċi. Dawn iz-2 support workers huma mpjegati mal-Aġenzija fuq bażi tal-esperjenza estensiva li għandhom fil-provediment tas-servizz. Barra minn hekk dawn iż-2 impjegati ġew sottomesssi għal eżami tal-Ingliż u tal-Malti. L-impjegati li jaħdmu fil-qasam tas-servizzi ta’ riżorsi u li jagħtu appoġġ lis- support workers , għandhom bħala kwalifiki waħda minn dawn id- degrees li ġejjin: psikoloġija, politika soċjali, jew ħarsien soċjali. Rigward taħriġ li ngħataw s’issa s- support workers fir-residenzi, kif ukoll l-impjegati li jaħdmu fil-qasam tas-servizz ta’ riżorsi, nsibu: Sapport Induction, Crisis Prevention Intervention, Crisis Prevention Invention Refresher, Fire-fighting, Keyword Signing Workshop, Manual Handling, First Aid u Policy Training.

Malta Racing Club — ħlas ta' kontijiet tal-Kiosk 11

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19571 u b'mod speċifiku għad-dokumenti mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra rigward kopji tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-account number li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, tista' l-Ministru tgħid b'mod dettaljat liema żoni u oqsma qegħdin jiġu fornuti minn servizz ta' ilma li kif imsejjaħ fil-kontijiet pertinenti huwa magħruf bħala Kiosk 11 u allura suppost kien mikri lil terzi u l-ebda kont ma kellu jitħallas minn fondi tal-Malta Racing Club, partikolarment meta kien jidher li kien hemm ħela ta' ilma kemm xejn eċċessiv filwaqt li tgħid jekk il-Malta Racing Club fadallux fil-pussess tiegħu kontjiet ta' dan l-account number li sal-lum għadhom ma tħallsux?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Kiosk 11 jintuża bħala store u mhux jitwella b’mod kummerċjali. Dan ilu jseħħ għal dawn l-aħħar tmin (8) snin. Mill-informazzjoni miġbura jirriżulta li l-aħħar kont li rċieva l-Malta Racing Club kien f’Settembru 2005 minħabba li kien għad hemm xi arrettrati x’jitħallsu fuq dan il-kont, iżda ma kienx qed isir konsum. Illum m’hemmx kontijiet pendenti fuq dan il-kont u l-meters li kien hemm tneħħew.

New Entrance Bar — ħlas mill-Malta Racing Club

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19571 u b'mod speċifiku għad-dokumenti mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra rigward kopji tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma liema account number qed jingħata separatament, tista' l-Ministru tgħid b'mod dettaljat liema żoni u oqsma qegħdin jiġu fornuti minn servizz ta' dawl li kif imsejjaħ fil-kontijiet pertinenti huwa magħruf li jinsab fin-New Entrance Bar imma b'ebda ħsieb żgur ma jkun jista' jiġi konċeput li bar li suppost qiegħed imwelli lil terzi jkollu l-konsum imħallas mill-Malta Racing Club u aktar u aktar meta wieħed jinnota konsum daqstant għoli ta' dawl?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-kontijiet huma mħallsa mill-Malta Racing Club wara li jkunu inġabbru l-flus mit-terzi persuni li jkunu qed jagħmlu użu mill-propjeta mwellija. Minbarra d-dawl tal- Bar konċernat mal-istess main hemm imqabbda wkoll, tnax (12) –il arblu b’żewġ bozoz kull wieħed li jinsabu fl- main entrance . Dawn id-dwal jintużaw meta jinżammu tiġrijiet filgħaxija. Hemm imqabbda ukoll tliet (3) tubi u erba’ (4) flood lights li jintużaw kuljum.

Arretrati ta' kont tad-dawl u l-ilma

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 19571 u b'mod speċifiku għad-dokumenti mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra rigward kopji tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma liema account numberqed jingħata separatament, tista' l-Ministru tgħid b'mod dettaljat liema zoni u oqsma qegħdin jiġu fornuti minn servizz ta' dawl u partikolarment tgħid għal xiex jappartjeni l-ammont ta' arretrati ta' €2,084.97 referut fil-kont datat 8 ta' Ottubru 2008 filwaqt li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra breakdown dettaljat inkluż kopji ta' kontijiet li jammontaw għaċ-ċifra msemmija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-arretrati fuq l-account number li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huma dovuti għall-konsum ta’ ilma biss għat-Tote, il-Bar and Restaurant u l-latrini li jinfetħu kull meta jkun hemm tiġrijiet. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istatement of account realatat maħruġ mill-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma.

Għalliema mhux ikkwalifikati jgħallmu l-PSD

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex għalliema mhux ikkwalifikati jitqabbdu jgħallmu l-PSD biex ikollhom full load u għalliema tal-PSD iqabbduhom jgħallmu suġġetti oħra għall-istess raġuni u qed nispiċċaw għalliema mhux imħarrġa fil-PSD jgħallmu suġġett daqshekk delikat b'dannu għall-istudenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Onorevoli Interpellant mhux korrett fil-premessa tal-Mistoqsija tiegħu. Fl-iskejjel statali ma hemmx għalliema ta’ xi suġġett ieħor li bħalissa qed jgħallmu l-PSD. L-għalliema li jgħallmu dan is-suggett huma jew gradwati fih jew tant ilhom jgħallmu dan is-suġġett li issa ħadu l-anzjanità fih.

Tagħlim tal-PSD

Question

Peress li ħafna riċerka turi li fid-dinja tal-lum dak li jiġi mgħallem f'istituzzjonijiet edukattivi malajr isir irrilevanti u dawk li jimpjegaw qed ifittxu flessibilita' fil-karattru, abilità li tinbidel, attitudni pożittiva lejn il-ħajja, motivazzjoni, impenn biex tkompli titgħallem tul il-ħajja, fiduċja fik innifsek u motivazzjoni, kollha aspetti mgħallma waqt il-lezzjonijiet tal-PSD, tista' l-Ministru tgħid x'qed isir biex il-PSD jingħata iżjed importanza fl-iskejjel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Matul din is-sena skolastika d-Direttorat għall-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni nieda proċess ta’ evalwazzjoni tat-tagħlim tal-PSD u l-effettività tiegħu bħala parti mill-edukazzjoni ħolistika tal-istudenti. L-importanza tal-PSD fil-qasam edukattiv jidher permezz ta’ dawn il-fatti: 1. Is-suġġett tal-PSD hu wieħed mis-suġġetti obbligatorji fl-iskejjel statali u jiġi mgħallem minn Year 4 sa Form 5. 2. Il-Kurikulum Minimu Nazzjonali b’mod ġenerali huwa bbażat fuq numru ta’ prinċipji li l-maġġoranza assoluta tagħhom jintlaħqu permezz tal-PSD. 3. F’dawn l-aħħar snin inħatru żewġ Uffiċjali Edukattivi għal dan is-suġġett. 4. Ingħataw fondi għal taħriġ kemm għall-għalliema tal-PSD fil-Primarji kif ukoll għal dawk fis-Sekondarji. 5. Din is-sena id-Direttorat għal Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni ħadem flimkien mal-Assoċjazzjoni tal-PSD biex jorganizza seminar b’tema Should I say that? Sexual Health Related Issues , tema li hi ta' importanza kbira fuq livell nazzjonali.

Malta Racing Club — kontijiet tad-dawl u l-ilma

Question

B'referenza għat-tweġiba ta' mistoqsija parlamentari 19571 u b'mod speċifiku għad-dokumenti mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra rigward kopji tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma, liema account number qed jintbagħat separatament, tista' l-Ministru tgħid b'mod dettaljat liema żoni u oqsma qegħdin jiġu fornuti mis-servizz tal-ilma li kif imsejjaħ fil-kontijiet pertinenti huwa magħruf li jinsab between new garage and pump room peress li l-ammonti ċitati juru konsum daqstant għoli ta' ilma?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill- account number indikat minnu jiġi fornut ilma għall- paddock area , għall- jockeys’ room, il- judges’ room kif ukoll tliet uffiċċji.

Marsa Race Track Bar

Question

B'referenza għat-twegiba għall-mistoqsija parlamentari 19571 u b'mod specifiku għad-dokumenti mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra rigward kopji tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma liema account number qed jintbagħat separament, tista' l-Ministru tgħid b'mod dettaljat liema zoni u oqsma qegħdin jiġu fornuti minn servizz ta' dawl li kif imsejjah fil-kontijiet pertinenti huwa maghruf bħala 'Marsa Race Track Bar' peress li l-ammonti citati juru konsum daqstant għoli ta' użu ta' dawl?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lil Onor. Interpellant li minn dan l-account number minbarra l-Marsa Race Track Bar, isir konsum tad-dawl għat-Tote, żewg flood lights u sitt bay lamps.

Laptops tal-għalliema bla batteriji

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema li l-laptops tagħhom huma bla batteriji u mhux dejjem ikunu jistgħu jqabbduhom direttament mal-kurrent elettriku u allura ma jistgħux jużawhom għax qed jistennew batteriji ġodda? Meta hemm il-ħsieb li jaslu l-batteriji l-ġodda?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-bdil tal-batterji tal-laptops tal-għalliema hi responsabbiltà tal-MITA għaldaqstant nissuġġerixxi lill-Onorevoli Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu dwar meta se jaslu l-batteriji ġodda lill-Ministru kkonċernat.

Marsa Racing Club — Kiosk

Question

B'referenza għat-tweġba li tat għall-mistoqsija parlamentari 19571 u b'mod speċifiku għad-dokumenti mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra rigward kopji tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma liema Account Number tagħhom qed jintbagħat separatament, tista' l-Ministru tgħid b'mod dettaljat liema żoni u oqsma qegħdin jiġu fornuti minn servizz ta' ilma u dawl peress li kif imsejjaħ fil-kontijiet pertinenti huwa magħruf bħala 'Kiosk' u jekk inhu hekk dan il-Kiosk li hu mwillli lil terzi huma suppost l-istess terzi li jħallsu l-kontijiet pendenti li jammontaw għal aktar minn €1,800?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minn dan l-account jiġi fornut kiosk li hu maghruf bħal Kiosk 4. Il-kontijiet, inkluż dawk pendenti, huma mħallsa mill-Malta Racing Club wara li jkunu nġabbru l-flus mit-terzi persuni li jkunu qed iħaddmu l-kiosk konċernat. Il-kont isejjaħ il-Malta Racing Club u mhux lill-individwi li għandhom tkun imwellija din il-propjetà.

Jockey's Room — infiq f'konsum ta' dawl u ilma

Question

B'referenza għat-twegiba għall-mistoqsija parlamentari 19571 u b'mod speċifiku għad-dokumenti mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra rigward kopji tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma tal-account li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, tista' tgħid b'mod dettaljat liema żoni u oqsma qegħdin jiġu fornuti minn servizz ta' dawl li kif imsejjaħ fil-kontijiet pertinenti huwa magħruf bħala Jockey's Room b'konsum daqstant għoli ta' dawl u għal liema raġuni dan għandu jiġi ġustifikat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mill-imsemmi account number jigi fornut dawl għall-Jockeys’ Room, il-Paddock Area kollha, l-flood lights li jinsabu fit-training track u parti mill-flood lights tal-Korsa l-kbira li jintużaw kemm għat-taħriġ ta’ kuljum kif ukoll meta t-tiġrijiet isiru filgħaxija.

Big Pump — kontijiet tad-dawl u ilma

Question

B'referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 19571 u b'mod speċifiku għad-dokumenti mqiegħda fuq il-Mejda tal-Kamra rigward kopji tal-kontijiet tad-dawl u l-ilma liema account number qed jingħata separatament, tista' l-Ministru tgħid b'mod dettaljat liema żoni u oqsma qegħdin jiġu fornuti minn servizz ta' dawl li kif imsejjaħ fil-kontijiet pertinenti huma magħrufa bħala Big Pump (New Garage + Old Building) b'konsum daqstant għoli ta' dawl?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Mill-imsemmi account number jiġi fornut dawl għal tliet (3) uffiċini, il-garage l-kbir, tlett (3) pompi kbar kif ukoll jissupplixxi dawl għal parti mill-flood lights tal-Korsa l-Kbira li jintużaw kuljum għat-taħriġ u kull meta jkun hemm tiġrijiet filgħaxija.

MCAST — ħlas lill-Edexcel tal-korsijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid mindu bdew jiġu segwiti korsijiet tal-BTEC fl-MCAST kemm tħallset l-Edexcel kull sena għal dawn il-korsijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qegħda npoġġi l-informazzjoni mitluba fuq il-Mejda tal-Kamra.

Delimara Power station — xogħol ta' estensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm saru ħlasijiet s'issa lill-kumpaniji involuti fix-xogħol tal-estensjoni tal-power station il-ġdida f'Delimara? Kemm ħadet flus kull kumpanija u għal liema xogħol? X'inhu l-valur tax-xogħol u xiri ta' apparat li sar s'issa fuq din l-estensjoni li għadu ma tħallasx?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kumpaniji li tħallsu għal xogħol in konnessjoni mal-bini tal-estenzjoni tal-power station il-ġdida f’ Delimara qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Skola Helen Keller u Dun Manuel Attard — għalliema u learning support assistants

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema u learning support assistants nieqsa fl-iskola Helen Keller tal-Qrendi u fl-Iskola Dun Manuel Attard tal-Wardija? Meta hemm il-ħsieb li dawn il-postijiet battala jimtlew peress li minħabba dan in-nuqqas ta' riżorsi umani t-tfal u ż-żgħażagħ li jattendu dawn l-iskejjel qed jiġu mċaħħda minn servizzi edukattivi u terapewtiċi li suppost jingħataw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’ LSAs li hemm nieqsa fiċ-Ċentru Edukattiv ta’ Riżorsa Helen Keller huwa ta’ tnejn. Kull klassi f’dan iċ-ċentru għandha għalliem/a. Bħalissa jonqos tlett għalliema f’Dun Manwel Attard Yound Adult Education Resource Centre. Hemm bżonn ukoll ta’ ħames Learning Support Assistants. Fil-preżent qed isiru l- interviews sabiex jiġu ingaġġati s-SLSAs. Filwaqt li kien hemm sejħa għas- supply teachers , iżda mhux kull minn ġie magħżul aċċetta l-post. Dan in-nuqqas qed jiġi ndirizzat u bil-koperazzjoni ta’ kull membru tal-istaff fiż-żewġ ċentri qed naraw, sa kemm hu possibli, li l-ebda’ student m’huwa qed jiġi mċaħħad minn servizzi edukattivi u terapewtiċi.

Wardija — Skola Dun Manuel Attard - programmi edukattivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid u tivverifika xi programmi edukattivi suppost qed jiġu mogħtija fl-iskola Dun Manuel Attard tal-Wardija liż-żgħażagħ bl-awtiżmu fl-oqsma, per eżempju, ta' attività fiżika, informatika eċċ. peress li tkellmu diversi ġenituri ta' dawn iż-żgħażagħ li fix-xahrejn li għaddew dawn iż-żgħażagħ ma ngħatawx dawn il-programmi u qattgħu ħafna ħin l-iskola ma jagħmlu xejn jistennew il-ħin jgħaddi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Bir-Reforma tal-Iskjjel Speċjali l-Iskola Dun Manuel Attard saret Ċentru ta’ Riżorsa Edukattiv għaż-żgħażagħ. F’dan iċ-ċentru qed jitħaddem programm imqassam fi tliett partijiet, Personal Development, Vocational Preparation u Functional Activity/ Community Based Activity. Kull student li jattendi f’dan iċ-ċentru jagħmel parti minn grupp. Kull grupp għandu Time Table biex jaċċessa kull parti tal-programm skont l-età tiegħu/tagħha. Il-ġenituri ta’dawn iż-żgħażagħ ġew infurmati dwar dan il-programm waqt laqgħa li saritilhom fiċ-ċentru, ġew ukoll mogħtija it- Time Table tal-grupp tat-tifel jew tifla tagħhom. Qed inpoġġi kopja tal-programm fuq il-Mejda tal-Kamra.