Legislature:
Category:
Reset
Active:

MIA — Ajruplan Tuneżin

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk nhar il-Ġimgħa, 14 ta' Jannar 2011 filgħaxija fl-ajruport ta' Malta niżilx xi ajruplan Tuneżin? Jekk iva, x'kienet l-għan taż-żjara tiegħu u min kien fuqu?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li ma niżel l-ebda ajruplan Tuneżin fl-ajruport ta’ Malta nhar il-Ġimgħa, 14 ta' Jannar 2011 filgħaxija.
Leg 11 PQ #22895 Sitting 305 2011-01-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

National Intelligence Cell — ħidma ta' sorveljanza

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ilha teżisti n-National Intelligence Cell li tikkordina l-ħidma ta' sorveljanza ta' Malta kontra atti terroristiċi? Minn kemm ilha teżisti, kklasifikat f'livelli differenti l-periklu ta' attakki terroristiċi fuq Malta? F'liema livelli mill-ħamsa li għandha kklassifikat it-tagħrif li rċeviet?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi n-National Intelligence Cell twaqqfet fl-2005.

Website interattiva għall-ġenituri

Question

Tista' l-Ministru tara li tittieħed inizjattiva biex ikun hemm website interattiva għall-ġenituri fejn ikunu jistgħu jwasslu l-mistoqsijiet, is-suġġerimenti u l-kritika tagħhom dwar xi jkun għaddej fl-iskejjel ta' wliedhom biex jiġu indirizzati mid-direttorati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

S’issa l-website tad-Direttorati tal-Edukazzjoni tagħmel parti mill-website tal-Ministeru. Għalkemm il-website m'għandhiex forum, il-ġenituri u l-pubbliku nġenerali jistgħu jressqu is-suġġerimenti, il-kummenti u l-ilmenti jew billi jużaw l-email tal-Customer Care tad-Direttorati: info.education.meef@gov.mt jew billi jirrikorru għall-Customer Care tad-Direttorati ġewwa il-Furjana. Dan diġà qed iseħħ. Is-suġġerimenti li jitressqu dejjem jiġu kkunsidrati u fejn ikun hemm ilmenti dawn jiġu indirizzati mill-aktar fis possibbli.

Malta Enterprise u Malta Industrial Parks — postijiet vakanti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm-il sejħa saret mill-Malta Enterprise u mill-Malta Industrial Parks mill-4 ta' Jannar 2004 sal-lum sabiex jimtlew b'mod permanenti vakanzi fi grad mhux maniġerjali u x'kienu?

Response (FENECH, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi s-sejħiet li saru mill-Malta Enterprise u mill-Malta Industrial Parks mill-4 ta’ Jannar 2004 sal-lum huma kif muri fid-dokument li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #22966 Sitting 305 2011-01-25 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Suwiċidji

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kien in-numru ta' suwiċidji li saru fis-sena 2010, 2009, 2008, 2007 u 2006 f'Malta u f'Għawdex separatament?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant hija kif tidher fit-tabella t'hawn taħt:-

Proġett ta' Smart Meters — nfiq fuq konsulenza

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21110, jista' l-Ministru jgħid minn kemm ilu li beda l-proġett ta' smart meters x'inhu l-ammont ta' flus li s'issa ntnefqu jew se jintnefqu fuq xogħol ta' konsulenza? Fiex kien jikkonsisti dan ix-xogħol ta' konsulenza f'dak li għandu x'jaqsam xogħol ta' kumpaniji bħall-KPMG u PWC?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li minn kemm ilu li beda l-proġett ta' smart meters, l-ammont ta' flus li s'issa ntnefqu fuq xogħol ta' konsulenza kien ta’: · €210,000 lill-MITA għall- Programme Management Services. · €23,400 lill-Deloitte fuq konsulenza ta’ Business Plan · Ħlasijiet oħra, skont kif meħtieġ, lill-Camilleri Preziosi rigward servizzi ta’ konsulenza legali · €5,760 lill-MISCO fuq Focus Groups · €39,982 lill-DSG Consulting fuq Change manager for the implementation of the IUBS · €19,000 lill-KPMG, li vverifikaw il-korrettezza aritmetika tal-kontijiet

Korporazzjoni Enemalta — Xiri ta' petrol u diesel

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2010, l-Korporazzjoni Enemalta kemm-il darba xtrat petrol u diesel? X'kienu l-kwantitajiet u l-prezzijiet li bihom xtrat il-petrol u d-diesel l-Korporazzjoni Enemalta fix-xirjiet li għamlet tul is-sena 2010? X'metodu użat il-Korporazzjoni Enemalta meta ddeċidiet li tixtri l-kwantitajiet ta' petrol u diesel li xtrat tul is-sena 2010? Jekk xtrat wara li ħarġet is-sejħa għall-offerti tul is-sena 2010, x'offerti oħra rċeviet l-Enemalta kull darba li xtrat il-petrol u d-diesel tul is-sena 2010? Xi prezzijiet ħallset l-Enemalta għall-ġarr bil-vapuri tal-kwantitajiet ta' petrol u diesel li xtrat l-Enemalta tul is-sena 2010? Xi qligħ għamlet l-Enemalta fuq kull litru ta' petrol u diesel li biegħet l-Enemalta tul is-sena 2010 minn dak li xtrat fl-istess sena? X'VAT intuzat fuq il-bejgħ ta' kull litru petrol u diesel tul is-sena 2010 mixtri fl-istess sena 2010 mill-Enemalta? X'inhu l-qligħ li jsir mill-pompi tal-petrol fuq kull litru ta' petrol u diesel mibjugħ tul is-sena 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni qed tinġabar u se tingħata f'seduta oħra.

Xiri ta' fuel mill-Korporazzjoni Enemalta

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienu l-prezzijiet li bihom il-konsumaturi xtraw kull litru ta' petrol u diesel tul is-sena 2010? Matul is-sena 2010 l-Korporazzjoni Enemalta użat l-għodda tal-hedging fix-xiri tal-petrol u diesel biex iżżomm stabbli ċ-ċaqliqiet fil-prezzijiet għall-konsumatur? Jekk iva, kif sar u meta sar il-hedging? Matul is-sena 2010 l-Enemalta għamlet arranġamenti ta' hedging tal-prezz tad-dollaru Amerikan aml-Euro biex hekk iżomm stabbli għall-konsumatur iċ-ċaqliqiet li kien hemm bejn iż-żewġ muniti? Jekk iva, kif sar dan il-hedging? L-Enemalta għandha kumitat biex jixtri l-fuel? Jekk iva, min huma l-membri tal-kumitat? X'inhu s-sehem tagħhom fix-xiri tal-fuel tal-Enemalta? Jekk qed isir hedging, min jagħmlu, fuq liema bażi u min qed jieħu d-deċiżjonijiet dwar kif isir? Jekk m'hemmx kumitat apposta biex jixtri l-fuel għall-Enemalta, kemm għall-ġenerazzjoni tad-dawl kif ukoll biex imur għand il-konsumaturi, min kienu l-persuni awtorizzati biex jixtru dan il-fuel għall-Enemalta tul is-sena 2010?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba se tingħata f’seduta oħra.

ċentru Let me Learn

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex jikkonsisti x-xogħol li jagħmel iċ-ċentru Let me Learn mal-għalliema u t-tfal fl-iskejjel u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rendikont tal-ħidma tiegħu mindu nfetaħ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Laptops tal-għalliema bla batteriji

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22286 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid kemm hemm għalliema li l-laptops tagħhom huma bla batteriji u mhux dejjem ikunu jistgħu jqabbduhom direttament mal-kurrent elettriku u allura ma jistgħux jużawhom għax qed jistennew batteriji ġodda? Meta hemm il-ħsieb li jaslu l-batteriji l-ġodda?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li hemm 378 każ fejn ġiet mitluba batterija ġdida sabiex l-laptop jibqa’ jaħdem għal ħin stipulat mingħajr ma jitqabbad direttament mal-kurrent eletriku. Bħal issa għaddejjin diskussjonijiet bil-għan li dawn il-każijiet jiġu risolti.

Delimara Power Station — Xogħol ta' estensjoni

Question

B'referenza għat-tweġiba li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 21919, jista' l-Ministru jgħid kemm għandha garanziji bankarji l-Korporazzjoni Enemalta biex tagħmel tajjeb għall-ħlasijiet li saru lill-BWSC għax-xogħol fuq l-estensjoni tal-power station f'Delimara? Kemm għandha flus miżmumin il-Korporazzjoni Enemalta fuq ix-xogħol li diġà tlesta? Kemm kien id-down payment f'persentaġġ u flus?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-garanzija bankarja li għandha l-Enemalta hija ta’ €16,950,000.00 (10% tal- valur tal-kuntratt). M’hemm l-ebda flus miżmumin mill-Korporazzjoni Enemalta fuq ix-xogħol li diġa tlesta għax dan huwa koppert mill-garanzija msemija fuq, li se kompli fis-seħħ sa sena wara li jitlesta l-impjant. Id- downpayment kien ta’ €24,742,500.00 li jiġi 15% tal-valur tal-kuntratt. Dan id- downpayment huwa koppert mil-garanzija bankaria ta’ €24,742,500 (15% tal-valur tal-kuntratt).

Delimara Power Station — xogħol ta' estensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm tlesta s'issa mill-proġett kollu tal-estensjoni tal-power station f'Delimara? Jista' jgħid kemm jonqos xogħol xi jsir, jekk ix-xogħol waqax lura skont kif kien ippjanat jew jinsabx skont il-pjan, jew huwiex iżjed avvanzat minn dak ippjanat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi x-xogħol fuq il-proġett, beda ftit wara l-iffirmar tal-kuntratt. Ħafna mill-makkinarju ġie ffabbrikat u diġà wasal Malta. Il-makkinarju maġġuri kollu mistenni jkun Malta sa Mejju ta’ din is-sena. Wara li l-għoti tal-permess ta’ kostruzzjoni kien ittawwal aktar milli previst, l-iskeda tat-twettiq tax-xogħol kienet aġġornata kif meħtieġ. Ix-xogħol, wara li sar dan l-arranġament, issa miexi b’konformità mal-pjan miftiehem.

Dar residenzjali mmexxija mill-aġenzija Sapport

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'budget għandha kull dar residenzjali mmexxija mill-aġenzija Sapport? F'kull każ, kemm hu adegwat il-budget li hemm?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Djar residenzjali mmexxija mill-aġenzija Sapport — Servizz ta' psikjatra

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'servizzi ta' psikjatrija u ta' psikoloġija għandhom il-persuni li jgħixu fid-djar residenzjali mmexxija mill-aġenzija Sapport? Persuna li għandha bżonn frekwenti ta' dawn is-servizzi, kemm ikollha sessjonijiet kull xahar? Kemm idumu jistennew dawn il-persuni minn appuntament għall-ieħor biex jingħataw dawn is-servizzi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-maġġor parti tal-klijenti tas-servizz residenzjali tal-Aġenzija Sapport qegħdin taħt kura psikjatrika u għalhekk dawn ikunu taħt il-kura ta’ konsulent psikjatriku. M’hemmx żmien stipulat ta’ kemm-il darba fix-xahar klijent imur għand il-konsulent tiegħu/tagħha għax dan jiddependi mill-kundizzjoni ta’ dan il- klijent. Ċertu klijenti jkollhom bżonn illi jmorru darba fix-xahar, oħrajn darba kull sitt xhur u ġieli jkun hemm każi fejn klijent ikollu jmur saħansitra darba fil-ġimgħa. Fir-realtà, aktar milli skont il-klijent partikolari, il-frekwenza tal-visti tiddependi ħafna fuq kif tkun is-sitwazzjoni psikoloġika tal-klijent – fejn il-visti jiżdiedu aktar ma’ klijent ikun għaddej minn mument diffiċli. Mhuwiex komuni li l-Aġenzija jkollha diffikultà biex tagħmel appuntament għal xi klijent/a. Diffikultajiet jinħolqu biss meta forsi jkun hemm bżonn ta’ appuntament urġenti. Ħafna drabi, il-klijenti jirċievu s-servizz psikjatriku jew minn Mount Carmel Hospital jew inkella mill-isptar Mater Dei. Għandna wkoll klijenta partikolari li tirċievi dan is-servizz fir-residenza taghha stess (il-konsulent jara lil din il-klijenta bejn wieħed u ieħor darba kull 3 xhur). Il-klijenti li jagħmlu użu mis-servizzi ta’ psikologu huma ftit ħafna.

Programmi ta' edukazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi programmi individwali għandha kull persuna li tgħix fid-djar residenzjali mmexxija mill-aġenzija Sapport biex kemm jista' jkun jitgħallmu jgħixu ħajja indipendenti? Xi programmi ta' edukazzjoni u terapija għandha kull persuna li tgħix f'dawn id-djar residenzjali?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuni li jagħmlu użu mis-servizz residenzjali tal-Aġenzija Sapport jiġu mgħejjuna fil-ħiliet tagħhom biex kemm jista’ jkun jintegraw fis-soċjetà u jakkwistaw livell ta’ indipendenza skond l-abiltajiet tagħhom. Dawn il-persuni jiġu mgħejjuna wkoll biex jagħmlu użu minn servizzi oħra fil-komunità. Fost dawn is-servizzi nsibu ċ-Ċentri ta’ matul il-jum tal-istess Aġenzija, fejn il-klijenti jattendu attivitajiet kulturali, edukattivi u rikreattivi fil-komunità stess. Barra dan kull persuna għandha mfassal għaliha program mibni fuq il-ħiliet eżistenti tagħha u dan bil-għan li jwassal lil kull individwu li jkollu l-kapaċita massima skond is-sitwazzjoni tiegħu. Kull persuna fir-residenzi tiġi mgħejjuna wkoll biex tattendi għal appuntamenti mediċi, ta’ terapija, ta’ psikjatrija u kull neċċessità oħra skont il-bżonn individwali ta’ kull klijent. Dawn l-appuntamenti jkunu kemm f’istituzzjonijiet tal-gvern jew inkella fil-komunità, kif ukoll meta jkun hemm bżonn fil-privat.

Djar residenzjali mmexxija mill-agenzija Sapport — Affarijiet bażiċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-istat ta' dawn id-djar residenzjali mmexxija mill-aġenzija Sapport peress li wasalli tagħrif li hemm każijiet fejn dawn id-djar huma neqsin mill-affarijiet l-iżjed bażiċi: nuqqas ta' protezzjoni mal-galleriji u twieqi li jagħtu għal barra u allura huma ta' riskju serju għas-saħħa u l-ħajja tal-persuni li jgħixu f'dawn id-djar, kif ukoll huma neqsin minn għamara u anke apparat domestiku għax ġew imkissrin mir-residenti minħabba l-kundizzjoni tagħhom ta' challenging behaviour?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Aġenzija Sapport ġiet imwaqqfa biex taħdem ma’ persuni b’diżabilità li qegħdin f’riskju li jispiċċaw ġo xi istituzzjoni. Waħda mir-raġunijiet għalfejn ikun hemm dan ir-riskju hija proprju l-imġieba ta’ dawn l-istess klijenti, fejn ħafna minnhom ikollhom imġiba diffiċli (challenging behaviour). Fil-fatt ħafna drabi huwa minħabba din l-imġiba li l-ġenituri ma jkunux jistgħu jibqgħu jżommu lil uliedhom fid-dar tagħhom u għalhekk iduru lejn l-Aġenzija Sapport għall-għajnuna għax iħossu li r-residenzi ta’ din l-istess Aġenzija huma l-alternattiva l-aktar viċina għal dak li jixtiequ għal uliedhom. Meta klijent jidħol f’xi waħda mir-residenzi, l-imġiba tiegħu/tagħha mhix ser tinbidel mil-lum għal għada (fil-fatt uħud mid-drabi dawn jibqgħu juru challenging behaviour ) u għalhekk hu/hi j/tibqa’ j/tesprimi ruħu/ha billi juri dan it-tip ta’ aġir. Kif wieħed jista’ jimmaġina, dan ħafna drabi jirriżulta fi ħsarat (kultant estensivi) f’oġġetti ġewwa r-residenza bħal għamara u anke apparat ieħor domestiku. Ta’ min wieħed iżomm f’moħħu illi sal-lum, huma ftit (jew xejn) l-apparati domestiċi jew għamara li huma maħluqa apposta biex ikunu l-aktar adatti għal dawn it-tip ta’ residenzi. Għalkemm l-Aġenzija tagħmel minn kollox biex titgħallem mill-esperjenza u għaldaqstant taħdem għamara li tkun aktar adatta, dan sfortunatament mhux dejjem ikun possibli jew jirnexxi. Kif wieħed jista’ jimmaġina, ir-residenzi allura jitolbu ħafna xogħol ta’ manutenzjoni li sfortunatament, mhux dejjem ikun jista’ jsir mill-ewwel. Għalhekk billi l-ħsara hija frekwenti, l-Aġenzija ssib diffikultà biex tlaħħaq mal-bżonnijiet kollha fir-residenza u allura trid bilfors taħdem bi prijoritajiet skond il-kas. Ir-residenzi tal-Aġenzija kollha għandhom il-protezzjonijiet bażiċi li jinstabu fil-maġġoranza tad-djar Maltin iżda jista’ jkun li dan ma jkunx biżżejjed il-ħin kollu. Ma rridux ninsew li fir-residenzi qegħdin naħdmu ma’ individwi li bħal kull persuna oħra huma dinamiċi u mhux statiċi. Dan ifisser li dak li huwa meqjus biżżejjed bħala protezzjoni llum għal klijent partikolari, jista’ ma jkunx biżżejjed protezzjoni għall-istess klijent wara ftit taż-żmien. Ħafna drabi aktar ma klijent jikber, aktar il-bżonnijiet tiegħu/tagħha jiżdiedu u għaldaqstant ikun hemm aktar bżonn ta’ protezzjoni. Dan, flimkien mal-fatt li meta jidħlu klijenti ġodda jista’ jkollhom bżonnijiet ta’ protezzjoni oltre minn dawk preżenti, jista’ jfisser li residenza jkollha l-protezzjoni neċessarja f’mument, filwaqt li tkun nieqsa mill-protezzjoni f’mument ieħor. Ta’ min wieħed jerga’ jfakkar kemm taħdem l-Aġenzija biex ir-residenzi tagħha żżommhom residenzi (djar) u tbiegħedhom mill-idea ta’ sptar jew istituzzjoni u għalhekk anke meta taħdem fuq apparat jew strutturi ta’ protezzjoni, trid tiżgura li dawn ma jkissrux is-sens ta’ dar li tinsab f’dawn il-postijiet. Madankollu l-Aġenzija hija mpenjata l-ħin kollu biex skont ir-riżorsi disponibbli tieħu dawk il-miżuri neċessarji biex tagħmel l-ambjent fid-djar wieħed safe kemm għall-klijenti kif ukoll għall-ħaddiema.

Djar residenzjali mmexxija mill-agenzija Sapport

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jagħmilx sens li d-djar residenzjali mmexxija mill-aġenzija Sapport jibqgħu jsiru ghettos ta' persuni b'diżabilita` intellettwali kkonċentrati flimkien u qishom saru mini-sptarijiet mentali b'ħafna nuqqasijiet ta' riżorsi, persuni mħarrġa u programmi adegwati meta żgur li mhux dan kien l-għan li għalih infetħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-idea tas-servizz residenzjali tal-Aġenzija Sapport dejjem kien li jipprovdi post fejn il-persuna b’diżabilità tista’ tiġi mgħejjuna biex teżerċità d-dritt tagħha li tkun membru attiv u sħiħ fis-soċjetà. L-Aġenzija kienet, għadha u tibqa’ taħdem bis-sħiħ biex ir-residenzi tagħha jitbiegħdu kemm jista’ jkun mill- idea ta’ istituzzjoni u għaldaqstant ta’ sptar. L-iskop dejjem kien li l-persuna b’diżabilità tikkunsidra r-residenza bħala d-dar tagħha, u jekk wieħed iżur xi waħda mir-residenzi jinduna li din mhix wisq differenti minn kull dar oħra. Fil-fatt din hija waħda mir-raġunijiet prinċipali għalfejn in-numru ta’ nies li jitolbu s-servizz residenzjali għall-familjari tagħhom dejjem qiegħed jiżdied.
Leg 11 PQ #22426 Sitting 302 2011-01-18 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — persuni miżmuma

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhu n-numru ta' persuni miżmumin bħalissa fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u jgħid kemm hemm nisa u kemm hemm irġiel, ta' liema nazzjonalità huma u kif tvarja l-età bejn l-iżgħar u l-ikbar u għal-liema reati jinsabu miżmuma hemm? Jista' jgħid kemm hemm persuni transesswali fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u jgħid x'qed isir biex dawn jiġi stmati bl-akbar dinjità umana peress li qed jiġu umiljati u mżebilħa apparti milli jinżammu ma' nies ta' ġeneru li huma ma jħossux li hu tagħhom u dan għandu ħafna konsewgwenzi koroh għalihom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sat-3 ta' Jannar 2011 in-numru ta' persuni miżmuma fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin kienet ta' 585; 549 raġel u 36 mara. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dettaljata mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Rigward l-aħħar domanda ninsab infurmat illi l-persuni kollha li qed jistennew jgħaddu proċeduri Ġudizzjarji u/jew qed jiskontaw il-piena tagħhom jinżammu skont il-liġi bid-dinjita' u r-rispett li kull bniedem jistħoqqlu.

Għalliema tal-PSD

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema li qed jgħallmu l-PSD fl-iskejjel sekondarji tal-Istat, tal-Knisja u indipendenti li mhumiex kwalifikati fil-PSD?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ma hemm ebda għalliem/a fl-iskejjel tal-istat li m’humiex kwalifikati biex jgħallmu dan is-suġġett. L-għalliema li m’humiex gradwati fis-suġġett u li qed jgħallmu dan is-suġġett tant ilhom snin jgħallmuh li issa għandhom l-anzjanita` fis-suġġett. Fl-iskejjel tal-knisja hemm 64 għalliem li jġħallmu PSD. 11 minnhom għandhom kwalifika fil-PSD. Ħafna mill-oħrajn għandhom kwalifiki li huma meqjusa bħala relatati mas-suġġett PSD, fosthom Psikoloġija, Soċjoloġija, Social Work , Teoloġija, Studji Soċjali u Community Studies . Hija xi ħaġa komuni li għalliem jgħallem il-PSD bħala it-tieni jew it-tielet suġġett. Fl-iskejjel indipendenti hemm 11 -il għalliema tal-PSD u ħadd minnhom ma għandu kwalifika speċifika fil-PSD. Hawn ukoll, uħud mill-għalliema għandhom kwalifiki f’suġġetti relatati mal-PSD.

Għalliema tal-PSD fl-iskejjel primarji

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'taħriġ qed jingħataw għalliema fl-iskejjel primarji fil-PSD peress li dawn ġew reklutati bla taħriġ fil-PSD?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-għalliema peripatetic kollha fl-iskejjel Statali huma għalliema tal-Primarja li jiġu magħżula biex jgħallmu l-PSD wara li jkun sarilhom interview biex jgħallmu dan is-suġġett. Huma jiġu mħarġa b’diversi korsijiet li jsiru matul is-sena. Għaldaqstant kull Sajf l-għalliema tal-PSD fl-iskejjel Primarji jkunu imsejħin għal In-Service Course obligatorju. Apparti minn hekk, bħalissa qed isir taħriġ kontinwu wara l-ħin ta’ l-iskola, fuq bażi volontarja, li beda f’Novembru 2010 u ser ikompli sa Mejju 2011. It-taħriġ kollu hu dejjem offrut kemm lill-għalliema fl-iskejjel ta’ l-iStat kif ukoll lill-għalliema fl-iskejjel tal-Knisja u Independenti. Minn żmien għal żmien l-għalliema kkonċernati jkunu wkoll mistiedna jattendu laqgħat oħra li jiġu organizzati apposta għalihom mill-Ufficjali Edukattivi tas-suġġett. Xi għalliema minn jeddhom jagħżlu li jattendu wkoll għal seminars jew konferenzi li jsiru matul is-sena minn entitajiet varji.