Biblijoteka Nazzjonali — fire systems - manuskritti mxarrba
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk fil-Biblijoteka Nazzjonali llikjax xi pajp tal-fire system u xarrab ħafna manuskritti? Kemm manuskritti xxarbu? X'qed isir biex jissewwew? Kemm se tkun l-ispiża biex tissewwa l-ħsara li saret? X'wassal biex il-pajp illikja? X'manutenzjoni regolari qed issir tas-sistema?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li wara li żviluppat ħsara f’kamin illikja pajp tal-fire system u xxarrbu xi 50 manuskritt. Ir-restawr inbeda immedjatament mit-Taqsima tal-Llegar u Restawr tal-Bibljoteka billi nfetqu l-volumi u l-pagni mxarrbin thallew jinxfu b’mod naturali. Il-pass li jmiss huwa li jitneħħew it-tbajja’ tal-ilma u l-volumi jiġu meħjutin mill-ġdid. Ta’ min jinnota li kopji tal-volumi konċernati qegħdin fuq microfilms. M’hemmx spejjeż għat-tiswija tal-ħsara li saret fil-manuskritti peress li x-xogħol ta’ restawr qed isir mill-impjegati stess tal-Bibljoteka Qed tinħadem l-istima tal-ispiża biex tissewwa l-ħsara u fl-istess ħin jigi assiġurat li ma tirrepetix ruħa.
Central Public Library — uffiċċju tal-acquisitions unit - backlog tal-inputting
Question
Peress li l-Ministru qalet li hemm backlog tal-inputting b'kawża tax-xiri tal-kotba ġodda fl-2010, tista' l-Ministru tgħid għaliex (jew jekk hux minnu) li l-Uffiċċju tal-Acquisitions Unit ġewwa s-Central Public Library ilu mas-sitt snin ma jipproċessax il-kotba ġodda mixtrija minn flus ivvutati mill-kunsilli lokali, imma jipproċessaw biss il-kotba mixtrija minn flus id-Dipartiment tal-Libreriji u li b'konsegwenza t'hekk qed jinħoloq backlog u l-kunsilli lokali qegħdin idumu jistennew ħafna xhur biex il-kotba l-ġodda jiġu proċessati u jkunu lesti għas-self lill-pubbliku?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fil-Librerija Pubblika Ċentrali l-ipproċessar tal-kotba huwa mqassam fuq tliet sezzjonijiet li huma: is-sezzjoni tal-Akkwisti (Acquisitions) li tieħu ħsieb tordna, tirċievi, tipproċessa u tikkataloga l-kotba mixtrija minn fondi allokati lil Librerija Pubblika fil-Baġit tal-Gvern; is-sezzjoni tal-ALSU (
Area Libraries Support Unit
) li hija nkarigata mit-tmexxija u l-ko-ordinazzjoni tal-Libreriji Reġjonali u fergħat li qed tieħu ħsieb tipproċessa u tikkataloga l-kotba mixtrija mill-Kunsilli Lokali u kotba mogħtija bħala donazzjoni mill-istess Kunsilli u s-sezzjoni tal-Ikkatalogar li tieħu ħsieb tipproċessa u tikkataloga l-kotba offruti bħala donazzjoni mill-pubbliku u miġjuba wkoll mill-Libreriji Reġjonali u Fergħat. Dan l-arranġament sar sabiex l-ipproċessar tal-kotba jimxi b’mod parallell u bla tfixkil jew dewmien żejjed. Id-dipartiment ma jirriżultalux li kien hemm kotba mixtrija mill-Kunsilli li damu sitt snin ma jiġu pproċessati. Dan jista’ jiġi verifikat għax qed jinżamm rekord minn meta l-kotba jiġu fil-Librerija Pubblika għal proċess u meta l-istess kotba jiġu mibgħuta lura kkatalogati lill-libreriji konċernati.
Librerija Pubblika tal-Furjana — inputjar ta' kotba
Question
Peress li tidher li hemm problema bl-inputting, tista' l-Ministru tgħid lill-Kamra kemm inputjaw kotba bħala ammont, persuna b'persuna l-inputters li hemm ġewwa l-Librerija Pubblika tal-Furjana matul l-2010 peress li t-teknoloġija faċli tgħinna biex tagħtina d-dettalji li rridu għaliex kull ktieb imdaħħal ikun illoggjat fuq l-isem personali tal-inputter?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Matul is-sena ġew inputtjati dawn it-totali ta’ rekords ta’ kotba:
Sezzjoni tal-Akkwisti - 7,722
Kotba mogħtija bħala għotja - 17,295
Kotba li ġew mdaħħla fis-sistema tal-15-il librerija li ġew kkompjuterizzati – 58,420
Total ta’ 83,437
Dawn il-kotba ġew kollha imputjati minn 5 persuni matul is-sena 2010 iġifieri medja ta’ ‘l fuq minn 16-il elf ktieb kull persuna.
Tajjeb li ngħidu li biex jitħaffef iżjed ix-xogħol bħalissa qed isir taħriġ speċifiku fl-ikkatalogar biex tmien impjegati oħra, li sitta minnhom jaħdmu f’libreriji Reġjonali, ikunu jistgħu jingħaqdu mat-tim tal-ikkatalogar u b’hekk l-ammont ta’ rekords dwar kotba imputtjati jiżdied aktar. Dan qed isir biex kemm jista’ jkun il-kotba jitpoġġew fl-inqas żmien possibbli fuq l-ixkafef għad-dispozizzjoni tal-pubbliku inġenerali.
Librerija Pubbliċi t'Għawdex — sistema kompjuterizzata
Question
Tista' l-Ministru tispjega lill-Kamra għaliex ma kkordinatx mal-Ministeru għal Għawdex biex jaraw li l-Libreriji Pubbliċi t'Għawdex jiġu kompjuterizzati (ċioe jiġu online) bħal dawk ta' Malta meta tikkunsidra li jekk tneħħi l-Librerija Pubblika tar-Rabat, il-Gozo Lending Library u dik tan-Nadur, il-bqija tal-irħula Għawdxin, fosthom tax-Xewkija, tax-Xagħra u Għajnsielem, għadhom bil-biljetti tal-kartun l-antiki?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Matul l-aħħar tliet xhur tas-sena 2010 bdew it-tħejjijiet sabiex 1-aħħar 10 libreriji fergħat li fadal f’Għawdex li mhumiex ikkompjuterizzati jiġu ntegrati man-network u jibdew jipprovdu servizz ikkompjuterizzat. Ix-xogħol beda sewwa fejn sar il-‘weeding’ tal-kotba u l-kotba magħżula qed jitwaħħlulhom
‘barcodes’
u qed jiġu mdaħħla fil-katalgu elettroniku. Huwa ppjanat li matul din is-sena isir t-taħriġ meħtieg lil librara u l-infrastruttura neċessarja sabiex dawn il-libreriji jiġu kkompjuterizzati matul din is-sena. Qed ikun hemm kuntatt kontinwu bejn l-IMU ta’ Malta u dak fil-Ministeru t’Għawdex.
Bibljoteka Nazzjonli ta' Malta — librerija pubblika f'Sant Iermu
Question
Minbarra l-Bibljoteka Nazzjonali ta' Malta, fil-kapitali hawn ukoll Librerija Pubblika fl-inħawi ta' Sant Iermu, tista' l-Ministru tgħid l-ammont ta' kotba li ġew mislufa mil-Librerija Pubblika tal-Belt Valletta gġas-sena 2007, 2008, 2009 u 2010, xahar b'xahar u kemm ġew ivvutati fi flus mid-Dipartiment tal-Libreriji għax-xiri ta' kotba għall-istess snin, kif ukoll kemm alloka flus, jekk alloka, il-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta għax-xiri tal-kotba ġodda għall-istess snin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid min huma l-impjegati li jaqgħu taħt ir-responsabilità tiegħu li talbu u kisbu l-perjodu ta' xahrejn leave matul April u Mejju biex ikunu jistgħu jieħdu sehem fil-kampanja referendarja għat-28 ta' Mejju 2011?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li ma jinżammx record tar-raġunijiet li għalihom jintalab leave.Tajjeb li ngħid li lanqas f’ dal perjodu ma hemm din il ħtieġa għax min jipparteċipa fil-kampanja referendarja ma jistax jiġi kwalifikat bħala li qed jipparteċipa f’ attivita’ politika partiġġjana skond id-Diirettiva 5 dwar il-parteċipazzjoni politika maħruġa mill- Uffiċċju tas-Segretarju Permanenti Ewlieni.
Direttorati tal-Edukazzjoni — diretturi - kuntratt
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm diretturi fid-Direttorati tal-Edukazzjoni u Prinċipali tal-Kulleġġi li skadhielhom il-kuntratt? Se jerġa' jiġġedded? Se jsir reklutaġġ ġdid? Meta?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li hemm 7 Prinċipali tal-Kulleġġi u 4 Diretturi fid-Direttorati Edukattivi li skadielhom il-kuntratt. Qed tiġi proċessata s-sejħa għall-applikazzjoni.
Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol fuq it-tfassil tal-qafas nazzjonali kurrikulari li kellu joħroġ fis-sena 2009?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-draft tal-qafas tal-Kurrikulu ser jiġi mniedi fil-ġimgħat li ġejjin biex jibda l-proċess ta’ konsultazzjoni. Infakkar li x-xogħol fuq dan ir-review beda fl-2008 u kien hemm bżonn ta’ ħidma sostanzjali biex l-eżerċizzju jsir b’mod sodisfaċenti.
Tista' l-Ministru tgħid x'persentaġġ mit-total tat-tfal fil-livell sekondarju li jattendu:
a) fl-iskejjel tal-istat;
b) skejjel tal-knisja; u
ċ) indipendenti
qed ikomplu jistudjaw suġġetti tax-xjenza fl-edukazzjoni sekondarja tagħhom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhu t-total ta' studenti sekondarji fl-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u indipendenti li qed jistudjaw lingwi differenti u tagħti l-istatistika speċifika għal kull lingwa differenti li qed jistudjaw?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-marka medja nazzjonali fis-suġġett tal-Matematika, Ingliż u Malti fl-iskejjel primarji tal-Istat għal kull klassi u x'inhi l-marka medja miksuba mill-istudenti f'kull kulleġġ fl-eżamijiet li saru fis-sena skolastika 2009 - 2010?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Pulizija — filmati ta' nies fi protesti, dimostrazzjonijiet jew folol
Question
Jista' l-Mnistru jgħid x'użu jsir minn filmati li jiġbdu l-Pulizija ta' nies fi protesti, dimostrazzjonijiet jew folol? X'tip ta' profiling isir tan-nies f'dawn il-filmati? Kemm idumu f'idejn il-pulizija dawn il-filmati? Huwa magħruf mill-Kummissarji għall-Protezzjoni tad-Data li dawn il-filmati jintużaw sabiex jiġi proċessat data privata tan-nies?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija tiġbed filmati u/jew ritratti meta l-każ hekk jeħtieġ, biex ikollha dokumentazzjoni ta' dak li jkun ġara u primarjament sabiex tkun tista' tressaq l-prova neċessarja fil-proċeduri kriminali fil-konfront ta' persuni li jkunu kissru l-liġi. Dan kollu jsir fil-parametri tal-liġi.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il talba saret mill-Pulizija u mis-Servizzi Sigrieti għal data mill-kumpaniji tal-mobile u ISPs mill-2007 'l hawn, sena b'sena? Kemm minn dawn it-talbiet saru:
a) bil-miktub;
b) bil-fomm; u
ċ) mandati mill-qrati?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Peress illi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Membru tista’ possibilment tippreġudika l-operat ta’ l-Att Dwar is-Servizz tas-Sigurta’ u peress illi lanqas ma huma spjegati l-iskop u r-raġuni illi għalihom qegħda tintalab l-informazzjoni - u għalhekk ċertament illi ma hemm xejn x’ juri illi teżisti xi raġuni impellenti ta’ interess pubbliku li tiddetta li din l-informazzjoni tingħata - l-Onorevoli Membru huwa informat illi l-informazzjoni kif mitluba minnu ma tistax tingħata għal raġunijet ta’ sigurta’ pubblika.
Madankollu l-Onorevoli Membru huwa mfakkar illi l-informazzjoni in kwantu tikkonċerna s-Servizz tas-Sigurta’ tista’ tingħata fil-Kumitat tas-Sigurta’, li jinkludi ukoll lill-Kap ta’ l-Oppożizzjoni u li huwa mwaqqaf b’ liġi u senjatament bl-Artikolu 14 tal-Att Dwar is-Servizz tas-Sigurta’.
L-Onorevoli Membru huwa mfakkar ukoll illi in kwantu tikkonċerna lill-Korp tal-Pulizija l-informazzjoni kif mitluba b’ mod ġenerali tkun fi kwalunkwe kaz tinħtieġ eżerċizzju elaborat ta’ indaġini dwar l-investigazzjonijiet kollha li għamlet il-Pulizija mill-2007 sa llum liema eżerċizzju jikkonsma ħafna ħin prezzjuż li l-Korp tal-Pulizija jista’ juża għall-iskop tal-qadi tal-funzjonijiet tiegħu fil-ġlieda kontra l-kriminalita’ u għall-aħjar protezzjoni taċ-ċittadini.
Għalhekk l-Onorevoli Membru huwa mitlub li jindika u jiffoka d-domanda tiegħu fuq dawk l-investigazzjonijiet partikolari li jixtieq ikun jaf dwarhom, dejjem jekk dan huwa l-każ.
Tista' l-Ministru tgħid meta se jinbidlu l-kotba kollha miktuba bil-Malti fl-iskejjel, kemm primarji kif ukoll sekondarji? Dan ma jgħoddx biss għall-kotba li jintużaw fil-lezzjonijiet tal-Malti, imma ukoll tar-Reliġjon, Storja, Studju Soċjali eċċ. Peress li s-sens komun jgħid li f'Settembru li ġej, fil-bidu tas-sena skolastika l-ġdida dawn iridu jkunu f'idejn it-tfal tagħna miktubin b'Malti tajjeb għax jekk le, se jkomplu jħawdu l-imħuħ ta' uliedna, speċjalment dawk ta' età ċkejkna u peress li ma tistax tgħallem lit-tfal jiktbu "tal-iskola" meta mbagħad fil-kotba se jibqgħu jaraw "ta' l-iskola" eċċ. u peress li ma nistgħux nibdew nippenalizzaw lit-tfal li ma jiktbux skont l-ortografija l-ġdida meta se nibqgħu ngħallmuhom u nuruhom il-kotba bir-regoli ta' qabel, tista' l-Ministru tgħid x'passi se tieħu meta taf li minn Ġunju 'l hemm il-kotba kollha miktuba bil-Malti li qed jiġu użati issa se jkunu skaduti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li d-Direttorat tal-Edukazzjoni qiegħed jagħmel l-arranġamenti kollha meħtieġa biex dawn il-kotba jiġu aġġornati skont ir-regoli l-ġodda.
Malli ġie deċiż li tinbidel l-ortografija, id-Dipartiment tal-Kurrikulu u eLearning beda jaħdem biex jiġu mibdula, b’mod gradwali, l-kotba bil-lingwa Maltija, kemm fl-iskejjel Primarji kif ukoll Sekondarji.
Il-kotba għat-tagħlim tal-lingwa Maltija tal-ħames u tas-sitt sena tal-livell Primarju ġew mibdula u qegħdin jintużaw diġà. Għal dawk tal-ewwel u t-tieni sena ħarġet sottomissjoni fil-Gazzetta tal-Gvern tat-30 ta’ Novembru 2010 u għal dawk tat-tielet u r-raba’ sena ħarġet sottomissjoni fil-Gazzetta tal-Gvern tal-14 ta’ Mejju 2010. Fil-każ tal-kotba tal-ewwel sena Sekondarja huwa ntiż li jiġu mibdula dalwaqt filwaqt li l-kotba l-oħra jiġu mibdula gradwalment. Arranġamenti li saru qegħdin iħarsu lejn l-użu ta’ kotba diġà ppublikati bl-inserzjoni ta’ glossarju.
Ħruġ għall-offerta ta' digitization and ICT Equipment
Question
B'referenza għall-ħruġ ta' offerta, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, jista' l-Ministru jgħid jekk evalwax id-dokumentazzjoni kollha tal-offerta u jara jekk l-ispeċifikazzjonijiet tagħha humiex imfasslin b'mod biex jaġevola lil xi wieħed mill-offerenti?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi hi proċedura normali li l-offerti li jintefgħu fid-Dipartiment tal-Kuntratti jiġu evalwati minn Kumitat ta’ Evalwazzjoni. Fuq din is-sejħa għal offerti partikolari dan il-proċess għaddej. Nixtieq infakkar lill-Onorevoli appellant li kull minn ħass li kien hemm xi speċifikazzjonijiet li kienu jiffavorixxu lil xi ħadd partikolari kellu d-dritt li jitlob kjarifiki mingħand id-Direttur tal-Kuntratti u jekk ma jiħux rimedju jista’ anke jitlob l-intervent tal-Bord ta’ Reviżjoni dwar Kuntratti Pubbliċi. Anke jekk ma sarx dan, għad hemm l-opportunità li min iħossu ddispjaċut b’xi deċiżjoni fuq din is-sejħa għal offerti, jista’ jagħmel appell skont il-liġi.
Ħruġ għall-offerta għal digitization and ICT equipment
Question
B'referenza għall-ħruġ ta' offerta, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, tista' l-Ministru tgħid jekk evalwax id-dokumentazzjoni kollha tal-offerta u tara jekk l-ispeċifikazzjonijiet tagħha humiex imfasslin b'mod biex jaġevola lil xi wieħed mill-offerenti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li d-dokumenti sottomessi minn ħames kumpaniji għas-sejħa għall-offerti b’referenza CT 3095/2010 bħalissa għadhom fil-proċess tal-evalwazzjoni. L-ispeċifikazzjonijiet fis-sejħa inkitbu skont il-bżonnijiet tal-Proġett ta’ Diġitizzazzjoni fil-Bibljoteka Nazzjonali.
Fid-dokument tas-sejħa għat-
tenders
kif ukoll waqt il-laqgħa ta’ informazzjoni li saret mal-kumpaniji interessati, ġie indikat ċar li dawk l-offerti li ma jikkwalifikawx skont l-ispeċifikazzjonijiet tas-sejħa ma jiġux ikkunsidrati. Għaldaqstant kienu dawk biss li setgħu joffru l-apparat mitlub fis-sejħa li kellhom jissottomettu l-offerti tagħhom.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta ħa jibdew l-arranġamenti biex jinġiebu l-votanti Maltin għar-referendum nazzjonali tat-28 ta' Mejju, 2011? Kif irid jagħmel min huwa interessat jipparteċipa biex jassigura li d-dritt tiegħu ħa jkun jista' jeżerċitaħ, kif dejjem sar fil-passat?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li nbdew taħdidiet mal-Air Malta dwar is-suġett. Dettalji jitħabbru fil-mument opportun.
Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista sħiħa tal-persuni li se jgħallmu fil-Kors tal-Istudji Ġurnalistiċi li se jibda joffri l-MCAST, kif ukoll il-kwalifiki tal-persuni li se jkunu qed jgħallmu f'dan il-kors?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Peress li ma kienx hemm applikanti biżżejjed dan il-kors mhux se jiftaħ.
Stedina lill-iskejjel tal-Knisja u indipendenti biex jieħdu sehem fil-benchmarking
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'kienet ir-reazzjoni tal-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti għall-istedina li saritilhom biex jieħdu sehem fil-benchmarking li se jsir l-ewwel darba fi tmiem l-edukazzjoni primarja fl-iskejjel tal-istat? Liema skejjel aċċettaw u liema ma aċċettawx li jieħdu sehem?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-istedina li saret lill-iskejjel tal-Knisja u Indipendenti intlaqgħet tajjeb ħafna. Qed inpoġġi fuq il-Mejda l-lista ta’ skejjel li aċċettaw u liema ma aċċettawx li jieħdu sehem.