Legislature:
Category:
Reset
Active:

Malta Qualifications Council u tan-NCHE — strutturi unifikati

Question

Tista' l-Minsitru tgħid fiex wasal ix-xogħol biex jiġu unifikati l-istrutturi tal-Malta Qualifications Council u tan-NCHE, tpoġġi organigramma ta' kif ġejja l-istruttura l-ġdida u kemm se jkun hemm nies jaħdmu fl-istruttura l-ġdida u x'se jkun ix-xogħol rispettiv tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ix-xogħol biex l-MQC u l-NCHE jiġu integrati twettaq u l-organigramma ġiet approvata miż-żewġ entitajiet. Fl-istruttura l-ġdida, se jkun hemm madwar 40 persuna jaħdmu u x-xogħol tagħhom se jkun relatat mar-rwol tagħhom kif jidher fl-organigramma li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Leg 11 PQ #25223 Sitting 341 2011-05-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Irregolaritajiet fix-xiri ta' oġġetti u servizzi mill-kunsilli lokali

Question

Peress li jkun hemm diversi lmenti u allegazzjonijiet li jindikaw irregolaritajiet fejn jidħol xiri ta’ oġġetti jew servizzi minn diversi Kunsilli Lokali, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk : a) Id-dipartiment hux sodisfatt bil-proċeduri li qed jużaw il-Kunsilli fejn jidħol xiri? b) Il-Kunsilli humiex obbligati jagħtu ġustifikazzjoni fejn l-akkwist ma jkunx l-orħos skont it- tenders jew quotations ? c) X'azzjoni jieħu d-dipartiment meta jsir jaf b'dawn l-allegazzjonijiet/irregolaritajiet u jista' jsemmi x'azzjonijiet ittieħdu fl-aħħar tliet snin?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li b’mod ġenerali, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali huwa sodisfatt illi l-maġġoranza tal-Kunsilli Lokali isegwu l-proċeduri dwar xiri ta’ xogħlijiet, servizzi u oġġetti. Skont il-Proċeduri ta’ l-1996 dwar Kunsilli Lokali (Offerti), meta Kunsill Lokali joħroġ Sejħa għall-Offerti, dan m’huwiex marbut li jaċċetta l-orħos offerta, iżda għandu jippublika d-deċiżjoni tiegħu kif ukoll ir-raġunijiet tiegħu għaliex ikun iddeċieda hekk.Fl-aħħarnett, meta id-Dipartiment għall-Gvern Lokali jinduna b’xi rregolaritajiet li jkunu saru, jagħmel l-investigazzjonijiet tiegħu u f’ħafna każi jnaqqas ammont mill-allokazzjoni finanzjarja tal-Kunsill Lokali bħala penali. F’ċertu każi, fejn il-każ ikun ta’ natura kriminali, id-Dipartiment għall-Gvern Lokali jirreferi l-każ lill-Kummissarju tal-Pulizija għal aktar stħarriġ. Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi t-tnaqqis li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali effetwa mill-2008 sallum
Leg 11 PQ #25224 Sitting 341 2011-05-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Riforma tal-Kunsilli Lokali

Question

Peress li bħala parti mir-Riforma tal-Kunsilli Lokali, is-Segretarji Eżekuttivi qegħdin jiġu ngaġġati bħala ħaddiema taċ-Ċivil minflok imqabbda mill-istess Kunsill, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk din il-bidla tatx ir-riżultat meħtieġ u x’qed isir biex jiġi żgurat li din se ġġib ir-riżultati mixtieqa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li din il-bidla tat ir-riżultat mixtieq peress li issa hemm iktar flessibiltà sabiex is-Segretarji Eżekuttivi jaqdu d-dmirijiet tagħhom. Minn mindu daħlet fis-seħħ ir-riforma kien hemm numru ta’ ċaqliq u dan kien ivarja peress li dan iċ-ċaqliq sar kemm fuq rikjesta tal-kunsilli lokali partikolari, kemm fuq rikjesta tas-Segretarji partikolari kif ukoll skont l-esiġenzi tas-servizz. Ma’ dan ukoll id-dipartiment tal-Gvern Lokali għamel diversi sejħiet sabiex jintlew il-vakanzi li jkun hemm minn żmien għal żmien b’dawn il-karigi. Infatti bħalissa għaddejjin eżerċizzju simili li mistenni jiġi konkluż dalwaqt.
Leg 11 PQ #25225 Sitting 341 2011-05-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — proċess ta’ ħidma fuq il-performance indicators

Question

Peress li fl-2009 beda l-proċess ta’ ħidma fuq il-performance indicators li kellu jwassal sabiex il-kunsilli lokali jkunu jistgħu jiġu assessjati fuq ix-xogħol imwettaq f’diversi oqsma, jista' l-Prim Ministru jgħid x’qed jagħmel id-dipartiment f’dan ir-rigward sabiex dawn il-performance indicators ikunu konklużi u jibdew jiġu applikati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali matul is-sena 2009 imbarka fuq eżerċizzju vast sabiex jintroduċi qafas ta’ performance management fis-sistema tal-Kunsilli Lokali kollha ta’ Malta u Għawdex. Permezz ta’ din il-ħidma d-Dipartiment seta’ evalwa x’seħħ f’pajjiżi Ewropej, ikkonsulta mal-partijiet konċernati f’Malta u permezz ta’ kollaborazzjoni ma’ fora internazzjonali wasal sabiex jasal jimplimenta qafas ġdid ta’ performance management għall-Kunsilli Lokali f’Malta u f’Għawdex. Fil-fatt id-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jikkollabora mill-qrib mas-Centre of Expertise for Local Government Reform fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa li min-naħa tagħhom, permezz ta’ żewġ esperti mir-Renju Unit u żewġ uffiċċjali tal-Kunsill tal-Ewropa, qed jgħinu lid-Dipartiment fit-tfassil tal-aħjar indikaturi (performance indicators) rilevanti għall-Kunsilli Lokali Maltin u Għawdxin. Id-Dipartiment nieda wkoll eżerċizzju ta’ konsultazzjoni mal-partijiet kollha konċernati li huma l-Kunsilli Lokali nfushom, rappreżentati mill-Assoċjazzjoni Kunsilli Lokali), is-Segretrarji Eżekuttivi, rappreżentati mill-Assoċjazzjoni Segretarji Eżekuttivi Kunsilli Lokali Maltin), uffiċċjali tad-Dipartiment stess kif ukoll bis-sehem tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Awditur. L-istess esperti mir-Renju Unit u l-uffiċċjali tal-Kunsill tal-Ewropa ltaqgħu anke mal-partijiet konċernati dwar dan kollu. Matul l-eżerċizzju ta’ konsultazzjoni u l-ħidma ta’ working group ad hoc li twaqqaf apposta, kompost mir-rappreżentanti tal-partijiet li semmejt waslu li l-indikaturi se jkopru aspetti varji taħt tmien oqsma partikolari. Dawn huma: 1. Il-Parteċipazzjoni Pubblika; 2. Customer Relations Management; 3. Ħidma tal-Kunsilli Lokali fil-qasam tal-Edukazzjoni; 4. Ħidma tal-Kunsilli Lokali fil-qasam tal-Ambjent; 5. Ħidma tal-Kunsilli Lokali fid-dawl tal-Opportunitajiet Indaqs; 6. Il-Finanzi tal-Kunsilli Lokali; 7. Ir-Riżorsi Umani tal-Kunsilli Lokali; u 8. Ħidma tal-Kunsilli Lokali fir-rigward tat-Toroq. Id-Dipartiment wasal biex jiffinalizza l-proċess, wara li jerġa’ jiltaqa’ mill-ġdid mas-Centre of Expertise for Local Government Reform fi ħdan il-Kunsill tal-Ewropa fix-xhur li ġejjin bil-mira li x-xogħol kollu jkun iffinalizzat u dawn il-performance indicators ikunu mplimentati sa tmiem din is-sena.
Leg 11 PQ #25226 Sitting 341 2011-05-03 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Nuqqas ta' likwidità

Question

L-Awditur Ġenerali f’paġna 81 qed jirrapporta wkoll nuqqas ta’ likwidità f’diversi kunsilli lokali bħal dik ta’ Birkirkara fejn l-iżbilanċ ilu għaddej għal dawn l-aħħar tliet snin u fl-aħħar sena l-iżbilanċ bejn il-Current Assets u l-Current Liabilities kien kważi €0.5 miljun, peress li dawn ħafna drabi jkunu riżultati ta’ żbilanċ fil-kont tad-dħul u nfieq tal-kunsill rispettiv, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk : a) Din il-pożizzjoni ġietx aċċettata mid-dipartiment? b) Id-dipartiment jagħti xi gwida f’dawn iċ-ċirkostanzi jew jimponi li jitwaqqfu ċertu spejjeż bħal safar? c) Jekk il-kunsill ma jimxix ma’ din il-gwida, jittieħdu passi fil-konfront tiegħu? d) X’ monitoring qed isir biex is-sitwazzjoni ma tibqax tiggrava?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali ma jaċċettax tali pożizzjoni kif deskritta mill-Onor. Interpellant u jieħu ħsieb biex f’dawn iċ-ċirkostanzi jieħu l-passi li jidhirlu li jkunu neċessarji biex jitwaqqfu ċertu spejjeż. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali jibqa’ jsegwi u jsus fuq il-Kunsilli Lokali konċernati sakemm dawn jirregoralizzaw is-sitwazzjoni tagħhom. Infurmat ukoll li bħalissa d-Dipartiment għall-Gvern Lokali għaddej bi proċess li jġedded u sussegwentement isaħħaħ il-Monitoring Unit fi ħdanu bl-iskop li jsaħħaħ il-monitoraġġ tiegħu fuq sitwazzjonijiet ta’ din ix-xorta fost l-oħrajn.
Leg 11 PQ #25227 Sitting 341 2011-05-03 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — kuntratti tax-xogħol tal-impjegati

Question

Għalkemm id-Dipartiment kien ħareġ struzzjonijiet biex il-Kunsill jaqleb il-kuntratti tax-xogħol tal-impjegati tiegħu minn dawk definiti għal dawk indefiniti, l-awdituri tal-Gvern Lokali nnotaw li mhux il-Kunsilli kollha mxew ma’ dawn l-istruzzjonijiet, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk id-Dipartiment iċċekkjax jekk sal-lum dawn il-kuntratti ġewx riveduti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-informazzjoni mitluba qed tinġabar u tweġiba tingħata f’ xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #25228 Sitting 341 2011-05-03 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali li kellhom jieħdu ammont konsiderevoli mill-KSI

Question

Peress li sa Diċembru 2009 numru ta’ kunsilli lokali kellhom jieħdu ammont konsiderevoli ta’ mhux anqas minn €400,000 mill-Korporazzjoni għas-Servizz tal-Ilma, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk id-Dipartiment jafx jekk dawn il-flus bdewx jinġabru? Jekk iva, liema huma dawn il-kunsilli lokali u kemm kien l-ammont li nġabar s'issa?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Hemm ftehim bejn il-Korporazzjoni ghas-Servizzi tal-Ilma u l-Kunsilli Lokali kif għandhom jitħallsu xi arretrati li hemm pendenti. L-informazzjoni dwar liema Kunsilli tħallsu u kemm tħallsu qed tinġabar u tingħata hekk kif tkun lesta.
Leg 11 PQ #25217 Sitting 340 2011-05-02 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — Rapport Annwali tal-Awditur Ġenerali

Question

B’referenza għat-taqsima dwar il-Kunsilli Lokali fir-Rapport Annwali tal-Awditur Generali fejn isemmi li l-problema li l-Financial Statements mhux qed jintbagħtu fil-ħin qiegħda dejjem tiggrava u qed jirrakkmanda ukoll li d-Dipartiment tal-Kunsilli Lokali jippenalizza lill-kunsilli rispettivi billi titnaqqsilhom parti mill-allokazzjoni skont Artiklu 55(3) tal-Liġi, jista' l-Prim Ministru jgħid: a) għal liema raġuni d-dipartiment irrevoka d-deċiżjoni li kien ħa biex jimponi l-penali fuq dawk il-kunsilli lokali li ma ssottomettewx id-dokumenti fil-ħin; b) id-Dipartiment tal-Gvern Lokali nforma lill-NAO li dawn il-penali se jiġu applikati biss għal dawk il-kunsilli li ma jibagħtux il- Financial Statements sad-29 ta’ Ottubru 2010. Jekk tnaqqset xi parti mill-allokazzjoni, jista’ jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ dawn il-kunsilli u l-ammont li tnaqqsilhom; u ċ) din is-sena d-dipartiment se japplika din il-penali saż-żmien stipulat, jiġifieri t-Tnejn 2 ta’ Mejju 2011 jew se jagħti xi estensjoni bħas-sena l-oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-informazzjoni qed tinġabar mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali hekk kif għaddej b’eżerċizzju komprensiv dwar ir-Rapport tal-Awditur Ġenerali li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Hekk kif jitlesta dan l-eżerċizzju l-informazzjoni tkun tista’ tiġi ppreżentata.
Leg 11 PQ #25218 Sitting 340 2011-05-02 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rapporti tal-Awditur — Osservazzjonijiet

Question

Fid-dawl li r-Rapporti tal-Awditur tas-snin imgħoddija, l-maġġoranza tal-osservazzjonijiet f’paġni 118/119 (2008: 109/110) huma ripetuti (fis-snin ta’ qabel) u dan ifisser li l-problemi mhux qed jiġu ndirizzati, jista' l-Prim Ministru jgħid: a) x’inhu r-rwol tad-dipartiment f’dan ir-rigward; b) id-dipartiment jaf x’inhuma d-diffikultajiet u l-pre-okkupazjonijiet li jsibu l-kunsilli lokali biex japplikaw dawn l-osservazzjonijiet? Jekk iva, x’inhuma; ċ) qed isir xi tip ta’ monitoring min-naħa tad-dipartiment biex jara li l-osservazzjonijiet jiġu ndirizzati; d) qatt ġew imsejħa xi kunsilli lokali biex jagħtu spjegazzjoni lid-dipartiment; u e) id-dipartiment jikkonsidra li jiddaħħlu xi penali jekk l-osservazzjonijiet tas-snin ta’ qabel jibqgħu ma jiġux indirizzati?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-informazzjoni qed tinġabar mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali hekk kif għaddej b’eżerċizzju komprensiv dwar ir-Rapport tal-Awditur Ġenerali li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Hekk kif jitlesta dan l-eżerċizzju l-informazzjoni tkun tista’ tiġi ppreżentata.
Leg 11 PQ #25219 Sitting 340 2011-05-02 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

nuqqas ta’ kontrolli fil-kunsilli lokali

Question

Wara li n-nuqqas ta’ kontrolli fil-kunsilli lokali ħareġ fil-beraħ bin-numru ta’ każijiet li ġew rappurtati matul is-sena 2010 f’numru ta’ ġurnali, jista' l-Prim Ministru jgħid x’passi ħa d-Dipartiment f’kull każ wara dawn l-allegazzjonijiet?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Hekk kif id-Dipartiment għall-Gvern Lokali jikkonkludi l-eżerċizzju komprensiv dwar ir-Rapport tal-Awditur Ġenerali, li hu reltat anke ma’ din il-Mistoqsija Parlamentari kif ukoll mal-Mistoqsijiet Parlamentari preċedenti li għamel l-Onor. Interpellant illum, inkun nista’ nqiegħed fuq il-mejda tal-kamra l-informazzjoni mitluba.
Leg 11 PQ #25220 Sitting 340 2011-05-02 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rapport tal-Awditur — Risposta kif se jindirizzaw in-nuqqasijiet tagħhom

Question

Peress li r-Rapport tal-Awditur juri li għalkemm obbligati, għas-sena Diċembru 2009, 14-il kunsill lokali lanqas biss taw risposta kif se jindirizzaw in-nuqqasijiet tagħhom (Marzu 2009: 24), filwaqt li 21 kunsill bagħtu r-risposta tard (Marzu 2009: 17) u sal-aħħar ta’ Marzu 2011 ħames kunsilli kienu għadhom ma bagħtux ir-risposta tagħhom dwar in-nuqqasijiet għas-sena Diċembru 2009, jista' l-Prim Ministru jgħid jekk: a) id-Dipartiment jafx għaliex dawn il-kunsilli baqgħu ma bagħtux it-tweġiba tagħhom għall-ittra tal-awditur; b) x’passi ħa d-Dipartiment f’dawn iċ-ċirkustanzi; u ċ) kif beħsiebu d-Dipartiment jindirizza din il-problema?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-informazzjoni qed tinġabar mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali hekk kif għaddej b’eżerċizzju komprensiv dwar ir-Rapport tal-Awditur Ġenerali li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Hekk kif jitlesta dan l-eżerċizzju l-informazzjoni tkun tista’ tiġi ppreżentata.
Leg 11 PQ #25221 Sitting 340 2011-05-02 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Riforma fil-Kunsilli Lokali

Question

Bħala riżultat tar-Riforma fil-Kunsilli Lokali, il-Kumitati Konġunti qegħdin fil-proċess li jiġu xolti biex jidħlu minflokhom il-Kumitati Reġjonali, jista' l-Prim Ministru jgħid: a) x’se jkun il-proċess biex dawn il-Kumitati Konġunti jiġu likwidati; b) x’kontroll għandu d-dipartiment fuq dawn il-kumitati u l-finanzi li dawn jamministraw?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-proċess statutorju li għandu jwassal għat-trasferiment tad-delega tal-infurzar tal-liġijiet mill-Kunsilli Lokali, jew il-Kumitati Konġunti (inkluż il-likwidazzjoni tal-Kumitati Konġunti) għall-Kumitati Reġjonali, huwa regolat mill-provvedimenti tal-Ordni dwar id-Delega ta’ Infurzar mill-Kunsilli Lokali u Kumitati Reġjonali (L.S. 363.41), kif emendat permezz ta’ l-AvviżLegali 2 tal-2011. Id-Dipartiment għall-Gvern Lokali għandu u ser jibqa’ jkollu l-istess kontroll fuq l-operat tal-Kumitati Reġjonali bħal ma għandu llum fuq il-Kunsilli Lokali u l-Kumitati Konġunti u dana skond il-provvedimenti tal-Att dwar il-Kunsilli Lokali (Kap 363 tal-Ligijiet ta’ Malta).
Leg 11 PQ #25222 Sitting 340 2011-05-02 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Rapport tal-Awditur — rapport kwalifikat

Question

Ir-Rapporti tal-Awditur Ġenerali fl-aħħar tliet snin dwar il-kunsilli lokali juru li għas-sena li għalqet Marzu 2008 kien hemm 43 rapport kwalifikat, f’Marzu 2009 ġew kwalifikati 52 rapport, filwaqt li f’Diċembru 2009 ġew kwalifikati 43 rapport, fost dawn kien hemm anke kwalifiki serji fejn l-awditur ma setax jifforma opinjoni (‘No Audit Opinion Expressed’) fil-każ ta’ San Ġiljan, jista' l-Prim Ministru jgħid : a) x’azzjoni qed jieħu d-dipartiment f’dan ir-rigward; b) qatt ġew imsejħa xi kunsilli biex jagħtu spjegazzjoni u liema huma; ċ) x’qed jagħmlu l-kunsilli lokali biex jirratifikaw is-sitwazzjoni; u d) id-dipartiment huwa nfurmat jekk dan hux riżultat ta’ immaniġjar ħażin min-naħa tal-Kunsill, jew jekk din is-sitwazzjoni hux qed tigi imposta fuq il-kunsill minn organizzazzjonijiet li dan tal-aħħar m’għandux kontroll fuqhom, bħall-Kumitati Konġunti?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li l-informazzjoni qed tinġabar mid-Dipartiment għall-Gvern Lokali hekk kif għaddej b’eżerċizzju komprensiv dwar ir-Rapport tal-Awditur Ġenerali li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant. Hekk kif jitlesta dan l-eżerċizzju l-informazzjoni tkun tista’ tiġi ppreżentata.
Leg 11 PQ #25174 Sitting 339 2011-04-13 Oral · Interim From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli lokali — nfieq għall-libreriji pubbliċi

Question

Jista' l-Prim Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra x'nefqu l-kunsilli lokali, lokalità b'lokalità f'xiri ta' kotba u investimenti oħra fil-librerija pubblika tal-lokalità mill-1999 sal-lum sena b'sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Infurmat li d-Dipartiment għall-Gvern Lokali qed jiġbor l-informazzjoni rikjesta mill-Onor. Interpellant permezz ta’ Memo 31/2011 li nħareġ mill-istess Dipartiment. Hekk kif dan l-eżerċizzju jkun komplut, l-informazzjoni tkun preżentata fil-Parlament.

PBS — persuni mpjegati ġodda

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm persuni ġew impjegati mal-Public Broadcasting Services matul din is-sena, b'liema kundizzjonijiet, f'liema impjiegi, b'liema kwalifiki u x'tip ta' proċeduri ta' reklutaġġ intużaw biex jiġu impjegati?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Din is-sena ġew impjegati 3 Sales Persons b’sejħa pubblika fuq kuntratt definit. ETC Permit 205/2010 MPO/70/2005/04.

studenti li jattendu fi skola differenti mil-lokalità tagħhom

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista' sħiħa ta' kemm tfal f'kull skola primarja statali f'Malta jattendu kindergarten u skola primarja mhux fil-lokalità fejn jgħixu, f'liema klassi jattendu u x'inhuma r-raġunijiet li jattendu l-iskola fejn jattendu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

kindergarten u iskejjel primarji statali — studenti

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista' tal-kindergarten u skejjel primarji statali ta' Malta li turi kemm f'kull wieħed/waħda minnhom jattendu tfal li ma jgħixux fil-lokalità fejn tinsab l-iskola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Proċeduri biex studenti jattendu fi skola differenti mil-lokalità tagħhom

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma l-proċeduri u l-mekkaniżmu li bihom ġenituri japplikaw biex jibagħtu lill-uliedhom f'kindergarten u fi skola statali primarja f'lokalità differenti minn fejn jgħixu u tgħid min jiddeċiedi kull applikazzjoni u kif id-deċiżjoni tinkwadra fl-Att tal-Edukazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-ġenituri li jixtiequ jibagħtu lit-tfal tagħhom fi skola f’lokalità differenti minn fejn joqogħdu jridu japplikaw fl-uffiċċju tal-Prinċipal tal-Kulleġġ fejn jixtiequ jibagħtu lil uliedhom. Kull applikazzjoni tiġi evalwata bejn il-Prinċipal u d-Direttur Ġenerali għal Servizzi Edukattivi. L-ewwel dritt għal postijiet fl-iskejjel tal-Istat huwa tat-tfal li jgħixu fil-lokalità fejn hemm l-iskola. Jekk fi skola hemm biżżejjed spazju biex jilqgħu dawn it-talbiet, it-tfal ikunu aċċettati, tkun xi tkun ir-raġuni. Ir-realtà hi li għandna numru ta’ skejjel li jifilħu biss in-numru ta’ tfal ta’ dik il-lokalità. Jekk jifdal xi ftit postijiet jintużaw dawn il-kriterji (u f’din l-ordni): 1. Jiġu aċċettati tfal li għandhom l-aħwa diġa’ fl-iskola (sabiex tiġi ffaċċilitata l-ħajja tal-familja u t-tfal imorru l-istess skola) 2. Jiġu aċċettati t-tfal tal-istaff tal-iskola u l-Kulleġġ. 3. Jiġu aċċettati tfal li l-ġenituri tagħhom ikollhom raġunijiet validi għat-trasferiment konness ma’ post ta’ xogħol u/jew trobbija ta’ tfal. 4. Jiġu aċċettati tfal b’raġunijiet oħra.

Genituri li applikaw biex studenti jmorru fi skola differenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm matul din is-sena kien hemm ġenituri li applikaw biex jibagħtu lil uliedhom f'kindergarten u fi skola primarja statali differenti minn fejn jgħixu huma? Għal liema kindergarten u skola primarja statali applikaw? Kemm minnhom ġew aċċettati u f'liema kindergarten u skola? Kemm minnhom ġew rifjutati u għal liema kindergarten u skola kienu applikaw?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Marka medja nazzjonali fis-suġġetti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi l-marka medja nazzjonali fis-suġġetti kollha mgħallma fl-iskejjel sekondarji tal-istat u x'inhi l-marka medja miksuba f'kull suġġet mill-istudenti f'kull kulleġġ fl-eżamijiet li saru fis-sena skolastika 2009 - 2010?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.