Legislature:
Category:
Reset
Active:

Interconnector bejn Malta u Sqallija

Question

Jista' l-Ministru jgħid fejn wasal il-porġett tal-interconnector bejn Malta u Sqallija għall-provvista tal-enerġija elettrika f'pajjiżna? Minn liema sistema u impjant ta' enerġija f'Sqallija se jkun qed jittieħed dawl għal Malta mill-interconnector skont dan il-proġett? Meta hemm il-ħsieb li jibda b'mod konkret ix-xogħol fuq dan l-interconnector?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi bħalissa qed isir xogħol ta’: · tħejjijiet ta’ applikkazzjonijiet għal permessi f’ Malta u fi Sqallija. · surveys tar-rottot fuq l-art fi Sqallija u f’ Malta. · Survey tar-rotta ta’ taħt il-baħar. · Disinn idettaljat tas-sistemi kollha tal-interconnector li jinkludu s-substations fi Sqallija u f’Malta, l- cables ta’ taħt l-art f’Malta u fi Sqallija u l-cable ta’ taħt il-baħar bejn Sqallija u Malta. Il-provvista tal-elettriku se tittieħed mis- substation ta’ Ragusa, li tifforma parti mill-230 kV transmission grid ta’ Sqallija/Italja. Ix-xogħolijiet diġà bdew kif huwa spjegat fl-ewwel parti tal-mistoqsija. L-ewwel xogħolijiet fuq is-sit se jidhru fis-sena 2012 meta xogħolijiet fuq id -distribution centre li se jinbena fil-Magħtab jibdew f'April 2012. Il-Proġett huwa mistenni li jitlesta f’Ottubru 2013, meta l-Interconnector ikun operattiv.

Estensjoni tal-Power Station

Question

Jista' l-Ministru jgħid s'issa kemm tħallset flus il-BWSC għall-estensjoni tal-power station f'Delimara? Jista' jagħti breakdown għalxiex tħallsu dawn il-flus lill-BWSC? X'persentaġġ huma dawn il-ħlasijiet tal-valur kollu tal-kuntratt?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Kuntratt tal-ftehim għall-manutenzjoni tal-impjant

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ġiex iffirmat il-ftehim mal-BWSC tal-kuntratt għall-manutenzjoni tal-impjant li bih qed tiġi estiża l-power station ta' Delimara? Meta ġie ffirmat? X'inhu l-valur tiegħu u għal kemm snin se jkun validu? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dan il-kuntratt?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ebda kuntratt ma ġie ffirmat mal-BWSC għall-manutenzjoni tal-impjant għall-estenzjoni tal-power station ġewwa Delimara. Fil-kuntratt għall-bini tal-estenzjoni, il-Kuntrattur ippreżenta stima ta’ €18-il miljun għall-manutenzjoni tal-impjant għal perjodu ta’ ħames snin. Din l-istima qed tiġi negozjata bejn l-Enemalta u l-kuntrattur, bil-għan li jingħata l-aħjar servizz ta’ manutenzjoni għall-impjant bl-aħjar prezz.

PIRLS — skejjel li ħadu sehem

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il darba l-iskejjel ta' pajjiżna ħadu sehem fil-PIRLS u x'irriżulta mill-istħarriġ li sar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Din hi l-ewwel darba li l-iskejjel primarji Maltin ħadu sehem fil-PIRLS. Is-sena l-oħra sar il-field trial. Dan sar biex jiġu assessjati l-mistoqsijiet qabel jintużaw fil-main study.

PIRLS — servizz tal-literacy support teachers

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'passi konkreti kienu ttieħdu biex jiġu indirizzati problemi li dehru li hemm fl-iskejjel tagħna wara li ħadu sehem fil-PIRLS peress li l-punt li jitwaqqaf is-servizz tal-literacy support teachers u ċċaħħad lill-istudenti/skejjel mill-appoġġ tagħhom anki għal jum aħseb u ara għal xahar sħiħ, ma jidhirlix li hija politika tajba?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Huwa maħsub li dawn l-għalliema ta’ literacy support jispiċċaw ix-xogħol ewlieni tagħhom qabel ma jibdew ix-xogħol fuq il-PIRLS. Huwa maħsub ukoll li dawn l-għalliema jmorru lura fl-iskejjel fl-ewwel ġimgħa ta’ Lulju u b’hekk jiffinaliżżaw mal-għalliema tal-klassi l-pjanijiet ta’ sapport meħtieġa għas-sena d-dieħla għal dawk it-tfal li jkunu jeħtieġu għajnuna.

Librerija Nazzjonali ta' Malta — Strateġija ta' Diġitizzazzjoni

Question

Tista' l-Ministru: a) tikkonferma li l-kumpaniji li tefgħu offerta għall-kuntratt ERDF 109 (National Library of Malta) Digitization Strategy and Framework for the National Library of Malta, huma dawk li d-dettalji tagħhom qed jintbagħtu separatament; b) tikkonferma li fil-laqgħa tal-24 ta' Marzu 2011 tal-bord tal-aġġudikazzjoni tal-kuntratt għad-diġitizzazzjoni tal-Librerija Nazzjonali nstab li ħadd mill-offerenti ma kien compliant mal-kundizzjonijiet tal-offerta u li ntalab l-intervent tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti għal kjarifika u gwida; ċ) tgħid issa fiex wasal dan il-proċess u x'pariri tal-Kumitat Ġenerali tal-Kuntratti u dwar l-offerti għad-diġitizzazzjoni tal-Librerija Nazzjonali; u d) tgħid min eventwalment se jagħmel ix-xogħol ta' diġitizzazzjoni tal-Librerija Nazzjonali; entitajiet privati u/jew personnel tal-librerija kwalifikat u mħarreġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-kumpaniji li tefgħu offerta għall-kuntratt ERDF 109 (National Library of Malta) Digitization Strategy and Framework for the National Library of Malta, huma dawk li d-dettalji tagħhom jintbagħtu separatament. Peress li għadu għaddej il-proċess tal-aġġudikazzjoni, f’dan l-istadju ma tistax tingħata informazzjoni dwar min kien compliant mal-kundizzjonijiet jew le minħabba raġunijiet ta’ kunfidenzjalità, skont il-kundizzjonijiet ippubblikati fit- tenders tal-gvern. Ix-xogħol ta' diġitizzazzjoni tal-Librerija Nazzjonali ser isir minn membri tal-Bibljoteka. Qed tiġi studjata l-possibilità li jsiru diskussjonijiet ma’ entitajiet oħra biex jitħaffef ix-xogħol ta’ diġitizzazzjoni. Kull min jagħmel dan ix-xogħol, sew staff tal-Bibljoteka kemm entitajiet privati, se jingħata taħriġ apposta.

UEPA — postijiet vakanti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'postijiet vakanti kien hemm fl-istrutturi tal-UEPA matul is-sena 2010? Tista' tgħid kemm damu battala? Tista' tgħid kif imtlew dawn il-postijiet? Meta ġew reklamati? Meta għalqet is-sejħa biex jimtlew dawn il-postijiet u meta mtlew? B'liema metodu ta' reklutaġġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

UEPA — postijiet vakanti - applikanti

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'postijiet vakanti kien hemm fl-istrutturi tal-UEPA mill-1 ta' Jannar 2011 sal-lum? Tista' tgħid kif ġew reklamati? X'dati ngħataw għas-sejħa biex jimtlew u meta għalqu dawn id-dati? Tista' tgħid kienx hemm każ ta' post battal għall-awditjar intern li ġie reklamat f'jum partikulari u ngħata jum biss biex jimtela dan il-post? Fejn saret is-sejħa biex jimtela dan il-post? Kemm applikaw għalih? Min intgħażel? Kif intgħażel? Ġew segwiti r-regoli kollha biex jimtela dan il-post?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-Aġenżija tal-Programmi tal-Unjoni Ewropea (European Union Programmes Agency) ma kien hemm l-ebda sejħa għall-awditjar intern. Il-postijiet vakanti li kien hemm mill-1 ta’ Jannar 2011 sal-lum kienu: o Communications and Activities Officer - kien hemm tmien (8) applikanti u ntgħażlet persuna li kienet qed tirreġistra għax-xogħol; o Programme Officer Youth in Action Programme - kien hemm wieħed u tletin (31) applikant u ntgħażlet persuna li kienet qed tirreġistra u o Manager Finance and Administration (Corporate Services) – saret sejha nterna u applikaw żewġ impjegati. Il-post għadu vakanti għax għad irid isiru l- interviews. o National Coordinator – kien hemm 24 applikant u għad iridu isiru l-interviews. L-EUPA ma tirreklamax il-postijiet vakanti kollha għax, wara li jkollha l-permessi meħtieġa biex jiġu reklutati mpjeġati ġodda, l-ewwel toħroġ sejħa nterna biex jekk ikun hemm xi ħadd mill-impjegati nteressat fil-post ikun jista’ japplika. Jekk ma jkun hemm ħadd mill-impjeġati tal-EUPA interessat fil-post, l-ETC tibgħat il-lista ta’ nies li qed jirreġistraw taħt Part I u jekk ma jintgħażel ħadd jintbagħat rapport lill-ETC, li jibgħatu l-lista ta’ dawk li qed jirreġistraw taħt Part 2 u Part 3. Jekk ma jinstab ħadd eliġibbli mis-Selection Board biss jiġu reklamati l-postijiet vakanti fil-gazzetti lokali kollha u fil-Gazzetta tal-Gvern.

Sospensjoni tal-programmi edukattivi — LLP u YIA

Question

Tista' l-Ministru tgħid fix-xogħol li fadal isir biex il-Kummissjoni Ewropea tneħħi s-sospensjoni tal-programmi edukattivi tal-Unjoni Ewropea tal-LLP u YIA liema snin hemm problemi biex tinstab id-dokumentazzjoni kollha tad-dħul u ħruġ relatati ma' dawn il-programmi u biex tiġi rekordjata fis-sistema mitluba mill-Kummissjoni? Fejn wasal dan ix-xogħol u meta hu maħsub li jitlesta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ix-xogħol li ġie maqbul mal-Kummissjoni Ewropea issa tlesta u fid-29 ta’ April 2011 intbgħatu b’mod elettroniku d-Dikjarazzjonijiet tal-Assigurazzjoni tal-2010, waħda għal programm Lifelong Learning u waħda għal-programm tal-Youth in Action. Flimkien mad–Dikjarazzjonijiet tal-Assigurazzjoni intbgħatu ukoll ir-Rapporti taż-żewġ programmi tal-EUPA kif ukoll għadd ta’ dokumentazzjoni mitluba mill-Kummissjoni Ewropea. Il-kopji fiżiċi intbgħatu lill-Kummissjoni Ewropea t-Tnejn, 2 ta Mejju 2011. Id-dokumentazzjoni tal-ħruġ u dħul relatati mal-programmi kif mitluba mill-Kummissjoni Ewropea ġew verifikati u ddaħħlu fis-sistema tal-kontabilita tal-Aġenzija (accruals based accounting system). Ir-rikonċiljazzjonijiet tas-sistema tal-kontabilita’ kemm mal-kontijiet tal-bank kif ukoll mas-sistemi manigerjali tal-informatika taż-żewġ programmi saru wkoll kif mitlub mill-Kummissjoni Ewropea

liġi tal-edukazzjoni dwar l-edukazzjoni ogħla

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex wasal ix-xogħol biex titressaq fil-Parlament il-leġislazzjoni meħtieġa biex taġġorna l-liġi tal-edukazzjoni dwar l-edukazzjoni ogħla? Meta hemm il-ħsieb li titressaq din il-leġislazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor Interpellant li bħalissa għaddejja ħidma biex titħejja l-legislazzjoni aġġornata li se twassal ukoll għall-għaqda bejn il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla u l-Kunsill Malti għall-Kwalifiki. Appena titlesta dil-ħidma, l-abbozz ta' din il-legislazzjoni u kif se tkun organizzata l-entità l-ġdida se jitressqu għall-kunsiderazzjoni tal-Kabinet.

PBS — persuni fuq il-bord tad-diretturi u editorjali

Question

Tista' l-Ministru tgħid min huma l-persuni fuq il-bord tad-diretturi tal-Public Broadcasting Services? Min huma l-persuni fuq il-bord editorjali tal-PBS? Tista' tpoggi lista bl-ismijiet tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuni fuq il-Bordijiet tal-Public Broadcasting Services huma dawn: Bord tad-Diretturi Chairman: Joseph Mizzi Deputy Chairman: Kenneth Pullicino Diretturi: Josef N. Grech Dr. Isabelle Gatt Claire Azzopardi Anson D. Aquilina Bord Editorjali Chairman: Prof. J. Pirotta Diretturi: Prof. Mary Anne Lauri Is-Sur Charles Mizzi

Skejjel ta' Malta u Għawdex — sehem fil-PIRLS

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk f'Ġunju li gej hemmx il-ħsieb li l-iskejjel f'Malta u f'Għawdex jieħdu sehem fil-PIRLS?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-PIRLS fl-iskejjel Primarji Maltin sar mat-tfal tal-Ħames sena fl-ewwel ġimagħtejn ta’ April 2011.

PIRLS — literacy support teachers

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu maħsub li l-literacy support teachers se jdumu jaħdmu fuq il-PIRLS?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Literacy Support Teachers (LSTs) se jaħdmu fuq il-PIRLS mill-aħħar ġimgħa ta’ Mejju u matul Ġunju.

PIRLS — literacy support teachers

Question

Tista' l-Minsitru tgħid jekk ġewx meqjusa l-konsegwenzi ta' deċiżjoni li ċċaħħad lit-tfal mil-literacy support teachers għaż-żmien li jkunu jiġbru t-tagħrif għall-PIRLS?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Huwa essenzjali li l-Literacy Support Teachers (LSTs) ikunu fost dawk li se jimmarkaw il-PIRLS. Din se tkun esperjenza indispensabbli ta’ żvilupp professjonali, billi se tagħtihom lemħa tal-i standards internazzjonali tal-litteriżmu u tal-assessjar tiegħu, kif ukoll stampa dettaljata tal-kapaċitajiet u l-bżonnijiet tal-istudenti Maltin fil-litteriżmu. Fil-fatt, dejjem kien maħsub li l-LST jkunu involuti f’dan ix-xogħol.
Leg 11 PQ #25313 Sitting 342 2011-05-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Ajruplan tas-CIA — nżul fuq Malta

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonferma jew jiċħad ir-rapport li deher fil-ħarġa tat-Torċa tal-10 ta' April, 2011 li ajruplan tas-CIA niżel Malta? Il-gvern kien jaf b'dan l-ajruplan? Għaliex ta l-permess lill-Amerikani li dan l-ajruplan jinżel Malta? Jidhirlu li l-klawsola tan-newtralità ġiet miksura bl-inżul ta' dan l-ajruplan? Billi r-rapport imsemmi qal ċar u tond li l-ajruplan kien mimli armi li se jingħataw lir-ribelli Libjani, u jekk jirriżulta li dan hu l-każ, kif jinkwadra l-għoti tal-armi fid-dawl tar-riżoluzzjoni l973 tal-Ġnus Magħquda li qalet ċar u tond li għandu jkun hemm arms embargo?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li meta telaq minn Malta l-ajruplan imsemmi ma marx il-Libja.

Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla — rapport annwali

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta tqiegħed l-aħħar rapport annwali tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla (NCHE)?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-aħħar rapport annwali tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fit-8 ta’ Ġunju 2010.

Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla — rapport annwali li jmiss

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jitqiegħed ir-rapport annwali li jmiss tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla? Għaliex qed idum daqshekk ma joħroġ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-rapport annwali tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla li jmiss se jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra fil-futur qrib. L-aħħar rapport tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra f’Ġunju 2010.

Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla — ħidma

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'ħidma wettqet il-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla minn Lulju 2010 sal-aħħar ta' Marzu 2011?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-perjodu indikat minnu l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla kellha laqgħat tal-Working Group on Alternatives to MATSEC u laqgħat tal-Bord tal-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla; lestiet ir-rapport annwali kif ukoll ir-rapport fuq l-istatistika għas-settur tal-edukazzjoni ogħla; organizzat seminars bħala parti mill-Proċess ta' Bologna; bdiet ħidma fuq survey dwar ir-rata ta’ studenti li ma jkomplux bl-istudji post-sekondarji u ieħor fuq Sixth Forms; analizzat data rilevanti għal Malta fil-kuntest tal-proġett EUROSTUDENT IV; ipparteċipat bi stands f'fieri għall-istudenti bħal ETC Jobs Fair, Learning Expo Malta 2011 u attivitajiet tal-KSU Student Organisation Days; ħejjiet proposti għall-proġett finanzjat mill-Fond Socjali Ewropej; u ħadmet mal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki fuq diversi proġetti bħal Leonardo da Vinci EQAVET, ECAVET, TEMPUS Programme NCP.

NCHE — xogħol ta' CEO

Question

Tista' l-Ministru tgħid min qed jagħmel ix-xogħol tas-CEO tan-NCHE bħalissa u fiex jikkonsisti x-xogħol tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor Interpellant li bi tħejjija għall-ghaqda bejn l-Kummissjoni Nazzjonali għall-Edukazzjoni Ogħla u l-Kunsill Malti għall-Kwalifiki f’Diċembru tas-sena l-oħra kien tlesta pjan ta' ħidma komuni għaz-zewġ entitajiet taħt it-tmexxija tal-kap ezekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Kwalifiki. Peress li dil-persuna issa nħatret Segretarju Permanenti fil-Ministeru u sakemm issir il-ħatra ta' kap eżekuttiv ġdid, il-Kummissjoni qed titmexxa temporanjament mill-istess segretarju permanenti bl-assistenza taċ-ċermen tal-Kummissjoni.