Tista' l-Ministru tgħid min hu eligibbli biex jintagħżel bħala school logger? X'kundizzjonijiet tax-xogħol hemm marbut ma' xogħol bħal dan? Kif jintagħżlu l-ischool loggers?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-‘ischool loggers’ jiġu nnominati mill-Kap tal-Iskola minn staff li jiffurmaw parti mis-Senior Management Team. M’hemm l-ebda kundizzjoni tax-xogħol marbuta ma’ min jagħmel dan ix-xogħol ħlief li jużaw sistema elettronika (ERFS) tal-MITA biex japplikaw għal servizzi bħal internet, corp, Common Database, Schools Teachers Students System u aċċess għall-generic email tal-Iskola.
Tista' l-Ministru tgħid jekk persuna li tixtieq tibda kors fil-liġi fl-Università ta' Malta bħala mature student għandhiex bżonn bilfors suġġett f'livell A? Jekk iva, liema regolament jesigi dan?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-proċedura li l-Admissions Committee tal-Fakultà tal-Liġi tadotta biex tivverifika l-maturita’ ta’ applikant biex jidħol għall-kors ta’ LL.B. hija kif ġej:
(a) Il-kandidat jintalab li joqgħod għal eżami ta’ siegħa bil-miktub fejn il-kandidat jikteb
essay
bl-ilsien Ingliż (peress li l-Ingliż huwa l-ilsien tal-istruzzjoni adottat mill-Universita’);
(b) Jekk igħaddi minn dan l-eżami, il-kandidat jintalab li joqgħod għall-intervista biex jiġi żgurat illi l-kandidat għandu l-maturita’ meħtieġa;
(ċ) Bħala parti mill-kriterji li l-Admissions Committee tal-Fakulta’ tal-Liġi tadotta huwa li meta kandidat ma jkunx issodisfa lill-Bord li għandu l-maturita’ meħtieġa biex isegwi l-kors, il-kandidat jintalab jippreżenta ċertifikat fil-livell avvanzat fl-ilsien Malti jew l-ilsien Ingliż u jiġi ammess fil-kors wara li jgħaddi minn dan l-eżami bi grad Ċ jew aħjar.
Din il-proċedura hija skont il-provvedimenti tar-regolament 2.2 (a) (iii) u (b) tar-Regolamenti għad-Dħul fl-Universita’.
Jista' l-Ministu jgħid kemm suppost iħallsu passiġġieri b'diżabilità biex jużaw is-servizz tal-Arriva, bħar-rata tal-anzjani? Għaliex sewwieqa differenti qed jitolbu rati ta' ħlasijiet differenti lill-persuni diżabbli biex jużaw is-servizz?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi passiġġieri li għandhom problema ta' mobilita’ u li huma fil-pussess tal-"Blue Badge" maħruġa mill-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita’ jħallsu l-istess tariffi li jħallsu l-anzjani u t-tfal, jiġifieri €0.50 għal ġurnata, jew €0.30 għal sagħtejn, jew €2.30 għal ġimgħa.
Infurmat ukoll li persuni li jużaw is-siġġu tar-roti jivvjaġġaw fuq it-trasport pubbliku mingħajr ħlas.
Rigward l-aħħar parti tal-mistoqsija, jien infurmat li Transport Malta qatt ma' rċeviet ilmenti f'dan ir-rigward u li ser tieħu ħsieb tinforma lill-operatur tat-trasport b’dan l-ilment.
B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 37577, tista' l-Ministru tgħid x'passi ttieħdu kontra d-Direttur/Istitut Agribusiness dwar flus neqsin u li suppost daħlu minn attivitajiet organizzati mill-Istitut f'aħħar erba'snin?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-Prinċipal tal-MCAST nieda investigazzjoni interna mill-ewwel hekk kif sar jaf dwar il-fatt li flus li daħlu minn attivita’ organizzata mill-Istitut msemmi fis-sena 2012 ingħataw tard lill-amministrazzjoni ċentrali tal-MCAST. Ir-rapport ta’ din l-investigazzjoni tlesta u se jiġi diskuss mill-Bord tal-Gvernaturi tal-MCAST fil-laqgħa li jmiss. Bħalissa, d-Direttur tal-imsemmi Istitut tinsab fuq ‘leave’.
Tista' l-Ministru tgħid x'kienet l-ispiża totali biex ir-ristorant li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi jiġi rranġat? Dan kif se jintuża fit-tgħallim? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-menu/menus li qed jaħdmu fuqu l-istudenti u lecturers?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
ITS — impjegati li għalqu l-61 sena u għadhom fl-impjieg
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm impjegati fl-Istitut għal-Istudji Turistiċi li għalqu l-61 sena u li għadhom fl-impjieg fuq kuntratt definit, jew fuq service contracts? Meta ġew ingaġġati u f'liema grad? Saret sejħa pubblika għall-applikazzjonijiet?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Fl-ITS hemm tlett persuni li għalqu l-61 sena. Tnejn minn dawn huma impjegati fuq bażi part-time fil-pożizzjoni ta’ lecturer u l-ieħor fil-pożizzjoni ta’ ‘Industry Liaison Officer and Leonardo Funds Officer’. Filwaqt li persuna oħra qiegħda b’service contract fil-grad ta’ ‘Assistant Secretary’. Kien hemm sejħa pubblika għal pożizzjoni ta’ part time lecturer filwaqt li t-tnejn l-oħra huma ‘position of trust’.
Tista' l-Ministru tgħid liema persuni qed jagħtu s-servizz ta' konsulenza jew servizzi oħra mhux akkademiċi fuq bażi part-time, kuntratt definit jew konsulenza lill-Istitut għal-Istudji Turistiċi? Tista' tgħid għall kull każ, jekk inħarġitx sejħa pubbliku? X'inhuma l-kwalifiki u esperjenzi ta' kull persuna? X'inhu l-ħlas tagħha?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ma hemm l-ebda persuni ġewwa l-ITS li qed jagħtu servizzi ta’ konsulenza.
Fl-ITS hemm żewġ persuni li joffru servizzi mhux akkademiċi. Wieħed huwa impjegat part-time fuq grad ta’ ‘Industry Liaison Officer and Leonardo Funds Officer’ filwaqt li waħda minnhom qegħda fuq bażi ta’ service contract fil-grad ta’ ‘Assistant Secretary’. Ma kienx hemm sejħa pubblika għax dawn huma ‘position of trust’.
Il-persuna li qed jokkupa l-pożizzjoni fuq bażi part-time ta’
industry liasion officer
and
Leonardo funds officer
jifforma parti mill-Hotel and Catering International Management Association (HCIMA). Għal dawn l-aħħar sitt xhur kien jokkupa l-kariga ta’ CEO fl-MHRA. Hu għandu 35 sena esperjenza f’pożizzjonijiet maniġeriali fl-industrija tat-turiżmu. Jitħallas bir-rata ta’ €10.11 is-siegħa.
Il-persuna li qed tokkupa l-posizzjoni fuq bażi ta’
service contract
fil-grad ta’
assistant secretary
għandha 43 esperjenza fl-istess qasam. Hi titħallas bir-rata ta’ €7.61 is-siegħa.
Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm applikazzjonijiet u kemm ġew aċċettati studenti fil-kors għall-persuni b'diżabilità fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi li kellu jiftaħ mal-bidu tas-sena akkademika 2012/2013? Kemm hemm learning support assistants magħhom? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-programme of studies u d-description tal-modules differenti tal-kors?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu impjegati nies b'kuntratt definit mill-1 ta' Jannar 2010 sal-lum mid-Diviżjoni tas-Saħħa biex jiġu deployed fl-Isptar Monte Carmeli billi jgħid f'liema gradi ġew impjegati, għal kemm hu twil kull kuntratt li sar u x'salarji u pagi ġew assenjati lil dawn l-istess impjegati?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Sptar Monte Carmeli — għajnuna supplimentari jew benefiċċji
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi skemi kien hemm implimentati mill-Isptar Monte Carmeli taħt l-awspiċi tad-Diviżjoni tas-Saħħa fil-perjodu l-1 ta' Jannar 2008 sal-lum fejn tidħol għajnuna supplimentari jew benefiċċji partikolari għal individwi li meta jkunu qegħdin jirreġistraw għax-xogħol għax qiegħda jkunu wkoll ġew identifikati b'xi defiċjenza mentali filwaqt li jgħid f'kull każ kull skema xi swiet sena b'sena għall-perjodu hawn indikat?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Isptar Monte Carmeli għandu skema li tħarreġ pazjenti li qegħdin fuq trattament għal kura ta’ saħħa mentali u ttihom kull terapija u rijabilitazzjoni neċessarja li għandhom bżonn sabiex dawn jiġu ntegrati fid-dinja tax-xogħol. Dawn il-pazjenti jingħataw inċentiv finanzjarju li meta jingħadd mal-benefiċċji li huma jieħdu mid-Dipartiment tas-Sigurta’ Socjali ma jeċċedix l-ammont tal-minimum wage. L-Isptar nefaq dawn l-ammonti fuq din l-iskema matul dawn is-snin:
2008 - €177,409
2009 - €148,397
2010 - €105,845
2011 - € 75,865
2012 - € 47,290 (sa l-aħħar t’Ottubru)
Jista' l-Ministru jgħid:
a) kemm kien iż-żmien stipulat biex jitlesta dan il-proġett tal-Sky Parks Luqa Airport;
b) ir-raġuni għaliex ma tlestiex fiż-żmien stipulat;
ċ) kemm kienet l-istima jew l-kuntratt oriġinali;
d) kemm sewa dan il-proġett; u
e) għal liema raġuni mhuwiex qiegħed jintuża mill-Vodafone?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid:
a) meta huwa previst li jitlesta x-xogħol ta' kostruzzjoni fl-MCAST ta' Corradino Hill;
b) x'persentaġġ ta' xogħol sar s'issa; u
ċ) kemm sewa x-xogħol li sar s'issa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-ewwel fażi tal-Kampus il-Ġdid tal-MCAST huwa skedat li jkun lest minn kollox is-sena d-dieħla.
S’issa tlestew 65% tax-xogħlijiet ta’ kostruzzjoni tal-ewwel fażi ta’ dan il-proġett. Għal dan ix-xogħol s’issa ġew ċertifikati b’kemm jammontaw €3,580,181 f’xogħlijiet ta’ kostruzzjoni, €85,349 f’xogħlijiet mekkaniċi u elettriċi (M&E), kif ukoll €59,677 f’xogħlijiet oħra relatati ma’ dawn il-binjiet (‘finishes’).
Jista' l-Ministru jgħid:
a) meta huwa previst li jitlesta ix-xogħol fuq il-Mellieħa
bypass
;
b) meta kellu jistlesta x-xogħol; u
ċ) inqabbżitx is-somma tal-kuntratt?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li sakemm ma' jinqalgħux imprevvisti, ix-xogħol fuq il-ByPass tal-Mellieħa huwa mistenni li jitlesta sa Frar 2013 (snags mhux inklużi).
Oriġinarjament dan ix-xogħol kellu jitlesta sa Diċembru 2012. Is-somma tal-kuntratt għadha ma' nqabżitx.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fl-aħħar erba' snin, sena b'sena, kemm kien hemm każijiet ta' abbużi sesswali fuq it-tfal riferuti lill-pulizija mill-Appoġġ u kemm minnhom, sena b'sena, ġew investigati mill-pulizija u kemm minnhom sena b'sena spiċċaw il-qorti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi n-numri ta’ każijiet ta’ abbuż sesswali fuq tfal li ġew riferuti lill-pulizija mill-Appoġġ mill-2009 sal-llum u x’kien l-eżitu tagħhom huwa kif ġej:
Sena
Nru ta’ każijiet riferuti mill-Appoġġ
Każijiet investigati mill-pulizija wara li ġew riferuti mill-Appoġġ
Każijiet mressqa l-Qorti
Każijiet li ma ġewx imressqa quddiem il-Qorti
2009
6
6
2
4 - mill-investigazzjoni irriżulta li m’hemmx każ
2010
6
6
2
4 - mill-investigazzjoni irriżulta li m’hemmx każ
2011
20
20
6
6 - mill-investigazzjoni irriżulta li m’hemmx każ
5 - l-investigazzjoni għadha għaddejja
3 - il-kwerela rtirata
2012
20
20
11
4 - mill-investigazzjoni irriżulta li m’hemmx każ
5 - l-investigazzjoni għadha għaddeja
Jista' l-Ministru jgħid jekk qabel l-indivdwu li d-dettalji dwaru qed jintbagħtu separatament beda jiġi maħtur bħala espert tal-qorti fuq frodi mis-sena 1993 sal-lum, kienx magħruf li fis-sena 1992 instab ħati minn qorti f'Londra ta' frodi ta' £50,000 għad-dannu tal-Air Malta meta kien impjegat tagħha? Jista' jgħid x'passi ħadet il-ġudikatura f'dawn l-aħħar 19-il sena biex tiżgura ruħha mill-integrità tax-xogħol li jagħmel bħala espert tal-qorti? Jista' jgħid jekk il-ġudikatura hix se tkompli taħtru bħala espert tal-qorti għal li ġej?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ma rrizulta minn imkien li qabel beda jigi mahtur bhala espert tal-Qorti l-imsemmija persuna kienet maghrufa li giet misjuba hatja ta’ frodi minn Qorti f’Londra.
L-esperti tal-Qorti jigu mahtura mill-Qorti u l-partijiet jistghu dejjem joggezzjonaw ghal tali hatra ghalkemm spetta lill-Qorti tilqax jew le dik l-oggezzjoni. Ix-xoghol tal-esperti huwa soggett ghall-iskrutinju fil-miftuh kemm mill-Qorti kif ukoll mill-partijiet fil-kawza u meta l-Qorti jkollha raguni tissuspetta mill-integrita’ tax-xoghol tal-espert spetta lill-Qorti li tiehu l-mizuri li jidhirliha xierqa. Il-Ministru ma jindahalx lill-gudikatura fix-xoghol taghha u ghalhekk, kif inghad, min jigi mahtur espert tal-qorti fil-futur hi decizjoni li trid tittiehed mill-gudikant f’kull kaz
Jista' l-Ministru jgħid fis-sena 2008 kemm kien hemm każijiet ta' abbużi sesswali fuq tfal rifertuti lill-pulizija mill-Appoġġ u kemm minn dawn spiċċaw investigati mill-pulizija u kemm minnhom tressqu l-qorti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi n-numri ta’ każijiet ta’ abbuż sesswali fuq tfal li ġew riferuti lill-pulizija mill-Appoġġ matul is-sena 2008 u x’kien l-eżitu tagħhom huwa kif ġej:
Sena
Nru ta’ każijiet riferuti mill-Appoġġ
Każijiet investigati mill-pulizija wara li ġew riferuti mill-Appoġġ
Każijiet mressqa il-Qorti
Każijiet li ma ġewx imressqa quddiem il-Qorti
2008
5
5
2
1 - mill-investigazzjoni irriżulta li m’hemmx każ
1 - il-kwerela rtirata
1 – il-persuna suspettata mietet tul il-kors ta’ l-investigazzjoni
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk hemmx xi linji gwidi li ssegwi l-pulizija biex tiddeċiedi meta rapport ta' abbuż sesswali fuq tfal tinvestigah u wara li ssib provi ċari biżżejjed tiddeċiedi li tarresta persuna u tressaqha l-qorti u takkużaha b'abbuż sesswali fuq tfal? X'jikkostitwixxu provi ċari għall-pulizija? Jekk jeżistu bil-miktub dawn il-linji gwidi jista' jpoġġi kopja tagħhom fuq il-Mejda tal-Kamra? X'passi tieħu l-pulizija biex fejn ir-rapport ta' abbuż sesswali jkun qed isir minn sieħeb/sieħba fi żwieġ bi problemi konjugali, jiġi vverifikat li t-tifla/tifel li qed tagħmel l-allegazzjonijiet mhix qed tintuża minn parti kontra oħra fil-kunflitt bejn il-koppja?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija għandha l-obbligu bil-liġi li tinvestiga kull rapport, denunzja jew kwerela li tirċievi dwar reati kriminali. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija huma rregolati bil-provvedimenti li hemm kemm fil-Kodiċi Kriminali (Kap 9) kif ukoll fl-Att dwar il-Pulizija (Kap 164). Fil-kors ta’ dawn l-investigazzjonijiet, l-arresti jistgħu jsiru kif hemm imsemmi fl-artiklu 355V et seq tal-Kap 9. Il-Pulizija tiddeċiedi tressaqx persuna l-Qorti jew le, wara li jkunu ġew evalwati l-provi kollha miġbura fil-kors tal-investigazzjoni. Huwa biss meta l-grad tal-provi miġbura huwa wieħed għoli u jkun maħsub li jwassal għal sejbien ta’ ħtija quddiem il-Qorti. Jekk l-investigatur ikollu xi dubju jekk il-grad tal-prova huwiex biżżejjed sabiex jakkuża lill-persuna suspettata quddiem il-Qorti jew le, dejjem jista’ jikkonsulta ma’ l-Avukat Ġenerali għal parir tiegħu.
Fil-każi relatati ma’ abbużi sesswali fuq it-tfal, dawn ġeneralment jinizjalaw mill-Aġenzija Appoġġ. Wara li dawn jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom, u fejn jaraw li jkun hemm suspett raġonevoli ta’ reat kriminali, dawn jirreferu l-każ għall-investigazzjonijiet kriminali mill-Pulizija. F’dawn l-investigazjonijiet il-minorenni dejjem jiġu mitkellma fil-preżenza ta’
social workers
. Barra minnhekk, għalkemm m’hemmx linji gwida bil-miktub, jittieħdu l-miżuri kollha possibbli biex it-tfal f’każijiet bħal dawn ma jkunux użati minn ġenitur jew ieħor.
Aġenzija Appoġġ — Rapporti ta' abbużi sesswali fuq it-tfal
Question
Jista' l-Ministru jgħid fis-sena 2008 kemm kien hemm rapporti ta' abbuż sesswali fuq it-tfal li waslu għand l-Appoġġ u kemm l-Appoġġ irrefera minn dawn il-każijiet lill-pulizija?
Response (SAID, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li in-numru ta’ rapporti ta' abbużi sesswali fuq it-tfal li waslu għand l-Agenzija APPOGG fis-sena 2008 kienu 163
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni ta’ kemm minn dawn il-kazijiet gew referuti lill-pulizija u kemm minnhom spiccaw il-Qorti tinzamm mill-Pulizija u mhux mill-Agenzija APPOGG.