Legislature:
Category:
Reset
Active:

Enemalta — kumpens lill-persuna - danni minħabba surges qawwija tad-dawl

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'kienet it-tweġiba tal-Korporazzjoni Enemalta għat-talba li għamel l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li f'Ġunju 2009 sofriet ħsarat li jiswew €7000 minħabba surges qawwija ta' dawl wara li s-servizz tad-dawl kien mar darbtejn? Il-Korporazzjoni Enemalta meta wieġbet lil din il-persuna? Kemm-il darba kkorrispondiet ma' din il-persuna u fejn waslet fil-kunsiderazzjoni tagħha biex tagħti kumpens lil din il-persuna għall-ħsarat li kkaġunat?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 26997.

Enemalta — surges qawwija ta' dawl - ħsarat

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet il-Korporazzjoni Enemalta wara li l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, li f'Ġunju 2009 sofra ħsarat ta' €7000 wara surges qawwija tal-elettriku u l-Ombudsman (każ J0404) irrikmanda l-Korporazzjoni Enemalta tibda tirrispetta Direttiva UE 2009/72/EC u saħħaħ il-mekkaniżmu kif tindirizza kwistjonijiet bħal dawn bla ma jkun hemm bżonn li l-partijiet jidħlu fil-Qorti?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi wara diskussjoini mal-uffiċċju tal-Ombudsman u l-MRA, il-korporazzjoni appuntat Advisory Board magħmul minn tlett persuni. Il-funzjoni ta’ dan l-Advisory Board u li jeżamina kull appell li jirċievi u wara jieħu deċizjoni jekk l-Enemalta għandiex tikkumpensa il-konsumatur tal-ħsara li jkun ġarab. Id-deċiżżjoni ta’ dan l-‘Advisory Board’ tkun waħda indipendenti għall-kollox minn dik li tkun ħadet l-Enemalta. Il-każ tal-klient imsemmija minn l-Onorevoli Interpellant qiegħed quddiem dan l-Advisory Board.

Proġett tal-Marsa Sports Village

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex jikkonsisti l-proġett tal-Marsa Sports Village u kemm ilu jiġi mħejji? Fejn wasal?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għar-tweġiba li ngħatat għall-Mistoqsija Parlamentari numru 25636.

Marsa Sports Village — proġett - proposti

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx xi żviluppaturi lokali/barranin li għamlu proposta biex isir il-proġett tal-Marsa Sports Village?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-proposta għall-proġett tal-Marsa qed tiġi oriġinata mill-gvern u mhux minn investituri privati. Sal-lum il-parametri dettaljati ta’ dan il-progett għadhom mhux konkluzi u għaldaqstant għadhom ma ħarġux fil-pubbliku. Għalhekk l-ebda investitur lokali jew barrani ma huwa f’pożizzjoni li jagħmel il-proposti tiegħu f’dan l-istadju.
Leg 11 PQ #26907 Sitting 373 2011-06-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Protezzjoni Ċivili — klieb attivi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-klieb li kien hemm flimkien ma' Sweety, jiġifieri Bali, Nicky u Kira, għadhomx attivi fid-Dipartiment? Jekk le, fejn jinsabu u xi proċess sar biex jitneħħew?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi t-tlett iklieb imsemmija ġew mqiegħda taħt il-ħarsien ta' familji wara li tnejn minn dawn il-klieb kienu wisq xjuħ biex ikomplu jagħmlu it-taħriġ intensiv neċessarju għat-tfittxija għal nies b'mod effettiv, filwaqt li l-kelba l-oħra, peress li kienet qed turi aggressività, kienet ikkunsidrata li ma kellhiex il-kwalitajiet li huma meqjusa essenzjali skont standards internazzjonali, biex tkun tista' tfittex nies mirdumin.

MFSA — LA Valette Multi Manager Property Fund

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi lista ta’ membri tal-istaff u ta’ qraba, ġenituri, tfal jew aħwa jew nies oħra li jgħixu fl-istess household tagħhom, liema staff kienu jaħdmu fil-BOV, Valletta Fund Management Ltd u Valletta Fund Services Ltd matul l-2008 u li fdew l-investiment tagħhom fil-La Valette Multi Manager Property Fund? Jekk il-Ministru jsib oġġezzjoni li jidentifika l-istess individwi, jistax jagħti l-istess informazzjoni forma ta’ statistika? Jista’ jikkonferma li ftit ġimgħat wara l-ewwel allegazzjonijiet li saru f’dan ir-rigward, l-Awtorità ta' Malta għas-Servizzi Finanzjarji diġà kienet sabet evidenza prima facie ta’ dan it-tip wara eżerċizzju ta’ intelligene gathering li kienet għamlet? X’irriżulta s’issa fir-rigward tal-investigazzjoni tal-fidi ta’ dan l-investiment mill-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, kif joħroġ ċar minn dokumenti pubbliċi? Jista' jikkonferma li fl-ewwel xhur tal-2008 saret kampanja low-key fost il-Financial Planning Officers tal-BOV li fid-dawl tal-aħbarijiet ħżiena li kienu qed jirċievu dwar il-Belgravia kellhom jikkuntattjaw lill-klijenti li kienu jqisu preferenzjali, inklużi dawk b’holdings kbar, biex jgħidulhom ibiegħu jew inaqqsu kollox?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Ministeru m’għandux l-informazzjoni mitluba, u fi kwalunkwe każ jidher illi ħafna mill-informazzjoni mitluba tinsab protetta bil-liġijiet ta’ kunfidentjalità u data protection skont liġijiet mgħoddija minn dan l-istess Parlament. Dak li qed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant huwa jekk fil-każ tal-La Valette Multi Manager Property Fund kienx hemm “insider information.” Kif ħabbret l-awtorità investigazzjoni qed issir f’dan ir-rigward.

Skema Get Qualified — istituzzjonijiet edukattivi lokali li applikaw

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm istituzzjonijiet edukattivi lokali li applikaw u ġew aċċettati biex jipprovdu korsijiet taħt l-iskema Get Qualified tal-Malta Enterprise? Kemm hemm istituzzjonijiet oħra lokali li applikaw biex jipprovdu dawn il-korsijiet u s'issa ma ġewx aċċettati u l-applikazzjoni tagħhom għadha qed tiġi proċessata? X'inhi r-raġuni li l-applikazzjoni tagħhom qed tieħu daqshekk żmien biex tiġi proċessata? Ma jaħsibx li l-istituzzjonijiet li jiġu aċċettati malajr u dawk li jdumu ma jiġu aċċettati ma jkunux fuq level playing field u tal-ewwel jingħataw vantaġġ inġust fuq oħrajn?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-inċentiv Get Qualified ma japprovax l-istituzzjonijiet infushom iżda korsijiet individwali li jwasslu għall-kwalifiki ta’ livell pre-stabbilit. Training Providers huma mitluba jissottomettu dettalji dwar il-korsijiet li joffru biex jiġu ikkunsidrati. Meta dawn il-korsijiet jiġu approvati, jitniżżlu fil-lista uffiċċjali ta’ kwalifiki eliġibbli. Il-kumitat li jevalwa dawn l-applikazzjonijiet huwa magħmul minn rappreżentati kemm mill-qasam tal-edukazzjoni kif ukoll mill-industrija. Il-korsijiet li jiġu approvati huma biss dawk li ikunu in regola mal-linji gwida tal-inċentiv kif ippublikati mill-Korporazzjoni. Dan naturalment jitlob ukoll li dawk l-organizzazzjonijiet li qed jipprovdu t-taħrig ikunu rreġistrati mar-regolaturi u konformi mal-parametri mitluba minn istituzzjoniet edukattivi nazzjonali applikabbli, kif ukoll ikollhom l-awtorizzazzjoni neċessarja tal-korpi li jippremjaw lill-istudenti biċ-ċertifikazzjoni, biex jagħtu dan it-taħriġ. Sal-lum il-Malta Enterprise laqgħet applikazzjonijiet għall-168 kors. Minn dawn 48 kors ġew approvati; 67 ġew rifjutati; 13 qegħdin fil-fażi finali; filwaqt li 40 kors għadhom pendenti għax il-Korporazzjoni qeda tistenna aktar informazzjoni mingħand it- training providers biex ikunu jistgħu jiġu ipproċessati. Niġbed l-attenzjoni li dan l-inċentiv huwa immirat lejn l-istudenti u għalhekk il-benefiċjarji ikunu l-istudenti infushom u mhux it- training providers ; għalhekk jekk kors li jiġi sottomess ikopri suġġett jew qasam ta’ studju li hu eliġibbli skont il-linji gwida, meta id-dokumentazzjoni kollha neċessarja tiġi sottomessa, l-approvazzjoni tapplika retroattivament mid-data tal-ewwel sottomissjoni u għalhekk tiġi assikurata level playing field .

San Pawl il-Baħar — tneħħija tal-kap tal-iskola primarja

Question

Tista' l-Ministru tara li tiġi rikonsidrata d-deċiżjoni li tinbidel il-kap tal-Iskola Primarja ta' San Pawl il-Baħar għax qed tagħmel xogħol tajjeb ħafna u żgur fadlilha x'tagħti qabel tintbagħat fi skola oħra? Għaliex qed titneħħa meta kulmin jaf ir-realtà kumplikata ta' din l-iskola jaf kif il-kap preżenti qed tagħti kontribut pożittiv ħafna u t-tneħħija tagħha se tagħti skoss lill-iskola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ilu xhur jevalwa d-deployment tal-kapijiet tal-iskejjel. Id-Direttorat ferm konxju kemm fuq il-bżonnijiet tal-iskola ta’ San Pawl il-Baħar, kif ukoll fuq il-bżonnijiet tal-iskejjel kollha l-oħra tal-istat. Id-Direttorat jagħmel l-almu tiegħu biex isib kapijiet b’kompetenzi u esperjenza biex imexxu l-iskejjel skont il-bżonnijiet tagħhom. Id-Direttorat jassigura li x-xogħol tajjeb li beda taħt il-kap preżenti f’San Pawl il-Baħar, jitkompla mal-Kap il-ġdid.
Leg 11 PQ #26991 Sitting 373 2011-06-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

proposta għal bini ta’ mina bejn Malta u Għawdex — informazzjoni dwar il-blat

Question

Jista’ l-Ministru jikkummenta dwar l-istqarrijiet pubbliċi li għamel Professur Eivind Grøv dwar il-proposta għall-bini ta’ mina bejn Malta u Għawdex? Peress li l-Prof Grøv stqarr illi l-importanti huwa li t-tħaffir isir ġo blat sod, jista’ il-Prim Ministru jivverifika jekk il-Prof Grøv kienx qed jirreferi għal blat metamorfiku b’saħħtu ħafna tan-Norveġja, fejn hu esklussivament ġab l-esperjenza tiegħu dwar it-tħaffir ta’ mini, jew kienx qed jirreferi għal blat kalkarju ta’ Malta, bħaż-żonqor, li huwa għaxar darbiet inqas b’saħħtu mill-blat metamorfiku Norveġiz? Ma jaħsibx illi l-Prof Grøv kien prematur u nieqes mil-professjonalità meta għamel kummenti dwar il-blat ta’ Malta, u saħansitra qal li l-prospetti ġeoloġici bejn Malta u Għawdix huma tajbin, meta dan m’għandux l-informazzjoni jew l-għarfien dwar il-blat ta’ Malta? Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Gvern talabx il-parir ta’ ġeoloġisti Maltin dwar dan il-proġett qabel ma nġab inġinier Norveġiz biex jikkummenta dwar il-ġeoloġija ta’ Malta?

Response (GONZI, LAWRENCE)

L-iskop taż-żjara tal-Professur Eivind Grøv f’Malta kien li jaqsam l-esperjenza tat-tħaffir ta’ mini taħt qiegħ il-baħar f’pajjiżi Skandinavi. Il-Prof Grøv għandu esperjenza vasta fit-tħaffir ta’ mini taħt qiegħ il-baħar f’diversi pajjiżi, mhux esklussivament fin-Norveġja. Ħadem f’pajjiżi Skandinavi bħan-Norveġja, kif ukoll fil-gżejjer Faroe, Shetland u fl-Iżlanda fejn il-blat hu metamorfiku u b’saħħtu iżda xorta jippreżenta problemi u sfidi. Ħadem ukoll f’pajjiżi fl-Asja bħal fl-Għarabja Sawdita u anki f’Singapore fejn tħaffru mini f’limestone. Qabel għamel il-preżentazzjoni tiegħu, il-Professur Grøv kellu laqgħat mal-Awtorità Maltija għar-Riżorsi u anki ma’ uffiċjali ta’ Transport Malta. Il-Gvern Malti talab lill-Professur Grøv biex jagħti informazzjoni dwar dan it-tip ta’ sub-sea tunnels – mini taħt qiegħ il-baħar. Kif jindika s-CV tiegħu, li se titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’xi seduta oħra, il-Professur Grøv huwa President tan-Norwegian Tunnelling Society, u ex Viċi President tal-International Tunnelling Association. L-esperjenza, l-għarfien, u l-kuntatti li għandu jistgħu jgħinuna nieħdu deċiżjonijiet infurmati. Il-proċess kollu għadu fil-fażi inizjali u l-Gvern se jimxu biex isiru l-istudji kollha neċessarji u se jieħu l-pariri tal-esperti biex tkun tista’ tittieħed l-aħjar deċiżjoni. Kopja tal-presentation li l-Professur Grøv ta waqt laqgħa pubblika fil-Grand Hotel nhar il-Ħamis 16 ta’ Ġunju se titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra f’xi seduta oħra għall-informazzjoni tal-Membri ta’ din il-Kamra.
Leg 11 PQ #26992 Sitting 373 2011-06-27 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kwestjoni dwra l-onorarja tal-Kabinett

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid x'kienu r-raġunijiet li għalihom dan il-parlament u l-pajjiż kollu ma ġiex infurmat mill-ewwel biż-żieda ta' €500 fil-ġimgħa li l-Kabinett ta lilu nnifsu fis-sena 2008? Jista' jispjega dak li qal lill-grupp parlamentari tiegħu li kien "żball amministrattiv" li l-Ministri ħadu żieda fl-onorarja tagħhom bħala membri parlamentari qabel membri parlamentari oħra?

Response (GONZI, LAWRENCE)

M’ għandhi xejn x’inżid mal-istqarrija Parlamentari li għamilt fid-19 ta’ Jannar 2011.

każ ta' studenta li mhux qed tattendi l-iskola

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex vera li t-tifla, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, li suppost tattendi l-iskola Maria Assumpta, Hamrun ilha sentejn ma tattendi? Għaliex? X'passi ttieħdu biex it-tifla tiġi megħjuna tegħleb il-problemi tagħha li jżommuha milli tattendi l-iskola? Ġie kkunsidrat li tintbagħat f'xi skola oħra biex tibda tattendi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-Servizzi Edukattivi Psikosoċjali għamlu diversi interventi ma’ l-istudenta biex tirritorna lura l-iskola. Ingħata servizz ta’ psychotherapist, counselling u anke social work. Dawn il-professjonisti kollha għamlu diversi kuntatti ma’ l-istudenta u l-familja tagħha fosthom sessjonijiet ta’ counselling u żjarat id-dar. Ġew anke esplorati diversi alternattivi biex l-istudenta tibda tattendi l-iskola ftit ftit u għal ftit żmien l-istudenta bdiet tattendi pero’ wara ftit reġgħet bdiet tfalli u għalhekk il-każ ġie referut lis- social workers. Bejn Novembru 2010 u April 2011 dawn żammew kuntatt regolari ma’ l-istudenta u ħadmu ħafna magħha biex temmen aktar fija nnifisha u b’hekk tkun tista’ tirritorna l-iskola. Il-każ għadu qed jiġi segwit.
Leg 11 PQ #26875 Sitting 371 2011-06-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill Lokali tal-Mellieħa — telefonati dwar proposta li triq issir one way

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid min awtorizza li jsiru telefonati mill-uffiċċju tiegħu lis-sidien tal-ħwienet fil-Mellieħa biex jaċċettaw il-proposta tas-Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Mellieħa li jaħdem fl-uffiċċju tiegħu biex Triq George Borg Olivier issir one-way fid-direzzjoni tal-Għadira?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Nitlob lill-Onor.Interpellant jindika l-ġranet u l-ħin, minn min u lil min saru t-telefonati li qed jirreferi għalihom fil-Mistoqsija Parlamentari.

Marsa — Xatt l-Għassara tal-Għeneb - xogħlijiet fuq triq

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jitlesta x-xogħol fuq il-bini tat-triq u l-proviżjoni ta' servizzi relatati ma' Xatt L-Għassara Tal-Għeneb, Marsa peress li iżjed ma jdum ix-xogħol iżjed se jkun hemm problemi għal dawk li għandhom l-uffiċini u l-imħażen tal-kumpaniji tagħhom?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 25752.

Enemalta — Impjant tal-BWSC - esportazzjoni ta' skart

Question

Jista' l-Ministru jgħid xi ftehim ġie ffirmat mill-Korporazzjoni Enemalta biex tesporta u tiddepożita l-iskart li se joħroġ mill-Impjant tal-BWSC f'Delimara meta jibda jopera f'Mejju li ġej? Kemm se jiswa kull sena biex pajjiżna jeħles minn dan l-iskart u fejn se jittieħed?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-proċess tal-procurement biex jiġi esportat u depożitat l-iskart beda fil-15 ta’ April 2011 u għadu għaddej. L- award tat -tender mistenni isir f’Awwissu, jekk ma jkunx hemm appelli. Skont il-Commissioning Plans inkunu iridu nibdew niddisponu l-iskart f’Ottubru ta’ din is-sena.
Leg 11 PQ #26905 Sitting 371 2011-06-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Protezzjoni Ċivili — K9 Search and Rescue Dog

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament u l-voluntiera tiegħu ma kenux imwaqqfin jew trasferiti għal sezzjoni oħra fil-Protezzjoni Ċivili bħalma kienu l-unika tliet membri tal-Protezzjoni Ċivili li d-dettalji tagħhom ukoll qed jingħataw separatament sakemm tiġi konkluża l-investigazzjoni tal-pulizija fuq il-mewt tal-K9 Search and Rescue Dog, Sweety?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-perusni li qed isir referenza għalihom ġew trasferiti skont l-esiġenzi tas-servizz.
Leg 11 PQ #26906 Sitting 371 2011-06-21 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Protezzjoni Ċivili — Trasferiment ta' ħaddiema

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk it-trasferimenti li ġew mogħtija t-tliet membri li d-dettalji tagħhom qed jingħataw separatament waqt li għadha għadejja l-investigazzjoni tal-pulizija, ingħatax biex jintefa' dell ikrah fuqhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari preċedenti ċioe' nuru 26905.

Arms Ltd — ilmenti bit-telefon jew bl-email

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm kienu l-ilmenti li rċeviet Arms Ltd mill-bidu tas-sena 2011 sal-lum, xahar b’xahar permezz tat-telefon, bl-email u b'messaġġi li tħallew rekordjati fuq l-answering machine b’mod separat?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-ARMS ma żżommx statistika li tirreferi limitatament għal ilmenti iżda żżomm statistika li tiġbor kull kuntatt li jsir magħha mill-klijenti għal kwalunkwe servizz u nformazzjoni li jkollhom bżonn. Dawn il-kuntatti jinkludu talbiet għal informazzjoni ġenerali dwar il-kont li jirċievu l-klijenti, talbiet għal servizzi ġodda jew addizzjonali, ilmenti dwar ħsarat, u affarijiet oħra relatati mas-servizz tad-dawl u ta’ l-ilma. L-informazzjoni mitluba qed titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra.

City and Guilds — eżamijiet li tħassru

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk dan l-aħħar tħassrux xi eżamijiet tas-City and Guilds li kellhom isiru minn studenti ta' xi istituti tal-MCAST u l-istudenti ġew avżati fl-aħħar minuta? Għaliex tħassru? Meta se jsiru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Peress li l-eżami tas-City & Guilds tal- hairdressing sar l-ewwel darba din is-sena, dan ġie rreġistrat taħt sistema online magħrufa bħala GOLA meta ġejna nfurmati li r-reġistrazzjoni kellha ssir taħt sistema differenti. Peress li kien hemm żball fid-data tal-eżami, fuq talba tal-istudenti, l-MCAST għamel arranġamenti biex l-eżami jsir fit-tieni ġimgħa ta’ Lulju. Dan sar biex jipprovdi aktar ċans għal reviżjoni minn naħa tal-istudenti.

CDAU — titjib fis-servizz

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti ttieħdu biex jitwettqu miżuri rakkmandati mit-task force imwaqqfa apposta biex tara x'titjib hemm bżonn mis-servizzi offruti mis-CDAU?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Sptar Mater Dei — arranġamenti ma' John HopkinsUniversity School of Medicine

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi ftehim/arranġament ma' John Hopkins University School of Medicine fl-Isptar Mater Dei? Fiex jikkonsisti u x'inhu l-ħlas għal dan il-ftehim?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.