Enemalta — Emission Abatement Equipment - Urea u bicarbonate soda
Question
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal il-proċess tal-għoti ta' kuntratt biex il-Korporazzjoni Enemalta tikseb provvista regolari ta' urea u ta' bicarbonate soda għall-emission abatement equipment tal-estensjoni tal-power station f'Delimara?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Korporazzjoni Enemalta ħarġet żewġ tenders:
· Period Contract for the Supply and Delivery of Granular Urea to Delimara Power Station li ħarġet fl-10 ta’ Mejju 2011 u li se tgħalaq fit-12 ta’ Lulju 2011.
· Tender for the Supply and Delivery of Sodium Bicarbonate to Delimara Power Station
li ħarġet fl-24 ta’ Ġunju 2011 u li se tgħalaq fl-4 ta’ Awwissu 2011.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet l-istima tal-prezz tas-service tunnel li jgħaqqad Delimara u l-Marsa powerstations qabel ma dan sar, u kemm fil-fatt ġie jiswa dan it-tunnel meta tlesta? Jista' l-Ministru jgħid l-isem tal-kumpanija li rebħet it-tender maħruġ minn Transport Malta biex tagħmel il-feasibility study għat-tunnel propost bejn Malta u Għawdex?
Response (FENECH, TONIO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-istima oriġinali kienet ta €4,817,911.72. Sussegwentement minħabba modifiki fil-permessi tal-MEPA u problemi ġeoloġiċi fil-blat tal-mina, il-pjan tat-tfassil kellu jiġi modifikat u l-alterazzjonijiet ġew jiswew €3,895,761.78. Dan ix-xogħol beda fis-sena 2000 u tlesta fis-2010. Il-proġett totali ġie jiswa €8,713,673.50.
Planing and Priorities Co-Ordination Division — Kumpless tal-White Rocks
Question
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk il-Planning and Priorities Co-Ordination Division u l-EU Secretariat li rispettivament jaqgħu taħt id-dikasteru tiegħu qattx tawh il-parir li t-trasferiment tal-art fil-Kumpless tal-White Rocks fin-Naxxar lill-konsorzju privat mingħajr ebda sejħa għall-offerti jammontawx għal forma ta' State Aid u għaldaqstant tali trasferiment imur kontra l-Liġijiet Ewropej li Malta bħala Membru tal-Unjoni Ewropea għandha d-dmir li tosserva?
Response (GONZI, LAWRENCE)
M’ għandiex dubdju li l-Onor.Interpellant jaqbel miegħi dwar l-importanza li l-Ministri jkollhom aċċess għal pariri oġettivi. Jidhirli li biex il-gvern jkompli jkollu dawn il-pariri oġġettivi m’għandiex nippublika opinjonijiet, jew rakkomandozzjonijiet miksuba fil-kors tal-proċessi deliberattivi marbuta mal-funzjonijiet tal-Gvern.
Nista’ nżid pero’ li dak li se ssir għar-rigward ta’ dan il-proġett se jkun konformi mal-liġijiet Maltin kif ukoll dawk tal-Unjoni Ewropea.
Jista' l-Prim Ministru jgħid x'passi ħa s-segretarju parlamentari l-Onor. Mario de Marco fid-dikasteru tiegħu dwar dak li ġie rappurtat li qal f'The Sunday Times tal-10 ta' April, 2011 li l-pulizija qed jinterpretaw ħażin il-liġi dwar il-konsum tal-alkoħol waqt kunċerti u kien se jiċċara jew jikkoreġi din l-interpretazzjoni jew inkella jbiddel il-liġi biex alkoħol ikun jista' jiġi kkunsmat minn persuni 'l fuq minn 17-il sena f'kunċerti f'area magħluqa?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi l-Onor. Interpellant ghall-Avviż Legali 269 tal-2011 li jemenda ir-Regolamenti biex Jinżamm il-Bon Ordni f’Lokalitajiet ta’ Divertiment.
Bdil fir-regolamenti tal-konsum tax-xorb alkoħoliku waqt kunċerti
Question
Jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jinbidlu r-regolamenti biex ikun permess bejgħ u konsum ta' xorb alkoħoliku lill-persuni ta' eta' 'l fuq minn 17-il sena f'kunċerti f'area magħluqa bħal dak li se jsir fid-9 ta' Lulju, 2011 minn Joseph Calleja fuq il-Fosos?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-modalità tat-tibdil fir-regolamenti qiegħed jigi diskuss bejn l-awtoritajiet pubbliċi kkonċernati.
Korporazzjoni Enemalta u d-Dipartiment tal-Kuntratti — screening dwar każijiet ta’ korruzzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb mistoqsijiet parlamentari 21284, 20631, 19706, 18818, 18525, 18188, 17942 u 17579 u jgħid xi screening u verifiki saru mill-Korporazzjoni Enemalta u d-Dipartiment tal-Kuntratti dwar każijiet ta’ korruzzjoni u professional misconduct li kienu involuti fihom is-sub-contractors Warstila, ABB u Siemens li se jipprovdu partijiet mill-impjant li l-BWSC ingħatat il-kuntratt biex tipprovdi bħala estensjoni tal-power station f’Delimara?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-parir legali li rċevejt mill-Avukat Ġenerali.
Din it-tweġiba qed tingħata ukoll għall-mistoqsijiet parlamentari numru 17579, 17942, 18188, 18525, 18818, 19706, 20631 u 21284.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 26873 li oriġinarjament saret lill-Ministru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità u li issa qed tiġi riferuta lilha u tgħid jekk fit-tmexxija tal-Isptar ta' Għawdex u nies li jservu f'dak l-isptar għandhomx xi arranġament biex jibqgħu jaħdmu f'Coventry fir-Renju Unit fl-istess ħin?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li l-amministrazzjoni tal-isptar t'Għawdex m'għandha l-ebda informazzjoni li xi impjegat tal-isptar għandu xi arranġamenti biex jaħdem ukoll f'Coventry fir-Renju Unit.
Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada — ħlas ta' dejn
Question
B'referenza għar-Report and Financial Statements għas-sena 2010 tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada, jista' l-Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li jitħallas il-bilanċ dovut ta' €53,135,659 f'dejn magħmul minn €41,177,558 f'long term borrowings u f'current liabilities ta' €11,870,093 meta s-sovvenzjoni mill-Gvern Ċentrali għas-sena 2011 hi ta' €6,000,000, filwaqt li jgħid b'mod dettaljat għal liema proġetti huwa relatat tali self u jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Letters of Comfort maħruġa mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment biex seta' sar tali self?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada — rendikont dettaljat ta' sejħiet għall-Offerti
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat minn Mejju 2001 sal-lum tas-sejħiet għall-offerti li oriġinaw mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada u li ġew ippubblikati permezz tad-Dipariment tal-Kuntratti u f'kull każ jagħti ċ-ċifra li permezz tagħha kienet stmata kull sejħa għall-offerti u l-valur finali ta' kull proġett komplut u jekk fil-każ li kien hemm varjazzjonijiet mill-istima oriġinali, jagħti r-raġunijiet għaliex ġara dan u jgħid x'ġustifikazzjoni kien hemm għalihom?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
B'referenza għar-Report and Financial Statements għas-sena 2010 tal-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada, tista' l-Ministru tgħid meta hemm il-ħsieb li jitħallas il-bilanċ dovut ta' €53,135,659 f'dejn magħmul minn €41,177,558 f'long term borrowings u f'current liabilities ta' €11,870,093 meta s-sovvenzjoni mill-Gvern Ċentrali għas-sena 2011 hi ta' €6,000,000, filwaqt li jgħid b'mod dettaljat għal liema proġetti huwa relatat tali self u tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-Letters of Comfort maħruġa mill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment biex seta' sar tali self?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Peress li t-tweġiba teħtieġ ammont tax-xogħol sostanzjali, din tingħata f’seduta oħra.
La Valette Multi Manager Property Fund — passi legali mill-MFSA
Question
B'referenza għall-każ tal-La Valette Multi Manager Property Fund, jista' l-Ministru jara li l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji tieħu passi legali hi skond Artiklu 21 tal-Investment Services Act 21 (3) biex taqdi l-missjoni tagħha li tipprotegi lill-konsumaturi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi għal kull bwon fini għaddejt is-suġġeriment inkorporat fid-domanda lill-MFSA filwaqt li ninsab ċert li din l-Awtorità taf sew x’inhuma il-provvediment ta’ liġi li tamministra hi stess.
Tista' l-Ministru tgħid x'konsultazzjonijiet saru mal-Awtorità ta' Malta għat-Turiżmu u s-segretarjat parlamentari tat-turiżmu dwar il-proġett tal-Marsa Sports Village peress li jinkludi ukoll lukanda?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġà saret konsultazzjoni mas-Segretarjat Parlamentari għat-Turiżmu dwar dan il-proġett minħabba li fih element ta’ turiżmu sportiv. Il-proġett ippjanat għall-Marsa huwa possibli li jinkludi fih lukanda wara konsultazzjoni miftuħa għal kulħadd u mmexxija mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li saru qabel ġie emendat il-Pjan Lokali.
Peress li l-proġett tal-Marsa Sports Village jinkludi l-użu ta' art li bħalissa tinsab għand il-privat, tista' l-Ministru tgħid jekk is-sid ġiex avviċinat biex isir magħruf hux lest jitlaq l-art biex tintuża għall-proġett jew hemm il-ħsieb li l-gvern jieħu l-art għall-proġett? Fil-każ, min se jkun qed jixtri l-art privata; l-iżviluppatur jew il-Gvern?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Minn informazzjoni li għandi l-gvern diġà beda l-proċess biex jieħu l-art in kwistjoni.
Marsa Sports Village — laqgħat ma assoċjazzjonijiet sportivi
Question
Tista' l-Ministru tgħid ma' liema assoċjazzjonijiet sportivi saru laqgħat dwar il-proġett tal-Marsa Sports Village? Kemm saru minn dawn il-laqgħat u x'inhuma r-reazzjonijiet ta' dawn l-assoċjazzjonijiet għall-impatt li se jħalli fuqhom dan il-proġett?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Diversi assoċjazzjonijiet sportivi qed jiġu kkonsultati dwar il-proġett ippjanat għall-Marsa. Din il-konsultazzjoni hija neċessarja biex wieħed jidentifika l-assoċjazzjonijiet interessati li jkunu parti mill-proġett u x’jinvolvi l-interess tagħhom partikolarment fi speċifikazzjonijiet ta’ kwalità, spazju u użu. Il-laqgħat sa issa saru mar-rappreżentanti ta’ dawk id-dixxiplini li diġà jużaw l-ispazju fil-Marsa identifikat għall-proġett iżda fil-ġranet li ġejjin huwa mistenni li jsiru konsultazzjonijiet ma’ rappreżentanti ta’ dixxiplini oħra li sal-lum ma humiex inklużi fil-proġett tal-Marsa u li jistgħu jiġu inkluzi wkoll. Filwaqt li l-għaqdiet sportivi kollha kkonsultati rrikonixxew il-potenzjal qawwi tal-proġett għall-isport Malti, il-fażi ta’ konsultazzjoni għadha mhix konkluża u anqas għadu ma ġie konkluż il-project brief u allura għadu prematur biex wieħed jitkellem dwar reazzjonijiet konklussivi mill-għaqdiet dwar l-impatt li se jkollu fuqhom il-proġett.
Jista' l-Ministru jgħid matul din is-sena min kienu l-kumpaniji/persuni li rebħu kuntratt ta' għaxar trakkijiet ġodda tal-Korporazzjoni Enemalta b'valur ta' €650,000? Min kienu l-persuni/kumpaniji oħra li tefgħu offerta għall-istess kuntratt u b'liema prezz? Fuq liema kriterji ntrebaħ il-kuntratt?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kuntratt għax-xiri ta’ trakkijiet ġodda li ngħata mill-Korporazzjoni Enemalta matul din is-sena jammonta għal €497,000 u mhux €650,000 kif qed jiġi allegat mill-Onorevoli Interpellant. Dettalji dwar din is-sejha pubblika għall-offerti, li kienet sejha maħruġa mid-Dipartiment tal-Kuntratti bir-referenza CT2581/2009 qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Għal din is-sejħa daħlu tmien offerti. Il-kuntratt intrebaħ mill-kumpanija Taljana Officine CO.ME.T SaS fuq il-bażi ta’ l-irħas prezz (cheapest compliant offer).
Sptar Mater Dei — arranġamenti ma' John HopkinsUniversity School of Medicine
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26871 u jgħid jekk hemmx xi ftehim/arranġament ma' John Hopkins University School of Medicine fl-Isptar Mater Dei? Fiex jikkonsisti u x'inhu l-ħlas għal dan il-ftehim?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità iffirma ftehim ma’ Johns Hopkins Medicine International sabiex jitwettaq proġett ta’ Systems Review and Needs Assessment ġewwa l-Isptar Mater Dei sal-aħħar ta’ din is-sena. Infakkar lill-Onorevoli nterpellant li hija l-politika dikjarata ta’ dan il-gvern li Malta għandha ssir ċentru ta’ eċċellenza fis-settur mediku; u għal dan il għan hija l-intenzjoni tal-Ministeru tas-Saħħa, l-Anzjani u l-Kura fil-Komunità li l-Isptar Mater Dei jikseb akkreditazzjoni internazzjonali ta’ kwalità. Dan il-proġett għalhekk sejjer jgħin sabiex dan il-għan ikun miksub fis-snin li ġejjin. Il-valur tal-kuntratt huwa ta’ €951, 075.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 26868 u jgħid x'passi konkreti ttieħdu biex jitwettqu miżuri rakkmandati mit-task force imwaqqfa apposta biex tara x'titjib hemm bżonn mis-servizzi offruti mis-CDAU?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li wara li ġie ppreżentat ir-rapport tat-task force, id-dipartiment ħa inizjattivi u beda jiffoka fuq il-lista ta’ stennija ta’ tfal li jkollhom bżonn servizzi ta’ occupational therapy u servizzi psikoloġiċi fid-Dipartiment tas-CDAU sabiex dawn it-tfal jingħataw prijorità. Dawn l-inizjattivi qed jiġu segwiti mill-kapijiet rispettivi tad-diversi dipartimenti, flimkien mad-Direttur responsabbli mill-allied health services u ċ-chairperson tas-servizzi tal-pedjatrija.
Għal dan il-għan ħarġet tender biex jiġu provduti is-servizzi ta’ Paediatric Occupational Therapy. Din it-tender ħarġet fil-15 ta’ April 2011 u għalqet fil-25 ta’ Mejju 2011. Bħalissa it-tender qegħda fil-fażi ta’ aġġudikazzjoni.
Jista' l-Ministru jgħid x'tagħrif għandha l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji dwar kemm kien hemm persuni b'kollox lokalment li nvestew fil-PATF No.2 mibjugħa mill-Global Capital peress li s'issa skont tagħrif li tani fil-mistoqsija parlamentari 26671 kien hemm 41 li lmentaw uffiċjalment?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorità Maltija dwar Servizzi Finanzjarji stabbiliet mill-verifiki tagħha li bejn l-2004 u l-2009 kienu twettqu 2291 transazzjoni (deals) fit-PATF 2. Peress li l-investiment seta’ jiġi denominat fi tlett muniti barranin (Sterlina Ingliża, Euro u Dollaru Amerikan), jista’ jagħti l-każ li kien hemm xi investituri li investew f’aktar minn fond wieħed b’munita differenti. Dan ifisser li mhux neċessarjament kien hemm l-istess ammont ta’ investituri daqs kemm kien hemm transazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji hiex konxja u tikkunsidrax li ssegwi fuq il-linja tad-deċiżjoni tal-UK Financial Ombudsman, li l-website qed tingħata separatament, li ddeċieda li min tilef flusu wara pariri ħżiena dwar investiment fil-PATF No.2 għandu jingħata kumpens xieraq?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Awtorità Maltija għas-Servizzi Finanzjarji hija konxja mid-deċiżjoni riferuta mill-Onor. Interpellant.