Jista' l-Ministru jgħid kemm tħallset il-BWSC s'issa għax-xogħol tagħha fuq il-bini tal-estensjoni tal-Power Station ta' Delimara? Jista' jagħti rendikont għal liema xogħlijiet saru dawn il-ħlasijiet u xi ħlasijiet jonqosha tingħata l-BWSC għax-xogħol li jonqosha tagħmel fuq il-bini tal-estensjoni?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi s’issa l-BWSC għax-xogħol tagħha fuq il-bini tal-estensjoni tal-Power Station ta’ Delimara tħallset €152 miljun (VAT mhux inkluż). Ir-rendikont għal liema xogħolijiet saru dawn il-ħlasijiet huwa kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
It-teknoloġija li qed tiġi installata u li se tintuża fl-estensjoni tal-Power Station, flimkien mat-teknoloġija għall-qbid tal-iskart hija skont l-aqwa standards Ewropej.
Il-Gvern huwa impenjat li jwettaq investiment li jtejjeb il-kwalità tal-arja fl-interess tas-saħħa tal-poplu Malti. Iżda l-obbligu li jaghmel dan ġej ukoll mill-finanzjament tal-investiment u mis-sħubija ta’ Malta fl-Unjoni Ewropea. Din l-estensjoni qed tiġi finanzjata fil-parti l-kbira tagħha mill-Bank Ewropew tal-Investiment, li jimponi regoli u standards stretti fil-proġetti li japprova l-għajnuna għalihom. Bħala pajjiż membru tal-Unjoni Ewropea, Malta hi obbligata wkoll li tosserva regolamenti mill-aktar stretti fil-qasam ambjentali. L-impjant magħżul se jilħaq l-ogħla standards Ewropej, inklużi dawk tal-Ġermanja, kif anke ikkonfermat mill-Awditur-Ġenerali fl-investigazzjonijiet tiegħu.
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ħlasijiet li jonqosha tingħata l-BWSC għax-xogħol li jonqosha tagħmel fuq il-bini tal-estensjoni jammonta għal €13 miljun (VAT mhux inkluż).
Jista' l-Ministru jgħid fiex wasal ix-xogħol fuq l-interconnector bejn Sqallija u Malta? Kemm hu stmat li se jkun jiswa d-dawl li se jinġieb permezz tal-interconnector?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi x-xogħol konness mal-interconnector bejn Malta u Sqallija qed jipproċedi sew mal-programm tal-kuntratt.
Bħalissa għaddejja ħidma fuq:
1. Id-disinn dettaljat tal-apparat ta' vultaġġ għoli (
switchgear
,
transformers
u
shunt reactors
) wara li ġew deċiżi parametri essenzjali sabiex tiġi operata s-sistema.
2. It-tħejjija ta’
environmental impact assessment
għat-
terminal station,
għat-tħaffir ta' mina sabiex fiha jitqiegħdu cables mill-Magħtab għaċ-ċentru tad-distribuzzjoni 132kV fil-Kappara, u għat-tqegħid tal-
cables
mill-Magħtab sat-tarf tal-ibħra territorjali Maltin. Dan ix-xogħol hu meħtieg sabiex joħorġu l-permessi kollha meħtieġa f'Malta ħalli jitwettaq il-proġett.
3. Il-ħruġ tal-permessi meħtieġa fl-Italja għat-tqegħid tal-
cable
fl-ibħra territorjali Taljani, għat-tqegħid tal-cables f'toroq li jwasslu minn Marina di Ragusa saċ-ċentru ta' distribuzzjoni 230kV fil-limiti ta' Ragusa fi Sqallija. Il-proċess diġa wasal fl-istadju ta' konsultazzjoni ma' entitajiet pubbliċi u mal-pubbliku.
4. Id-determinazzjoni tar-rotta preċiża fil baħar wara li tlesta
survey
preliminari minn kumpanija Taljana ghall-Enemalta u se jsir
survey
iktar dettaljat għall-kuntrattur tal-
cable
sottomarin.
5. Id-determinazzjoni tar-rotta preċiża tal-
cables
fit-toroq ġewwa Sqalllija wara li sar
survey
preliminari għall-Enemalta u ċerti żoni se jiġu studjati b'iktar reqqa fil-futur qarib.
Il-prezz tal-elettriku li se jiġi mpurtat mill-
interconnector
se jiddependi fuq il-kundizzjonijiet ta’ meta jinxtara li wkoll japplikaw għall-ispejjeż tal-ġenerazzjoni lokali.
Jista' l-Ministru jgħid jekk itteħditx id-deċiżjoni jekk il-provvista tal-gass għall-power station ta' Delimara fis-snin li ġejjin hix se tkun permezz ta' pipeline? Jekk iva, meta hu maħsub li jibda x-xogħol fuq il-proġett tal-pipeline?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-possibilità li jiġi provdut il-gass għall-ġenerazzjoni għadha qed tiġi kkunsidrata. Għadu kmieni wisq biex jittieħdu deċiżjonijiet fuq it-tip ta’ infrastruttura li ħa tintuża, u fost l-oħrajn jiddependu fuq deċiżjonijiet li jridu jittieħdu fuq livell Ewropew dwar x’finanzjament se jkun disponibbli għal proġetti bħal dawn.
Peress li kważi ninsabu fin-nofs tal-perjodu li jkopri l-Enemalta Elecricity Generation Plan 2006-2015, jista' l-Ministru jgħid fejn wasal it-twettiq ta' dan il-pjan? X'fadal jitwettaq minnu? Fejn ġie segwit fir-rakkmandazzjonijiet tiegħu, fejn ma ġiex segwit u għaliex?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Tista' l-Ministru tgħid liema entità ħarget is-sejħa għall-offerti tal-uniformijiet tal-year 1 u tal-form 1 tal-iskejjel statali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ħareġ sejħa waħda għall-offerti maqsuma f’10 lots, wieħed għal kull kulleġġ għall-uniformijiet tal-Year 1 u tal-Form 1 tal-iskejjel statali.
Billi f'"Il-Mument" tal-31 ta' Lulju, paġni 1 u 2, fl-artiklu "L-Immigranti: Malta eżempju ħaj għall-Ewropa", nkiteb li:
"Il-Prim Ministru Lawrence Gonzi se jirrikkmanda lill-President ta' Malta biex lil Ashih Tekleab Haile, refuġjat li tilef ħajtu biex isalva żagħżugħ Franċiż, jingħata l-Midalja għall-Qlubija" u li l-Gvern kellu "jipproponi emendi fl-Att dwar Ġieħ ir-Repubblika b'mod li l-Midalja għall-Qlubija tkun tista' tingħata ukoll lil persuni li m'humiex ta' nazzjonalita' Maltija" jista' l-Prim Ministru jgħid:
a) meta beħsiebu jipproponi l-emendi msemmija; u
b) meta se jirrikkmanda li Ashih Tekleab Haile jingħata l-Midalja għall-Qlubija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Il-Parlament approva il-liġi mill-istadji kollha fis-seduta tal-bieraħ. Ir-rakkmandazzjoni tista' ssir malli l-liġi tiġi fis-seħħ.
ex-ambaxxaturi — VIP Lounge fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid:
a) jekk l-ex-ambaxaturi għandhomx id-dritt jużaw il-VIP Lounge fl-Ajruport Internazzjonali ta' Malta; u
b) kemm-il darba użaw il-VIP Lounge mill-1 ta' Jannar 2010 'l hawn, għat-tluq u għall-wasla, l-ex-ambaxxaturi li dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?
Response (BORG, TONIO)
M'hemm ebda arranġament sabiex ex-Ambaxxaturi jgħaddu mill-Ministerial Lounge. Mir-rekords ma jidhirx li dan intuża minn dawn il-persuni.
Għar-rigward il-La Vallette Lounge, lanqas m'hemm arranġament min-naħa tal-gvern.
Jista' l-Viċi Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jgħid:
a) f'liema perjodi mill-1990 'l hawn Malta kienet membru tal-World Heritage Committee tal-UNESCO;
b) f'liema snin Malta ħarġet kandidat għall-elezzjoni fil-World Heritage Committee; u
ċ) jekk Malta jew xi Malti humiex se jkunu kandidati għall-elezzjoni tal-World Heritage Committee li se ssir aktar tard fl-2011?
Response (BORG, TONIO)
a) Malta kienet membru tal-World Heritage Committee tal-UNESCO bejn l-1995 u l-2001
b) Malta ħarġet kandidat għall-elezzjoni tal-World Heritage Comittee tal-UNESCO fl-1995 u l-2007
c) Fl-elezzjonijiet li se jsiru aktar tard din is-sena, Malta se tkun kandidata għall-World Heritage Committee permezz tad-Delegat Permanenti ta' Malta għall-UNESCO l-Ambaxxatur Ray Bondin.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien il-bejgħ tal-petrol u tad-diesel sepratament f'Lulju u Awwissu 2010 u 2011?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninsab infurmat li l-bejgħ tal-petrol u tad-diesel għall-perjodi mitluba kienu kif ġej:
Xahar
Bejgħ ta' petrol (litri)
Bejgħ ta' diesel (litri)
Lulju 2010
10,067,075
10,368,094
Awwissu 2010
9,432,500
10,605,796
Lulju 2011
8,256,492
9,623,301
Awwissu 2011
8,801,900
10,457,020
Jista' l-Ministru jgħid kemm twettaq s'issa mill-proġett tal-bini tal-estensjoni tal-Power Station f'Delimara u jekk dan il-proġett waqax lura, huwiex skont kif ippjanat, jew huwiex avvanzat iżjed minn dak ippjanat?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-bini tal-estensjoni tal-power station f’Delimara miexi skont il-pjan.
manutenzjoni tal-estenzjoni tal-Power Station ta' Delimara — ftehim
Question
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Korporazzjoni Enemalta u l-BWSC iffirmawx il-ftehim għall-manutenzjoni tal-estenzjoni tal-Power Station ta' Delimara? Jekk iva, kemm se jkun jiswa sena b'sena?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Korporazzjoni għadha ma ffirmatx ftehim għall-manutenzjoni tal-estenzjoni. Il-Korporazzjoni qiegħda tevalwa diversi proposti mill-kuntrattur u l-fabbrikant oriġinali tal-apparat.
Wara li dan jiġi evalwat, jitressaq rapport formali lid-Dipartiment tal-Kuntratti.
Peress li l-Ministru gie kkwotat minn The Times tal-5 ta’ Lulju 2011 li ma jara l-ebda konflitt ta’ interess fir-rwol tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, bħala Chairman tal-Bank of Valetta u tal-famuża Valletta Fund Management Ltd, kif ukoll ta’ direttur tal-Air Malta, jista' l-Ministru jikkonferma li ma jezistu l-ebda faċilitajiet ta’ kreditu teknikament unsecured li l-Bank jista’ qed jestendi lil Air Malta bi ksur ta’ dak li jipprovdi Artiklu 15(1) tal-Banking Act, taħt it-titlu Prohibited Transactions?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 27593.
Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada — rendikont dettaljat ta' sejħiet għall-Offerti
Question
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsijiet parlamentari 27592, 27442 u 27067 li oriġinarjament saru lill-Ministru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment u issa ġew riferuti lilha u tagħti rendikont dettaljat minn Mejju 2001 sal-lum tas-sejħiet għall-offerti li oriġinaw mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada u li ġew ippubblikati permezz tad-Dipariment tal-Kuntratti u f'kull każ jagħti ċ-ċifra li permezz tagħha kienet stmata kull sejħa għall-offerti u l-valur finali ta' kull proġett komplut u jekk fil-każ li kien hemm varjazzjonijiet mill-istima oriġinali, jagħti r-raġunijiet għaliex ġara dan u jgħid x'ġustifikazzjoni kien hemm għalihom?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari numru 27446.
Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 27658 u tgħid kemm kien hemm studenti mill-fifth formers tal-iskejjel sekondarji:
a) statali;
b) tal-Knisja; u
ċ) indipendenti
li qagħdu għall-eżamijiet SEC sessjoni Mejju 2011? Tista' tagħti l-figuri separati għal kull settur u kemm kien hemm minn kull settur f'kull suġġett?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Korsijiet tal-edukazzjoni tul il-ħajja — Livelli 1,2,3 tal-MQF
Question
Tista' l-Ministru tgħid x'inhuma r-raġunijiet l-għala l-korsijiet tal-edukazzjoni tul il-ħajja offruti f'Malta għas-sena 2011-2012 se jkunu klassifikati fil-livelli 1, 2 u 3 tal-MQF? Tista' tgħid x'inhuma l-vantaġġi li se jiġu akkreditati f'dawn il-livelli?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Il-proċess biex il-korsijiet offruti mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja li ma jwasslux għal-ċertifikazzjoni uffiċċjali (bħal SEC, Matsec, City & Guilds, etc) ikunu mpoġġija fuq il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF) u l-Qafas Malti tal-Kwalifiki (MQF) ilu li beda. Dan il-proċess għadu għaddej u jinvolvi ħafna xogħol u validazzjoni tal-kontenut, assessjar u rikonxximent tal-outcomes anke meta pparagunati ma’ korsijiet oħra simili kemm lokalment kif ukoll barra minn Malta.
Dan il-kunċett qed iġib miegħu bidla enormi ta’ kultura fil-mentalitá tan-nies li qed jitgħallmu u fl-edukaturi għall-adulti li qed jgħallmu. Il-vantaġġ hu li persuna li takkwista’ ċertifikat f’dawn il-ħiliet minn korsijiet bħal dawn jista’ jwassal biex wieħed jużah għal diversi skopijiet, fosthom biex javvanza fil-karriera tiegħu jew biex ikompli jistudja f’livell aktar avvanzat. Hemm ukoll il-fatt li kull forma ta’ tagħlim jinħtieġ li tibda twassal għal rikonoxximent fuq dan il-Qafas, liema rikonoxximent ikun anke fuq livell Ewropew.
Il-proċess beda, miexi b’ritmu tajjeb u qed kontinwament jiġi żviluppat biex jirrispondi aħjar għall-ħtiġjiet ta’ min qed jitgħallem. Wieħed ma jridx jinsa’ li għal ħafna korsijiet offruti mid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja m’hemmx mudelli diġa stabbiliti li fuqhom jistgħu jiġu mfassalu.
Il-proċess jitlob ukoll it-taħriġ ta’ l-edukaturi għall-adulti.
Minkejja li d-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja ser joffri korsijiet li wasslu għal livell fuq l-EQF/MQF, l-adulti li jixtiequ jattendu dawn il-korsijiet tibqalhom l-għażla li jattendu għal kors mingħajr kwalifika jew li jieħdu ċertifikat ta’ attendenza.
Korsijiet tal-edukazzjoni tul il-ħajja f'Għawdex — Livelli 1,2 u 3 tal-MQF
Question
Tista' tgħid l-għala l-korsijiet tal-edukazzjoni tul il-ħajja offruti f'Għawdex mhux se jkunu offruti fil-livelli 1, 2 u 3 tal-MQF u dawk li se jattendu se jingħataw biss ċertifikati ta' attendenza u ċertifikat f'livell 1 tal-MQF ekwivalenti għaċ-ċertifikat li jingħata meta l-istudenti jtemmu l-iskejjel sekondarji?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja dejjem joffri korsijiet skont l-edukaturi għall-adulti li kull sena japplikaw biex jagħtu servizz ma’ dan id-Direttorat u skont it-talba li jkun hemm mill-adulti li japplikaw.
F’Għawdex hemm korsijiet li jwasslu għal diversi livelli. Dawn qed jiġu offruti għax hemm talba għalihom u għax hemm edukaturi għall-adulti li lesti jagħtu dan is-servizz. Hemm korsijiet li jwasslu għal SEC (MQF 2 u 3) u livell avvanzat (MQF 4).
Id-Direttorat huwa dejjem flessibbli li jekk ikun hemm talba għal xi korsijiet li ma jidhrux fil-Prospett annwali. Sakemm jinstabu edukaturi għall-adulti li lesti li jgħallmu, qatt ma kien hemm difikultá li korsijiet bħal dawn jinbdew.
Għawdex — Persuni mċaħħdin minn korsijiet offruti f'Malta
Question
Tista' l-Ministru tgħid għaliex l-Għawdxin qed jigu trattati bħala inferjuri u se jiġu mċaħħdin minn korsijiet tal-edukazzjoni tul il-ħajja offruti fil-livelli 2 u 3 tal-MQF?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Onor. Interpellant huwa assigurat li bl-ebda mod l-Għawdxin qed jiġu trattati bħala inferjuri u se jiġu mċaħħdin minn korsijiet tal-edukazzjoni offruti fil-livelli 2 u 3 tal-MQF.
Kif spjegat fil-mistoqsija parlamentari Nru. 28078, il-korsijiet għall-adulti li jiġu offruti dejjem ikunu skont edukaturi għall-adulti li jgħażlu li joffru dan is-servizz lid-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja. Jekk ikun hemm talba adekwata għal xi kors u jinstab edukatur għall-adulti li lest li joffri is-servizz, il-kors jinfetaħ, anke jekk mhux inkluż fil-Prospett.
Wieħed irid jirrimarka li waqt it-tnedija tal-Korsijiet għall-Adulti li Saret fis-17 ta’ Awwisu li għadda fil-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja, għall-ewwel darba, inġabu għalliema biex juru lill-mezzi tax-xandir u lill-pubbliku x’qed isir anke ġewwa Għawdex. Id-Direttorat għat-Tagħlim Tul il-Ħajja dejjem ta l-istess importanza lit-tagħlim, kemm dak li jsir f’Malta kif ukoll dak li jsir f’Għawdex.
Billi tħabbar fil-midja li fit-22 ta' Lulju Ashih Tekleab Haile mill-Eritrea salva mill-għarqa ċittadin Franċiż u li fil-proċess għereq hu, jista' l-Ministru jgħid:
a) jekk sarx rapport mill-pulizija u/jew mill-maġistrat tal-għassa dwar dan l-inċident;
b) jekk le, għaliex le; u
ċ) jekk iva, jista' jpoġġi r-rapport jew rapporti fuq il-Mejda tal-Kamra?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-inċident fejn tilef ħajtu Ashih Tekleab Haile huwa soġġett ta' Inkjesta Maġisterjali li għadha mhix konkluża.
Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada — rendikont dettaljat ta' sejħiet għall-Offerti
Question
Jista' l-Ministru jagħti rendikont dettaljat minn Mejju 2001 sal-lum tas-sejħiet għall-offerti li oriġinaw mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t'Għada u li ġew ippubblikati permezz tad-Dipariment tal-Kuntratti u f'kull każ jagħti ċ-ċifra li permezz tagħha kienet stmata kull sejħa għall-offerti u l-valur finali ta' kull proġett komplut u jekk fil-każ li kien hemm varjazzjonijiet mill-istima oriġinali, jagħti r-raġunijiet għaliex ġara dan u jgħid x'ġustifikazzjoni kien hemm għalihom?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 27442.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 27497 u ċioe: Peress li l-Ministru gie kkwotat minn The Times tal-5 ta’ Lulju 2011 li ma jara l-ebda konflitt ta’ interess fir-rwol tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, bħala Chairman tal-Bank of Valetta u tal-famuża Valletta Management Fund Ltd, kif ukoll ta’ direttur tal-Air Malta, jista' l-Ministru jikkonferma li ma jezistu l-ebda faċilitajiet ta’ kreditu teknikament unsecured li l-bank jista’ qed jestendi lil Air Malta bi ksur ta’ dak li jipprovdi Artiklu 15(1) tal-Banking Act, taħt it-titlu Prohibited Transactions?
Response (FENECH, TONIO)
It-tagħrif li qiegħed jitlob l-Onorevoli Interpellant huwa ta’ natura bankarja u kunfidenzjali u li mhux qiegħed għand il-Ministru.
Madankollu dak li jitlob il-kodiċi ta’ etika fir-rigward ta’ dak li jista’ potenzjalment ikun ta’ konflitt ta’ interess hu li wieħed fuq livell ta’ bord jiddikjara dak l-interess u ma jipparteċipax f’dik id-diskussjoni, u mhux li ma jkunx membru ta’ dak il-bord.