Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #28358 Sitting 399 2011-10-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — assessments fuq persuni

Question

Jista' l-Ministru jgħid malli persuna tidħol fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin x'assessment isirilha dwar x'tista' titgħallem biex meta toħroġ terġa' tintegra fis-soċjetà mingħajr problemi?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li hekk kif persuna tidħol fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin preżentament isirilha initial assessment sempliċi tal-kapaċità fil-qari fil-Malti u fl-Ingliż. L-edukazzjoni fil-ħabs hija fuq bażi volontarja u jekk ir-resident ma jkollux interess jipparteċipa, l-assessjar tiegħu jieqaf hemm. Jekk ir-resident juri x-xewqa li jattendi xi klassijiet, isirilu testijiet aktar fil-fond fl-Ingliż, fil-Malti jew fil-Matematika skont is-suġġetti li jkun irid jitgħallem. Din il-pożizzjoni ser tinbidel bl-emendi tal-Abbozz ta' Liġi numru 73 Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi.
Leg 11 PQ #28359 Sitting 399 2011-10-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — evalwazzjoni fuq l-edukazzjoni li tingħata lill-priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir evalwazzjoni serja dwar kemm l-edukazzjoni li tiġi offruta lill-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin hiex tilħaq l-għanijiet neċessarji? Jista' jgħid bħalissa fiex tikkonsisti l-esperjenza edukattiva għall-priġunieri u kemm hemm priġunieri jgawdu minnha? F'liema qasam?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

L-għanijiet tal-edukazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin huma varji fosthom hemm dawk li għandhom x’jaqsmu mal-użu aktar pożittiv u produttiv tal-ħin, kif ukoll sabiex nikkumbattu l-apatija u l-imġieba anti-soċjali u l-effetti tal-ħajja fid-diviżjonijiet tal-Faċilita'. Dawn l-għanijiet qed jiġu milħuqa ma’ dawk ir-residenti li jagħżlu li jattendu l-iskola tal-Faċilità. Rigward lo-aħħar żewġ domandi tal-mistoqsija nitlob lill-Onorevoli Interpellant jirreferi għal-mistoqsijiet Parlamentari numri 27193, 26162 u 26358.
Leg 11 PQ #28360 Sitting 399 2011-10-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — libreriji

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk humiex isiru sforzi serji biex il-librerija fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin tiġi organizzata ferm aħjar milli hi u tilħaq iżjed priġunieri?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-librerija fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin estendiet is-servizzi tagħħa għal sagħtejn wara nofsinhar, mit-Tnejn sal-Ġimgħa. Is-servizz tal-librerija jieħu ħsiebu resident li għandu ħiliet tajbin ħafna fuq il-kompjuter u bħalissa qiegħed jibni database tal-kotba kollha li hemm fil-librerija biex ikun hemm aktar għajnuna biex ir-residenti jsibu l-kotba li jridu. Fil-bidu ta’ din is-sena s-sezzjoni tal-kotba bil-Malti żdiedet b’sittin ktieb ieħor. Barra minn dan xi diviżjonijiet għandhom librerija żgħira fid-diviżjoni stess biex l-aċċess ikun akbar. In-numru ta’ residenti li jissellfu kotba mill-librerija regolarment huwa madwar sebgħin. Infurmat ukoll illi servizz ieħor li beda jiġi offrut lejn l-aħħar tas-sena li għaddiet huwa l-abbonament fil-librerija pubblika u s-self ta’ kotba li ma jinstabux fil-librerija tal-Faċilità. Bħalissa hemm madwar tletin resident li qed juża’ dan is-servizz billi, bl-għajnuna tal-ko-ordinatur edukattiv, ifittxu, jagħżlu u jibbukkjaw kotba mill-katalgu on line tal-librerija pubblika. Dawn il-kotba jinġiebu u jinbidlu kull xahar mill-ko-ordinatur edukattiv stess. B’hekk il-limitazzjonijiet li l-librerija tal-Faċilità dejjem kellha meta imqabbla mal-librerija pubblika qed jippruvaw jiġu megħluba.

Skola Giovanni Curmi — żgħażagħ li daħlu f'xi kors

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm żgħażagħ li daħlu f'xi kors tal-Iskola Giovanni Curmi Naxxar fis-sena 2010-2011 u 2011-2012 u kemm minnhom kienu ġejjin mill-Junior College?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

records li jżommu l-istituzzjonijiet edukattivi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'records iżommu dawn l-istituzzjonijiet edukattivi: MCAST, Junior College, Skola Giovanni Curmi u l-Istitut għas-Servizzi Turistiċi dwar assentejiżmu, drop-out rate, performance tul il-kors u fl-eżamijiet tal-istudenti tagħhom? Tista' tpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra tat-tagħrif dwar assentejżmu, drop out rate u performance fl-eżamijiet għas-sena 2010-2011?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università ta’ Malta — numerus clausus fuq suġġetti

Question

Tista’ l-Ministru tgħid liema suġġetti ġie stabbilit numerus clausus għalihom (jew fit-terminoloġija l-ġdida ġew capped) għall-kors B.Ed li se jibda fis-sena akkademika 2011/2012 tal-Università ta’ Malta? Tista’ tgħid f’liema suġġetti se jiġu offruti postijiet inqas mis-snin ta’ qabel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

B.Ed fl-accounts

Question

Tista’ l-Ministru tgħid għaliex din is-sena akkademika mhux se jiġi B.Ed fl-accounts li ilu sentejn ma jiftaħ u li kien se jerġa’ jiġi offrut din is-sena? F’liema skejjel jiġi mgħallem dan is-suġġett tal-accounts? Dawn l-iskejjel joffru teaching practice placement lill-istudenti tal-Fakultà tal-Edukazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Università qatt ma offriet is-suġġett Accounts fil-kors tal-B.Ed. (Hons). L-Università offriet il-PGCE fl-Accounts din is-sena. L-accounts ma jiġix mgħallem fl-iskejjel statali fil-livell obbligatorju imma f’xi skejjel tal-Knisja jew Indipendenti. Din is-sena ma kien hemm l-ebda skola li offriet it-Teaching Practice fl-Accounts u għalhekk l-Università daħħlet studenti fil-PGCE fil-Business Studies.

MCAST — studenti li għamlu r-resits

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm studenti tal-MCAST li weħlu darba, darbtejn fl-eżami tal-Higher National Diploma u ħallewhom jagħmlu t-tielet resit biex jidħlu għal kors f'livell universitarju fl-MCAST stess? F'liema istituti huma dawn l-istudenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-numru ta’ studenti tal-MCAST li weħlu darbtejn fl-eżami tal-Higher National Diploma u tħallew jagħmlu resit biex jingħataw ċans ieħor biex ikomplu l-istudji tagħhom b’kors ta’ lawrja vokazzjonali (degree) ta’ Livell 6 fl-MCAST stess kien ta’ 54. Normalment dawk l-istudenti li jeħlu mit-tieni ċans ikollhom jirrepetu il- module b’attendenza. Minħabba li s-sillabi internazzjonali tal-BTEC inbidlu sostanzjalment fi żmien qasir u dan seta’ ħoloq diffikultajiet għall-istudenti, l-MCAST iddeċieda li jagħti opportunita oħra lill-istudenti billi jagħtihom ċans ieħor biex jagħmlu l-eżami u jekk jgħaddu jkunu jistgħu jkomplu bl-istudji tagħhom. L-istudenti li jixtiequ jkomplu għal kors tal-lawrija għandu jkollhom ħames marki fil-livell ta’ Merit , kif jipprevedu r-regolamenti. In-numru ta’ student li kellhom resit qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST — resits f'inqas perjodu ta' żmien

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex fl-MCAST din is-sena kien hemm studenti li ngħataw 15-il jum biss biex jagħmlu r-resits tagħhom meta fis-snin ta' qabel l-istudenti kienu ngħataw iċ-ċans li jagħmlu mill-ġdid il-unit li weħlu fih, kien ikollhom il-lectures u t-tutorial fih u kien ikollohom semester sħiħ biex jagħmlu r-resits u mhux 15-il jum biss? Għaliex l-istudenti li għamlu r-resits din is-sena ġew stmati agħar mis-snin ta' qabel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-regolamenti tal-MCAST jippermetti lill-istudenti li jeħlu minn xi assignment żewġ attentati biex jerġgħu jagħmlu l-eżami u jiksbu l-marka meħtieġa biex jgħaddu mill-module. F’każ li jeħlu jkollhom id-dritt li jirrepetu l-module mill-ġdid b’attendenza. Peress li fl 2010 l-organizzazzjoni internazzjonali tal-kwalifiċi Edexcel/BTEC li l-MCAST toffri f’Malta informat lill-MCAST li s-sillabi kienu se jinbidlu b’oħrajn ġodda il-Kunsill tal-MCAST, wara diskussjoni, iddeċieda li joffri opportunità ta’ darba lill-istudenti kollha li kienu effetwati b’dan it-tibdil biex jingħataw it-tielet opportunità sabiex jakkwistaw il-kwalifika u jkomplu bl-istudji tagħhom. L-istudenti kollha ngħataw feedback bil-miktub dwar fejn u għaliex weħlu mill- assignments u kienu iggwidati dwar x’kien jonqos isir biex jersqu għat-tielet attentat b’suċċess.

MCAST — studenti li għamlu r-resits

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm studenti din is-sena f'kull istitut tal-MCAST li kellhom jagħmlu r-resits? Kemm minnhom għaddew wara dawn ir-resits?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

MCAST — notifika lil-lecturers dwar sillabu ġdid

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'sens jagħmel li minħabba nuqqas ta' ppjanar fl-MCAST lecturers jgħidulhom xahrejn biss qabel li se jibdew jgħallmu sillabu ġdid?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li minħabba ċirkostanzi li l-kulleġġ m’għandux kontroll fuqhom, il-Bordijiet tal-eżamijiet għall-kwalifiċi barranin li joffri l-MCAST minn żmien għal żmien jirtiraw sillabi u jibdluhom ma’ oħrajn iktar moderni u attwali. Dawn is-sillabi jiġu ppubblikati malli l-Bord konċernat jikseb l-approvazzjoni tal-awtorita kompetenti fil-pajjiz tal-oriġini u għaldaqstant il-kontenut ma jkunx magħruf sakemm dan jiġi rilaxxat. L-MCAST jagħmel ħiltu biex jikseb kopji draft ta’ sillabi ġodda qabel ma’ dawn ikunu ppubblikati uffiċjalment, iżda dan mhux dejjem ikun possibbli jekk id-diskussjonijiet mal-awtorità kompetenti jkunu għadhom għaddejjin. Madankollu, kull meta jsir dan it-tibdil, l-MCAST jiżgura li l-istaff akkademiku u amministrattiv jingħata l-għajnuna kollha meħtieġa biex l-introduzzjoni tas-sillabi ġodda ma joħolqux inkonvenjenti bla bżonn lill-istudenti.

MCAST — kordinaturi injorati

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-raġuni li l-istituti tal-MCAST għandhom kordinaturi għall-programmi tad-degrees li qed jiġu injorati meta jitfasslu l-programmi tad-degrees u x-xogħol tagħhom jitwarrab?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kull program ta’ livell 6 (jiġifieri programmi ta’ baċellerat fl-arti jew fix-xjenzi), għandu koordinatur fl-Istitut fejn ikun qed jiġi implimentat il-programm jew programmi fl-istess livell. Ix-xogħol tal-koordinatur huwa dan li ġej: (a) li jkun involut fl-amministrazzjoni meħtieġa sabiex f’kull fażi jkun hemm l-aħjar kontribuzzjoni tal-istaff fit-tfassil u fl-iżvilupp tas-sillabu u fil-materjal konness mal-istess programm (dan iseħħ f’kollaborazzjoni diretta mal-lekċerers magħżula minn Fraunhofer, il- partners tal-MCAST fit-tfassil u fl-implimentazzjoni ta’ dawn il-korsijiet; (b) jgħaddi l- feedback kollu tal-istaff involut fl-implementazzjoni tal-programmi f’livell 6 lil leader tal-proġett ESF 1.36 (li qed jiffinanzja l-introduzzjoni ta’ dawn il-programmi) sabiex dan jgħaddih lill-persuni responsabbli għand Fraunhofer, (ċ) jara li l-istudenti qed jimxu skond ir-regolamenti u l-linji gwida li jinħarġu mill-MCAST sabiex dawn jagħmlu l-progress mistenni u jtemmu l-programm tagħhom b’suċċess; (d) ikun il-punt ta’ referenza bejn l-MCAST u l-Istitut li jirrappreżenta; u (e) iġib b’mod immedjat għall-attenzjoni tal-MCAST materji li jkun jeħtieġu attenzjoni. Fil-biċċa l-kbira assoluta tal-każi meta l-koordinaturi jagħtu l- feedback tagħhom, Fraunhofer jagħtu kas u anki jintegraw dan il- feedback fil-materjal finali li jkun ukoll quality assured . Meta dan ma jiġrix, l-MCAST tiġbed l-attenzjoni ta’ Fraunhofer sabiex tiddiskuti u finalment l-affarijiet isiru fid-dawl tal-proċess ta’ konsultazzjoni kif maqbul bejn iż-żewġ naħat.

MCAST — żgħażagħ li daħlu f'xi kors

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm żgħażagħ li daħlu f'xi kors, livell b'livell fl-MCAST fis-sena 2010-2011 u 2011-2012? Kemm minnhom kienu ġejjin mill-Università u kemm minnhom mill-Junior College?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

kulleġġi — postijiet vakanti

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm postijiet vakanti f'kull livell u grad fid-Direttorati tal-Edukazzjoni u vakanzi fil-postijiet ta' kapijiet u assistenti kapijiet tal-kulleġġi kollha ta' Malta u Għawdex, skola bi skola?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

infiq fis-settur statali għall kull student

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu stmat li nonfqu ras għal ras fis-settur statali fuq kull tifel u tifla 1) fil-kindergarten, 2) fil-primarja u 3) fis-sekondarja?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-nefqa medja ras għal ras fis-settur statali fuq kull tifel u tifla, mill-Kindergarten sal-livell Sekondarju huwa ta’ €23.77 għal kull ġurnata skolastika.

Fondazzjoni tal-Iskejjel ta' Għada — infiq fil-kulleġġi

Question

Tista' l-Ministru tgħid matul l-aħħar tliet snin kemm nefqet il-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta' Għada f'kull kulleġġ ta' Malta u Għawdex fuq bini ta' skejjel ġodda, fuq żvilupp ta' faċilitajiet ġodda fl-iskejjel u fuq xogħol ta' riabilitazzjoni ta' skejjel separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

dokument finali tal-kurrikulu nazzjonali l-ġdid — informazzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta hu ppjanat li jkun lest id-dokument finali tal-kurrikulu nazzjonali l-ġdid, meta huma ppjanati li jkunu lesti s-sillabi li jmorru ma' dan il-kurrikulu l-ġdid u meta hu ppjanat li jiddaħħlu fl-iskejjel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kif tħabbar meta kien imniedi d-draft tal-Kurrikulu Nazzjonali d-dokument finali tal-Kurrikulu Nazzjonali l-ġdid huwa maħsub li jitlesta wara li tintemm it-tielet fażi ta’ konsultazzjoni ta’ dan id-dokument. It-tielet fażi li ssejħet “Riflessjoni fuq l-Azzjoni” tibda f’Novembru 2011 u tkompli sa Diċembru 2011. Huwa ppjanat li t-tibdil li jiġi rakommandat jiġi msawwar fil-Kurrikulu Nazzjonali sal-aħħar ta’ Marzu 2012. Is-sillabi l-ġodda li jmorru ma dan il-Kurrikulu huma ppjanati li jitlestew sa Mejju 2012. Dawn is-sillabi huma dawk tat-tieni sena tas-Sekondarja kif ukoll dawk mil-Year 1 sal-Year 6. Dawn mistennija jidħlu fis-seħħ fl-iskejjel f’Settembru 2012. Is-sillabu tal-ewwel sena sekondarja daħal fis-seħħ f’din is-sena skolastika imma għandu jiġi irfinut abbiżi tal-Konsultazzjoni Nazzjonali fuq il-Kurrikulu. Is-sillabi tal-Forms 3 sa 5 mistennija jitlestew sa Mejju 2013 u jidħlu fl-iskejjel f’Settembru 2013.

borża ta' studju mogħtija lit-tobba

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tobba li ngħataw borża ta' studju bl-iskema MGSS biex ikomplu l-PhD tagħhom minkejja li ilhom snin twal fix-xogħol tagħhom, għandhom mezzi finanzjarji żgur iżjed minn żgħażagħ li ghadhom se jibdew il-ħajja u għandhom bżonn serju ta' sostenn finanzjarju biex ikomplu l-istudji tagħhom? X'sens jagħmel li ż-żgħażagħ qed jinqabżu u jibqgħu bla boroż ta' studju biex jieħduhom persuni li jistgħu jistudjaw bla bżonn tal-MGSS?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Din is-sena, hemm tliet tobba li ngħataw borża ta’ studju bl-iskema MGSS biex ikomplu l-PhD. L-iskemi ta’ boroż ta’ studju huma miftuħa għal kulħadd, indipendenti mid-dħul finanzjarju tal-applikant, l-età jew il-kariga li dan jokkupa.