Legislature:
Category:
Reset
Active:
Leg 11 PQ #28374 Sitting 404 2011-11-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Xogħol edukattiv

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'edukazzjoni ssir mal-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin dwar ikel tajjeb għal saħħithom? Jista' jagħti eżempji prattiċi ta' dan it-tip ta' xogħol?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin isir il-kors tal-life skills li, fost lezzjonijiet oħra, jinkludi wkoll dawk iddedikati għas-saħħa u l-kura tal-persuna bħal ma hija d-dieta bilanċjata u l-eżerċizzju fiżiku. Infurmat ukoll illi minn żmien għal żmien isiru arrangamenti mal-Health Promotion Unit sabiex dawn jagħmlu taħdidiet fuq dan is-suġġett mar-residenti.
Leg 11 PQ #28375 Sitting 404 2011-11-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

kummissjoni biex tinvestiga abbużi fuq tfal miżmuma f'istituzzjonijiet tal-Knisja

Question

Jista' l-Prim Ministru jikkonsidra li jaħtar kummissjoni nazzjonali bħalma per eżempju sar fl-Irlanda u f'pajjiżi oħra Ewropej biex tinvestiga abbużi fuq tfal u żgħażagħ miżmuma f'istituzzjonijiet tal-Knisja f'dawn l-aħħar 40 sena?

Response (GONZI, LAWRENCE)

F’ pajjiżna jeżistu l-istituzzjonijiet indipendenti mwaqqfa preċiżament biex jinvestigaw kull allegazzjoni ta’abbuż skont regoli aċċettati f’ soċjetajiet demokratiċi.Personalment għandhi fiduċja sħiħa f’dawn l-istituzzjonijiet. Fiċ-ċirkostanzi tal-lum, fejn m’hemm ebda indikazzjoni li l-prevalenza ta’ abbuż fl-istituzzjonijiet residenzjali tal-Knisja hija differenti mill-pprevalenza ta’ abbuż f’isitituzzjonijiet oħra, ma narax kif il-ħatra tal-Kummissjoni kif qed jissuġġerixxi l-Onor. Membru tkun ta’ ġid għall-eluf ta’ tfal li trabbew fl-istituzzjonijiet residwnzjali tal-Knisja.
Leg 11 PQ #28376 Sitting 404 2011-11-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — priġunieri f'kmamar mingħajr twieqi

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin li jinżammu fi kmamar mingħajr twieqi u li fihom ikun hemm iżjed minn priġunier wieħed?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi ma jirriżultax li hemm priġunieri f'kmamar mingħajr twieqi.
Leg 11 PQ #28377 Sitting 404 2011-11-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Priġunieri li skontaw sentenza ħabs — liċenzji speċjali

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi biex meta jkun hemm priġunieri li waqt li skontaw sentenza ta' ħabs jirnexxielhom jedukaw irwieħhom u jiksbu anke l-ħiliet biex jistgħu jingħataw liċenzja, bħal ta' eletriċista dawn ma jiġux miċħuda minn din il-liċenzja għax inkella jkun kollu sar għalxejn ix-xogħol edukattiv magħhom u jiġu kkundannati li qatt ma jistgħu jieħdu r-ruħ u joħorġu mill-ħidma kriminali tagħhom għax ma jkunux jistgħu jaqilgħu x'jieklu mix-xogħol diċenti tagħhom?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi wara taħdidiet mal-Malta Resources Authority saru arranġamenti sabiex dawk il-priġunieri li jirnexxilhom jedukaw irwieħhom u jiksbu riżultati meħtieġa tinħarġilhom il-liċenzja taħt ċertu kundizzjonijiet. Infurmat ukoll li dawk il-priġunieri li għaddew ġew infurmati b'dan l-iżvilupp.

Enemalta — abbużi mill-Gold Credit Card

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk matul is-sena sarux xi investigazzjonijiet dwar l-użu u l-possibilità ta' abbuż mill-Gold Credit Card taċ-Chief Executive Officer tal-Korporazzjoni Enemalta? Jista' jgħid x'irriżulta minn dawn l-investigazzjonijiet? Jista' jghid jekk itteħdux xi passi u fil-każ x'kienu dawn il-passi? Jista' jgħid jekk inġabrux l-invoices kollha relatati mal-użu ta' din il-Gold Credit Card? Jista' jgħid jekk iċ-Chief Executive Officer tax lura xi flus li kien ġibed minn din il-credit card u jekk iva, kemm kien dan l-ammont?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat li ma saret l-ebda investigazzjoni fir-rigward ta’ dak li qed jallega l-Onor. Interpellant. Ninsab infurmat ukoll li hija proċedura tal-Korporazzjoni li tiġbor l-invoices kollha relatati ma’ kull spiża li l-istess korporazzjoni tidħol fihom, u li tirrikonċilja dawn l-ispejjeż. Din il-proċedura tapplika wkoll għall-credit cards. Il-Kap Eżekuttiv tal-korporazzjoni rrifonda €1,722.63 li kienu ngħataw lilu bħala per diem għal konferenzi u laqgħat barra mill-pajjiż, u għal ħlas tal-akkomodazzjoni.
Leg 11 PQ #28367 Sitting 402 2011-11-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali — każijiet ta' priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi, anke b'kordinazzjoni mal-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali, biex tiġi solvuta problema attwali li l-każijiet kontra priġunier, minflok ma jsiru flimkien jew almenu fi żmien qasir, isiru fuq medda ta' snin bil-konsegwenza li l-priġunier ma jkollux wisq inċentiv li jirriforma ruħhu għaliex jaf li wara ftit snin, se jkollu każ ieħor u se jerġa' jispiċċa l-ħabs?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Att dwar il-Ġustizzja Riparatriċi fih provediment għal eliġibilita' bikrija għal parole għal persuni riformati. L-Artiklu 12 jgħid illi kull meta persuna, li tkun diġa' skontat kundanna ta' priġunerija u ġiet mogħtija l-parole jew tnaqqis mis-sentenza skont id-dispożizzjonijiet ta' dan l-Att, tiġi kkundannata għal reat ieħor li tkun wettqet qabel ma bdiet tiskonta l-kundanna ta' priġunerija preċedenti, u tiġi ċċertifikata li fil-preżent ma tkunx taħt il-vizzju tad-droga, dik il-persuna għandha minnufih tiġi kkunsidrata għall-parole kif tibda tiskonta t-tieni kundanna ta' priġunerija sakemm ma jiġix iddikjarat mod ieħor mill-Qorti fis-sentenza tagħha. L-Artiklu jkompli; iżda l-Bord tal-Parole għandu jqis xieraq li jimponi, il-kundizzjoni li jwettaq xogħol ta' servizz fil-komunità u d-dispożizzjonijiet tal-Att dwar il-Probation għandhom japplikaw mutatis mutandis.
Leg 11 PQ #28368 Sitting 402 2011-11-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qrati — sentenzi konsisteni

Question

Minħabba li l-Qrati mhux qed jagħtu sentenzi konsisteni u l-istess, jista' l-Ministru jgħid jekk jaħsibx li wasal iż-żmien li terġa' tinbidel il-liġi u fil-każijiet fejn hemm sentenza ta' ħabs mandatorja, ikun f'idejn il-Maġistrat jew l-Imħallef jekk jibgħatx il-ħabs jew le? Jifhem li bħalissa jekk xi ħadd jikkometti reat meta, per eżempju, għandu 20 sena u l-każ tiegħu jinstema' xi sitt snin wara, jekk hemm sentenza ta' ħabs mandatorja, din tħarbatlu ħajtu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Iċ-ċertezza tad-dritt u ż-żamma tal-konsistenza fis-sentenzi tal-Qrati hija d-dmir tal-Ġudikatura u hija wkoll obbligu tal-Istat taħt il-Konvenzjoni Ewropeja tad-Drittijiet tal-Bniedem. Il-Gvern pero' ma għandu ebda mansjoni kostituzzjonali li tentitolah jindaħal fis-sentenzi tal-Qrati peress illi l-prinċipju tas-separazzjoni tal-poteri jirrappreżenta interess superjuri tad-demokrazija. Fi ħdan is-sistema Ġudizzjarja l-Qrati fi grad ta’ appell huma forsi f’posizzjoni aħjar biex jassikuraw il-konsistenza tas-sentenzi. Il-pieni ta’ ħabs mandatorji mill-banda l-oħra joriġinaw mil-liġi li jagħmel dan il-Parlament fit-twettiq tal-funzjonijiet Kostituzzjonali tiegħu. Meta l-leġislatur jimponi piena ta’ ħabs mandatorja wara li din tkun ġiet diskussa fil-Kamra f’diversi stadji, wieħed għandu jifhem li din tkun ġiet imposta biex tirrispondi għal bżonn soċjali serju u li tkun bażata fuq raġunijiet sodi li jiddettaw li l-klemenza li l-Qrati ta’ spiss jużaw biex jimlew il-lakuni fil-liġi ma taqbiżx ċertu limitu. Il-problema sollevata mill-Onoveroli Membru fl-aħħar sentenza tad-domanda tiegħu hija essenzjalment il-problema tad-dewmien fl-amministrazzjoni tal-ġustizzja għad illi meta ma jkunx hemm piena ta’ ħabs mandatorju l-Qrati jistgħu ma jibagħtux persuna ħatja l-ħabs minħabba li jkunu kkunsidraw x’għamel b’ħajtu mindu kkommetta r-reat meta hemm il-ħabs mandatorju dan ma jistax isir. Pero' jekk il-ħabs mandatorju jkun impost minħabba l-ħsara soċjali u l-ħsara lill-vittmi li jagħmel ir-reat dik il-piena xorta tibqa' ġustifikata mill-gravita’ tar-reat u l-problema jibqa' t-tul taż-żmien biex tittieħed d-deċiżjoni. Kif jaf l-Onorevoli Membru, dan il-gvern, matul is-snin kontinwament introduċa miżuri biex inaqqas id-dewmien fil-Qrati però, speċjalment meta jkun l-akkużat stess li jġib dak id-dewmien, din mhix problema faċli.
Leg 11 PQ #28369 Sitting 402 2011-11-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — Priġunieri - xiri ta' affarijiet

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex l-affarijiet li jistgħu jixtru l-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin bħal card biex iċemplu jew ilma jiswew ħafna iżjed minn kemm jinxtraw barra l-Faċilità Korrettiva ta' Kordin? Jista' jgħid kemm hemm qligħ mill-flus miġbura mill-bejgħ ta' dawn il-prodotti lill-priġunieri? Jista' jgħid x'qed isir b'dawn il-flus?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-prezzijiet tal-affarijiet mixtrija mill-priġunieri mit-Thrift Shop huma l-istess bħal ta’ kull ħanut tal-merċa ieħor f’Malta. Wieħed japprezza li l-prezz ikun xi ftit ogħla milli kieku l-oġġett jinxtara minn-Supermarket, fejn l-iskala ta’ xiri bil-kwantita' tippermetti prezzijiet ftit orħos milli wieħed isib fi ħwienet iżgħar. Infurmat ukoll li skont l-aħħar audit li sar f’ Diċembru li għadda, il-qligħ kien ta € 4,339, liema ammont jintuza biex jinxtara apparat għall-isport u materjal edukattiv għal benefiċċju ta’ dawk il-priġunieri li ma għandhomx mezzi.
Leg 11 PQ #28370 Sitting 402 2011-11-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — legal aid

Question

Jista' l-Ministru jivverifika rapporti li avukati tal-legal aid li suppost jagħtu s-servizz tagħhom bla ħlas lill-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin xorta qed jitolbuhom flus?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi kull meta priġunier ikollu bżonn is-servizz ta’ avukat tal-għajnuna legali, l-uffiċċju legali fil-Qorti jiġi infurmat. Isir l-appuntament u l-priġunier jiltaqgħa mal-avukat li lilu jkun assenjat. Meta l-laqgħa ssir fil-Faċilita' Korrettiva ta' Kordin, għalkemm tali laqgħa tkun qegħda tiġi moniterjata viżwalment, din issir fil-privat bejn l-avukat u r-resident peress li l-Uffiċjali Korrettivi li jkunu qed jeskortaw lir-resident, ma jkunux preżenti fil-kamra. Inżid illi is-sub artikolu (6) tal Artiklu 570 tal-Kodici Kriminali (Kap 9) jipprovdi li l-avukat għal Għajnuna Legali li jinħatar mill-Qorti f’dawn iċ-ċirkostanzi għandu jagħti s-servizz tiegħu mingħajr ebda ħlas.
Leg 11 PQ #28371 Sitting 402 2011-11-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — xogħol komunitarju

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna persuni bħalissa li ntbagħtu jagħmlu xogħol komunitarju minflok jinżammu l-ħin kollu magħluqa fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li fil-preżent hemm tmien priġunieri li qed jagħmlu xogħol fil-komunità.
Leg 11 PQ #28372 Sitting 402 2011-11-04 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — priġunieri

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hu stmat li qed jiswa kuljum lill-pajjiż kull priġunier li jinżamm fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi skont l-aħħar statistika miġbura, huwa stmat li priġunier jiswa madwar €50 kuljum.
Leg 11 PQ #28361 Sitting 400 2011-11-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — proġett tal-IT Unit

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'effetti pożittivi fuq il-priġunieri qed iħalli l-proġett riċenti tal-IT unit fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin imħabbar mill-Ministru Gatt? Jista' jgħid kemm priġunieri qed jużaw dan il-unit? Jista' jgħid kemm għandhom snin il-kompjuters stallati f'dan il-unit? Jista' jgħid x'faċilitajiet ta' IT fih dan il-unit?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-proġett tal-IT fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin introduċa l-informatika għall-ewwel darba fil-ħajja ta’ ħafna residenti. Għalkemm ħafna mir-residenti taħt it-tletin sena ma kienux totalment ġodda għall-użu tal-kompjuter, l-esperjenza tagħhom fil-maġġor parti tagħha kienet limitata għall-logħob u l-użu tal-internet. Permezz tal-kors ta' Compjuter Awareness, minn mindu ġie varat il-proġett, madwar sebgħin resident qabdu t-triq biex isiru litterati fl-użu tal-kompjuter. Minbarra dan il kors jsir il-kors komplut tal-ECDL kif ukoll kors intermedju li jwitti t-triq għall-ECDL. Sar ftehim mal-ETC biex l-iskola fil-Faċilita' ssir Satellite Centre tal-ETC u permezz ta’ dan ser jiġu solvuti l-problemi loġistiċi biex residenti jittieħdu jagħmlu t-testijiet f’Ħal-Far. Din il-fakulta’ qed turi li qajjmet aktar interess f’firxa akbar ta’ residenti biex jitħajjru jippruvaw iġibu din il-kwalifika tant rikjesta. Ninsab infurmat illi komplessivament bħalissa hemm 22 resident li qed jieħdu korsijiet tal-kompjuter fil-unit imsemmi kif ukoll hemm 19 oħra li jieħdu korsijiet fid-diviżjonijiet tagħhom fuq kompjuters li ġew mogħtija lill-Faċilita' mill-MITC jew fuq il-laptops personali tagħhom. Infurmat ukoll illi l-kompjuters kollha li l-Faċilita' ingħatat mill-MITC għandhom processors Pentium 4 u huwa stmat li għandhom bejn ħames u għaxar snin. Il-Pentium 4 huwa processor b’saħħtu biżżejjed biex iħaddem l-aħħar operating system tal-Microsoft, il-Windows 7 u anke l-aħħar pakkett ta’ software għall-uffiċċju, l-Office 2010. Bħala memorja hemm għaxar kompjuters li għandom 2GB, 20 oħra għandom 1GB u għaxra oħra li għandhom 512MB u kollha huma armati b’TFT monitor. Żidiet oħra li saru mal-faċilitajiet tal-IT huma colour deskjet printer kif ukoll data projector biex kemm il-kors tal-kompjuter kif ukoll korsijiet oħra jkun jistgħu jużaw il- multimedia biex il-lezzjonijiet ikunu aktar interessanti u varjati. Wieħed irid jgħid li bl-għotja ta’ kompjuters mill-MICT tliet klassijiet minn erbgħa fl-iskola tal-Faċilita' kif ukoll xi diviżjonijiet huma armati bil-kompjuters.
Leg 11 PQ #28362 Sitting 400 2011-11-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorti Ewropea — dritt tal-vot

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta l-gvern se jieħu l-passi meħtieġa biex jallineja lil pajjiżna mad-deċiżjonijiet tal-Qorti Ewropea u minflok il-priġunieri jitilfu d-dritt għall-vot awtomatikament, iħalli f'idejn il-ġudikanti jekk ineħħix il-vot jew le?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Il-kwistjoni dwar jekk jistax illum ikun hemm esklużjoni awtomatika bil-Liġi mid-dritt għall-vot għal persuni li jeħlu ċerti pieni ta’ priġunerija hija waħda kontroversjali u li tat lok għall-kontroversja anke f’pajjiżi oħra li għandhom liġijiet bħal dawn. Il-Gvern f’ dan l-istadju qiegħed isegwi l-iżviluppi f’ dan il-qasam sabiex jara jekk ikunx indikat li jittieħdu xi inizjattivi għal bidu ta’ proċess ta’ konsultazzjoni dwar tibdil fil-Kostituzzjoni f’ dan ir-rigward.
Leg 11 PQ #28363 Sitting 400 2011-11-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — pensjoni kontributorja

Question

Jista' l-Ministru jirrikmanda li l-priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin ma jibqugħux jitilfu mill-pensjoni kontributorja li qed titnaqqas bin-nofs (fil-każ tal-miżżewġin) jew addirittura titneħħa fil-każ ta' min mhux miżżewweġ? Ma jidhirlux li dan hu kastig ieħor fuq is-sentenza u peress li hi xi ħaġa li bniedem ikkontribwixxa għaliha m'għandhiex titneħħielu u peress li l-pensjoni diġà hija miżera, dan ikollu konsegwenzi serji fuq il-familjari tal-priġunier u twassal biex ħafna minnhom jinqabdu fiċ-ċirku vizzjuż tal-faqar u tal-kriminalità?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Leg 11 PQ #28364 Sitting 400 2011-11-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — kundizzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi biex jitjiebu l-kundizzjonijiet fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin fejn il-kundizzjonijiet huma partikolarment ħżiena f'Division 15? Jistgħu jitjiebu l-kundizzjonijiet ħżiena ukoll f'Division 12 u 13 li għalkemm inbnew riċentament għandhom ħafna nuqqasijiet fosthom nuqqas ta' bitħa viċina; kif ukoll Division 2 u 3 bħala struttura? Jaf li f'Division 5 fejn hemm dawk li suppost huma perikolużi, dawn m'għandhom aċċess għall-ebda xogħol jew skola u qegħdin hemm ma jagħmlu xejn?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-awtoritajiet tal-Faċilità Korrettiva ta' Kordin qegħda timplimenta pjan ta' ristrutturar u titjib f'dawk id-diviżjonijiet li jeħtieġu dan. Eżempju ta' dan hu r-rinovar sħiħ li sar f'Diviżjoni 4, inkluż ix-showers. Ftit qabel dawn ix-xogħlijiet kienu ġew ukoll rinovati Diviżjoni 1 u t-Taqsima tan-Nisa. M'hemm l-ebda Diviżjoni fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin li m'għandhiex aċċess għall-bitħa. Fit-fatt jitqatta' ħafna ħin mill-priġunieri fil-btieħi tal-Faċilita'. Minbarra dan, il-priġunieri li jridu jipprattikaw xi sport, jistgħu jagħmlu dan sew fil-btieħi kif ukoll fi grawnd tal-futbol bit-turf li ġie reċentement rinovat u li qed isir użu estensiv minnu. Kull resident għandu aċċess għas-servizzi kollha provduti fil-Faċilità bħalma huma dawk edukattivi, sportivi ta' saħħa eċċ, għalkemm hemm uħud mir-residenti li għandhom restrizzjonijiet għal raġuni ta' sigurtà. Ix-xogħol ta' manutenzjoni fil-parti komuni tal-Faċilità Korrettiva jsir matul is-sena kollha. Diviżjoni 15 hija dormintorju u tifforma parti minn struttura li nbniet madwar sentejn ilu meta l-aċċessorji tagħha, bħalma huma televiżżjonijiet u sodod kienu kollha ġodda. Ir-residenti ta' din id-diviżjoni għandhom aċċess ukoll għall-bitħa li tinsab biswit din id-Diviżjoni.
Leg 11 PQ #28365 Sitting 400 2011-11-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — persuni li jinżammu f'Division 6

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm persuni li bħalissa qed jinżammu f'Division 6 fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin u għaliex qed jinżammu hemm?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sad-9 ta' Ottubru 2011, kien hemm 22 priġunieri miżmuma f’ Diviżjoni 6.
Leg 11 PQ #28366 Sitting 400 2011-11-01 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Priġunieri — reati konnessi mad-droga

Question

Peress li stħarriġ ippubblikat juri li ħafna mill-priġunieri qegħdin il-ħabs minħabba reati konnessi mad-drogi jew kommessi minħabba d-droga, jista' l-Ministru jgħid x'qed isir b'mod sistematiku u ċert kif wieħed jagħmel programm ta' riabilitazzjoni għax bħalissa l-għażla hija diskrezzjoni f'idejn l-awtoritajiet konċernati?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li priġunieri jintgħażlu biex isegwu programm ta’ riabilitazzjoni b’rakkomandazzjoni ta’ bord imsejjaħ Prison Substance Abuse Assessment Board (PSAAB), kompost minn diversi persuni ġejjin minn barra l-Faċilità Korrettiva, minn oqsma differenti li għandhom x’jaqsmu ma' programmi ta’ riabilitazzjoni mid-droga u esperti f’dan il-qasam. L-għażla issir wara li jkun sar assessment ta’ kull priġunier li juri ruħu dispost li verament jirrijabilita' lilu nifsu. Il-Psikologi tal-Facilità jitkellmu ma' min ibati minn dan il-vizzju u jħajruh biex jersaq lejn dawn il-programmi u qabel ma ssir l-għażla jsir stħarriġ li jkopri l-perjodu kollu minn meta jkun daħal fil-Faċilità.

Università ta' Malta — capping

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'se tagħmel dwar il-fatt li l-capping qed imur kontra l-liġijiet eżistenti tal-Edukazzjoni, l-avviżi legali li jirregolaw l-admissions għall-Università, partijiet relevanti mill-General Regulations tal-Admissions tal-Università u mill-B.Ed Course Regulations, li d-dettalji dwarhom qed jintbagħtu separatament?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ir-rekwiżiti tal-Istatut 1.3 ma japplikawx għal meta l-għadd tal-istudenti li jistgħu jidħlu f’kors ikun limitat għax dan ma jeffettwax il-kwalifiki meħtieġa biex wieħed jidħol f’kors. Dwar il-provvediment 8 tal-ordinamenti tal-kors għall-B.Ed (Hons), l-Università avżat is-suġġetti li kienet qed toffri fil-kors fit-30 ta’ Ġunju 2011. L-Universita’ ma setgħetx tavża n-numru ta’ postijiet għat-Teaching Practice dakinhar għax l-iskejjel ma jkunux għadhom f’pożizzjoni li jagħtu din l-informazzjoni. L-applikazzjonijiet regolari ntlaqgħu sat-22 ta’ Lulju 2011 u applikazzjonijiet tard baqgħu jintlaqgħu sal-20 ta’ Settembru 2011. L-għadd ta’ postijiet disponibbli f’kull suġġett ġew avżati fis-16 ta’ Settembru 2011. L-Università ma ħarġitx in-numri qabel għax baqgħet tipprova ssib aktar postijiet permezz ta’ kuntatti kontinwi mal-iskejjel tal-istat, tal-knisja u privati.
Leg 11 PQ #28356 Sitting 399 2011-10-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — persuni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni bħalissa fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin: a) Maltin, b) ċittadini tal-Unjoni Ewropea; u ċ) minn pajjiżi mhux fl-Unjoni Ewropea? Jista’ jagħti n-nazzjonalità ta’ kull persuna pajjiż b’pajjiż?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin, sat-30 ta' Settembru ta' din is-sena, kien hemm 258 priġunier Malti, 61 mill-Unjoni Ewropea u 175 minn pajjiżi li mhumiex fl-Unjoni Ewropea. Qed inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dettaljata.
Leg 11 PQ #28357 Sitting 399 2011-10-31 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — sentenza skontata

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex persuni miżmuma fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin li jistgħu jintbagħtu jiskontaw sentenza f'pajjiż ieħor tal-Unjoni Ewropea mhumiex jintbagħtu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi sa fejn huwa possibbli dan dejjem isir. Madankollu hemm diversi raġunijiet għaliex dan mhux dejjem possibbli fosthom:- jekk priġunier ikollu każijiet oħra pendenti u/jew appell mis-sentenza; jekk ma jkunx hemm qbil bejn iż-żewġ pajjiżi rigward tul ta' sentenza li l-priġunier għandu jinskonta; jekk il-prigunier ma japplikax volontarjament biex jiskonta s-sentenza f'pajjiżu.