Legislature:
Category:
Reset
Active:

Direttorat tal-Edukazzjoni — staff klerikali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm staff klerikali li spiċċa minn mad-Direttorat tal-Edukazzjoni u fl-iskejjel f'dawn l-aħħar tliet snin? Kemm ġew reklutati minflokhom? Kemm fadal postijiet battala? Kemm minn dawn il-postijiet ġew aboliti mid-deployment exercise?

Response (CRISTINA, DOLORES)

In-numru ta’staff klerikali li spiċċaw hu ta’ 36. In numru reklutat hu ta’ 32. Bħalissa għaddej eżerċizzju sħih biex jkun identifikat in-numru ta’ postijiet klerikali battala jew li se jitbattlu sa l-aħħar tas-sena biex jkun hemm ir-reklutaġġ meħtieġ. Dan l-eżerċizzju mistenni jintemm fil-ġimgħat li ġejjin.

kumpanija tar-reklamar Lighthouse and Ashley — direct orders

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'mod dettaljat wieħed, wieħed u waħda, waħda x'kuntratti u direct orders ingħataw mill-Ministeru tiegħu u l-entitajiet kollha li jaqgħu taħtu lill-kumpanija tar-reklamar Lighthouse and Ashley fil-perjodu bejn l-1 ta' Jannar 2007 sal-lum, inkluż il-valur tagħhom, għal liema skop kien ordnat ix-xogħol relattiv u kemm f'kull każ tħallsu flejjes fuq l-istess direct orders? Kemm jonqos li jitħallsu f'kull każ skont il-każ partikolari, filwaqt li għal kull ħlas jgħid ma' liema sejħa għall-offerti jew direct order hu marbut?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.
Leg 11 PQ #29895 Sitting 407 2011-11-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

San Pawl il-Baħar — sewqan eċċessiv fil-by-pass

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Pulizija hijiex infurmata fuq sewqan eċċessiv li qed iseħħ kull nhar ta' Ħadd fit-8:00 a.m. fil-by-pass tax-Xemxija/San Pawl il-Baħar minn numru sostanzjali ta' muturi? Jekk iva, x'miżuri ttieħdu jew se jittieħdu sabiex din l-attività illegali tiġi mwaqqfa?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-Pulizija ser tieħu l-provvedimenti opportuni għal dak li qed jiġi sollevat mill-Onorevoli Interpellant.

San Pawl il-Baħar — rotot ġodda - proposti tal-kunsill lokali

Question

Jista' l-Ministru jgħid sarux proposti mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar marbuta mar-rotot il-ġodda kemm qabel kif ukoll wara li ġiet introdotta s-sistema l-ġdida tat-Trasport Pubbliku?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.

informazzjoni dwar tender

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'liema stadju qiegħed it-tender Call for Expression of Interest for the Financing, Design, Supply, Installation, Operation and Maintenance of Photovoltaic Systems on Public Buildings in Malta u lil min ingħata dan il-kuntratt? Kemm se jiswa l-investiment li għandhom jagħmlu f'dan il-proġett u meta se jibda dan il-proġett? Jista' jgħid kemm kien hemm dikjarazzjonijiet ta' kunflitt ta' interess skont l-Ethics Clauses 3.23 ta' din l-Expression of Interest u jqiegħedhom fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Jien infurmat li sussegwentement għall-ħruġ ta’ sejħa għal Espessjoni ta’ Interess, kienu ġew sottomessi 15 l-espressjoni li minnhom kienu ġew shortlisted tliet consortia. Is-Sejħa għal Offerti kienet ppreżentata lit-tlett consortia nhar il-Ġimgħa 11 ta’ Novembru 2011. Fid-dawl tal-fatt li l-proċess tas-Sejħa għal Offerti għadu għaddej, mhux opportun li jsiru kummenti f’dan l-istadju. Kull applikazzjoni li ġiet shortlisted iddikjarat li m’għandha l-ebda konflitt ta’ interess.
Leg 11 PQ #29915 Sitting 407 2011-11-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar — kiri ta' uffiċini

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu flus mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar matul dawn l-aħħar għaxar snin f'kirjiet għall-użu ta' uffiċini sabiex ikun jista' jopera minnhom?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-ispiża tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar f’kirjiet għall-użu ta’ uffiċini sabiex ikun jista’ jopera minnhom matul dawn l-aħħar għaxar snin ammontat għal €168,059.96.
Leg 11 PQ #29916 Sitting 407 2011-11-14 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar — day care centers - kiri ta' binjiet

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm intnefqu f'kirjiet mill-Kunsill Lokali ta' San Pawl il-Baħar sabiex jinkrew binjiet għall-użu ta' day care centres?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninsab infurmat li l-ispiża tal-Kunsill Lokali ta’ San Pawl il-Baħar f’kirjiet għall-użu ta’ binjiet biex jintużaw bħala day care centres ammontat għal €118,102.31.

ITS — konferenza għall-istaff

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport finali (proceedings) tal-konferenza Forward with Confidence li l-Istitut għall-Istudji Turistiċi organizza għall-istaff akkademiku tiegħu f’lukanda tas-Sliema f’April 2011? X’kien l-iskop ta’ din il-konferenza? X’ġid ħareġ minnha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskop prinċipali ta’ din il-konferenza kien sabiex tiġi ppreżentata u diskussa il-viżjoni l-ġdida tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi. Il-ġid prinċipali kien li l-impjegati akkademiċi tal-ITS ngħataw stampa ċara dwar id-direzzjoni l-ġdida li l-istitut, kif ukoll dwar trends kurrenti li qed jiġu implimentati fl-industrija tat-turiżmu lokali u internazzjonali, tagħrif li l-għalliema jistgħu jgħaddu lill-istudenti tagħhom fil-klassi.

ITS — Disinn tal-kurrikulu l-ġdid

Question

Tista’ l-Ministru tgħid min kien involut fid-disinn tal-kurrikulu l-ġdid li beda jitwettaq mis-sena akkademika 2011/2012 fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Xi kwalifiki u esperjenza għandha fil-qasam edukattiv kull persuna involuta? X’tip ta’ konsultazzjoni saret fil-livelli differenti fi ħdan l-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Meta ġie approvat dan il-kurrikulu l-ġdid u minn min? Tista’ l-Ministru tpoġġi kopja tiegħu fuq il-Mejda tal-Kamra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-kurrikulum il-ġdid ġie mfassal minn għadd ta’professjonisti mill-kamp edukattiv kif ukoll mill-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità. Il-koordinament sar mill-Kap Eżekuttiv u il-viċi Kap wara proċess ta’ Konsultazzjoni mal-koordinaturi, il-lekċerers kif ukoll l-istudenti. Il-kurrikulu kien approvat mill-Board of Studies, il-Board of Governors u l-Kunsill Malti għall-Kwalifiki. Kopja ta’ dan il-kurrikulum qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ITS — Laboratorju tax-Xjenza

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm sewa flus biex isir u jiġi attrezzat il-Laboratorju tax-Xjenza li hemm fil-kumpless Martin Luther King, Pembroke, tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Meta nfetaħ? Kif qed jiġi utilizzat bħalissa? Liema lecturers u korsijiet qed jagħmlu użu minnu? Min hu inkarigat mill-health and safety tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il- Laboratorju tax-Xjenza li hemm fil-kumpless Martin Luther King, Pembroke, tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi sewa €6,546.21. Il-laboratorju nfetaħ fl-2009. Bil-kurrikulum il-ġdid is-suġġetti relatati max-xjenza tal-ikel issa jinsabu f’livelli għola. Għaldaqstant, għal dan is- semester , m'hemm l-ebda lecturers li qed jużawh. Il-persuna inkarigata mill-Health & Safety huwa lecture speċjalizzat.

ITS — Science Centre

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu r-rwol tas-Science Centre fi ħdan l-Istitut għall-Istudji Turistiċi? Meta twaqqaf u b'liema skop? Min qed jikkontribwixxi għalih bħalissa f’termini ta’ xogħol amministrattiv u xogħol ta’ riċerka akkademika? X’benefiċċji qed jieħdu minnu l-istudenti u l-istaff akkademiku?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-Science Centre huwa laboratorju li jintuża’ għat-tagħlim tax-Xjenza. Dan kien twaqqaf fl-2009. Bħalissa t-tagħlim li jiġi offrut ma’ dan il-laboratorju se jiġi offrut f’livell aktar ogħli ta’ speċjalizzazjoni u għalhekk bħalissa mhux meħtieġ xogħol amministrattiv jew ta’ riċerka.

ITS — lectures fil-food chemistry u food science

Question

Tista’ l-Ministru tispjega liema tip ta’ lectures fil-food chemistry u food science għandhom l-istudenti fil-korsijiet fl-Istitut ghall-Istudji Turistici? F'liema korsijiet qed jingħataw? Kemm qed jingħataw sigħat f'kull kors?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minn analiżi li saret tas-suġġetti li kienu qed jiġu offruti fil-qasam tax-xjenza tal-ikel, instab li l-lectures ta’ food chemistry kienu ekwivalenti mal-kontenut ta’ suġġett ieħor. Għaldaqstant, biex tiġi evitata duplikazzjoni ta’ tagħlim lill-istudent, kif ukoll biex jiġi assigurata użu aħjar ta’ riżorsi umani, il-food science se jiġi offrut f’livell għola bħala parti minn kors ieħor li se jkun hemm aktar 'il quddiem.

Swieqi — Ċentru Ċiviku

Question

Jista' l-Ministru jgħid kif se jiġi ffinanzjat il-proġett taċ-Ċentru Ċiviku tas-Swieqi u fiex se jintnefqu l-flus? Ta' min hi l-art ta' fejn se jiġi żviluppat?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan il-proġett se jiġi ffinanzjat mill-voti kapitali tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali. Dan il-proġett se jinkludi l-bini ta’ Ċentru Ċiviku u ġnien pubbliku waqt li se ssir talba lill-MEPA biex parti mill-fondi jiġu rkuprati mill-UIF (Urban Improvement Fund). L-art hija tal-gvern u tinkludi parti li ġiet esproprjata.

Awtorità tal-Komunikazzjoni ta' Malta — investigazzjoni fuq tender

Question

Jista' l-Ministru jikkonferma li l-kumpaniji li tefgħu offerta għat-tender, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, kienu: Economic & Management Consultancy Services (EMC) for the value of €269,718.50, STC Training Ltd for the value of €271,400.00 u Outlook Management and Communications Cooperative Society Ltd for the value of €277,472.00? Jikkonferma li l-Economic & Management Consultancy Services ngħataw il-kuntratt nhar it-22 ta' Lulju 2011? Huwa minnu li saret investigazzjoni rigward dan it-tender u rriżulta li wieħed mid-Direttur tal-Bord tal-Awtorità tal-Komunikazzjoni ta' Malta kien involut f'xi irregolaritajiet f'din it-tender? Jekk dan huwa minnu, jista' jgħid: a) għaliex it- tender ma ġiex irtirat; b) min huwa dan id-Direttur u liema kumpanija kienet involuta f'dawn l-irregolaritajiet; ċ) x'passi ttieħdu kontra dan id-Direttur u l-kumpanija involuta; u d) dan il-każ, għadda għand il-pulizija biex tiġi investigata?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat illi fil-proċess ta' evalwazzjoni ġie nnutata li wieħed mill-offerenti , Joint Venture for the Maltese Communications Authority Service Tender for the Provision of Training Services for Epitome Project CT 3023/201, kien jikkonsisti f’konsorzju li fih kellha sehem ta’ 7% il-kumpanija CCG Investment Ltd, fejn wieħed mid-diretturi tagħha kien ukoll membru tal-Bord tal-MCA. Il-konsorzju gie mitlub jirtira l-offerta u l-membru tal-bord intalab jirreżenja u hekk ġara.

Eżamijiet tal-Matsec u Sec — reviżjoni tal-karta

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kien hemm studenti li wara l-eżamijiet tas-SEC u l-MatSec fl-ewwel sessjoni talbu reviżjoni fil-karta, suġġett b'suġġet fil-livell SEC u fis-Systems of Knowledge, livelli Intermediate u avvanzati fil-MatSec?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Żbalji fir-riżultati tal-eżamijiet tas-Sec u l-Matsec

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ħarġu riżultati żbaljati u f'liema suġġetti tas-Sec u l-Matsec u meta ġew informati l-istudenti li saru dawn l-iżbalji?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Minn 924 riżultat fl-eżami tal-Ingliż fil-livell tas-SEC f’Settembru 2011 kien hemm żball f’90 minnhom u kien jinħtieġ li l-grad li ġabu l-istudenti jogħla. Mill-ewwel saret il-korrezzjoni neċessarja fis-7 ta’ Ottubru u dakinhar stess l-istudenti ġew informati permezz ta’ sms. Fl-istess ħin inħarget stqarrija għall-istampa. Ma kienx hemm żbalji oħrajn fl-ebda suġġett fil-livelli tas-SEC, Intermedju u Avvanzat f’Settembru u f’Mejju 2011.

Dikjarazzjoni tad-Direttur Eżekuttiv tal-Matsec

Question

Tista' l-Ministru tinvestiga d-dikjarazzjoni allarmanti tad-Direttur Eżekuttiv tal-Matsec, Dr. Martin Musumeci, dwar l-iżbalji fir-riżultati fejn ġie rapportat li qal "anzi ħriġnihom ir-riżultati għax stajna ma ħriġnihomx u m'għidna xejn"?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Jekk wieħed jikkunsidra korrettament id-dikjarazzjoni li ssemmiet, fil-kuntest sħiħ u oriġinali tagħha kif ukoll fl-ispirtu li oriġinarjament saret bih, jidher ċar li l-Bord tal-eżamijiet tal-MATSEC tant jagħmel l-affarijiet b’mod trasparenti li, ġaladarba nstab żball waqt wieħed mill-passaġġi ta’ ċċekkjar li jsiru, ma sab l-ebda diffikultà – anzi jħossu fid-dmir – li immedjatament jirratifika tali sitwazzjoni biex il-kandidati dejjem jieħdu dak li proprjament ħaqqhom.

trasport tal-iskola — rapport dwar imġieba ta' sewwieq

Question

Tista' l-Ministru tara jekk jistgħux jittieħdu l-passi neċessarji biex jiġu indirizzati l-ilmenti mqajma f'email ikkuppjata lili u lill-Ministru minn persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, dwar imġieba ta' sewwieq li jġorr lit-tfal tal-iskola sekondarja bniet Imrieħel u tal-Kulleġġ Santa Tereża?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-passi kollha neċessarji ttieħdu sew mill-iskola u mid-Direttorat, kif ukoll mill-Operaturi tar-rotta biex l-ilmenti mqajjma jiġu indirizzati.

skola primarja ta' San Ġwann — ilmenti fuq l-uniformi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk ġenituri li għandhom uliedhom fl-iskola primarja ta' San Ġwann fil-kulleġġ ta' Santa Klara humiex jilmentaw mill-għażla ta' kuluri tal-uniformi li skont huma ma jaqblux, mill-materjal sintetiku li ntgħażel, kif ukoll mid-daqsijiet li huma kbar wisq għat-tfal? Inġabret u ntbagħtet xi petizzjoni dwar dan? Jekk huwa hekk, se jittieħdu xi passi biex jiġu indirizzati l-ilmenti tal-ġenituri? X'passi se jittieħdu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Kien hemm numru ta’ ġenituri (mill-iskola ta’ San Gwann A) li lmentaw dwar il-kuluri tal-uniformi tal-Kulleġġ Santa Klara. Dawn tkellmu mal-Prinċipal u l-Prinċipal qaltilhom li dik kienet l-uniformi tal-Kulleġġ Santa Klara. Tajjeb wieħed jinnota li fil-proċess tal-għażla tal-uniformi, il-Kulleġġ mexa mal-proċeduri kollha neċessarji u dawn ġew approvati mill-bord imwaqqaf apposta mill-bord tal-uniformijiet. Il-materjal skont it- tender (bħalma hu tal-Kulleġġi l-oħra) hu parti minnu sintetiku għax jagħti long term service . Rigward dawk l-istudenti li kellhom bżonn qisien apposta għalihom, il- provider u l-ġenituri li kellmu lill-Prinċipal dwar dan, ingħataw struzzjonijiet biex imorru għand il- provider biex jittiħdulhom il-qisien partikolari ħalli kulħadd ikun kuntent u l-uniformi tkun tiffittja sewwa lill-istudent/a. Kull min mar il-ħanut kulħadd kien bit-tifel/tifla miegħu/magħha, u kulħadd kellu kull possibbilità jipprova kemm irid. Fil-Kulleġġ waslet il-petizzjoni u l-ilmenti qed jiġu diskussi.
Leg 11 PQ #28373 Sitting 404 2011-11-07 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Faċilità Korrettiva ta' Kordin — ikel minn caterer privat

Question

Jista' l-Ministru jgħid bħalissa kemm hemm priġunieri fil-Faċilità Korrettiva ta' Kordin li jingħataw ikel ippreparat hemm ġew stess u kemm jingħataw ikel miġjub minn caterer privat u min hu dan il-caterer?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi fil-preżent hemm 441 priġunier li jingħata ikel ippreparat mill-kċina tal-Faċilità u madwar 134 priġunier li jingħata ikel ippreparat mid-ditta James Caterers Ltd.