Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment tas-Servizzi tal-Istudenti — kwestjoni dwar PMPs

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex impjegati fid-Dipartiment tas-Servizzi tal-Istudenti qed jintalbu jimlew PMP bi tliet snin lura u PMP li mhix bi qbil mal-MUT?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Id-Dipartiment tas-Servizzi għall-Istudenti ma talab l-ebda impjegat biex jimla l-PMP tiegħu bi tlett snin lura.

allegazzjoni dwar abbuż fuq student minn LSA

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhu l-każ tal-learning support assistant li saru allegazzjonijiet ta' xi forma ta' abbuż fuq student fdat f'idha u li wassal għall-arrest tagħha u wasslet lill-MUT biex ordnat lil-learning suppost assistants ma joħorġux lit-tfal waħedhom biex jeħduhom fir-resource rooms? Fejn wasal dan il-każ u fejn waslu t-taħditiet mal-MUT biex tiġi solvuta din il-kwestjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-Kap tal-iskola rċeviet allegazzjoni ta’ abbuż fuq minuri. Il-Kap tal-iskola minnufih infurmat id-Direttur Ġenerali kif inhi obbligata tagħmel skont ic-Child Protection Procedures. Fl-istess ħin, il-ġenituri għamlu rapport l-APPOĠĠ. Skont il-proċeduri d-Direttur Ġenerali rreferiet l-allegazzjoni lill-APPOĠĠ li bdew l-investigazzjoni. Il-ġenituri imbagħad għamlu rapport lill-pulizija li bdew jinvestigaw il-każ b’koordinazzjoni mal-APPOĠĠ. L-MUT ġiet infurmata mill-LSA u l-Union ħarġet id-direttiva. Is-Segretarju Permanenti għamel laqgħa mal-MUT. Ġie spjegat li l-Kap tal-iskola segwiet il-proċeduri stabbiliti f’dan il-każ. Mal-MUT ġie miftiehem ukoll li jkun hemm linji gwida biex impjegati jkunu jistgħu jipproteġu lilhom infushom kontra allegazzjonijiet ta’ abbuż. Il-Permanent Secretary u d-Direttur Ġenerali qalu lill-MUT li jkun aktar għaqli li qabel joħorġu direttiva jitkellmu mad-Direttorati, biex fejn hu possibli l-affarijiet jiċċaraw ruħhom u jintlaħaq ftehim mingħajr il-ħruġ ta’ direttivi. L-uffiċċjali tal-MUT irrifjutaw li jagħmlu dan.

intervisti ġodda għal supply teachers

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex qed isiru intervisti ġodda għal supply teachers meta l-lista ta' għalliema regolari u supply għadha ma ġietx użata kollha?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-Supply Teachers jiġu impjegati meta jkun hemm vakanzi minħabba li ma jkunux instabu għalliema regolari biex jimlew dik il-vakanza jew inkella biex jimlew il-vojt għal perjodu definit sakemm l-għalliem/a j/terġa’ lura għax-xogħol. Hemm diversi raġunijiet għal dawn il-vakanzi għal perjodu definit bħal eżempju leave tal-maternita` jew assenza għal tul ta’ żmien minħabba mard fejn l-għalliema ma jkunux jistgħu jiġu mibdula b’għalliema regolari. Għaldaqstant dawn iċ-ċirkostanzi jitolbu li dejjem ikun hemm listi ta’ riserva ta’ Supply Teachers. Dejjem jiġu msejħa skont l-ordni tar-riżultat.

għalliema li qed jimlew formoli dwar tqassim ta' frott

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex għalliema tal-primarji u tas-Senior Management Team (SMT) qed jitqabbdu jimlew formoli dwar tqassim ta' frott lill-istudenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskola timla’ formola biss meta jidħlu studenti ġodda jew meta jsir xi ċaqliq ta’ studenti minn skola għal oħra.

ratio ta' school counsellors

Question

Peress li f'pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea r-ratio ta' school counsellors huwa ta' 1 ma' 400 student u jvarja sa 1,250 student, tista' l-Ministru tgħid kemm huwa dan ir-ratio f'Malta?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fl-iskejjel tal-istat ir-ratio tal-professjonisti li jagħtu s-servizzi tagħhom mill-kinder sal-post sekondarju (guidance teachers, school counsellors, college counsellors, counsellors u trainee counsellors) huwa ta’ 1 ma’ 238, student meta in-numru ta’ studenti li jattendu l-iskejjel huwa ta’ 34,952 waqt li in-numru ta’ professjonisti huwa ta’ 147. Meta nżidu l-istaff li jagħmel career guidance (guidance teachers, school counsellors, counsellors, college counsellors, trainee counsellors, college career advisors, trainee career advisors, career guidance teachers) ir-ratio huwa ta’ 1 ma’ 212 student, meta in-numru ta’ studenti li jattendu l-iskejjel huwa ta’ 34,952 waqt li in-numru ta’ professjonisti huwa ta’ 165. Ir-ratio tal-professjonisti kollha li jaqgħu taħt is-servizzi edukattivi psiko-soċjali (guidance teachers, trainee counsellors, counsellors, college counsellors, trainee counsellors, college career advisors, trainee career advisors, career guidance teachers, social work services, school psychological services, youth workers u SEBD specialists) huwa ta’ 1 ma’ 163 student meta in-numru ta’ studenti li jattendu l-iskejjel huwa ta’ 34,952 waqt li in-numru ta’ professjonisti huwa ta’ 215.

Bank of Valletta — Chairman

Question

Jidhirlu l-Ministru li meta rrisponda għal mistoqsija parlamentari 27593 dwar il-ħatra taċ-chairman tal-Bank of Valletta fuq il-Bord tal-Air Malta billi qal li qiegħed jagħmel l-indaġini ulterjuri minflok ma kkonfermali b’mod kategoriku li l-appointment tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, bħala direttur tal-Air Malta ma tikkostitwixxi l-ebda problema legali taħt il-Banking Act, dan jikkostitwix evidenza li ma sarx due diligence min-naħa tal-Ministeru tal-Finanzi qabel l-istess appointment, jekk addirittura ma jindikax nuqqas ukoll mir-regolatur, l-Awtorità dwar is-Servizzi Finanzjarji ta’ Malta? Jekk kemm-il darba l-appointment tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, fil-fatt jikkostitwixxi ksur tal-Artiklu 15 tal-Banking Act minħabba faċilitajiiet ta’ kreditu li jagħti l-istess Bank lill-Air Malta, u li dan allura jkun jikkostitwixxi offiża kriminali li skont l-istess att tista’ tkun punibbli bi priġunerija u b’multa sa €1,164,686 għal kull persuna li kienet tagħmel parti mill-istess ksur, jista' l-Ministru jinforma lilll-Kamra x’passi se jittieħdu skont il-liġi?

Response (FENECH, TONIO)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jiċċara d-domanda tiegħu billi din qed titlaq minn premessa skorretta għall-fatt li din ma tirriflettix ir-risposta li tajt għal din id-domanda.

ETC — Digital Literacy Beginners Course - informazzjoni dwar it-tutors

Question

Tista' l-Ministru responsabbli mill-ETC tgħid kemm kien hemm tutors li qed jgħallmu fid-Digital Literacy Beginners Course tal-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ li beda għall-ħabta ta' Ġunju 2011? Tista' tgħid kull wieħed minn dawn it-tutors kemm ġie allokat lezzjonijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

F’Ġunju 2011, bdew 2 korsijiet ta’ Digital Literacy. Iż-żewġ korsijiet ġew mgħallma minn trainer wieħed li kellu 3 lezzjonijiet (it-Tnejn, l-Erbgħa u l-Ġimgħa) ta’ sagħtejn il-waħda għal kull kors. B’kollox dan it-trainer kellu 12-il siegħa taħriġ fil-ġimgħa.

Freeport — dokumenti ta' containers

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul Ottubru u Novembru 2011 kienx hemm xi container jew containers li nħarġu mill-Freeport b'dokumenti ta' containers oħra li kellhom jinħarġu għal Malta u minflokhom inħarġu containers li ma kellhomx jinħarġu? X'investigazzjonijiet saru dwar l-għibien ta' dawn il-containers u x'passi tttieħdu?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat mill-Malta Freeport Corporation illi ma kien hemm ebda “container” li ġie “Gate out” minflok ieħor jew illi għeb u minn investigazzjonijiet li saru kull “container” ġie “accounted for”.

Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb — kotba b'ortografija antika fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid itteħditx deċiżjoni li kotba bil-Malti bl-ortografija antika mhux qed jitħallew jitqassmu iżjed fl-iskejjel? Tista' tgħid min ħa din id-deċiżjoni? Tista' tgħid x'konsultazzjoni saret mal-pubblikaturi lokali tal-kotba għat-tfal, li diġà għandhom ħajjithom diffiċli biżżejjed u issa se jibqgħulhom ma' wiċċhom b'eluf kbar ta' kotba għat-tfal jiswew eluf ta' euros? Tista' tgħid jekk il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb ħax xi passi biex itaffi l-problemi ta' dawn il-pubblikaturi u jekk iva, x'inhuma dawn il-passi? Tista' tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-korrispondenza kollha li għaddiet bejn il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, il-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti u l-Ministeru tal-Edukazzjoni fuq din il-kwistjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ittieħdet deċiżjoni biex kotba bil-Malti jiġu konformi mal-ortografija l-ġdida u dawk bl-ortografija antika mhux qed jitqassmu fl-iskejjel. Din id-deċiżjoni ttieħdet mid-Dipartiment tal-Kurrikulu u eLearning biex ikun konformi mad-deċiżjonijiet tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti. Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-mistoqsija 24960 t’April li għadda fejn kien esprima l-opinjoni tiegħu dwar l-impatt ħażin fuq it-tfal meta jiġu esposti għall-ortografija li ma baqgħetx fl-użu. It-tweġiba li ngħatat dak iż-żmien kienet li d-Direttorat kien qed jagħmel l-arranġamenti kollha biex dawn il-kotba jiġu aġġornati skont ir-regoli l-ġodda tal-ortografija. L-interess tal-interpellant dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-publikaturi lokali tal-kotba għat-tfal huwa apprezzat iżda l-għan aħħari tad-Dipartiment huwa li jassigura li l-istudenti jiktbu b’ortografija tajba. Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb, b’konsultazzjoni mal-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja, kien tkellem mal-Kunsill Nazzjonali tal-Ilsien Malti fejn wara li kien hemm suġġeriment li ttieħdet stampa ta’ kemm il-Pubblikaturi kien fadalhom kotba bl-ortografija antika ġie suġġerit lill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Xogħol u Familja li dawn il-kotba b’din l-ortografija ikollhom infilsat fihom glossarju ta’ dawk il-kliem bl-ortografija antika b’referenza għal dawk il-kliem f’termini t’ ortografija ġdida. B’hekk il-kotba diġa mitbugħa setgħu jibqgħu ta’ użu. Ma kienx hemm korrispondenza bejn it-tliet korpi msemmija.

Transport Malta — kunflitt ta' interess tas-senior manager tal-ICT

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu s'issa dwar il-każ tal-kunflitt ta' interess tas-senior manager tal-ICT ta' Transport Malta li kellu sehem ewlieni fil-kumpanija MCFR Ltd fl-istess żmien li ħadet ħafna kuntratti tat-Transport Malta? Jista' jgħid x'inhu l-valur totali tal-kuntratti kollha li ħadet din il-kumpanija minn Transport Malta mis-sena 2008 sal-lum? Jista' jgħid kemm minn dawn il-kuntratti kienu direct order?

Response (GATT, AUSTIN)

Jien infurmat li hu skorett li tgħid li l-imsemmi mpjegat "inqabad iwieġeb it-telefon tal-uffiċċju ta' kumpanija privata" għaliex il-fatti li jirriżultaw huma illi minkejja li hu kien qata' r-relazzjoni ma' din il-kumpanija, n-numru telefoniku tiegħu baqa' ma tneħħiex mill-kumpanija msemmija. Jien infurmat illi biex ikun hemm kunflitt ta' nteress irid ikun hemm konnessjoni bejn il-proċess u l-pożizzjoni. Jien infurmat ukoll illi l-Awdituri Interni tal-Awtorità- PricewaterhouseCoopers - ikkonkludew l-investigazzjoni tagħhom u r-rakmandazzjoni tal-kumitat ta' Awditjar ġew implimentati. Ir-rapport jikkkonkludi li ma sar xejn min-naħa tal-impjegat ikkonċernat li għandu jwassal għat-tkeċċija tiegħu jew għal miżuri serji ta' dixxiplina, u li l-istess persuna bl-ebda mod ma' kien involut fil-proċess tax-xiri jew b'xi mod seta' nfluwenza tali proċess. Kopji ta' dan ir-rapport intbagħtu l-Uffiċċju tal-Awditur Intern tal-Gvern u l-Kummissarju tal-Pulizija għal dawk l-azzjonijiet pertinenti li jidrilhom li għandhom jieħdu. Dwar il-kumplament tal-mistoqsija, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella bl-informazzjoni mitluba.

National Benchmarking Exercise — analiżi ta' kull kulleġġ

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk kull kulleġġ f'Malta u f'Għawdex għamilx analiżi ta' kif marru t-tfal fl-aħħar sena tal-primarja fl-ewwel national benchmarking exercise li sar fi tmiem is-sena skolastika li għaddiet? Jekk sar dan l-analiżi tista' tpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarx, ma taħsibx li għandu jsir?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L- Education Assessment Unit fi ħdan id-Direttorat tal-Kwalità u Standards qed iħejji analiżi ta’ kif marru t-tfal fin-National Benchmark. Dan ir-rapport se jiġi ppubblikat u dan se jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

National Benchmarking Exercise — Direttorat tal-Edukazzjoni - analiżi

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk id-Direttorati tal-Edukazzjoni għamlux analiżi ta' kif marru t-tfal fl-aħħar sena tal-primarja fl-ewwel national benchmarking exercise li sar fi tmiem is-sena skolastika li għaddiet? Jekk sar tista' tpoġġi kopja fuq il-Mejda tal-Kamra? Jekk ma sarx, ma taħsibx li għandu jsir?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed jitħejja rapport mill-Education Assessment Unit fi ħdan id-Direttorat tal-Kwalità u Standards dwar l-ewwel national benchmarking exercise li jinkludi fih rapporti mill-eżaminaturi ewlenin kif ukoll statistika li tixħet dawl fuq kif marru t-tfal f’kull komponent tat-tliet eżamijiet li saru. Dan ir-rapport jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra kif ikun finalizzat u ppubblikat.

Delimara Power Station — implikazzjonijiet finanzjarji

Question

Jista' l-Ministru kif il-Korporazzjoni Enemalta qabbdet lill-KPMG biex tistudja l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-estensjoni tal-powerstation f'Delimara jekk taħdimx bil-HFO jew bid-diesel? Dan sar b'direct order jew b'tender? F'kull każ, kemm ġie jiswa l-istudju? Meta ntgħażlet il-KPMG ġie kkunsidrat il-fatt li din id-ditta hija l-awditur tal-BWSC ukoll? Meta ħadet dawn id-deċiżjonijiet il-Korporazzjoni Enemalta rat jekk marritx kontra r-rakkmandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali fiż-żewġ rapporti li għamel fuq il-kuntratt lill-BWSC tal-estensjoni tal-power station ta' Delimara?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Bank of Valletta, Valletta Fund Management Ltd u Valletta Fund Services Ltd — informazzjoni dwar l-istaff

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi lista ta’ membri tal-istaff u ta’ qraba, ġenituri, tfal jew aħwa jew nies oħra li jgħixu fl-istess household tagħhom, liema staff kienu jaħdmu fil-Bank of Valletta, Valletta Fund Management Ltd u Valletta Fund Services Ltd matul l-2008 u li fdew l-investiment tagħhom fil-La Valette Multi Manager Property Fund? Jekk il-Ministru jsib oġġezzjoni li jidentifika l-istess individwi, jista' jagħti l-istess informazzjoni forma ta’ statistika? Jista’ jikkonferma li diġà ftit ġimgħat wara l-ewwel allegazzjonijiet li saru f’dan ir-rigward, l-Awtorità ta' Malta dwar Servizzi Finanzjarji diġà kienet sabet evidenza prima facie ta’ dan it-tip wara eżerċizzju ta’ intelligence gathering li kienet għamlet? X’irriżulta s’issa fir-rigward tal-investigazzjoni tal-fidi ta’ dan l-investiment minn direttur tas-SICAV, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, kif joħroġ ċar minn dokumenti pubbliċi? Jista' jikkonferma li fl-ewwel xhur tal-2008 saret kampanja low-key fost il-Financial Planning Officers tal-Bank of Valletta li fid-dawl tal-aħbarijiet ħżiena li kienu qed jirċievu dwar il-Belgravia kellhom jikkuntattjaw lill-klijenti li kienu jqisu preferenzjali, inkluż dawk b’holdings kbar, biex jgħidulhom ibiegħu jew inaqqsu kollox?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Direttorati tal-Edukazzjoni — uniformi

Question

Tista' l-Ministru tgħid min fid-Direttorat tal-Edukazzjoni huwa obbligat li jilbes uniformi? Xi skala huma u għaliex fl-istess taqsima magħhom hemm min jitħalla jilbes kif irid?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dawk li huma fil-grad ta’ messaġġier jew jagħmlu xogħol ta’ messaġġier huma obligati jilbsu l-uniformi. Dawn il-ħaddiema huma mitluba li jilbsu l-uniformi. Hemm sezzjonijiet klerikali oħra li qed jilbsu uniformi għax din hija l-għażla tal-ħaddiema.

Kuntratti tal-prinċipali tal-kulleġġi

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta skada l-kuntratt tal-prinċipali tal-kulleġġi u x'se jiġri dwar il-kuntratti l-ġodda? Se jkun hemm reklutaġġ ġdid? Se jiġu konfermati dawk eżistenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-kuntratt ta’ 7 prinċipali skada fl-1 ta’ Frar 2011. Il-pjan huwa li terġa’ toħroġ is-sejħa.

Direttorat tal-Edukazzjoni — Post vakanti tad-direttur

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jimtela l-post vakanti li ħalla l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, meta spiċċa minn direttur biż-żmien mid-Direttorat tal-Edukazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li se toħroġ is-sejħa għall-applikazzjoni ta’ dan il-post vakanti ta’ direttur. Qed tiġi ffinalizzata is-sejħa u b’hekk jibda l-proċess biex toħroġ.

Direttorat tal-Edukazzjoni — direttur li rtira - post vakanti

Question

Tista' l-Ministru tgħid meta se jimtela post li tbattal mill-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, meta rtira biż-żmien mid-direttur fid-Direttorat tal-Edukazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed tiġi ffinalizzata s-sejħa tal-applikazzjoni sabiex jibda l-proċess biex jimtela l-post ta’direttur li rtira biż-żmien.

Direttorat tal-Edukazzjoni — kuntratti ta' diretturi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm diretturi fid-Direttorat tal-Edukazzjoni li skadielhom il-kuntratt u x'se jiġri dwarhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hemm erba’ Diretturi li għalqilhom il-kuntratt ta’ Diretturi fiż-żewġ Direttorati tal-Edukazzjoni. Il-pożizzjonijiet huma: Direttur għall-Iżvilupp tar-Riżorsi Umani. Direttur għall-Servizzi tal-Istudent. Direttur għall-Immaniġjar tar-Riżorsi fl-Iskejjel. Direttur tal-Kurrikulu u eLearning. Se toħroġ sejħa għal dawn il-pożizzjonijiet.

Direttorat tal-Edukazzjoni — service managers u assistenti diretturi

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm service managers u assistenti diretturi fid-Direttorat tal-Edukazzjoni li skadielhom il-kuntratt? X'se jiġri dwarhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li fid-Direttorat tas-Servizzi Edukattivi hemm 3 (tliet) Service Managers li skadilhom il-kuntratt fit-30 ta’ Settembru 2011. Se terġa’ toħroġ is-sejħa għall-applikazzjoni. M’hemmx assistenti diretturi f’dan id-direttorat. Id-Direttorat tal-Kwalità u Standards fl-Edukazzjoni m’għandux Service Managers u l-perjodu tal-ħatra tal-assistenti diretturi għadu validu.