Legislature:
Category:
Reset
Active:

ITS — tneħħija ta' skemi ESTS

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex tneħħew l-iskemi ESTS fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-iskema ESTS fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi ma tneħħietx. L-Onor Interpellant għandu jirreferi għal prospectus ta’ din is-sena f’paġna 23.

ITS — bidliet importanti

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex bidliet importanti fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi qed jiġu imposti bla konsultazzjoni serja mal-lecturers?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Istitut għall-Istudji Turistiċi huwa impenjat biex iwettaq konsultazzjoni serja dwar il-bidliet li huma meħtieġa. Dettalji dwar dawn il-konsultazzjonijiet ingħata fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari numru 30917.

Tas-Sliema — Blanche Huber Street - Skola Sekondarja - tuck shop

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk it-tuck shop tal-annex tal-iskola sekondarja fi Blanche Huber Street, Tas-Sliema, hux jopera bil-permessi kollha meħtieġa? Tista' tgħid ukoll meta saret is-sejħa għall-offerti biex jitmexxa dan it-tuck shop? Min qed imexxih? Kif intgħażel?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-tuck shop tal-annex tal-iskola sekondarja fi Blanche Huber Street, Tas-Sliema qed jopera bil-permessi kollha meħtieġa minn membri tal-istaff f’isem l-iskola. Ma saritx sejħa għal offerti. It-tuck shop ġie ssettjat f’Diċembru 2011 u ġie fully operational fil-bidu tat-tieni term skolastiku fid-9 ta’ Jannar 2012. Il-Kap tal-iskola hi responsabbli mit-tmexxija tat-tuck shop.

Korp tal-Pulizija — każijiet ta' effett ta' xorb alkoħoliku

Question

Jista' l-Ministru jgħid matul is-snin 2010, 2011 u 2012 s'issa kemm kien hemm każijiet fejn xi membru jew membri fil-Korp tal-Pulizija nstabu taħt l-effett ta' xorb alkoħoliku eċċessiv? X'passi ttieħdu dwar dawn il-membri tal-korp?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi, matul il-perijodu msemmi mill-Onorevoli Interpellant kien hemm żewġ każi fejn membri tal-Korp tal-Pulizija nstabu li kienu taħt l-effett ta’ xorb akoħoliku eċċessiv. Infurmat ukoll illi ttieħdu passi dixxiplinarji kontra dawn iż-żewġ membri tal-Korp.

Kap tas-Servizz tas-Sigurtà

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk irtirax l-individwu, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, minn Kap tas-Servizz tas-Sigurtà? Min ħa postu?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat li l-individwu li qed jagħmel referenza għalih l-Onorevoli Interpellant irtira biż-żmien mill-grad sostantiv tiegħu iżda għad għandu kuntratt in vigore biex jaqdi l-funzjoni ta’ Kap tas-Servizz tas-Sigurtà.

Garaxx u żewġt ikmamar maġenb d-dar

Question

Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-koppja, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, qed jiġu mċaħħda mill-garaxx u minn żewġt ikmamar maġenb id-dar tagħhom meta oriġinarjament meta ngħataw id-dar fis-17 ta' Novembru 1987 suppost li dak il-garaxx u ż-żewġt ikmamar kienu parti integrali mid-dar?

Response (AZZOPARDI, JASON)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Malta Enterprise — xogħlijiet f' Sptar San Luqa - tenders

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31076 u jgħid min kienu l-kuntratturi li għamlu x-xogħol meħtieġ fil-bini tal-Isptar San Luqa biex jakkomoda l-uffiċini tal-Malta Enterprise? Jista' jgħid kemm tħallsu dawn il-kuntratturi? Jista' jgħid jekk ix-xogħlijiet ingħatawx bi ħruġ ta' offerti jew direct order?

Response (FENECH, TONIO)

Nirreferi liil-Onor. Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-Mistoqsija Parlamentari numru 30390.

MEPA — pagamenti

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31075 u jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar hux qegħda lura fil-pagamenti mal-kuntratturi tagħha? Jekk huwa hekk, jista' jgħid kemm hu l-ammont dovut mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Kemm ilu dovut dan l-ammont u meta hemm il-ħsieb li l-pagamenti jsiru?

Response (DEMARCO, MARIO)

Infurmat li l-Awtorità għandha bżonn tkun taf għal liema kuntratturi qed jirreferi għalihom l-Onorevoli Interpellant biex b’hekk tkun tista’ twieġeb aħjar din il-mistoqsija.

Delimara Power Station — implikazzjonijiet finanzjarji

Question

Jista' l-Ministru kif il-Korporazzjoni Enemalta qabbdet lill-KPMG biex tistudja l-implikazzjonijiet finanzjarji tal-estensjoni tal-powerstation f'Delimara jekk taħdimx bil-HFO jew bid-diesel? Dan sar b'direct order jew b'tender? F'kull każ, kemm ġie jiswa l-istudju? Meta ntgħażlet il-KPMG ġie kkunsidrat il-fatt li din id-ditta hija l-awditur tal-BWSC ukoll? Meta ħadet dawn id-deċiżjonijiet il-Korporazzjoni Enemalta rat jekk marritx kontra r-rakkmandazzjonijiet tal-Awditur Ġenerali fiż-żewġ rapporti li għamel fuq il-kuntratt lill-BWSC tal-estensjoni tal-power station ta' Delimara?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-KPMG huma l-Awdituri tal-BWSC f’Malta. Il-Kumpanija KPMG hija fost l-aqwa erba’ kumpaniji ta’ awdituri fid-dinja u għalhekk m’hijiex xi ħaġa straordinarja li kumpanija bħal din tingħata xogħol minn diversi klijenti, ovjament dejjem taħt il-proviso ta’ kunfidenzjalita. Il-Kumpanija KPMG ġiet magħżula għal dan l-istudju minnħabba l-esperjenza twila tagħhom mall-Korporazzjoni, fosthom studji fuq it-tariffi li wara ikunu suġġetti għal Audit mill-MRA. Ma kien hemm l-ebda oġġezzjoni minn naħa tal-Awditur Ġenerali biex il-Korporazzjoni Enemalta ma tagħmilx uzu minn din il-kumpanija. Huwa irrakomanda li ma tingħatax direct order fejn l-ammont ikun sostanzjali u f’dan l-ezerċizzju ma kienx il-każ. Dan l-istudju ġie jiswa € 4,900.00 eskluż VAT.
Leg 11 PQ #31075 Sitting 434 2011-12-12 Oral · Final From: EVARIST BARTOLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — pagamenti

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar hux qegħda lura fil-pagamenti mal-kuntratturi tagħha? Jekk huwa hekk, jista' jgħid kemm hu l-ammont dovut mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar? Kemm ilu dovut dan l-ammont u meta hemm il-ħsieb li l-pagamenti jsiru?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Malta Enterprise — xogħlijiet f' Sptar San Luqa - tenders

Question

Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-kuntratturi li għamlu x-xogħol meħtieġ fil-bini tal-Isptar San Luqa biex jakkomoda l-uffiċini tal-Malta Enterprise? Jista' jgħid kemm tħallsu dawn il-kuntratturi? Jista' jgħid jekk ix-xogħlijiet ingħatawx bi ħruġ ta' offerti jew direct order?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Suġġett tal-Food Chemistry

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 29542, tista' l-Ministru tgħid liema huwa s-suġġett l-ieħor li l-food chemistry kien ekwivalenti għalih bħala kontenut? Tista' tippubblika l-course description ta' dan is-suġġett? Għaliex tneħħa l-food chemistry u mhux dan is-suġġett la kien hemm duplikazzjoni? Tista' tispeċifika għal liema kors qed tirreferi meta tgħid li l-food science se jiġi offrut f'livell ogħla bħala parti minn kors ieħor li se jkun hemm aktar 'il quddiem? Meta iktar 'il quddiem?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Science Centre

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqija parlamentari 29541, tista’ l-Ministru twieġeb dwar is-Science Centre u mhux is-Science Lab, li huma żewġ affarijiet differenti?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-Science Centre twaqqaf fl-2009 bl-għan li jippromwovi ix-xjenza fost l-industrija tat-turiżmu fuq inizjattiva ta’ lecturer partikolari li llum ma għadux jagħmel parti mill-istaff tal-ITS. Saret biss riċerka waħda mill-2009. Peress li ma jidhirx li dan iċ-ċentru qiegħed jagħti xi benefiċċju lill-istudenti jew lill-membri tal-istaff, il-Bord tal-Gvernaturi mistenni jixtarr il-futur taċ-Ċentru fil-laqgħa li jmiss.

Suġġetti relatati ma' xjenza tal-ikel — Kurrikulum il-ġdid

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29540, tista’ l-Ministru tispjega kif bil-kurrikulum il-ġdid is-suġġetti relatati max-xjenza tal-ikel issa jinsabu f’livelli ogħla?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Is-suġġetti relatati max-xjenza tal-ikel issa jinsabu f’livelli ogħla minħabba l-karatteristiċi tal-kontenut tagħhom li huwa iżjed relatat mal-livell tal-kwalifika.

Kamp edukattiv — ismijiet tal-professjonisti - industrija tat-turiżmu u l-ospitalità

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29539, tista’ l-Ministru ssemmi l-ismijiet tal-professjonisti mill-kamp edukattiv kif ukoll mill-industrija tat-turiżmu u l-ospitalità li ġew konsultati b’mod uffiċjali? F’liema dati u taħt liema forma saret il-konsultazzjoni ma' dawn il-professjonisti, mal-koordinaturi, il-lecturers kif ukoll l-istudenti? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tad-dokument tal-Kunsill Malti għall-Kwalifiċi li japprova dan il-kurrikulu l-ġdid?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Rapporti Finali tal-Konferenza Forward with Confidence

Question

B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 29538, tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapport finali (proceedings) tal-konferenza Forward with Confidence li jinkludi l-punti li tqajmu waqt il-workshops li saru? Tista’ tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-preżentazzjonijiet li saru mill-kelliema waqt il-konferenza?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Bank of Valletta, Valletta Fund Management Ltd u Valletta Fund Services Ltd — informazzjoni dwar l-istaff

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi lista ta’ membri tal-istaff u ta’ qraba, ġenituri, tfal jew aħwa jew nies oħra li jgħixu fl-istess household tagħhom, liema staff kienu jaħdmu fil-Bank of Valletta, Valletta Fund Management Ltd u Valletta Fund Services Ltd matul l-2008 u li fdew l-investiment tagħhom fil-La Valette Multi Manager Property Fund? Jekk il-Ministru jsib oġġezzjoni li jidentifika l-istess individwi, jista' jagħti l-istess informazzjoni forma ta’ statistika? Jista’ jikkonferma li diġà ftit ġimgħat wara l-ewwel allegazzjonijiet li saru f’dan ir-rigward, l-Awtorità ta' Malta dwar Servizzi Finanzjarji diġà kienet sabet evidenza prima facie ta’ dan it-tip wara eżerċizzju ta’ intelligence gathering li kienet għamlet? X’irriżulta s’issa fir-rigward tal-investigazzjoni tal-fidi ta’ dan l-investiment minn direttur tas-SICAV, li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament, kif joħroġ ċar minn dokumenti pubbliċi? Jista' jikkonferma li fl-ewwel xhur tal-2008 saret kampanja low-key fost il-Financial Planning Officers tal-Bank of Valletta li fid-dawl tal-aħbarijiet ħżiena li kienu qed jirċievu dwar il-Belgravia kellhom jikkuntattjaw lill-klijenti li kienu jqisu preferenzjali, inkluż dawk b’holdings kbar, biex jgħidulhom ibiegħu jew inaqqsu kollox?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi tali informazzjoni ma tixtax tingħata billi l-MFSA hija prekluża milli tippubblika tali informazzjoni minħabba kunfidenzjalita u data protetta. L-investigazzjoni relatata għadha mhix konkluża.

Higher Secondary Giovanni Curmi — nuqqas ta' klassijiet biex isiru tutorials

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk huwiex veru li hemm nuqqas konsiderevoli ta' klassijiet biex fihom isiru t-tutorials fil-Higher Secondary Giovanni Curmi, Naxxar? Veru li l-Kap tal-iskola qed tuża l-Hall, il-Lending Library u t-Teacher's Computer Laboratory biex isiru dawn it-tutorials? X' beħsiebha tagħmel il-Ministru biex ittaffi din il-problema? Tikkonferma li fil-Giovanni Curmi qed jitwaħħlu interactive white boards matul is-sena skolastika u li għadu ma ngħatax training xieraq lill-għalliema biex jużaw dan l-apparat? Meta se jingħata dan it-taħriġ lill-għalliema?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li hemm nuqqas ta' klassijiet biex fihom isiru t- tutorials . Huwa minnu li l-kap ta' l-iskola qed tuża l-Hall, il- lending library u t- t eacher's computer labs biex isiru dawn it-tutorials. Dan minħabba li n-numru ta' studenti li qegħdin jistudjaw fil-livell tal-Matrikola żdied minn 600 student għal 800 student. Il-popolazzjoni tal-istudenti kollha żdiedet minn 1916 fis-sena skolastika 2010 – 2011 għal 2050 fis-sena skolastika 2011 - 2012. Minħabba f''hekk kellu jintuża kull spazju li kien hemm. F’Giovanni Curmi qegħdin jitwaħħlu interactive whiteboards fil-klassijiet u fil-laboratorji. Bi ftehim mal-Kap tal-iskola se jingħata taħriġ lill-għalliema fl-użu tal- interactive whiteboards fil-jiem li ġejjin, f’Diċembru. Għalliema mill-eLearning Centre se jintbagħtu wkoll biex jgħinu lill-għalliema fil-klassi u juruhom kif iqabbdu l- laptop tagħhom mal- interactive whiteboard u kif jiktbu bil-pinna elettronika fuq dawn il- boards . Żewġ sezzjonijiet ta’ taħriġ professjonali ser jingħataw aktar tard is-sena d-dieħla f’ terms differenti skont il-ftehim mal-MUT. F’dawn is-sessjonijiet ser jidħlu aktar fid-dettal fl-użu tas- software u fuq is-sistema tal-Voting System.

kapijiet u assistenti kapijiet tal-iskejjel li jkollhom iwieġbu għal mistoqisjiet parlamentari

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex kapijiet u assistenti kapijiet tal-iskejjel statali jitqabbdu jibagħtu tagħrif li jkun hemm bżonn għal twegibiet ta' mistoqsijiet parlamentari meta dan it-tagħrif ikun diġà miġbur għand id-Direttorati tal-Edukazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li d-Direttorati Edukattivi kemm jista’ jkun jippruvaw jirrispondu mistoqsijiet parlamentari bl-informazzjoni li diġa’ jkollhom. Jiġri li xi partijiet tal-mistoqsijiet iridu jintbagħtu l-iskejjel għax iċ-ċentru ma jkollux l-informazzjoni eżatta skont kif tkun mpoġġija l-mistoqsija.