Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm talbiet quddiem l-istatementing board biex tfal jingħataw għajnuna huma u jitgħallmu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-numru ta’ talbiet quddiem l-istatementing Board huwa kif ġej:
307 Skejjel tal-istat
232 Skejjel tal-Knisja
16 Skejjel f’Għawdex
58 Skejjel tal-Privat
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm għalliema fl-iskejjel li għadhom mingħajr laptop?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Sas-27 ta’ Frar kien hemm 52 għalliema mingħajr laptop (4 għalliema fil-Primarja, 11 għalliema peripatetic u 37 għalliema fis-sekondarja).
Hemm ukoll Assistent Kap li għadha mingħajr laptop. Din qegħda fir-Resource Centre San Miguel.
Bħalissa għaddej il-proċess biex jingħataw dawn il-
laptops
.
Tista' l-Ministru tgħid meta se jsiru l-interviews għall-INCO? Kemm applikaw? Huma kollha eliġibbli dawk li applikaw?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Interviews għall-Inclusion co-ordinator se jsiru fit-8 ta’ Marzu 2012.
Kien hemm 20 applikazzjoni. Bħalissa għaddej il-proċess biex ikun deċiż kemm hemm applikazzjonijiet eliġibbli.
B'referenza għas-sejħa ta' għalliema fuq bażi ta' kuntratt definit għat-tieni semestru fis-sena akkademika 2011/2012 fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi, kif avżat fil-mezzi tal-istampa f'Jannar, tista' l-Ministru tgħid, għal kull suġġett avżat li kien hemm vakanza għalih, il-kwalifiċi u l-esperjenza akkademika fis-suġġett in kwestjoni, ta' kull persuna magħżula biex tgħallem skont din is-sejħa? Kemm ingħatat siegħat biex tgħallem u f'liema suġġetti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
B'referenza għas-sejħa ta' għalliema fuq bażi ta' kuntratt definit għat-tieni semestru fis-sena akkademika 2011/2012 fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi, kif avżat fil-mezzi tal-istampa f'Jannar, tista' l-Ministru tgħid kemm se jiġi jiswa kull suġġett lill-Istitut għall-Istudji Turistiċi bħala ħlas lill-lecturers part-time matul it-tieni semestru?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-Istitut għall-Istudji Turistiċi ma impjega l-ebda lecturer fuq bażi part-time iżda fuq bażi ta’ definite service contract. Rigward kemm se jiġi jiswa kull suġġett lill-ITS l-informazzjoni qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
ITS — sejħa ta' għalliema fuq bażi ta' kuntratt definit
Question
B'referenza għas-sejħa ta' għalliema fuq bażi ta' kuntratt definit għat-tieni semestru fis-sena akkademika 2011/2012 fl-Istitut ghall-Istudji Turistici, kif avżat fil-mezzi tal-istampa f'Jannar, tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-riżultati tal-intervisti hekk kif diġà ppubblikati mill-Istitut għall-Istudji Turistiċi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Minsitru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex titneħħa d-dgħajsa, li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ipparkjata illegalment u ilha żmien twil abbandunata fi Triq il-Bajja tas-Salini?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi d-dgħajsa msemmija mill-Onorevoli Interpellant tneħħiet.
Jista' l-Ministru jgħid għaliex il-koppja, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, qed jiġu mċaħħda mill-garaxx u minn żewġt ikmamar maġenb id-dar tagħhom meta oriġinarjament meta ngħataw id-dar fis-17 ta' Novembru 1987 suppost li dak il-garaxx u ż-żewġt ikmamar kienu parti integrali mid-dar?
Response (AZZOPARDI, JASON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant, illi l-garaxx u l-kmamar li qed jirreferi għalihom, fil-verità qatt ma kienu jifformaw parti mill-lokazzjoni tad-dar li l-koppja li d-dettalji tagħha intbagħtu separatament, kienu ngħataw mid-Dipartiment tad-Djar fl-1987.
Oriġinarjament, kemm id-dar abitata mill-koppja, kif ukoll il-garaxx u l-kmamar, kienu ġew akkwistati mill-Gvern skont l-Ordinanaza dwar l-Akkwist ta’ Artijiet għal Skopijiet Pubbliċi (Kap 88). L-iskop pubbliku kien in konnessjoni ma’ bini ta’ skola. Peress li l-proprjetà meħuda ma ġietx utiliżżata kollha għall-iskop li kienet ittieħdet, is-sidien oriġinali talbu lill-Gvern biex ibiegħlhom lura l-proprjetà lilhom meħuda. Skont it-termini tal-Artiklu 2 tal-Att dwar it-Trasferiment ta’ Artijiet tal-Gvern (Kap 268), id-Dipartiment qiegħed jikkunsidra li jbiegħ lura lis-sidien oriġinali, l-proprjetà li ma ġietx utiliżżata eskluż id-dar abitata mill-koppja.
Jista' l-Ministru jara li r-residenti fl-inħawi Ta' Giorni, San Ġiljan jiġu provduti bis-servizz tat-trasport pubbliku li qabel kienet magħrufa bħala numru 42?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-inħawi Ta’ Ġiorni huma servuti bir-rotta 24 liema rotta għandha konnesjoni diretta lejn il-Belt Valletta. L-istess inħawi huma servuti wkoll bir-rotta 110 li tgħaqqad Ta’ Ġiorni max-Xatt tas-Sliema, l-Gżira l-inħawi tal-polyclinic, Mater Dei, l-Universita’, Swatar, Ta’ Paris, Birkirkara / Fleur-de-lys u l-Marsa Park & Ride.
Bl-introduzzjoni ta’ dawn iż-żewġ rotot l-inħawi ta’ Ta’ Ġiorni għandhom aċċess għal tas-Sliema kif ukoll il-Marsa Park & Ride fejn qabel ma kienx hemm aċċess dirett. Ir-rotta 110 issa qed isservi l-inħawi ta’ Ta’ Paris kif ukoll l-istazzjon ġewwa Birkirkara.
Salarju ta' kap eżekuttiv ta' instituzzjoni finanzjarja
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il darba l-persuna li isimha qiegħed jintbagħat separatament ġiet appuntanta kap eżekkutiv tal-istitutuzzjoni finanzjarja u għal liema tul ta' żmien? Bħala azzjonist f'din l-istituzzjoni, jista' l-gvern jikkonferma s-salarju annwali li tħallset lil din il-persuna tul iż-żmien bħala kap eżekkutiv, u kemm kien il-bonus annwali kull sena? Jista' jikkonferma fuq liema paga qiegħed jitħallas il-pensjoni taż-żewġ terzi?
Malta Enterprise — xogħlijiet f' Sptar San Luqa - tenders
Question
Jista' l-Ministru jgħid min kienu l-kuntratturi li għamlu x-xogħol meħtieġ fil-bini tal-Isptar San Luqa biex jakkomoda l-uffiċini tal-Malta Enterprise? Jista' jgħid kemm tħallsu dawn il-kuntratturi? Jista' jgħid jekk ix-xogħlijiet ingħatawx bi ħruġ ta' offerti jew direct order?
Response (FENECH, TONIO)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari numru 30390.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 31430 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u issa ġiet riferuta lilu u jara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex titneħħa karozza li ilha abbandunata u pparkjata quddiem Ideal Flats, Sir Ugo Mifsud Street, Gżira?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-karozza li qed jirreferi għaliha l-Onorevoli Interpellant tneħħiet.
MCAST — kuntratti tad-diretturi u assistenti diretturi
Question
Tista' l-Ministru jgħid fiex waslu l-kuntratti tad-diretturi u assistenti diretturi tal-MCAST? Xi problemi jeżistu dwar dawn il-ħatriet? X'passi se jittieħdu biex dawn il-problemi jiġu ndirizzati?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li azzjoni dwar il-kuntratti msemmija diġà ttieħdet u se tkompli tittieħed skond it-termini tal-Liġi dwar l-Impiegi u r-Relazzjonijiet Industrijali.
Tista' l-Ministru telenka kull għotja u l-benefċjarju taħt l-iskema Eko-Għawdex mill-2008 'l hawn u tagħti spjega għal kull għotja? Kemm kienu l-flus ivvotati għal Eko-Għawdex tul dawn l-aħħar ħames snin, sena b'sena?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba dwar benefiċjarji taħt id-diversi skemi maħruġa taħt Eko-Għawdex.
Jiena nfurmata wkoll li fl-aħħar ħames snin, l-allokazzjoni kienet kif ġej:
2008 €0
2009 €200,000
2010 €5,000,000
2011 €6,000,000
2012 €4,000,000.
Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm prinċipali tal-kulleġġi li skadilhom il-kuntratt? X'se jiġri dwar dan; se jiġġedded il-kuntratt jew se jiġu maħruġa applikazzjonijiet ġodda?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Preżentament hemm disa’ (9) Prinċipali tal-Kulleġġi wara illi fil-bidu ta’ Jannar 2012 irtira wieħed għax laħaq l-età tal-irtirar.
Seba' (7) Prinċipali tal-Kulleġġi skadilhom il-kuntratt u qed isiru rappreżentazzjonijiet biex il-kuntratt ta’ dawn is-seba' Prinċipali jkun imġedded għal tliet snin oħra b’effett mid-data ta’ meta skada l-kuntratt. Il-proċess biex jimtlew il-vakanzi tnieda u dan isir permezz ta’ sejħa għall-applikazzjonijiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'sens jagħmel li l-Istitut għall-Istudji Turistiċi qed jiġu mħallta fl-istess klassi żgħażagħ li ġabu grade 7 f'eżami tas-Sec ma' min għandu grad avvanzat fil-Matsec f'suġġetti bħall-Franċiż? X'jista' jsir f'sitwazzjoni bħal din?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Għas-suġġetti bħall-Franċiż, ż-żgħażagħ huma maqsuma skont il-livel ta’ kompetenza miksuba fl-istess lingwa. F’każ li jeżistu sitwazzjoniet mhux bħal hawn fuq msemmija s-soluzzjoni hija li jinħolqu gruppi ġodda liema siegħat jiżdiedu mat-timetable tal-istess għalliema.
Tista' l-Ministru tgħid għaliex studenti tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi li għandhom bżonn edukazzjoni esperjenzjali u metodu pedagoġiku learning by doing qed jiġu mċaħħda minn tali esperjenza b'detriment għall-iżvilupp edukattiv tagħhom u qed jiġu mġiegħla jirrepetu esperjenza edukattiva negattiva li fallew fiha fis-settur sekondarju?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-istudenti tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi jiġu mħarrġa b’mod ħolistiku. Għaldaqstant dawn jirċievu kemm edukazzjoni esperjenzjali kif ukoll edukazzjoni teoretika.
Il-programmi tal-Istitut għall-Istudji Turistiċi huma mfassla skont il-parametri maħruġa mill-Kunsill Malti għall-Kwalifiki.
Jista' l-Ministru jara li r-residenti fl-inħawi Ta' Giorni, San Ġiljan jiġu provduti bis-servizz tat-trasport pubbliku li qabel kienet magħrufa bħala numru 42?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni li l-persuna, li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, qed tiġi mċaħħda minn sussidju tal-kera meta inkwilini qabilha ħadu dan is-sussidju fl-istess fond?
Response (SAID, CHRISTOPHER)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-applikazzjoni tal-individwu ġiet ikkunsidrata invalida peress li l-fond fejn qed issir l-applikazzjoni ġiet iċċertifikata substandard skont il-kriterji tal-Awtorità tad-Djar. Il-kundizzjonijiet tal-iskema jirrikjedu li l-fond jkun fi stat tajjeb ta’ tiswija u f’kundizzjoni abitabbli. Għaldaqstant, jekk il-fond ma jkunx up to standard, ma jkunx jista’ jingħata sussidju.
Jista' l-Ministru jara li jittieħdu l-passi meħtieġa biex titneħħa karozza li ilha abbandunata u pparkjata quddiem Ideal Flats, Sir Ugo Mifsud Street, Gżira?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor.Interpellant li din il-materja ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi.