Tista’ l-Ministru tgħid x’inhu l-complement ta’ impjegati akkademiċi fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi bħalissa, maqsumin skont jekk humiex full-time, part-time jew kuntratt definit u l-entità li huma impjegati magħha f'każ li huma full-time? Dan il-complement huwa biżżejjed għall-bżonnijiet akkademiċi bħalissa? Tista’ tagħti l-istess figuri għas-sena akkademika 2009/2010 u 2010/2011?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
ITS — Pubblikazzjoni ta' course descriptions, topics u metodu ta' assessment
Question
Tista’ l-Ministru tippubblika l-course description, komplut bit-topics u l-metodu ta’ assessment, ta’ dawn is-suġġetti mgħallma fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi: Malti, Basic Costing, Mathematics, Business Communications, Food Chemistry, Integrated Relational Tourism, Tourism Sutainability, Hotel Maintenance, Information Technology, Food and Beverage Service, Cruise Liner Operations, World Geography and Geology, Geopolitics and English?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Korporazzjoni Enemalta — kwestjoni dwar ħaddiema li kienu esposti għall-asbestos
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx ilmenti minn eks-impjegati tal-Korporazzjoni Enemalta dwar ħsara li saritilhom minħabba l-użu tal-asbestos fuq il-post tax-xogħol? Kemm hemm minn dawn l-ilmenti? Jista’ jgħid jekk dawn il-każijiet humiex simili għal dawk il-madwar 400 każ li kien hemm fid-Drydocks? Kif qiegħda tilqa' dawn l-ilmenti l-korporazzjoni u x’inhuma l-pjanijiet tal-korporazzjoni biex issolvi dawn il-każijiet?
Response (FENECH, TONIO)
Ninsab infurmat illi l-Enemalta kellha lment wieħed mingħand eks-impjegat tal-Korporazzjoni dwar ħsara li saret minħabba l-użu tal-asbestos.
Dan il-każ kien qiegħed jiġi diskuss bejn l-avvukati taż-żewġ partijiet. Sad-data tal-lum, l-Enemalta qiegħda tistenna risposta minn naħa tal-avvukati li qed jirrappresenta lill-individwu.
Naxxar — Kunsill Lokali - investigazzjoni dwar infiq ta' flus
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk sarx xi progress fuq talba ta' numru ta' kunsilliera tan-Naxxar sabiex jiġi investigat infiq ta’ flus mill-fondi tal-kunsill, peress li din it-talba ġiet acknowledged fl-20 ta’ Dicembru, 2011 u s’issa għadu ma sar xejn dwar dan?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li l-monitoirng unit fi ħdan id-Dipartiment għall-Gvern Lokali kkonkluda l-investigazzjoni tiegħu. Fil-jiem li ġejjin il-kunsilliera li ressqu l-ilment ser jiġu nfurmati b'dawn il-konklużjonijet kif ukoll se tingħata kopja ta' dawn lis-Segretarju Eżekuttiv tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar.
Tista’ l-Ministru tikkonferma jekk quddiem id-Dipartiment tax-Xogħol hemmx numru ta' impjegati fis-settur privat jilmentaw li ma ġewx imħallsa pagi tagħhom regolarment? Tista' tgħid kemm hemm minn dawn il-kumpaniji, min huma u x’passi qed jittieħdu f’dan il-konfront?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Nitlob l-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Persuni li rriżenjaw mid-Direttorati, Kulleġġi u Skejjel
Question
Tista' l-Ministru tgħid mill-2008 sal-lum kemm persuni rriżenjaw mid-Direttorati, mill-Kulleġġi u mill-iskejjel, kemm irrifjutaw promozzjoni li applikaw għaliha, kemm irriżenjaw minn karigi biex reġgħu marru għall-gradi preċendti?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-għadd ta’ persuni li mill-2008 sal-lum irriżenjaw mid-Direttorati Ġenerali tal-Edukazzjoni, inklużi l-kulleġġi u l-iskejjel, hu ta’ 495.
L-għadd ta’ impjegati li rrifjutaw promozzjoni kien tmienja (8), filwaqt li l-għadd ta’ dawk li irriżenjaw minn kariga biex reggħu marru lura għal grad preċedenti kien ta’ tlettax (13).
Budget 2012 — tnaqqis fil-fond allokat għat-taħriġ u l-iżvilupp
Question
Tista' l-Ministru tgħid kemm tnaqqas il-fond allokat għat-taħriġ u l-iżvilupp fil-Budget 2012 meta mqabbel mal-budgets ta' qablu?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern ħa deċiżjoni konxja u responsabbli li jnaqqas €40 miljun min-nefqa tiegħu fid-dawl taċ-ċirkostanzi ekonomiċi internazzjonali li komplew jiddeterjoraw fl-aħħar xhur tal-2011. Il-Gvern ried ipoġġi lilu nnifsu f’pożizzjoni li, jekk il-kriżi ekonomika internazzjonali jerġa’ jkollha impatt fuq pajjiżna kif ġara fl-2009, il-pajjiż ikollu r-riżorsi neċessarji biex jerġa’ jintervjeni fl-ekonomija u jħares il-postijiet tax-xogħol.
Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol ukoll qed jagħmel l-isforz tiegħu biex inaqqas l-ispejjeż tal-istess Ministeru, kif ukoll id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Dan qed nagħmluh billi nirrestrinġu r-reklutaġġ ta’ ħaddiema ġodda, nillimitaw fejn possibbli l-overtime u nsaħħu aktar l-effiċjenza fl-operat. Dan mhux qed isir bi tnaqqis f’investiment kapitali, ta’ servizzi essenzjali bħal għalliema, kindergarten assistents, learning support assistants u professjonijiet oħra ta’ appoġġ lill-istudenti jew ta’ għajnuniet differenti. Ir-restrizzjonijiet fir-reklutaġġ b’ebda mod m’hu se jimpattaw professjonijiet kruċjali fosthom ta’ għalliema, kindergarten assistents, learning support assistants u professjonijiet oħra ta’ appoġġ lill-istudenti.
Tista' l-Ministru tgħid kemm intnefqu flus mill-2008 sal-lum fuq:
a) bini ta' skejjel ġodda;
b) manutenzjoni fuq skejjel mhux ġodda;
ċ) inizjattivi b'rabta mal-litteriżmu u x'inhuma;
d) inizjattivi b'rabta man-numerija u x'inhuma;
e) inizjattivi b'rabta max-xjenza u x'inhuma; u
f) inizjattivi b'rabta mat-teknoloġija tal-informatika u x'inhuma?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jara għaliex is-servizz tat-trasport pubbliku mill-Manikata, rotta numru 47 ġie mwaqqaf? Jista' l-Ministru jieħu passi biex isiru alternattivi ta’ trasport pubbliku mill-Manikata peress li f’din is-sitwazzjoni kważi impossibbli biex it-tfal jaslu l-iskola fil-ħin? Jista’ jgħid meta din is-sitwazzjoni se tirranġa?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-passiġġieri tal-Manikata għandhom servizz permezz tar-Rotot 101 u 102 li bejniethom għandhom frekwenza ta’ kull 30 minuta. Permezz ta’ dawn ir-rotot, l-passiġġieri jistgħu faċilment jibdlu r-rotot billi:
· Jieqfu l-Imġarr u minn hemm għandhom l-possibilitajiet li jirkbu
- Rotta 23 lejn il-Belt Valletta via tas-Sliema li għandha frekwenza ta’ kull 30 minuta
- Rotta 44 lejn il-Belt Valletta bi frekwenza ta’ kull 30 minuta
- Rotta 244 lejn l-isptar Mater Dei bi frekwenza ta’ kull 60 minuta
· Jieqfu l-Mellieħa u minn hemm għandhom diversi possibilitajiet ta’ rotot fosthom:
- Rotta 41 lejn il-Belt Valletta via Mosta u B’ Kara bi frekwenza ta’ kull 30 minuta
- Rotta X1 lejn l-isptar Mater Dei u l-Ajruport ta’ Malta bi frekwenza ta’ kull 60 minuta
- Rotta X6 lejn il-Belt Valletta via l-Ħamrun bi frekwenza ta’ kull 60 minuta
- Rotta 221 lejn Buġibba bi frekwenza ta’ kull 20 minuta
- Rotta 222 lejn San Ġiljan u tas-Sliema bi frekwenza ta’ kull 30 minuta.
San Pawl il-Baħar — traffiku ddevjat minn toroq differenti
Question
Jista’ l-Ministru jara jekk Transport Malta jistgħux jikkunsidraw li meta Mosta Road San Pawl il-Baħar tingħalaq għal xogħlijiet jew xi attività oħra, it-traffiku lejn il-Belt jiġi ddevjat minn Triq Parades u t-traffiku fid-direzzjoni l-oħra minn Triq San Ġorġ? B’dan l-arrangament, tista’ Triq San Ġwann Battista tibqa' kollha one-way?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li rreferejt is-suġġeriment tiegħu lil Transport Malta.
Jista’ l-Ministru jieħu passi sabiex Transport Malta tibni xelter fil-bus terminus tas-Savoy, Sliema peress li kelli ħafna ilmenti minn residenti tal-lokal u n-nuqqas ta’dan is-servizz huwa inkovenjent serju, partikolament għall-anzjani ta’dan il-lokal?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat illi Transport Malta hija konxja ta’ dawn l-ilmenti u huwa ppjanat li dan il-bus shelter se jitwaħħal aktar tard din is-sena wara li jkun hemm il-permessi kollha meħtieġa.
B'referenza għall-korsijiet tal-IT li kienu/għadhom jingħataw mill-Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħriġ, tista’ l-Ministru tgħid jekk hemmx ħsieb li kumpaniji li jagħmlu x-xogħol ta' service providers jiġux ikkunsidrati għall-għotja ta’ kuntratt kif jingħata lill-individwi?
Response (CRISTINA, DOLORES)
It-taħriġ kollu li tagħmel l-ETC jingħata minn instructors li jiġi magħżula permezz ta’ sejħat għal tender. Għaldaqstant dan it-taħriġ qed jingħata diġà min-nies li huma fuq bażi ta’ self-employed. L-ETC ma tagħmilx distinzjoni bejn jekk minn qed joffri t-taħriġ hix kumpanija jew individwu.
Jista’ l-Ministru jinvestiga l-kwalità ta’ ħrieqi (nappies) li qed jingħataw lill-persuni b’diżabilità peress li wasluli numru ta’ rapporti li dawk li qed jingħataw huma ta’ kwalità inferjuri minn dawk li kienu jingħataw qabel?
Response (CASSAR, JOSEPH)
Infurmat li l-kwalità ta’ ħrieqi (nappies) li qed jingħataw lill-persuni b`diżabilità huma skont il-kriterji meħtieġa, u kif maħruġa mid-Dipartiment għall-Anzjani u Servizzi fil-Kumunità. Dan l-arranġament ser jibqa fis-seħħ sal-15 ta` Marzu 2012 peress li fis-16 ta’ Marzu 2012 il-kuntrattur se jinbidel.
Jista' l-Ministru jgħid matul is-sena 2011 u matul Jannar u Frar 2012 kemm ikliet u riċevimenti organizza l-ministeru, fejn ġew organizzati dawn l-ikliet u r-riċevimenti? Kemm swew kull wieħed u min kien mistieden għalihom?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol — flus f'konsulenzi
Question
B'referenza għat-tweġiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 31935 dwar ħlas lill-konsulenti, tista' l-Ministru tgħid f'kull każ x'kien ix-xogħol li għamlu l-konsulenti biex jitħallsu dawn il-flus u tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra rapporti u studji li għamlu u x'riżultati tanġibbli nkisbu permezz ta' dawk ir-rapporti u studji?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Tista' l-Ministru tgħid kemm għandna skejjel f'Malta li huma bla skrivani jew assistenza klerikali kif suppost? Kemm ilhom vakanti dawn il-postijiet u meta se jimtlew?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Infurmata li f’dan il-mument hemm skola waħda biss bla skrivana. Din il-vakanza ilha minn Diċembru 2011. Il-vakanza tiġi mimlija mid-Direttorat fil-futur qarib.
Jista' l-Ministru jgħid kemm għandna tfal bid-dyslexia, bid-dyscalculia u bid-dyspraxia separatament, li talbu għajnuna biex jitgħallmu u għadhom qed jistennew din l-għajnuna? Kemm ilhom jistennew?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Ġew identifikati 1,646 studenti li jbatu minn waħda jew iktar minn dawn il-kundizzjonjiet. Mhux possibli nagħtu statistika fuq it-tliet kundizzjonijiet separatament minħabba li huma relatati ħafna u spiss l- istudent jista’ jkollu żewġ jew tliet kundizzjonijiet fl-istess waqt.
Sal-lum għandna 251 student li qegħdin jistennew biex jiġu assessjati mill-għalliema tal-SpLD, u dawn ġew riferuti fis-sena 2011
.
Sadanittant, dawn it-251 student flimkien mal-istudenti l-oħra li mill-Yr 1 sal-Yr 4 ġew identifikati li għandhom ħiliet bażiċi permezz taċ-Checklist qed isirulhom programmi personalizzati ta’ appoġġ kemm ġol-klassi kif ukoll barra mill-klassi, fil-kuntest tal-Istrateġija għal-Litteriżmu. Din l-istrateġija tinkludi l-involviment l-għalliema tal-Complementary Education, tal-Literacy Support u tal-SpLD. Apparti dan minn Frar ta’ din is-sena beda programm intensiv ta’ appoġġ integrat fit-tagħlim tal-litteriżmu. Dan il-programm ilaqqa’ għalliema individwali tal-Year 4 ma’ grupp ta’ speċjalisti li juru fil-prattika u joffru appoġġ ta’ follow-up dwar kif jista’ jsir it-tagħlim differenzjat permezz tal-litteriżmu.
Access Disability Support Committee — talba għall-għajnuna lil studenti
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm saru talbiet lill-Access Disability Support Committee għal għajnuna għal studenti għall-eżamijiet tas-SEC fit-tliet sessjonijiet tal-eżami li għaddew? Kemm ġew milqugħa minn dawn it-talbiet? Kemm hemm talbiet għas-sessjoni li jmiss u kemm minnhom ġew milqugħa?
Response (CRISTINA, DOLORES)
In-numru ta’ talbiet lill-Access-Disability Support Committee għal għajnuna għal studenti fl-eżamijiet tas-SEC fit-tliet sessjonijiet tal-eżami li għaddew kienu:
Sena
Numru ta’
Applikazzjonijiet
Applikazzjonijiet
milqugħa
2009
303
282
2010
350
338
2011
447
428
Għas-sessjoni tal-eżamijiet tas-SEC li jmiss f’Mejju 2012 hemm 520 talba minn studenti lill-
Access-Disability Support Committee
għal għajnuna. Dawn għadhom qed jiġu pproċessati.
Tista' l-Ministru tgħid fl-erba' snin skolastiċi li għaddew kemm saru attivitajiet mal-għalliema fl-iskejjel primarji u sekondarji, skola bi skola biex l-għalliema jiġu mgħarrfa x'inhi d-dyslexia? Kemm ingħata taħriġ lill-għalliema biex ikunu jafu kif jgħinu studenti bid-dyslexia?
Response (CRISTINA, DOLORES)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.