Legislature:
Category:
Reset
Active:

Landra — promozzjoni għal Malta

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm ġiet tiswa l-kampanja għall-promozzjoni ta' Malta f'Harrod's ġewwa Londra? Mil-liema budget se toħroġ in-nefqa? Xi stħarriġ sar biex jiġi żgurat li dawn huma flus minfuqa tajjeb għax biha qed nolqtu lit-turisti li potenzjalment nistgħu ninteressawhom f'Malta?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Ministeru tal-Affarijiet Barranin — car allowances

Question

B'riżultat tad-dibattitu parlamentari li sar dan l-aħħar dwar id-dħul tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, jista' l-Vici Prim Ministru u Ministru tal-Affarijiet Barranin jikkonferma jekk fid-dikjarazzjoni tad-dħul għas-sena 2010 ikkunsidrax dħul bħala car allowance u ġentilment jgħid kemm kien dan l-ammont filwaqt li jikkonferma wkoll jekk hux minnu li għandu karozza leased mill-Ministeru tiegħu jew proprjetà tal-istess Ministeru għad-dispozizzjoni privata tiegħu?

Response (BORG, TONIO)

Ninforma lill-Onorevoli Membru il-car allowance ta' €1737.58 kienet taxed at source mit-Teżor u allura ġiet dikjarata. Ninforma wkoll li l-karozza għad-dispozizzjoni tiegħi hi proprejta tal-Gvern.

Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u Investiment — car allowances

Question

B'riżultat tad-dibattitu parlamentari li sar dan l-aħħar dwar id-dħul tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari jista' l-Ministru jikkonferma jekk fid-dikjarazzjoni tad-dħul għas-sena 2010 ikkunsidrax dħul bħala car allowance u ġentilment jgħid kemm kien dan l-ammont filwaqt li jikkonferma wkoll jekk hux minnu li għandu karozza leased mill-Ministeru tat-tip Honda kulur grey metalic jew proprjetà tal-istess Ministeru għad-dispozizzjoni privata tiegħu?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi matul l-2010 ma rċevejt l-ebda car allowance, waqt li nikonferma l-użu tal-vettura imsemija.

Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali — car allowances

Question

B'riżultat tad-dibattitu parlamentari li sar dan l-aħħar dwar id-dħul tal-Ministri u s-Segretarji Parlamentari, jista' l-Ministru jikkonferma jekk fid-dikjarazzjoni tad-dħul għas-sena 2010 ikkunsidrax dħul bħala car allowance u ġentilment jgħid kemm kien dan l-ammont filwaqt li jikkonferma wkoll jekk hux minnu li għandu karozza leased mill-Ministeru tiegħu jew proprjetà tal-istess Ministeru għad-dispozizzjoni privata tiegħu?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li sat-8 ta’ Novembru 2010 jien kont nuża second car kif inhu stipulat fil-pakkett tas-salarju ta’ Ministru. Minn dik id-data jien waqqaft l-użu tas-second car u ġibt l-approvazzjoni biex nibda nieħu allowance fix-xahar skont iċ-ċirkulari tal-OPM 4008/2003. Din il-car allowance bdiet tingħatali mill-paga tax-xahar ta’ Marzu 2011 (b’effett mit-8 ta’ Novembru 2010).

ITS — course description tas-suġġetti mgħallma

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-course description ta' dawn is-suġġetti mgħallma fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi fil-kors tal-Foundation: Malti, Matematika u Ingliż? Tista' tpoġġi wkoll kopja tal-karta tal-eżami ta' dawn l-istess suġġetti li l-istudenti ngħataw fi tmiem l-ewwel semestru tas-sena akkademika 2011/2012?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Għall-course description fejn hemm inkluż s-suġġetti indikati, l-Onorevoli Interpellant mitlub ġentilment jirreferi għal Mistoqsija Parlamentari Numru 32765. Is-suġġetti indikati ma kellhomx eżami fl-ewwel semestru ta’ din is-sena akademika. Għaldaqstant l-karti tal-eżamijiet ma jistgħux jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

ITS — course description tas-suġġetti mgħallma

Question

Tista' l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-course description ta' dawn is-suġġetti mgħallma fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi: Food and Beverage Service, Basic Costings, Integrated Relational Tourism, Sustainable Tourism, Food Chemistry, Cruise Liner Operations, Business Communications, Information Technology, Food Nutrition and Diet u Introduction to Hospitality Operations?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onorevoli Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari Numru 32765.

Arriva — għajnuna finanzjarja

Question

Jista' l-Ministru jgħid minn kemm ilha topera l-Arriva kemm irċeviet għajnuna finanzjarja f'forma ta' sussidju statali jew kemm hi ntitolata li tirċievi s'issa xahar b'xahar?

Response (GATT, AUSTIN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-provedimenti rilevanti fil-kuntratt bejn Transport Malta u Arriva Malta li tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra mat-tweġiba għall-Mistoqsija Parlamentari Nru. 27764.

Mellieħa u Manikata — ilmenti dwar ir-rotot tal-linja

Question

Peress li qed ikolli ħafna lmenti minn residenti fil-Mellieħa u fil-Manikata dwar l-inkonvenzi kbar li nħolqu bir-rotot il-ġodda u bus-stops ġodda u differenti minn qabel, jista' l-Ministru jikkonsidra li jerġgħu għal li kienu qabel bdiet topera l-Arriva?

Response (GATT, AUSTIN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant ikun aktar speċifiku dwar rotot u bus stops li qed isemmi.

Tarġa Gap — Istitut tal-Arti u Disinn -  aċċess għall-internet

Question

Tista’ l-Ministru tikkonferma li ma kienx hemm aċċess għall-internet fl-Istitut tal-Arti u Disinn f’Tarġa Gap fil-Mosta għal aktar minn sena? Tista’ l-Ministru tinvestiga u tgħid jekk hemm xi pjanijiet biex tirrimedja din is-sitwazzjoni fil-futur qarib?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Istitut tal-Arti u d-Disinn riċentement beda jesperjenza xi diffikultajiet tekniċi fis-servizz tal-Internet. Kien għalhekk li bdiet ħidma biex isir magħruf il-kaġun ta’ dawn id-diffikultajiet, proċess li ma setax isir fi żmien qasir peress li n-nuqqasijiet setgħu kienu kkawżati kemm mill-infrastruttura tan-‘network’ intern tal-Istitut, kif ukoll mill-konnettivita’ tal-Internet ipprovduta mill-kuntrattur rispettiv. Madankollu, minkejja li matul dan iż-żmien l-Istitut kellu konnettivita’ limitata, kien biss f’xi każi iżolati li s-servizz tal-Internet inqata’ kompletament. F’dawn l-aħħar ġimgħat, l-MCAST ħa l-azzjoni meħtieġa biex is-servizz tal-Internet jitjieb u jitreġġa għall-livelli normali. Aktar miżuri biex il-livell tal-konnettivita’ tkompli titqawwa se jiġu implimentati fiż-żmien li ġej. Sadanittant, l-MCAST qed janalizza wkoll x’tibdil jista’ jkun hemm bżonn biex l-infrastruttura interna tkun aktar robusta u tilqa’ għaż-żieda qawwija fid-domanda li kien hemm f’dawn l-aħħar xhur hekk kif l-ammont ta’ studenti fl-Istitut żdied sostanzjalment.

MCAST — Mechanical Engineering Institute - rapport ta' defiċjenzi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid jekk hemm xi rapport ta' defiċjenzi fil-bini f’Block I tal-Mechanical Engineering Institute fl-MCAST il-Kordin? Jekk hemm dan ir-rapport, tista' l-Ministru tgħid minn min sar, meta sar u min kien ordna dan ir-rapport? Jekk dan ir-rapport ma sarx in-house tista' tgħid kemm sewa? Tista' tpoġġi dan ir-rapport fuq il-Mejda tal-Kamra u tgħid ukoll x’kienu il-passi li ttieħdu sussegwentement ta’ dan ir-rapport?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-MCAST jixtieq jinforma li ftit żmien wara li żdied sular fi Block I tal-Istitut tal-Inġinerija Mekkanika biex fihom isiru laboratorji ġodda għall-użu tal-istudenti, ġew innutati xi ‘settlement cracks’ f’ ħitan fis-sulari ta’ taħt, u mal-faċċata ta’ wara tal-bini. L-MCAST mill-ewwel ikkonsulta mal-perit li mexxa x-xogħlijiet biex jaċċerta s-sigurta’ strutturali tal-bini u ttieħdu miżuri ta’ prekawzjoni. Fl-istess waqt, biex ikompli jaċċerta li ma kienx hemm periklu, l-MCAST ikkummisjona perit struturali indipendenti, biex jistudja l-kundizzjoni tal-bini, ix-xogħlijiet ta’ prekawzjoni u manutenzjoni li saru, u jirrakkomanda xi xogħlijiet oħra ta’ prekawzjoni li seta’ kien hemm bżonn. Saru għadd ta’ rapporti proċedurali waqt stadji differenti tax-xogħlijiet. Fost l-aħħar miżuri li ttieħdu, kien hemm l-installazzjoni ta’ ‘strain gauges’, strumenti li jaqraw sa l-inqas movimenti f’każ li l-bini jistrieħ xi ftit. Wara li nqraw ir-riżultati ta’ dan l-apparat fuq medda taż-żmien, inħareġ ir-rapport finali li qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra, u li permezz tiegħu il-bini ġie għal darb’ oħra iċċertifikat li hu strutturalment sikur u li jista’ jintuża mingħajr ebda riskji. Is-servizzi tal-Perit Dr. Marc Bonello swew €1,180 u ġew ordnati mid Direttur Amministrattiv f’isem l-MCAST.

ITS — lecturers part-time

Question

B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 32323, tista’ l-Ministru tgħid f’liema kors qed jingħataw il-lectures għal kull suġġett mgħallem minn lecturer fuq kuntratt definit f’dan it-tieni semestru għas-sena akkademika 2011/2012 fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ITS — lecturers fuq kuntratt definit

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien hemm suġġetti mgħallma minn persuni fuq kuntratt definit fis-sena akkademika 2009/2010, 2010/2011 u fl-ewwel semestru fis-sena akkademika 2011/2012 fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi? X’kienu l-kwalifiki tal-lecturers ingaġġati għal kull suġġett u kemm ingħata ħlas għal kull suġġett? X’kienu r-rati ta’ ħlas fis-siegħa?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Applikazzjoni għal-learning support assistant

Question

Tista' l-Ministru tagħmel arranġamenti biex il-persuna li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament tingħata għajnuna biex tidher quddiem l-iStatementing Board minħabba li din il-persuna għandha bżonn urġenti ta' learning support assistant?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Dan l-istudent se jingħata appuntament kemm jista’ jkun malajr tul din is-sena skolastika, skont il-lista ta’ reġistrazzjoni.

Applikazzjoni għal Learning Support Assistant fl-MCAST

Question

Tista' l-Ministru tieħu l-passi neċessarji biex l-istudent li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament jingħata l-għajnuna li qed jitlob fil-kors li qed isegwi fl-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nixtieq ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Kulleġġ Malti ta’ l-Arti Xjenza u Teknoloġija permezz tas-sezzjoni ta’ l-inklużjoni joffri għajnuna lil studenti bi bżonnijiet partikulari. It-talbiet għal din l-għajnuna jsiru lill-istess sezzjoni meta l-istudent prospettiv jitfa’ l-applikazzjoni tiegħu f’Lulju/Settembru. F’dan il-kas speċifiku l-istudent ma kienx jidher fuq il-listi tas-sezzjoni ta’ l-inklużjoni qabel Jannar 2012 u għalhekk ma setax jibbenifika minn xi forma ta’ għajnuna li joffri l-istess Kulleġġ fis-sena li għaddiet. Nixtieq inżid li din is-sena l-Kulleġġ ħa diversi miżuri biex iżid l-ammont ta’ sigħat ta’ servizz ta’ LSAs, fosthom billi offra lill-LSAs li diġa’ jimpjega miegħu kuntratt full-time . Qabel dawn kienu kollha jaħdmu sigħat imnaqqsa. Bħalissa għaddej l-proċess sabiex jiġu ngaġġjati aktar learning support assistants biex tingħata assistenza lill-istudenti li għandhom ħtieġa.

Treated Seweage Effluent Master Plan u Sewerage Infrastructure Master Plan

Question

Jista' l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' dawn ir-rapporti: a) Treated Sewage Effluent Master Plan 2008; u b) Sewerage Infrastructure Master Plan 2009?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

ITS — xogħlijiet infrastrutturali

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk kenux finalizzati x-xogħlijiet infrastrutturali u ta' titjib fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi f'San Ġiljan? Jekk iva, kemm kienet l-ispiża totali tax-xogħlijiet? Sar il-pagament finali għal dawn ix-xogħlijiet? Dawn ix-xogħlijiet kienu kollha sanzjonati bil-permessi meħtieġa tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ix-xogħolijiet infrastrutturali u ta' titjib fl-Istitut għall-Istudji Turistiċi f'San Ġiljan ġew iffinalizzati. Sa issa tħallsu total ta’ € 315,572.04 lilll-kuntrattur u somma ta’ € 163,068.33 lill-kuntrattur ieħor. L-aħħar kontijiet tax-xogħlijiet li saru se jiġu fformulati la darba l-MRRA jikkonfermaw u jkejlu l-aħħar xogħol li sar. Għaldaqstant il-pagament finali għadu ma sarx. Fejn applikabli, ix-xogħolijiet ġew sanzjonati mill-MEPA u hemm pendenti sanzjoni waħda relatata ma’ estensjoni.

Persuni li rebħu scholarships

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta' persuni li rebħu scholarships (STEPS u MGSS) fl-edukazzjoni, l-qasam ta' studju u l-livell ta' studju (undergraduate, Maters u Dottorat) minn meta kienu introdotti sal-lum?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Budget 2012 — nefqa fil-qasam edukattiv

Question

B'referenza għall-Budget 2012 approvat minn din il-Kamra, tista' l-Ministru tgħid kemm tnaqqsu flus min-nefqa fil-qasam edukattiv bħala parti mit-tnaqqis tal-€40 miljun mnaqqsa mill-gvern u liema line items tnaqqsu? Tista' tagħti r-risposta line item b'line item?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Gvern ħa deċiżjoni konxja u responsabbli li jnaqqas €40 miljun min-nefqa tiegħu fid-dawl taċ-ċirkostanzi ekonomiċi internazzjonali li komplew jiddeterjoraw fl-aħħar xhur tal-2011. Il-Gvern ried ipoġġi lilu nnifsu f’pożizzjoni li, jekk il-kriżi ekonomika internazzjonali, jerġa’ jkollha impatt fuq pajjiżna kif ġara fl-2009, il-gvern ikollu r-riżorsi neċessarji biex jerġa’ jintervjeni fl-ekonomija u jħares il-postijiet tax-xogħol. Il-Ministeru tal-Edukazzjoni u x-Xogħol ukoll qed jagħmel l-isforz tiegħu biex inaqqas l-ispejjeż tal-istess Ministeru, kif ukoll id-dipartimenti u l-entitajiet li jaqgħu taħtu. Dan qed nagħmluh billi nirrestrinġu r-reklutaġġ ta’ ħaddiema ġodda fejn dan possibli, nillimitaw fejn possibbli l-overtime u nsaħħu aktar l-effiċjenza fl-operat. Dan mhux qed isir bi tnaqqis f’investiment kapitali, ta’ servizzi essenzjali bħal professuri, lecturers, għalliema, learning support assistants, kindergarten assistants u professjonijiet oħra li jħarrġu u jagħtu sapport lill-istudenti jew ta’ għajnuniet differenti. Ir-restrizzjonijiet fir-reklutaġġ b’ebda mod m’hu se jimpattaw professjonijiet kruċjali fosthom ta’ professuri, lecturers, għalliema, learning support assistants, kindergarten assistants u professjonijiet oħra li jħarrġu u jagħtu sapport lill-istudenti.

Università ta' Malta — somma fuq works' resources

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'somma se tintnefaq mill-Univesità ta' Malta fuq works' resources din is-sena meta mqabbla ma' kemm intnefqu fis-sena 2008, 2009, 2010 u 2011? Matul din is-sena meta se jkunu jistgħu l-lecturers jirtiraw dawn ir-riżorsi mill-bank?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-fondi tal-work resources għall-perjodu 2008 sa 2012 żdiedu kull sena. Is-somma li kienet allokata għal kull sena fis-snin 2008, 2009, 2010, 2011 u 2012, kienet kif segwenti: 2008 1,645,543 euros 2009 2,018,374 euros 2010 2,360,107 euros 2011 2,553,112 euros 2012 2,750,000 euros Il- lecturers ser jkunu jistgħu jirtiraw il- works’ resources ta’ din is-sena minn din il-gimgħa.

MRA — Price mechanism għall-prezzijiet taċ-ċilindri tal-gass

Question

Jista' l-Ministru jgħid min hi l-kumpanija li tqabbdet mill-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi biex tivverifika l-prezzijiet taċ-ċilindri tal-gass kif maħdum s'issa permezz tal-pricing mechanism? Skont il-pricing mechanism eżistenti, kemm kellhom jiġu jiswew iċ-ċilindri tal-gass f'Marzu 2012? Min se jassorbi d-differenza fil-prezz? Jista' jgħid jekk l-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi kkummissjonatx li jinħadem pricing mechanism ġdid biex jistabilixxi l-prezz tal-gass? Meta se jkun lest dan il-mekkaniżmu u kif se jkun differenti minn dak eżistenti? B'liema proċess tqabbdet il-kumpanija privati tal-awdituri biex tivverifika l-prezz taċ-ċilindri tal-gass? Kemm se jiswa x-xoghol tagħha u meta mistenni jkun lest? Min ta d-direttiva lill-Awtorità ta' Malta għar-Riżorsi biex għax-xahar ta' Marzu 2012 il-prezzijiet taċ-ċilindri tal-gass ma jinħadmux skont il-pricing mechanism li bih inħadmu l-prezzijiet fix-xhur ta' qabel? X'kienet ir-raġuni li din id-direttiva ngħatat għal Marzu 2012 u mhux għax-xhur ta' qabel? Jista' jagħti l-prezzijiet taċ-ċilindri tad-daqsijiet differenti tal-gass mis-sena 2008 sal-lum xahar b'xahar li bihom inbiegħu lill-konsumatur?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.