Legislature:
Category:
Reset
Active:

tfal b'diżabilità li jattendu l-iskola/ċentru tar-Riżorsi tal-Wardija

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tfal b'diżabilità li kienu jattendu l-iskola/ċentru tar-riżorsi tal-Wardija? X'se jiġri minnhom x'ħin jispiċċaw minn hemm? Kemm hemm studenti li qed jistennew li jintbagħtu fiċ-Ċentru tal-Wardija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Fiċ-Ċentru Dun Manwel Attard, Young Adult Education Resource Centre, Wardija jattendu 95 student. Wara li dawn jispiċċaw minn dan iċ-ċentru, skond il-bżonnijiet tagħhom, jistgħu jiġu referuti jew : § Għal skemi għal persuni b’bżonnijiet speċjali offruti mill-ETC jew, § għal programmi edukattivi u vokazzjonali oħra jew, § għaċ-ċentri ta’ matul il-jum. Bħal issa hemm 4 studenti li jattendu iċ-ċentru ta’Riżorsi sekondarju li magħhom qed issir transizjoni għaċ-ċentru tal-Wardija biex sena oħra jintbagħtu f’dan iċ-ċentru.

Ċentru tal-Wardija — żgħażagħ b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru jgħid hemm xi pjan biex iċ-ċentru tal-Wardija ma jibqax jilqa' fih żgħażagħ b'diżabilità? Jekk iva, fejn se jkun is-sit alternattiv għal dan iċ-ċentru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-pjanijiet huma li jinbnew żewġ Ċentri tar-Riżorsi flimkien mal-bini ta’ żewġ skejjel sekondarji f’Paola u l-Ħamrun. Dan se jsir sabiex l-istudenti taċ-Ċentri tar-Riżorsi jkunu jistgħu jintegraw aktar fil-programmi tal-iskejjel . Għad ma hemmx deċiżjoni dwar iċ-Ċentru tal-Wardija.

Istituzzjonijiet post-sekondarji — programmi pathway għal żgħażagħ b'diżabilità

Question

Tista' l-Ministru tgħid fl-istituzzjonijiet post-sekondarji ta' Malta u Għawdex fejn qed isiru programmi pathway għal żgħażagħ b'diżabilità? Kemm hemm żgħażagħ f'dawn il-programmi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Tfassil ta' sillabi ġodda għall-eżamijiet SEC

Question

Tista' l-Ministru tgħid fejn wasal ix-xogħol ta' tfassil ta' sillabi ġodda għall-eżamijiet SEC?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Żgħażagħ b'diżabilità taħt it-30 sena mingħajr esperjenza edukattiva

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm żgħażagħ b'diżabilità taħt l-età ta' 30 sena li jinsabu d-dar u ma jattendux xi esperjenza edukattiva u ta' taħriġ?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli l-Interpellant li fil-waiting list taċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum hemm 38 klijent li huma applikanti mill-komunità u li huma ta’ età iżgħar minn tletin sena. Dan ma jfissirx li dawn mhux qed jattendu xi esperjenza edukattiva jew ta’ tahrig f’xi post iehor bhal dawk ipprovduti minn diversi NGOs.

Malta Enterprise — ħidma mal-kumpanija SIB Laboratories

Question

Minkejja li l-Malta Enterprise ċaħdet li kellha xi kollaborazzjoni mal-Kumpanija SIB Laboratories Ltd mdaħħla fl-iskandu tal-Fondazzjoni Salvatore Maugeri, jista' l-Ministru jgħid għaliex qed tkompli tħalli lil din il-kumpanija ġġib il-logo antik tal-Malta Enterprise u l-link fil-website tagħha u tagħti l-impressjoni li hemm ħidma flimkien ma' din il-kumpanija?

Response (FENECH, TONIO)

Ninsab infurmat illi l-Malta Enterprise diġà talbet formalment lil SIB Laboraties biex tneħħi il-logo u il-link tagħha minn fuq is-sit, liema talba ġiet injurata. Il-Malta Enterprise issa rriferiet il-każ lill-uffiċċju legali tagħha sabiex jittieħdu dawk il-passi kollha neċessarji fiċ-ċirkostanzi.

Kwestjonijiet bejn il-BOV u kumpaniji Periplo u SIB Laboratories

Question

Peress li l-gvern huwa shareholder fil-Bank of Valletta, jista' l-Ministru jgħid x'passi ttieħdu mill-gvern u mill-bank stess dwar tagħrif li ġabru l-maġistrati inkwirenti ta' Milan li fil-kompjuter tal-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, konsulent ta' wieħed mill-uffiċjali tal-Maugeri sabu tagħrif li l-Bank of Valletta biex il-kumpanija Periplo ta' Milan tgħaddi €15-il miljun lejn is-SIB Labortatories Ltd bħala parti mill-ħasil ta' flus li qed jiġu investgati bih uffiċjali tal-Maugeri?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi r-risposta se tingħata f’seduta oħra.

Ministeru/Direttorat tal-Edukazzjoni — proċess tal-bidla fil-kurrikulu

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ilu l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ingaġġat mill-Ministeru/Direttorat tal-Edukazzjoni fil-proċess ta' bidla fil-kurrikulu? Kemm tħallas s'issa u kemm fadallu mill-kuntratt tiegħu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-individwu li d-dettalji tiegħu qed jingħataw separatament ġie ingaġġat b’ Contract for Service għall-perjodu mit-2 ta’ Mejju 2011 sal-31 ta’ Jannar 2013. L-ammont li tħallas s’issa kien ta’ €12,650 (mingħajr VAT). Skond il-kuntratt, il-massimu li jista jitħallas hu €21,490 (mingħajr VAT).

Ministeru/Direttorat tal-Edukazzjoni — proċess ta' bidla tal-kurrikulu

Question

Tista' l-Ministru tgħid fiex jikkonsisti x-xogħol tal-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fil-proċess tal-bidla tal-kurrikulu u jekk il-Ministeru/Direttorat tal-Edukazzjoni humiex kuntenti bix-xogħol tiegħu peress li ħafna edukaturi lokali tkellmu u qalu kemm huma frustrati u mdejqin bih għax mhumiex isibuh ta' għajnuna tajba fit-tibdil li qed isir u ftit li xejn jagħti każ xi jkunu qed jgħidu u ma jkunux ippreparati sew għax-xogħol li jrid jagħmel għax mhux l-ewwel darba li x-xogħol li sar jerġa' jsir mill-ġdid?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna msemmija huwa konsulent fejn tidħol il-kitba tas-sillabi. Is-sillabi qed jinkitbu mill-Uffiċjali Edukattivi, Kapijiet tad-Dipartiment, għalliema u edukaturi oħra Maltin. Id-Dipartiment tal-Kurrikulu u eLearning huwa kuntent bl-andament tal-evalwazzjoni kritika li qed issir minn din il-persuna. Ix-xogħol mhux qed isir mill-ġdid izda qed isiru reviżjonijiet kontinwi kif jixraq f’biċċa xogħol bħal din, fejn hemm bżonn ta’ evalwazzjoni u reviżjoni kontinwa.

Ministeru/Direttorat tal-Edukazzjoni — ingaġġ ta' persuna għall-proċess ta-tibdil fil-kurrikulu

Question

Tista' l-Ministru tgħid kif ġie reklutat il-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament biex jagħmel ix-xogħol tiegħu mal-Ministeru/Direttorat tal-Edukazzjoni dwar tibdil fil-kurrikulu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Il-persuna li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament huwa espert fl-Edukazzjoni għall-bżonnijiet speċjali. Dan kien ħadem fuq is-Syllabus Supplements li ġew ippubblikati fl-2007. Dan kien xogħol mibni fuq sistema ta’ livelli fi żmien meta dawn ma kienux parti mis-sistema edukattiva lokali. Ix-xogħol kien sar mill-Inclusive and Special Education Network ta’ l-iStudent Services Deparment fi ħdan il-Ministeru tal-Edukazzjoni. Ix-xogħol fuq il-livelli ġie estiż biex jindirizza il-ħtieġa li l-istudenti kollha jkunu jistgħu jilħqu l-għola livell fis-suġġetti offruti f’kuntest ta’ klassi bi studenti b-abbilitajiet vari . Il-persuna li beda jgħin lid-Dipartiment tal-Kurrikulu u eLearning biex ikunu jistgħu jiġu mfassla l-għodod meħtieġa kien l-istess wieħed li ħadem fuq is- Syllabus Supplements imsemmija.

Sqaq Ħarruba — spezzjoni mill-Area Enforcement Officer tal-MEPA

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadet l-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar dwar Sqaq Ħarruba li ġie spezzjonat mil-Area Enforcement Officer tal-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament minħabba perikolu li din toħloq għar-residenti tal-inħawi?

Response (DEMARCO, MARIO)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li f'April 2007 kien aċċettat li l-Enemalta tgħaddi trinka għall-cable minn dan il-passaġġ eżistenti (DNO 280/07). F'Mejju 2009, is-Sezzjoni tal-Infurzar tal-MEPA pero` ħarġet Enforcement Notice, ECF 619/09, kontra l-Kummissarju tal-Artijiet (bħala s-sid) u l-Kunsill Lokali tal-Mellieħa talli l-passaġġ eżistenti twessa' u ngħata l-konkos sabiex tfasslet triq. Il-Kunsill Lokali appella minn dan l-Enforcement Notice fit-terminu li tipprovvdi l-liġi (PAB 102/09) u għalhekk l-Awtorita' hija legalment obbligata li tistenna l-konkluzjoni ta' dan l-appell qabel tkun f'pozizzjoni li tipproċedi ulterjorment.

Tfal li mhumiex imorru skola minħabba li m'għandhomx learning support Assistant

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tfal bħalissa li mhumiex jattendu l-iskola fl-iskejjel ta' Malta u Għawdex għax m'għandhomx learning support assistant għal xi raġuni jew oħra?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Individual Education Program fuq tfal tal-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm tfal li għadu ma sarx l-Individual Education Program tagħhom għas-sena skolastika 2011-2012?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Università ta' Malta — sospensjoni tal-kollaborazzjoni mas-SIB Laboratories Ltd

Question

Minkejja li l-Università ta' Malta ssospendiet il-kollaborazzjoni tagħhom mas-SIB Labortatories Ltd minħabba l-iskandlu tal-Fondazzjoni Salvatore Maugeri ta' Pavia, tista' l-Ministru tgħid għaliex għadha qed tħalli lil din il-kumpanija ġġib il-logo tal-Università fil-website tagħha u l-link għall-Università u għadha qed tingħata l-impressjoni li ma nbidel xejn ma' din il-kumpanija?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Università kienet infurmat kemm lil SIB Laboratories Ltd kif ukoll lill-Fondazione Salvatore Maugeri li l-ftehim ta’ kollaborazzjoni magħhom kien ġie sospiż, però sa llum l-Università ma talbitx lil SIB Laboratories Ltd biex tneħħi referenzi dwarha fuq is-sit tagħha peress li l-investigazzjonijiet għadhom pendenti.

Ċentru ta' Taħriġ għall-Adulti — żgħażagħ b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm għandu żgħażagħ b'diżabilità li jattendu xi ċentru ta' taħriġ għall-adulti?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onoerevoli Interpellant li ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum qed jipprovdu servizz lil 397 klijenti li minnhom 86 huma żagħżugħ jew żagħżugħa ta’ bejn it-22 sena (li twieldu fin-1990) u t-tletin sena (li twieldu fin-1982).

Żgħażagħ b'diżabilità li qed jistennew biex jidħlu f'Ċentru għat-taħriġ tal-adulti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm żgħażagħ b'diżabilità li qed jistennew li jidħlu f'xi ċentru għat-taħriġ tal-adulti?

Response (SAID, CHRISTOPHER)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li preżentement hemm 86 żgħażagħ b’diżabiltà li applikaw biex jieħdu servizzi miċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum. Dawn huma maqsuma kif spjegat hawn taħt : Mis-sistema edukattiva* 48 Mill-Komunità 38 * Xi whud minnhom ghadhom fis-sistema edukattiva.

ikliet u riċevimenti organizzati l-ministeru

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 32445 u jgħid matul is-sena 2011 u matul Jannar u Frar 2012 kemm ikliet u riċevimenti organizza l-ministeru? Fejn ġew organizzati dawn l-ikliet u r-riċevimenti? Kemm swew kull wieħed u min kien mistieden għalihom?

Response (CASSAR, JOSEPH)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar. Tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Awtoritajiet finanzjarji Maltin

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi ħadu, jekk ħadu l-awtoritajiet finanzjarji Maltin biex jipproteġju l-isem ta' Malta fl-investigazzjonijiet li għaddejin l-Italja dwar kif sitt uffiċjali tal-Fondazzjoni Salvatore Maugeri ħadu €70 miljun u bagħtu €15-il miljun minnhom lejn Malta permezz ta' Periplo SA u l-Bank of Valletta għall-kummerċ bejn SIB Laboratories Ltd u r-Russian Acadamy of Science suppost għall-akwist tal-patents fin-nanotechnology u jirriżulta li ftit minnhom biss intużaw għalhekk u issa dawn l-uffiċjali qed jiġu investigati dwar money laundering, tax evasion u missappropriation of public funds?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Finance Intellegence Analysis Unit (Malta) hija prekluża bil-liġi milli tipprovdi dettalji dwar każijiet li jkunu qed jiġu analizzati mill-istess FIAU jew dwar rapporti li jkunu saru minn xi persuni. Madanakollu, ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-FIAU hija konxja mill-fatti riferiti fil-Mistoqsija Parlamentari u qed tieħu l-passi neċessarji pertinenti mal-leġislazzjoni.

uffiċċju tal-Kummissarju għar-Rifugjati

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk l-uffiċċju tal-Kummissarju għar-Rifugjati se jersaq f'xi bini ġdida jew uffiċċju ieħor issa li bdew xogħlijiet fuq il-forti ta' Sant Iermu? Jista' l-Ministru jindika jekk il-ħaddiema ta' dan l-uffiċċju se jingħatalhom biżżejjed spazju għall-parkeġġ, li s'issa jinqasam mal-pulizija tal-Akkademja; biżżejjed toilets li jkun ta' standards deċenti kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-klienti tagħhom; waiting room u reception area denja ta' uffiċċju tal-gvern, aċċess għall-wheelchairs u nisa bil-prams u interview rooms għall-klienti?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi l-proċess biex jiġu identifikati uffiċini xierqa biex jakkomodaw l-Uffiċċju tal-Kummissarju għar-Refuġjati għadu għaddej.

Univeristà ta' Malta — proġetti

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma l-proġetti li l-Università ta' Malta għandha mal-kumpanija SIB Ltd u SIB Laboratories Ltd? Tista' tgħid ma liema entitajiet oħra f'pajjiżi oħra qed jinħadmu dawn il-proġetti u kemm jiswew flus? Mnejn ġejjin il-flus biex isiru?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-Universita ta’ Malta m’għandha l-ebda proġett mas-Sib Ltd. L-Università ta’ Malta qed taħdem fuq dawn il-proġetti li huma sponsorjati mill-kumpanija Sib Laboratories Limited. Dawn il-proġetti m’huma qed jinħadmu ma’ ebda entita oħra f’pajjizi oħra. Isem tal-Proġett Ammont tal-i sponsorship Gait Analysis for patients suffering from Scoliosis €750 Penetration of Clindamycin in the Peripherie €1760 Real-time implementation of a motor imagery EEG based BCI €4971 Multifunctional Aid for Patients with Neuro-Muscular Deficiency €1000 Muscular Activity During Walk €2790