Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1072 u jgħid jekk hemmx xi għajnuna ġdida li qed jikkunsidra li jagħti l-Gvern biex jagħmel tajjeb għaż-żieda fil-prezz tal-ġarr (minħabba ż-żieda fid-diesel) tat-trakkijiet bil-merkanzija lejn Għawdex għax jekk din iż-żieda tgħaddi għal fuq il-konsumatur, tgħolli ħafna l-ħajja?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern jevalwa dawn iċ-ċirkostanzi fil-pakkett ta’ għajnuniet li jingħataw mill-istat lis-setturi kollha. Naturalment, tingħata wkoll konsiderazzjoni lir-regolamenti ta’ l-Unjoni Ewropeja u lill-esiġenzi ta’ prijoritajiet ta’ fejn jiġu ddedikati l-fondi tal-baġit ta’ kull sena.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 942 u jgħid jekk hux se jsir il-proġett f'Pembroke minn fondi ta' l-Unjoni Ewropea li kien miftiehem li jsir ma' Pembroke Athlete? Meta se jibda x-xogħol fuqu u fiex se jikkonsisti l-proġett?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant li l-proċess dwar l-aħħar sejħa għall-proġetti għall-finanzjament mill-Unjoni Ewropea għadu mhux konkluż.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 959 u jara li jittieħdu passi biex il-kumpannija Gozo Channel toffri servizz regolari ta' ġarr tal-merkanzija bejn Mġarr, Għawdex u Sa Maison, Malta peress li s-servizz kurrenti ta' darbtejn fil-ġimgħa mhux adegwat?
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 1074, li oriġinarjament saret lill-Ministru għal Għawdex u issa qed tiġi riferuta lilu u jgħid kemm huwa stmat li hu n-numru ta' Għawdxin li jaħdmu f'Malta? Kemm minnhom fis-settur pubbliku? Kemm fis-settur privat?
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm fetħu ristoranti, bars u wine bars fil-Belt Valletta mill-2003 sal-lum? F'kull każ, f'liema triq fetħu dawn l-istabbilimenti?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 638 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrasttruttura, Trasport u Kommunikazzjoni u li issa qed tiġi riferuta lilu u jgħid x'arranġamenti qed isiru biex il-Gozo Channel jibqa' jkollha vapur li tista' tuża regolarment għat-tagħbija tal-merkanzija u ta' skart perikoluż peress li bħalissa għandha vapur wieħed u allura meta jkun bil-ħsara ma jkollhiex mezz biex iġġorr din it-tagħbija?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-Gozo Channel bħalissa għandha l-MV GAUDOS li jista’ jġorr merkanzija perikoluża. Għalkemm bħalissa m’għandniex alternattiva jew mezz ta’ ġarr ieħor ta’ dan it-tip, il-Gvern u l-Gozo Channel qed jaħdmu sabiex din is-sitwazzjoni tiġi rrimedjata mingħajr ma jkun hemm inkonvenjent għall-passiġġieri l-oħra li jużaw is-servizz bejn iż-żewġ gżejjer.
Jista' l-Ministru jgħid kif u fuqhiex intefqu €116,000 maħruġin mill-Fond għall-Kawżi Ġusti fuq attivitajiet għat-turiżmu f'Għawdex? Liema organiżżazzjonijiet ingħataw dawn il-fond?
Tista' l-Ministru tgħid f'hiex wasal ix-xogħol biex jitwaqqaf direttorat għat-turiżmu fi ħdan il-Ministeru għal Għawdex? X'riżorsi umani u finanzjarji se jkollu?
Response (DEBONO, GIOVANNA)
Ninsab infurmata li dan id-direttorat jaghmel parti mir-ristrutturazzjoni tal-Ministeru ghal Ghawdex u ghaldaqstant qeghdin jittiehdu l-mizuri necessarji f'dan ir-rigward.
Jista' l-Ministru jgħid kemm ressqet każi l-qorti l-Pulizija kontra persuna li kienet tieħu l-flus bil-wegħda li ddaħħal nies jaħdmu l-Freeport? Kemm hemm persuni li l-Pulizija rċeviet informazzjoni dwarhom li ħallsu l-flus f'dawn il-każi u x'inhu l-ammont totali ta' flus li tħallsu? Fejn waslu l-każi li ressqet il-Pulizija?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat li bejn Novembru 2007 u Mejju ta’ din is-sena, il-Pulizija kellha diversi rapporti minn persuni differenti, dwar persuna li kienet qiegħda tieħu xi flus bil-wegħda ta’ xogħol fil-Freeport. B’riżultat ta’ stħarrig li għamlet il-Pulizija, dan ir-raġel ġie identifikat u anke’ nbdew proċeduri kriminali kontrih fuq akkużi ta’ frodi u misapproprijazzjoni li jammontaw għal madwar 89,216 ewro għad-dannu ta' 32 persuna. Dawn il-proċeduri għadhom pendenti quddiem il-Qorti.
Peress li l-persuna li d-dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, ma żammitx mal-ftehim ta' ħlas bin-nifs tal-kont ta' l-ilma u d-dawl u issa ġiet imwissija li se jaqtgħulha s-servizz, jista' l-Ministru jara li jittieħdu passi biex tingħata ċans ieħor u tibda tħallas regolarment u ma jaqtgħulhiex is-servizz għax qed issibha diffiċli tlaħħaq ma' l-ispejjeż tal-ħajja?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid b'liema mod konkret qed jaħseb il-Gvern li jgħin lis-sajjieda lokali li ġew milquta ħażin ħafna miż-żieda qawwija fil-prezz tal-fuel?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma l-Onor Membru li risposta tingħata f’seduta oħra
Jista' l-Ministru jgħid x'servizz ta' trasport pubbliku għandhom bħalissa r-residenti ta' Pembroke u minn liema rotta jgħaddu, għax qed jasluli ilmenti minn ċerti naħat li m'humiex moqdija adegwatament?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Jista' l-Ministru jgħid x'għajnuniet finanzjarji qed jagħti l-gvern lill-Għaqdiet Non-Governattivi li jaħdmu fil-qasam tad-diżabilita'? Speċifikament x'għajnuna qed jagħti lir-Razzett tal-Ħbiberija li qed joffri ħafna servizzi bla ħlas u qed ikollu diffikultajiet finanzjarji kbar biex jibqa' vijabbli?
Response (DALLI, JOHN)
Minbarra għajnuna mhux finanzjarja li jistgħu jirċievu għaqdiet volontarji li jaħdmu fil-qasam tad-diżabilita', bħal ma hi l-iskema ta' assenjar ta' mpjegati tal-Gvern biex jagħmlu xogħol ma dawn l-għaqdiet, il-Gvern jgħin ukoll finanzjarjament u direttament numru ta' dawn l-għaqdiet permezz tal-fondi allokati kull sena għal dan l-iskop f'Vot taħt il-Ministeru tiegħi. Ninsab informat li, fil-fatt, madwar 40% tal-fondi mogħtija din is-sena minn dan il-Vot marru għand għaqdiet li jaħdmu fil-qasam tad-diżabilita'.
Ninsab informat ukoll li, din is-sena, l-għotja lir-Razzett tal-Ħbiberija minn dawn il-fondi żdiedet b' 4,659 EU fuq dik tas-sena ta' qabel biex laħqet 18,635 EU.
Il-Gvern jirrikonoxxi x-xogħol u l-kontribut prezzjuż li din l-għaqda, flimkien ma' oħrajn, jagħtu fil-qasam tad-diżabilita' u għalhekk jagħmel dak possibli biex jgħinhom, fil-parametri tar-riżorsi disponibbli.
Jista' l-Ministru jgħid jekk hemmx xi għajnuna ġdida li qed jikkunsidra li jagħti l-Gvern biex jagħmel tajjeb għaż-żieda fil-prezz tal-ġarr (minħabba ż-żieda fid-diesel) tat-trakkijiet bil-merkanzija lejn Għawdex għax jekk din iż-żieda tgħaddi għal fuq il-konsumatur, tgħolli ħafna l-ħajja?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Prim Ministru jgħid meta hemm il-ħsieb li l-Gvern iwettaq il-wegħda elettorali tiegħu li jaħtar persuni fil-bordijiet pubbliċi wara li ssir sejħa għal persuni idonei?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 178.
Jista' l-Prim Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 437 li saret lill-Ministru għal Għawdex u li issa ġiet riferuta lilu u cioe'jgħid b'liema kundizzjonijiet ingħata l-kuntratt lill-kumpannija privata biex tmexxi l-attivitajiet 1, 2, 3, 4 f'Mejju 2008 f'Għawdex? Jista' jgħid jekk il-kuntratt kienx jinkludi li ikel u xorb jiġi provdut mill-kumpannija li ngħatat il-kuntratt u mhux mill-ħwienet Għawdxin?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 953.
Jista' l-Ministru issa jwieġeb mistoqsija parlamentari 639 u jgħid meta hemm il-ħsieb li jitlesta t-terminal taċ-Ċirkewwa? Sakemm jitlesta, jistgħu jitpoġġew servizzi bażiċi bħal toilets, li bħalissa jinsabu bla dawl, peress li dawk li jivvjaġġaw bil-lejl u kmieni fil-għodu qed isibu ruħhom imċaħħdin minn dawn is-servizzi?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li sakemm jitlesta t-terminal taċ-Ċirkewwa , l-Awtorita' Marittima ser tieħu miżuri sabiex jitjiebu l-faċilitijiet preżenti.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 639 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni, u issa ġiet riferuta lilu, u jgħid meta hemm il-ħsieb li jitlesta t-terminal taċ-Ċirkewwa? Sakemm jitlesta, jistgħu jitpoġġew servizzi bażiċi bħal toilets, li bħalissa jinsabu bla dawl, peress li dawk li jivvjaġġaw bil-lejl u kmieni fil-għodu qed isibu ruħhom imċaħħdin minn dawn is-servizzi?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-kostruzzjoni tat-terminal taċ-Ċirkewwa hija f’idejn l’MMA u għaldaqstant l-mistoqsija għanda tiġi riferuta lil ministru kkonċernat.
Fiċ-Ċirkewwa hemm toilets li jiffurmaw parti mill-cafeteria, li responsabbli minnhom hu l-operatur tal-cafeteria, u dawn huma aċċessibbli sa ma tagħlaq il-cafeteria tard bil-lejl. Hemm ukoll żewġ toilet portables li huma responsabbilita’ tal-MMA li huma aċċessibbli l-ħinijiet kollha tal-ġurnata, inkluż bil-lejl.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 635 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni,u issa ġiet riferuta lilu, u jara li jittieħdu passi biex il-kumpannija Gozo Channel toffri servizz regolari ta' ġarr tal-merkanzija bejn Mġarr, Għawdex u Sa Maison, Malta peress li s-servizz kurrenti ta' darbtejn fil-ġimgħa mhux adegwat?