Legislature:
Category:
Reset
Active:

Flus dovuti fuq sussidju ta' djar privati

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta ser jitħallsu l-flus dovuti (€2632.42) lill-persuna li d-dettalji tagħha qed jintbagħtu separatament, bħala sussidju fuq xogħlijiet ta' rranġar fi djar privati?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-ħlas dovut lill-persuna ndikata mill-Onor. Interpellant intbagħat fl-20 ta’ Ottubru 2008.

Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika — problemi u nuqqasijiet fil-qasam tal-vjolenza domestika

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'passi konkreti qed jittieħdu biex jiġu indirizzati problemi u nuqqasijiet fil-qasam tal-vjolenza domestika msemmija f'paġni 23 u 24 taħt is-sottotitlu 12.2 "Żjarat ta' Familjarizzazzjoni fix-Xelters", fir-rapport tal-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika (Marzu 2007 - Frar 2008) li jaqgħu fl-ambitu tal-qrati u tal-pulizija?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika kitbet lill-Kummissjoni dwar l-Amministrazzjoni tal-Ġustizzja biex telenka fejn jidher li jinħtieġ tibdil fil-liġi jew proċeduri u talbet laqgħa mal-Ministeru tal-Gustizzja u Intern sabiex jiġu diskussi l-punti ndikati mill-Onor. Interpellent.

Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika — Problemi u nuqqasijiet identifikati

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'qed isir konkretalment biex jiġu indirizzati l-problemi u nuqqasijiet identifikati f'paġni 23 u 24 fir-rapport tagħha (Marzu 2007 - Frar 2008) mill-Kummissjoni dwar il-Vjolenza Domestika f'dawk l-oqsma li jaqgħu fl-ambitu tal-Ministru tal-Politika Soċjali?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li l-Kummissjoni diġa’ ltaqat mad-Direttur tad-Dipartiment għal Standards fil-Ħarsien Soċjali fejn ġie diskuss il-ħolqien ta’ standards dwar is-suġġett. Ninsab infurmat ukoll li l-Kummissjoni ħolqot Sottokumitat dwar l-Iżvilupp tas-Servizz li, fil-jiem li ġejjin, ser jiltaqa’ sabiex jiddiskuti policies li diga’ jeżistu fix-Xelters u kif dawn jistgħu jiġu mtejba bil-ħsieb li dawn jiffurmaw il-bażi ta gwida għas-settur sħiħ.

Dikjarazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem — 60 sena anniversarju - programm ta' inizjattivi għal istudenti

Question

Tista' l-Ministru tgħid peress li f'Diċembru li ġej jaħbat is-60 anniversarju mid-Dikjarazzjoni tad-Drittijiet Fundamentali tal-Bniedem, xi programm ta' inizjattivi hemm imħejja biex nieħdu l-okkazzjoni biex inxerdu l-kultura u l-prattika tad-demokrazija u tad-drittijiet tal-bniedem fost l-istudenti tagħna?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Hija l-konswetudni li kull sena l-iskejjel huma mħeġġa permezz ta’ ċirkularijiet biex jiċċelebraw il-Jiem Internazzjonali skond kif titlob il-Ġnus Magħquda. Għalhekk permezz ta’ ċirkulari li dalwaqt toħroġ, l-iskejjel statali u mhux statali ser jiġu mħeġġa biex jorganizzaw Il-JUM TAD-DRITTIJIET TAL-BNIEDEM (10 ta’ Diċembru). Flimkien ma’ din iċ-ċirkulari ser jintbagħtu rizorsi biex il-kapijiet flimkien ma’ l-għalliema kollha jkunu jistgħu jorganizzaw dak li ġej: 1. School Assembly 2. Attivitajiet skond il- Year Groups a. Years 4, 5 u 6 - l-istudenti jiffokaw fuq il-valuri marbutin mad-drittijiet tal-bniedem (rispett, responsabbilita’, paċi, imħabba, kooperazzjoni) b. Form 1 – Xogħol mibni fuq il- Human Rights Story fejn l-istudenti joħolqu ‘ Human Rights Timeline ’ c. Form 2 – l-istudenti jesploraw il-kunċett ta’ drittijiet tal-bniedem fejn ser jaħsbu fuq ezempji ta’ tipi differenti ta’ drittijiet li għandhom u kif dawn id-drittijiet differenti huma marbutin flimkien u jiddependu minn xulxin. d. Form 3 – fi gruppi l-istudenti joħolqu powerpoint presentations dwar persuni li ħadnu u ħadmu fil-prattika dawn id-Drittjiet ( Human Rights Heroes ) e. Form 4 –fi gruppi l-istudenti joħolqu powerpoint presentations dwar ezempji ta’ ġrajjiet attwali fid-dinja fejn qed jinkisru d-drittijiet li jinsabu fid-Dikjarazzjoni f. Form 5 – l-istudenti jiġu mitluba jiktbu artiklu (b’ritratti relatati) ta’ mhux aktar minn 250 kelma bl-Ingliz/Malti dwar “Id-dritt li jien nagħtih l-aktar valur f’ħajti” Il-materjal li jinħoloq mill-istudenti tal-Forms 3, 4 u 5 ser jinġabar mill-Curriculum Management & eLearning Department biex l-aqwa biċċiet ta’ xogħol jitqiegħdu fil-link tal-Human Rights Education li ser tinħoloq fuq il-website tal-Curriculum Management & eLearning. Ser tintbagħat ukoll lista ta’ letteratura għat-tfal li fiha esperjenzi ħajjin ta’ tfal milquta min-nuqqas ta’ rispett lejn id-dinjita’ tal-bniedem f’diversi pajjizi fid-dinja.

Minsiteru għall-Edukazzjoni — evening courses tal-ECDL

Question

Tista' l-Ministru tqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista tal-persuni kollha li jagħmlu evening courses fl-ECDL mill-Ministeru tal-Edukazzjoni u f'kull każ x'inhuma l-kompetenzi u l-kwalifiki li kull persuna għandu/ha biex tagħmel dan il-kors?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

High Ridge — Pembroke - Ilmijiet

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2478 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Infrastruttura, Trasport u Komunikazzjoni u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x'miżuri hemm maħsuba biex l-ilmijiet kbar li jaqgħu mill-għoljiet tal-High Ridge u l-Madliena ma jibqgħux jikkaġunaw għargħar f'diversi nħawi ta' St Partick's u toroq oħra fosthom dawk imsemmija' Triq Gabriele Henin, Triq il-Kurunell Lorenzo Manche' u Triq Dun Amabile Sisner f'Pembroke?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Kif diġà ħabbart fid-diskors li għamilt waqt id-diskussjoni dwar l-estimi tal-Ministeru għar-Riżorsi u Affarijiet Rurali, d-Dipartiment tax-Xogħlijiet għandu proġett ta' bini ta' culverts u re-levelling ta' parti mit-triq ta' ħdejn iċ-ċimiterju ta' Pembroke li ser isir fil-bidu ta' l-2009.

MCAST — Insurance lill-istudenti

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 2606 u tgħid jekk teżisti xi forma ta' insurance lill-istudenti meta dawn joħorġu barra mill-Istitut biex/jew jiffammiljarizzaw rwiehom mad-dinja tax-xogħol inkella jagħmlux xi prattika f'xi ażjenda li tkun akkredidata mill-istess istituti tal-MCAST?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-istudenti huma inxurjati meta joħorġu barra mill-istitut biex /jew jiffamiljarizzaw rwieħhom mad-dinja tax-xogħol jew jagħmlu xi prattika f’xi azjenda li tkun akkreditata mill-istess istitut tal-MCAST.

Studenti — National Diploma

Question

Tista' l-Ministru twieġeb mistoqsija parlamentari 2604 u tgħid matul dawn l-aħħar ħames snin kemm kien hemm studenti li akwistaw il-Btec National Diploma fl-Istituti tal-MCAST u tista’ tippreżenta l-istatistika ta’ dawn ir-riżultati skond kull Institute, kif wkoll turi kemm minnhom ġabu l-Grade Pass, Grade Merit u Grade Distinction għal kull sena u ġewwa kull Insitute?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba mill-Onorevoli Interpellant. Fil-Każ tal-BTEC National Diploma, l-Edexcel ma toħroġx grad wieħed finali u għaldaqstant din l-informazzjoni mhux possibli li tingħata.

Awtorità Marittima Maltija — Arrettrati

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2603 u jgħid jekk kienx hemm xi ħlas f'arettrati matul din is-sena mill-Awtorità Marittima Maltija? Kemm kien l-ammont gross tal-arrettrati li ħadu dawn il-persuni matul din is-sena, impjegati mal-Awtorità : a) Executive Directors b) CEO ċ) Financial Controller? Jista' jsemmi min huma dawn l-individwi? Kif ġiet ikkalkulata din is-somma?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li l-ammont gross f'arretrati li tħallas fi Frar ta' din is-sena lill-persuni indikati fil-mistoqsija huwa kif ġej: CEO Lm20,028 (€46,653) Executive Directors Lm16,355 (€38,097) Financial Controller Lm16,355 (€38,097) Dawn l-arretrati jirrapreżentaw it-total tad-differenza bejn is-salarju li kien tħallas matul is-snin 2000-2008 u s-salarju l-ġdid li ġie rivedut u approvat fi Frar 2008.

Studenti — National Diploma u Journeyman's Certificate

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 2607 u jgħid minn l-istudenti li ġabu l-Btec National Diploma, dejjem matul dawn l-aħħar ħames snin u minn kull institute, kemm kienu l-istudenti kull sena li għamlu t-test tal- ETC biex jakwistaw l- Journeyman’ s certificate u jgħid kemm għaddew u kemm weħlu minn dan it-test? Jista' jagħti breakdown ta’ kull sena f’kull institute?

Response (DALLI, JOHN)

Tweġiba tingħata f'xi Seduta oħra.

Skejjel Primarji u Sekondarji — Żjarat

Question

Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena skolastika 2007-2008 kull skola primarja u sekondarja ta' Malta u Għawdex liema 1.) mużewijiet 2.) siti storiċi żaru u kull skola kemm-il darba għamlu din iż-żjara u fejn żaret?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed tipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Channel 22 — nefqa

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm kienet in-nefqa ta' Channel 22: a) fil-perijodu bejn Jannar u Marzu 2008 b) fil-perijodu bejn April u Settembru 2008?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li n-nefqa ta’ Channel 22 fil-perjodu Jannar sa Marżu 2008 kienet ta’ €31,385. In-nefqa bejn April u Settembru 2008 kienet ta’ €172,041.

Skejjel Primarji u Sekondarji — Żjarat

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema i) wirjiet ta' arti ii) attivitajiet kulturali (eżempju plays u kunċerti mużikali) żaru l-iskejjel kollha primarji u sekondarji ta' Malta u Għawdex matul is-sena skolastika 2007-2008?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed tipoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Siti Storiċi f'Malta u Għawdex

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inizjattivi ttieħdu s'issa biex mużewijiet u siti storiċi f'Malta u Għawdex ikunu ppreżentati b'mod li jiġbed lit-tfal, anki min età zgħira, meta jżuruhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

It-Taqsima ta’ l-Edukazzjoni fi ħdan Heritage Malta ġiet imwaqqfa proprju biex tipprovdi riżorsi edukattivi relatati mad-diversi mużewijiet u siti li jaqgħu taħt ir-responsabbilta’ ta’ l-aġenzija, mmirati b’mod speċjali biex jippromwovu aktar il-kultura fl-iskejjel, fil-livelli kollha ta’ l-isfera edukattiva. Heritage Malta diġa nediet diversi programmi edukattivi, mfassla b’konsultazzjoni mad-Dipartiment ta’ L-Edukazzjoni, Kultura u Sport, l-għalliema u l-istudenti nfushom, u li huma msejsa fuq kunċetti li jidhru fis-sillabi ta’ suġġetti differenti. L-idea prinċipali hija li l-kultura tkun infiltrata fis-sistema edukattiva permezz ta’ diversi suġġetti bħal ma huma l-istorja, l-arti, x-xjenza, il-lingwi, l-istudji soċjali, PSD u d-disinn u t-teknoloġija fost l-oħrajn. L-iskop tal-materjal edukattiv li ħejjiet, u li se tkun qed tħejji fil-futur qrib Heritage Malta, huwa mmirat biex joffri tagħlim kulturali fil-mużewijiet, li jitkompla wkoll fl-iskejjel. Il-metodoloġija li qed tintuża hija simili għal dik li nsibu f’diversi mużewijiet madwar l-Ewropa. Din il-metodoloġija hija ffukata fuq l-istudent u mfassla biex tiffaċilita l-kreattivita u l-ħsieb kritiku u mhux sempliċiment tiprrovdi informazzjoni ta’ natura storika. B’dan il-mod, in-numru ta’ studenti anke ta’ eta’ żgħira ħafna li qed iżuru l-mużewijiet qiegħed dejjem jikber għaliex dawn il-ħarġiet kulturali saru ħafna aktar interessanti u ta’ pjaċir. Minnbarra li jallaċċjaw mas-sillabi u l-kurrikulu inġenerali, ir-riżorsi edukattivi ta’ Heritage Malta huma wkoll immirati biex jippromwovu sens ta’ identita’ kulturali nazzjonali kif ukoll apprezzament dwar kif nistgħu nikkonservaw il-wirt storiku u kulturali tagħna. Il-programmi u ktejjeb/ worksheets edukattivi li fasslet Heritage Malta sa issa jinkludu: - Il-Palazz ta’ l-Inkwiżitur (Livell Primarju u Sekondarju) - L-Armerija tal-Palazz (Livell Primarju u Sekondarju) - It-Tempji ta’ Ħal Tarxien (Livell Sekondarju) - Il-Mużew Marittimu (Livell Primarju) - Għar Dalam (Livell Primarju) - Mużew ta’ l-Art (Livell Primarju) - Mużew ta’ l-Istorja Naturali (Livell Primarju) Heritage Malta ppublikat ukoll diversi ktejjeb għall-għalliema bil-ħsieb li jkunu jistgħu ihejju lill-istudenti tagħhom fil-klassi qabel ma ssir iż-żjara fil-muzew. Dan il-metodu jgħin biex l-istudenti jkunu jistgħu jibbenefikaw minn esperjenza edukattiva aktar wiesa’. L-aġenzija torganizza wkoll In-Service Courses għall-għalliema fuq it-tagħlim fil-mużewijiet. Heritage Malta torganizza wkoll diversi attivitajjiet edukattivi fil-mużewijiet bħal ma huma programmi ta’ kitba kreattiva flimkien mal-FES, sessjonijiet ta’ tpinġija flimkien ma’ l-iskola ta’ l-Arti, qari ta’ stejjer u żjarat bi gwida mmirati apposta għat-tfal.

Inizjattivi ta' mużewijiet u siti storiċi

Question

Tista' l-Ministru tgħid matul is-sena 2007 u 2008 s'issa, x'inizjattivi ħadu l-mużewijiet u s-siti storiċi biex jiġbdu lejhom il-famliji Maltin u Għawdxin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-2007 kienet karatteriżata minn żewġ wirjiet kbar li Heritage Malta irnexxilha ġġib lejn xtutna – il-wirja tas-suldati tat-terracotta miċ-Ċina li kienet għall-wiri fil-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arkejologija bejn Marzu u Lulju u l-wirja tal-pitturi tal-Caravaggio li kienet għall-wiri fl-istess mużew ta’ l-Arkejologija bejn Ottubru u Novembru 2008. Marbuta ma’ dawn iż-żewġ wirjiet kien hemm diversi attivatijiet indirizzati lejn il-familji li kienu jinkludu dħul bi prezz ridott għal dawn l-attivitajiet. Attivitajiet oħra kienu jinkludu: 5 Heritage Trails 4 attivitajiet magħrufa bħala l-Ħadd ma’ Heritage Malta 3 Historical re-enactments fil-Mużew marittimu li matulhom in-nies kellha ċ-ċans issir taf aktar dwar il-ħajja tal-baħrin fuq ix-xwieni, x’ikel kien jittiekel etc. Dawn l-attivitajiet dejjem saru bi prezz imnaqqas. Kien hemm ukoll 36 wirja a li għalihom id-dħul kien b’xejn. Attivitajiet matul l-2008 5 Heritage Trails matul l-2008. Dawn huma zjarat b’tema speċifika. 2 Ħdud ma’ Heritage Malta li fihom jinfetħu postijiet li mhux dejjem ikunu miftuħa għall-pubbliku. F’din is-sena dawn iż-żewg attivitajiet saru f’Birżebbuġa u Marsaxlokk u r-Rabat u l-Mdina fejn fost il-postijiet li nfetħu (bi prezz imnaqqas) kien hemm mill-Katakombi tal-Lhud (Rabat) Tas-Silġ (M’Xlokk) u Borġ in-Nadur (B’Buġia). F’Ġunju saret konferenza nazzjonali ffinanzjata minn proġett ta’ l-EU dwar il-ħajja marittima f’Malta. Din kienet miftuħa għall-pubbliku u l-parteċipazzjoni kienet mingħajr ħlas. L-attivita’ saret fil-Mużew Marittimu fil-Birgu. Heritage Malta organizzat 28 wirja f’diversi siti li għalihom d-dħul kien b’xejn. Dawn saru primarjament fl-uffiċċju ċentrali ta’ l-aġenzija fil-belt Valletta, fil-Mużew Nazzjonali ta’ l-Arti u fil-Mużew Nazzjonali ta’ l-Istorja Naturali fl-Imdina.

Pjanijiet ta' mużewijiet lokali

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi pjani konkreti hemm biex fl-erba' snin li ġejjin ikollna: a) mużew tal-arti lokali kontemporanju b) mużew tal-arti moderna lokali ċ) mużew tal-fotografija lokali d) mużew tal-industrija lokali e) mużew tal-emigrazzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li Heritage Malta qiegħdha f’diskussjonijiet mal-awtoritajiet konċernati sabiex jingħatalha post li jkun jista’ jintuża bħala mużew tal-arti moderna u kontemporanja. Sadanittant wirjiet ta’ arti ta’ din ix-xorta jsiru kull xahar fil-Mużew Nazzjonali tal-Arti u f’mużewijiet oħra ta’ Heritage Malta. Infurmata li aspetti mit-temi l-oħra msemmija huma interpretati f’mużewijiet oħra bħall-Mużew tal-Folklor, il-Mitħna ta’ Kola u l-Mużew Marittimu.

Sptar Mater Dei — investigazzjonijiet

Question

Jista' l-Ministru jagħti lista ta' inkjesti u investigazzjonijiet li qed isiru bħalissa dwar xi qasam jew ieħor tal-Isptar Mater Dei?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab informat li l-investigazzjonijiet li l-management ta' Mater Dei ġie nformat uffiċjalment dwarhom huma dawn :- - National Audit Office - investigazzjoni dwar il-kuntratti għall-Clerks/Receptionists, Internal Security u External Security/Car Park - Internal Audit & Investigation Directorate (IAID) - audit dwar Financial Governance - IAID - audit dwar FIxed Assets (għadha ma bdietx).

Kindergarden Maltin u Għawdxin — programmi tal-Unjoni Ewropea

Question

Tista' l-Ministru tagħti l-lista ta' programmi tal-Unjoni Ewropea li jieħdu sehem fihom iċ-ċentri tal-kindergarten Maltin u Għawdxin? Liema ċentri qed jieħdu sehem f'dawn il-programmi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-programmi tal-Unjoni Ewropea li jieħdu sehem fihom iċ-ċentri tal-kindergarten Maltin u Għawdxin huma il-Comenius u l-Grundtvig. Ic-ċentri li qed jieħdu sehem f'dawn il-programmi huma: Tumas Dingli Primary School - Attard (two projects) Dun Alwig Camilleri Primary A -Zejtun Theresa Nuzzo Primary-Marsa St. Joseph Junior School- Sliema Dun Guzepp Zerafa Primary –Fgura St. Cecilia Kindergarten Dun Karm Scerri Primary –Naxxar Gozo College Nadur Primary School-Nadur Little Angels School St.Venera Primary C- St. Venera

Tarzna — Ħaddiema - Skemi tal-irtirar

Question

Jista' l-Ministru jgħid mill-ħaddiema tat-tarzna li ħadu l-iskemi tal-irtirar: a.) Kemm minnhom sabu xogħol? b.) Kemm minnhom għadhom jirreġistraw? c.) Kemm irtiraw mix-xogħol għal kollox?

Response (DALLI, JOHN)

Ninsab infurmat li, sas-27 t’ Ottubru 2008, il- Korporazzjoni għax-Xogħol u Taħrig kienet irċeviet 765 formola ta’ tmiem tal- impjieg mill-Malta Shipyards. Ninsab infurmat ukoll li, mir-rekords tal-Korporazzjoni, jirriżulta’ li 265 diga’ sabu xogħol bħala mpjegati jew għal rashom, 154 qegħdin jirreġistraw għax-xogħol fuq l-Ewwel Parti tar-reġistru u l-kumplament la qed jaħdmu u lanqas jirreġistraw għax-xogħol.

Ċentri ta taħriġ fuq Kompjuter u IT

Question

Tista' l-Ministru tgħid liema huma ċ-ċentri ta' taħriġ fl-istudji tal-kompjuter u l-IT li għandhom liċenzja biex jgħallmu l-ICT f'pajjiżna? Il-bini tagħhom huwa aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.