Legislature:
Category:
Reset
Active:

Warrants Board

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm ipproċessa warrants l-Warrants Board tad-Direttorati tal-Edukazzjoni matul dawn l-aħħar ħames snin sena b'sena? Kemm minn dawn kienu permanent warrants u kemm kienu temporary warrants? Kemm kienu għal għalliema fl-iskejjel tal-istat u kemm kienu għal għalliema fi skejjel oħra? Kemm ġew ippreżentati applikazzjonijiet li ġew rifjutati għal xi raġuni jew oħra, u x'kienu r-raġunijiet f'kull każ? Kull meta jiltaqa' l-bord? Kif inhu kompost il-bord? Lil min jirrispondi dan il-bord?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Petizzjonijiet leġġittmi li tressqu quddiem il-Public Service Commission

Question

Tista' l-Ministru tgħid għaliex wara li saru numru ta' petizzjonijiet leġġittmi li tressqu quddiem il-Public Service Commission skond l-Estacode, b'referenza għal ċerta pożizzjonijiet fid-Direttorati tal-Edukazzjoni dawn il-pożizzjonijiet imtlew xorta, u l-appointments ħarġu wkoll, għalkemm il-każijiet għadhom qed jiġu investigati mill-PSC u għadu ma ngħata l-ebda ruling dwarhom? Ma taħsibx li dan juri disrispett assolut lejn l-istess PSC? Ma taħsibx li kien ikun ferm aktar prudenti li kieku l-ewwel ġew iċċarati l-affarijiet? Ma taħsibx li b'li sar ġew ippreġudikati d-drittijiet fundamentali tal-individwi konċernati li jkollhom smiegħ xieraq fi żmien raġjonevoli?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika għal liema pożizzjonijiet qed jirreferi sabiex tingħata l-informazzjoni mitluba.

Skejjel — Minor staff compliment

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hu kbir il-compliment tal-minor staff fl-iskejjel? Kemm minnhom huma nisa u kemm irġiel? Kemm hemm personnell f'kull branka ta' din is-sezzjoni? Kemm minnhom huma full time u kemm minnhom huma casual jew part-time? Kemm naqas minn sena għal oħra matul dawn l-aħħar ħames snin in-numru ta' full-timers fis-sezzjoni tal-minor staff?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Complement tal-Minor Staff fl-iskejjel statali f’Malta jammonta għal 515. minnhom hemm 269 nisa u 246 irġiel. Il-personnel f’kull branka ta’ din is-sezzjoni hu mqassam hekk: General Hands (Tindif) - 290 General Hands (Manutenzjoni) - 73 Part-time Cleaners - 152 Minnhom hemm 363 full-time u 152 part-time. Ser inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella li turi n-numru ta’ full-timers fis-sezzjoni tal-Minor Staff.

Public Service Commission — Assistenti Diretturi

Question

Issa li ġew iċċarati l-affarijiet mill-Public Service Commission dwar il-pożizzjonijiet ta' assistenti diretturi li kienu fil-post qabel ma ħarġu sejħiet għal Assistenti Diretturi ġodda, jidhrilha l-Ministru li jkun ferm aktar xieraq li dawk li kellhom il-biża' li l-pożizzjoni tagħhom tkun abolita jingħataw spejgazzjoni u assigurazzjoni bil-miktub mill-istess permanent secretary minflok li l-affarijiet jintqalu lilhom bit-telefon?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li s-Segretarju Permanenti informa lill-Assistenti Diretturi bis-sitwazzjoni tagħhom kemm b’telefonata, kemm f’laqgħa magħhom kif ukoll b’nota kif miftiehma ma’ l-istess Ass. Diretturi.

Sant' Andru — Heavy plant - staff allokat

Question

Tista' l-Ministru tgħid xi pjanijiet hemm għall-heavy plant ta' St. Andrew? Kemm hemm staff allokat hemm, xi grad huma u x'inhuma is-sigħat ta' xogħol tagħhom? Kemm saru tiswijiet f'dan il-garaxx mill-bidu ta' din is-sena fuq karozzi tad-Direttorati? Ta' liema natura kienu dawn it-tiswijiet, u fuq liema vetturi? Kemm huwa stmat li jiswew dawn it-tiswijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-Heavy Plant Garage f’St. Andrew’s se jkompli jagħti s-servizz li qed jagħti illum. Fih hemm tlett impjegati li huma zewġ Senior Tradesman u xufier. Fix-xitwa dawn jaħdmu mis-7.00 a.m. sal-4.00 p.m. u fis-sajf mis-7.00 a.m. sas-1.00 p.m. Mill-bidu ta’ din is-sena saru 114-il tiswija fuq vetturi tad-Direttorati. It-tiswijiet kienu jvarjaw minn service ta’ rutina, tiswijiet relatati ma’ steering u suspension, braking, chassis, body u magna. Il-vetturi li saru tiswijiet fuqhom kienu dawn: 1 Peugeot 306, 1 Toyota Corolla, 5 AEC 505, 4 Toyota Coaster, 1 Ford Plaxton, 1 Kia Asia Combi, 1 Toyota Hilux, 6 Ligier Nova, 1 Skoda Favorit, 1 Peugeot 505, 2 Renault Master, 1 Isuzu Gemini, 2 Peugeot 405, 2 Renault 19, 1 Toyota Hiace, 1 LDV Convoy, 1 VW Golf, 8 Chevrolet Kalos, 1 Chevrolet Nubira, 1 Citroen Xsara, 1 Renault Megan, 1 Seat Inca. Huwa stmat li dawn it-tiswijiet swew €12,698,80.

Computers ġodda fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm tqassmu computers ġodda din is-sena fl-iskejjel? F'liema skejjel, skola skola u l-ammonti? Kemm ser jiswa lid-Direttorati l-kiri u l-manutenzjoni ta' dawn il-computers, kull sena? X'sar mill-computers li ġew imwarrba?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpogga fuq il-Mejda tal-Kamra.

Diviżjoni tas-Saħħa -Sezzjoni Sanita — spezzjonijiet

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il spezzjoni saret fl-iskejjel tal-Istat matul dawn l-aħħar ħames snin mid-Diviżjoni tas-Saħħa, sezzjoni sanita sena b'sena, u skola skola? Kemm-il rapport sar minn dawn l-ispetturi tas-sanità, u x'kienu l-affarijiet li għalihom inġibdet l-attenzjoni tal-awtoritajiet li għanhom jiġu indirizzati? X'passi ttieħdu biex jiġu indirizzati dawn in-nuqqasijiet?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Rata uffiċjali li biha jitħallsu l-eżaminaturi

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'inhi r-rata uffiċjali li biha għandhom jitħallsu eżaminaturi li jiġu mqabbda mid-Dipartiment tal-Eżamijiet? Kemm ilha ma tiġi riveduta din ir-rata? Min jistabilixxi din ir-rata?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li r-rata uffiċjali li biha jitħallsu eżaminaturi mqabbda mid-Dipartiment tal-Eżamijiet hija hekk: Kull eżami ta' livell SEC ('O' level) jew anqas: Issettjar tal-karta - €35 Korrezzjoni - €1 kull karta Kull eżami ta' livell MATSEC ( Advanced Level ) Issettjar tal-karta - €52.50 Korrezzjoni - €1.50 kull karta Kull eżami ta' livell ta' Degree Issettjar tal-karta - €70 Korrezzjoni - €2 kull karta Din ir-rata ġiet riveduta fit-3 ta' Lulju 2007. Ir-rakkomandazzjoni sabiex jiġu rriveduti r-rati tiġi mingħand id-Direttur tal-Eżamijiet bi qbil mal-Management and Personnel Office fl-Uffiċju tal-Prim Ministru u bl-approvazzjoni tal-Ministeru tal-Finanzi.

Health and Safety Inspectors — mezz ta' prevenzjoni

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk hemmx il-ħsieb li jsiru Health and Safety Inspectors, li kienu rrakmandati mill-Bord Intern tal-inkjesta li kien twaqqaf mill-Ministru preċedenti, wara l-mewt traġika ta' student fl-iskola San Franġisk T'Assisi fl-2003? Jekk le, tista' tagħti r-raġunijiet li azzjoni fuq rakkmandazzjoni bħal din ħadet daqshekk żmien biex tiġi implimentata, meta dawn l-ispetturi jistgħu jkunu mezz ta' prevenzjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninsab infurmata li l-Bord ta’ Inkjesta li kien twaqqaf mill-Ministru preċedenti , wara l-mewt traġika ta’ student fl-iskola San Franġisk t’Assisi, kien issottometta 14-il rakkomandazzjoni. Tnax minnhom ġew attwati b’mod immedjat u qed iħallu r-riżultat mixtieq. It-tnejn l-oħra jirrakommandaw il-ħatra ta’ uffiċċjali speċjalizzati li jimmoniterjaw ix-xogħol li qed isir mill-Health and Safety Teachers fl-iskejjel, fost ħwejjeġ oħra. Id-Direttorat għal Servizzi Edukattivi ħa dawn iż-żewġ rakkomandazzjonijiet bis-serjeta’, tant li llum il-ħatra ta’ dawn l-uffiċjali m’għadiex biss rakkomandazzjoni ta’ Bord ta’ Inkjesta, imma tifforma parti mill-ftehim milħuq bejn il-Gvern u l-MUT, u tifforma parti mid-dokument “Student Services within the Directorate for Education Services:a framework of operation”. Il-ħatra ta’ dawn l-uffiċċjali ser issir skont il-pjan imfassal mid-Direttorat għall-ħatriet kollha, b’mod gradat.

Sponsorship għal attivitajiet kulturali

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm sponsorja attivitajiet kulturali l-Ministeru tal-Edukazzjoni matul din is-sena? X'kienu dawn l-attivitajiet, waħda waħda? Liema kienu l-entitajiet konċernati li lilhom ingħata sponsorship? Kemm kien jiswa l-isponsorship għal kull attività f'termini ta' flus jew forom oħra ta' sponsorship?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Fondi mill-Ewropa għal-laboratorji tax-xjenza fl-iskejjel

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'sar minnhom il-fondi tal-European Regional Development Fund li kellhom jiġu mill-Ewropa u li kienu deskritti bħala l-fondi li kellhom jibdlu l-laboratorji kollha tax-xjenza fl-iskejjel f'laboratorji state of the art? X'sar minnu l-bord li kien ġie kompost biex jagħmel il-preparazzjonijiet meħtieġa u stimi biex jinġabu dawn il-flus li kienu konsiderevoli? Minn kemm nies kien kompost il-bord? Kemm kienet is-somma mistennija li tiġi akkwistata għal dan il-għan mill-ERDF?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li l-fondi tal-European Regional Development Fund qegħdin lesti ħalli jkunu jistgħu jintużaw meta jintrebħu t-tenders għax-xiri ta’ l-apparat fl-iskejjel. Dawn il-fondi huma diretti lejn titjib fil-laboratorji tax-xjenza kif wkoll f’numru ta’ laboratorji tat-teknoloġija. Il-bord magħmul minn seba’ persuni li ħadmu biex jippreparaw l-applikazzjoni għal dan il-proġett, issa lesta xogħolu. Bħalissa qegħdin isiru sejħiet, li qed jidhru wkoll fil-gazzetti lokali, biex jiġi ingaġġat project manager biex jiffinalizza id-dokumenti meħtieġa ħalli joħroġ it-tender biex jinxtara l-apparat neċessarju. L-ammont kollu huwa ta’ 3,090,495.52 Ewro inkluż il-VAT.

Skejjel tal-Istat — Kotba ġodda għal libreriji

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm inxtraw kotba ġodda għal-libreriji fl-iskejjel tal-Istat, mill-fondi għad-dispożizzjoni tal-istess skejjel skola skola? X'intnefaq minn kull skola għal dan il-għan?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Għawdex — Diploma courses - Libraries and Information Studies

Question

Tista' l-Ministru tgħid x'qiegħed iżomm milli jiġi organizzat ġewwa Għawdex, Diploma Course fil-Libraries and Information Studies taħt il-kappa tal-Università ta' Malta? Minn informazzjoni li għandi jirriżulta li hemm diversi persuni interessati biex jagħmlu dan il-course, inkluż ukoll numru ta' għalliema. Ninsab ċert li t-tagħlim f'dan il-livell jgħolli mhux ftit is-servizz fil-libreriji f'Għawdex, inkluż l-iskejjel.

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li d- Diploma Course fil-Libararies and Information Studies li jsir filgħaxija matul il-ġimgħa, fil-preżent mhux possibli li jsir f’Għawdex minħabba n-nuqqas ta’ nies speċjalizzati u riżorsi adekwati.

Skejjel tal-Istat — Diploma jew Degree - librara

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm librara hemm fl-iskejjel tal-Istat li għandhom diploma jew degree relatati mal-libreriji? F'liema skejjel qegħdin dawn il-librara? Kemm minnhom huma kwalifiki miksuba mill-Università ta' Malta u kemm minnhom inkisbu minn universitajiet barranin?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Direttorati tal-Edukazzjoni — xufiera u mezzi tat-trasport

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm xufiera hemm fil-pool tad-Direttorati tal-Edukazzjoni? Kemm għandhom karozzi għad-dispożizzjoni tagħhom u x'tip huma? X'ammont ta' servizz taw lill-uffiċjali li m'għandhomx mezzi ta' trasport? Kemm-il vjaġġ għamlu minn Jannar s'issa u lejn liema destinazzjonijiet? X'ammont ta' persuni ġarrew? X'inhuma l-ħinijiet tax-xogħol ta' dawn ix-xufiera? Min huwa inkarigat minnhom? X'ammont ta' flus intnefqu fuq dan is-servizz inkwantu ta' petrol u diesel, kif ukoll il-manutenzjonji ta' dawn il-karozzi?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm pool ta’ 16-il impjegat li jagħmlu xogħol ta’ xufiera sabiex jaqdu l-ħtiġijiet taż-żewġ Direttorati u d-dipartimenti li jaqgħu taħthom, kif ukoll il-ħtigijiet ta’ numru ta’ dipartimenti oħra li jiffurmaw parti mill-Ministeru tal-Edukazzjoni. Il-vetturi użati huma: · 4 Chevrolet Kalos · 1 Toyota Liteace · 1 Toyota Hiace · 1 Ligier Nova · 2 Peugeot 405 · 1 Renault 19 · 1 Kia Asia Combi · 1VW Combi · 3 AEC Swift ( Coaches) · 1 Ford Plaxton ( Coach) Minn Jannar s’issa saru aktar minn 5,000 vjaġġ lejn destinazzjonijiet diversi skond l-esigenzi tas-servizz u nġarru aktar minn 70,000 passiġġier, inkluż l-istudenti li jitwasslu l-iskola lura d-dar bil-coaches li hemm f’dan il-pool. Il-maġġoranza tax-xufiera li jiffurmaw parti minn dan il- pool jaħdmu mis-7:45am sal-5:15pm fix-xitwa u mis-7:30am sas-1:30pm fis-sajf. Dawk ix-xufiera li jieħdu ħsieb it-trasport tal-istudenti minn u lejn l-iskejjel jaħdmu mis-7:00am sal-4:00pm fix-xitwa u mis-7:00am sas-1:30pm fis-sajf. L-uffiċjal inkarigat mix-xufiera ta’ dan il- pool huwa Prinċipal. Minn Jannar sa’ llum intefqet is-somma ta’ €19,572.99 fi fuel u €2,600.85 f’ parts u affarijiet relatati mas- servicing fuq dawn il-vetturi.

Kuntratti mad-Divizjoni tal-Edukazzjoni — Nies irtirati

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm persuni ta’ età li rtitraw mis-servizz pubbliku iżda li għad għandhom kuntratt mad-Divizjoni ta’ l-Edukazzjoni jew mal-Ministeru tal-Edukazzjoni? Tista’ tagħti lista’ ta’ dawn il-persuni u fiex jikkonsisti x-xogħol ta’ kull persuna u l-ħlasijiet li tirċievi u x’inhu l-bżonn tagħhom fid-dawl li issa hemm xi 30 uffiċjal edukattiv ġdid jaħdem mad-direttorati tad-divizjoni?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.

Eks Uffiċjali — jaħdmu fuq bażi part-time

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm hemm eks uffiċjali tal-gvern illum pensjonanti jaħdmu fil-kulleġġi fuq bażi part time? Għandhom xi kuntratt? X'isir meta dan jagħlaq? Kif qed jitħallsu?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li m’hemm l-ebda eks-uffiċċjal tal-gvern li llum hu pensjonant u jaħdem fuq bażi part-time fil-Kulleġġi. Madankollu hemm 13-il uffiċċjal li jinkludu għalliema rtirati li jaħdmu fuq Contract of Service għal perjodu definit. Għadu kmieni biex wieħed jgħid x’jigri meta jagħlaq il-kuntratt Dawn l-eks uffiċċjali qed jitħallsu b’rata fissa fis-siegħa.

School Audits

Question

Tista' l-Ministru tgħid kemm-il school audit sar fil-perijodu Jannar – Lulju 2008? F’liema skejjel? Kemm tħallsu salarji ta’ uffiċjali u impjegati fid-Dipartiment responsabbli mill-Kwalità f’dan il-perijodu? Id-Direttur responsabbli minn school audits qed jokkupa xi pożizzjoni oħra full-time bi ħlas flimkien mal-pożizzjoni fis-Servizz Ċivili fi grad 4 ?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Infurmata li bejn il-perjodu msemmi ma sarux audits esterni. Iżda minn meta laħaq id-Direttur inkarigat mill-Quality Assurance fi Frar 2008 saret evalwazzjoni kwalitattiva fejn intuzat mixed methodology biex id-Direttur seta’ jippreżenta lid-Diretturi Ġenerali u lill-Ministeru tal-Edukazzjoni, Kultura, Żgħażagħ u Sport proposti li waqt li japprezzaw dak li sar f’dawn l-aħħar sentejn, jibnu fuq il-parametri u l-liġi l-ġdida tal-edukazzjoni tal-2006. L-Assistenti Diretturi li sejrin jaħdmu fi ħdan dan id-dipartiment ġew ingaġġati fil-31 ta’ Ottubru 2008. Il-mandat ta’ dan id-dipartiment ġdid huwa mibni fuq il-liġi tal-2006. Id-Direttur ma jokkupax pożizzjoni oħra full-time.

LSAs ġodda — Informazzjoni

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi d-dettalji kollha dwar il-persuni li ġew impjegati bħala LSAs fis-seba' xhur ta' qabel l-elezzjoni (minn Settembru 2007)? Tista' tgħid jekk hux kollha kienu eliġibbli b'żewġ suġġetti f'livell avvanzat? X'kienu s-suġġetti f'livell avvanzat u jekk fosthom kienx hemm Advanced ECDL? L-ECDL suppost li ġie aċċettat bħal suġġett f'livell avvanzat meta huwa meqjus bħala skill, jieħu ħafna inqas ħin ta' studju u ma jikkomparax ma' suġġett akkademiku jew tekniku f'livell avvanzat?

Response (CRISTINA, DOLORES)

L-informazzjoni għadha qed tinġabar u tweġiba tingħata f’seduta oħra.