Legislature:
Category:
Reset
Active:

Dipartiment għal Standards fil-Ħarsien Soċjali — rwoli

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fid-dettal x’inhuma l-irwoli tad-Dipartiment għal Standards fil-Ħarsien Soċjali? Kemm hemm assessuri impjegati mad-dipartiment sabiex jaraw li min qed jipprovdi s-servizzi, jimxi mal-istandards nazzjonali elenkati fis-Servizzi Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-Dipartiment għall-iStandards fil-Ħarsien Soċjali, huwa regolatur ta’ servizzi tal-ħarsien. Għaldaqstant id-Dipartiment għandu dawn l-irwoli : - Isiru spezzjonijiet kemm fid-Djar Residenzjali u aġenziji - Issir riċerka dwar il-kwalita` tas-servizz - Issir riċerka u tinġabar informazzjoni - Isiru żjarat ta’ orjentazzjoni - Titwettaq analiżi u rapporti ta’ informazzjoni li tkun inġabret - Issir riċerka qabel mal-għodda ta’ ċċekkjar jiġu żviluppati - Jiġu żviluppati l-għodod sabiex waqt l-ispezzjoni, l-Assessuri jiċċekkjaw li s-servizzi ta’ ħarsien jimxu mal-Istandards Nazzjonali - Issir ġbir ta’ statistika Barra minn hekk f’dawn l-aħħar erba’ snin : - Inħolqu working groups u focus groups biex jiġu stabbiliti l-Istandards Nazzjonali - Saret ħidma intensiva sabiex l-Istandards Nazzjonali jkunu uffiċjali u stabbiliti - Ingħatat l-assistenza fit-tfassil tal-liġijiet Fid-Dipartiment Standards għal Ħarsien Soċjali hemm jaħdmu 5 Assessuri fil-qasam tas-Servizzi Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilita`.

Djar/Hostels għall-Persuni b’Diżabilità – investigazzjonijiet minn assessuri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru investigazzjonijiet mill-assessuri fi Djar/Hostels għall-Persuni b’Diżabilità f’dawn l-aħħar tliet snin? Fejn saru dawn l-investigazzjonijiet u jekk instabux jew le xi nuqqasijiet fis-servizzi mogħtija minn dawn id-Djar?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta ser tingħata f’seduta oħra.

Djar Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilità – persuna legalment responsabbli għas-servizzi mogħtija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk id-Djar Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilità kollha għandhomx persuna legalment responsabbli għas-servizzi mogħtija skont l-istandards approvati mill-Gvern? Jista’ l-Ministru jindika wkoll min huma dawn il-persuni legalment responsabbli għal kull Dar Residenzjali li għandna mwaqqfa f’pajjiżna?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, skont informazzjoni li d-Dipartiment Standards għal Ħarsien Soċjali ġabar, jidher li fid-Djar Residenzjali għall-Persuni b’Diżabilita` hemm persuna legalment responsabbli. Minħabba li l-informazzjoni li nġabret fuq dawn il-persuni kient għall-użu biss tad-dipartiment, dan l-istess dipartiment mhuwiex f’pożizzjoni li jagħti l-isem ta’ dawn il-persuni għall-fini tal-protezzjoni tad-data. Fir-rigward tad-djar residenzjani li l-operat tagħhom jaqgħu taħt r-responsabbilita` tal-Aġenzija Sapport, jitmexxew minn Leaders li jirrispondu lejn il-Manager inkarigat mir-residenzi kollha taħt id-Direttur tas-Servizzi. Finalment, r-responsabbiltà legali tas-servizzi mgħotija mill-Aġenzija Sapport taqa’ f’idejn il-Kap Eżekuttiv.

Saħħa mentali – servizzi fil-komunità u residenzjali — nefqa

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5484, jista’ l-Ministru jgħid kemm hija n-nefqa kapitali għas-sena 2017? Kemm qed tiġi tiswa sodda fl-Isptar Monte Carmeli llum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għar-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari 5484.

Persuni b’Diżabilità u Anzjani mħarrġa kontra vjolenza/abbużi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’dawn l-aħħar sentejn kemm ġew organizzati sessjonijiet minn entitajiet fosthom l-Aġenzija Appoġġ, il-Korp tal-Pulizija u professjonisti oħra sabiex l-anzjani u persuni b’diżabilità jitgħallmu aktar dwar kif jagħrfu l-abbuż li jitwettaq fuqhom u x’għandhom jagħmlu f’każijiet bħal dawn?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, s-Sezzjoni Anzjanita` Attiva fi ħdan id-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità, fl-2014 organizzat seminar dwar l-abbuż fuq l-anzjani, fl-okkażżjoni tal-ġurnata ddedikata għall-għarfien dwar l-abbuż fuq l-anzjani. Tqassmu ukoll fuljetti lill-pubbliku dwar dan, ġewwa il-Belt Valletta. Kienu saru wkoll żewġ radio slots iddedikati fuq is-suġġett. Fiċ-ċentri ta’ matul il-Jum saret skeda ta’ taħdidiet fiċ-ċentri kollha dwar sigurtà dwar l-użu tal-internet. Dawn it-taħdidiet saru mis-Cyber Crime Unit tal-Pulizija. Ipparteċipaw ‘il fuq minn 300 anzjan/a f’dawn it-taħdidiet li ġew organizzati. Fl-2015 saru wkoll sensiela ta’ taħdidiet fiċ-ċentri ta’ matul il-jum għall-anzjani kollha dwar Prevenzjoni mill-Kriminalità, li għalihom attendew ‘l fuq minn 400 anzjan/a. Dawn saru b’kollaborazzjoni mal-Pulizija. Fil-qasam tad-diżabilità, fl-2016 il-Kummissjoni Nazzjonali Persuni b’Diżabilita` (CRPD), organizzat sessjonijiet ta’ taħriġ għal persuni neqsin mid-dawl dwar kif għandhom jużaw l-ATMs b’mod sigur biex jiġi evitat serq. Fl-2017 is-CRPD ipproduċiet filmat biex tqajjem iżjed għarfien dwar nisa b’diżabilità u vjolenza domestika. Matul l-2018 is-CRPD se tkun qiegħda torganizza sessjonijiet ta’ taħriġ dwar nisa b’diżabilità u vjolenza domestika.

Testijiet tad-Demm tal-Vitamina D

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm saru testijiet tad-demm tal-vitamina D fl-2017? Jista’ jgħid kemm minnhom irriżultaw baxxi jiġifieri inqas mil-lowest reference range?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-numru totali ta' testijiet għal Vitamina D matul is-sena 2017 huma 19,452. Minn dawn kien hemm 11,186 li kienu taħt il-livell ta' 30ng/ml. Dawn jammontaw għal 57% tat-total. Dawn il-57% jistgħu jerġgħu jinqassmu segwentement: 37% livell mhux suffiċċjenti ta' Vitamina D (20-30 ng/ml) 20% livell ta' defiċjenza ta' Vitamina D (<20ng/ml) Dawn il-figuri jaqblu tajjeb ma' studji li saru f'pajjiżi oħra Ewropej speċjalment f'pajjiżi fin-nofsinhar tal-Ewropa fejn instabu livelli baxxi ta' vitamina D.

Fondi tal-Unjoni Ewropea – talba għall-fondi

Question

Tista’ l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 5529 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid jekk hux qed issir talba għall-fondi tal-Unjoni Ewropea sabiex isir rinovar tal-Forti Rikażli? Xi kemm huwa stmat li hemm bżonn fondi biex din il-fortizza tiġi rinovata?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li ma hemm ebda applikazzjoni għand l-Awtorità ta’ Ġestjoni għall-investiment tal-Forti Rikażli.

Aġenzija Sapport — Community Services

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 719, jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-għanijiet u l-oġġettivi tal-Community Services? X’inhuwa l-involviment tal-impjegati tal-Aġenzija Sapport biex jitwettqu dawn l-għanijiet għall-benefiċċju tal-persuni b’diżabilità u min jieħu ħsiebhom? Jistgħu persuni b’diżabilità minħabba nuqqas ta’ saħħa mentali, jibbenefikaw minn dan is-servizz? X’għandu wieħed jagħmel biex jirċievi dawn is-servizzi fil-komunità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, s-servizzi fil-komunità tal-Aġenzija Sapport jassistu lill-persuni b’diżabilita`, taħt pjan personalizzat, sabiex ngħatu opportunità lill-persuni b’diżabilita` jgħixu ħajja indipendenti, waqt li jiġi offrut ukoll sapport lill-familjari. Tingħata għajnuna speċjalizzata skont l-esiġenzi ta’ kull każ. Din l-għajnuna tvarja minn għajnuna prattika fid-dar tal-klijent sa għajnuna sabiex il-klijent ikun jista’ jattendi appuntamenti mediċi u attivitajiet soċjali, fost l-oħrajn. L-Aġenzija Sapport taħdem ma’ diversi entitajiet u professjonisti oħra skont in-neċessitajiet tal-każ partikolari. Persuni li jixtiequ jibbenefikaw mis-Servizzi tal-Komunità tal-Aġenzija Sapport għandhom jagħmlu kuntatt mal-Aġenzija fuq 22568000 sabiex isirilhom appuntament mal-ħaddiema soċjali tal-Aġenzija.

Servizz — Independent Community Living (ICL)

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fid-dettal fiex jikkonsisti s-servizz Independent Community Living u x’tip ta’ servizzi jista’ jkollhom kemm fid-dar kif ukoll fil-komunità dawk il-familji li għandhom persuni b’diżabilità sabiex jingħataw dawn il-fondi? X’inhuma l-għanijiet ta’ dan is-servizz?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-Independent Community Living (ICL), jipprovdi servizz li jikkonsisti f’għajnuna fil-komunita` għal ħajja indipendenti. Is-servizz huwa ta’ 13-il siegħa fil-ġimgħa jew aktar, sa massimu ta’ 30 siegħa għajnuna. L-għajnuna tvarja skont l-bżonnijiet tal-każ partikolari, minn għajnuna fid-dar tal-klijent, assistenza sabiex il-klijent ikun jista’ jattendi appuntamenti mediċi, sa attivitajiet soċjali, fost l-oħrajn. L-Għan ta’ dan is-servizz huwa li joffri sostenn u sapport.

Kontribut tal-Caritas u Sedqa fl-Iskejjel Statali

Question

Jista’ l-Ministru jagħti informazzjoni dwar il-kontribut li taw l-entitajiet tal-Caritas u s-Sedqa fl-iskejjel statali matul l-aħħar sena skolastika?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li għal dawn l-aħħar snin, Appoġġ (Youth in Focus) kif ukoll Caritas ħadmu id f’id mal-Anti-Substance Abuse Service fi ħdan is-Servizzi Nazzjonali ta’ Sapport għall-Iskejjel f’ħidma sabiex jassistu żgħażagħ li jkunu diġà bdew jesperimentaw minn xi sustanza perikoluża. Meta student/a jkunu riferuti għand l-Anti-Substance Abuse Service, tittieħed azzjoni immedjata. Jekk jirriżulta wara diversi laqgħat mal-istudent/a kif ukoll mal-ġenituri/guardian tagħhom, li l-istudent/a għandhom bżonn aktar għajnuna speċjalizzata f’dan il-qasam, isir kuntatt mal-Aġenziji li huma speċjalizzati f’dan ir-rigward. Dan kollu jsir bil-kunsens tal-ġenituri/guardian tat-tifel/tifla li tkun ġiet riferuta kif hemm stipulat fil-Policy Tackling Substance Abuse. Sadanittant, l-istudent jibqa’ jiġi segwit u jingħata s-sapport kollu meħtieġ mill-membri tal-Anti-Substance Abuse Service kif ukoll mill-professjonisti li jaħdmu fi ħdan is-Servizzi Edukattivi Psikosoċjali. Din il-proċedura ser tibqa’ tiġi segwita matul din is-sena skolastika.

Ċentri ta’ Matul il-Jum — servizz ta’ Self-Advocacy

Question

Jista’ l-Ministru jgħid liema huma dawk iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum li għandhom self-advocacy groups? Kemm-il darba dawn il-gruppi jiltaqgħu u kemm hemm klijenti li qegħdin jipparteċipaw fihom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum li fihom jiġu organizzati s-self advocacy groups huma kif ġej ; Iċ-Ċentru tal-Imtarfa (darba fil-ġimgħa), Marsascala (darba fi ħmistax), Swatar (darbtejn fil-ġimgħa), Għajnsielem Learning Hub (darbtejn fil-ġimgħa) Sliema Skills Space (kuljum) u Iċ-Ċentru ta’ Raħal Ġdid (darba f’ġimgħa). Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi hemm madwar 100 klijent jipparteċipaw f’dawn il-gruppi.

Saħħa mentali – servizzi fil-komunità u residenzjali — nefqa

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 1976 tat-12-il Leġislatura, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm intefqu flus fuq servizzi fil-komunità u kemm intefqu flus fuq servizzi residenzjali fil-qasam tas-saħħa mentali matul is-sena l-oħra? Jista’ jgħid kemm tiġi tiswa sodda fl-Isptar Monte Carmeli llum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li n-nefqa totali rikurrenti għas-sena 2017 kienet tammonta għal €40.6 miljun.

Fondi tal-Unjoni Ewropea – talba għall-fondi

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux qed issir talba għall-fondi tal-Unjoni Ewropea sabiex isir rinovar tal-Forti Rikażli? Xi kemm huwa stmat li hemm bżonn fondi biex din il-fortizza tiġi rinovata?

Response (BONNICI, OWEN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Is-Servizz “Managing Abusive Behaviour”

Question

Jista’ l-Ministru jindika fid-dettal fiex jikkonsisti l-programm “Managing Abusive Behaviour”? Meta ġie mwaqqaf dan il-programm u kemm kien hemm persuni li ħadu sehem biex isolvu l-problema tagħhom? X’għandu wieħed jagħmel biex jagħmel użu minn dan il-programm?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, s-servizz tal-Managing Abusive Behaviour, ġie mwaqqaf fl-1999. Dan is-servizz jassisti persuni li jkunu abbużivi u vjolenti fl-imġieba tagħhom. Parti mis-servizz jaħdem ma’ irġiel li jkunu abbużivi u vjolenti lejn is-sieħba tagħhom. Dawn l-irġiel jiġu mgħejjuna professjonalment biex jaħdmu fuq l-attitudni abbużiva tagħhom, kemm fuq bażi individwali kif ukoll fi grupp. Dan is-servizz jaħdem mill-qrib mas-servizz tal-vjolenza domestika sabiex tingħata informazzjoni fuq il-progress tal-persuna abbużiva. Fl- 2016, dan is-servizz ġie estiż ukoll għan-nisa. Fl-2017 ġie mniedi ukoll is-servizz Child to Parent Violence, bil-għan li nindirizzaw ukoll l-attitudni abbużiva ta’ minuri fuq il-ġenituri tagħhom. Dawn il-minuri qed ikunu segwiti u mgħejjuna b’mod profesjonali u jaħdmu flimkien fuq diffikultaijiet u trawmiet li setgħu waslu lil minuri ikunu vjolenti. Dan is-servizz qed ikun provdut flimkien mas-Psychological Services, l-Family Therapy u l-Home Based Therapy Services. Magħtul is-sena 2017, 6 minn 12-il raġel li bdew il-programm fis-sena 2016 temmew il-kors b’suċċes, filwaqt li f’Novembru tas-sena 2017, 14-il participant ieħor bdew il-programm li huwa twil 26 ġimgħa. B’kollox ġew riferuti 6 nisa għal programm immirat lejn il-mara, madanakollu kien hemm biss mara waħda li kienet eleġibbli u li aċċettat l-għajnuna. Hekk kif il-programm Child to Parent Violence għadu pjuttost ġdid, għadu kmieni biex wieħed jgħid kemm ġew irriferuti nies għal dan is-servizz. Madanakollu, fl-2015, l-Aġenzija Appoġġ kienet diġà ġiet mgħarrfa b’100 każ fejn kien hemm vjolenza mit-tfal, fuq il-ġenituri tagħhom.

Servizzi għall-problemi tad-Droga

Question

Jista’ l-Ministru jindika s-servizzi kollha li huma mwaqqfa biex jgħinu persuni maħkumin mill-problema tad-droga? Jista’ jgħid kemm hemm persuni li qed jieħdu sehem f’dawn is-servizzi tant importanti bħalissa? X’għandu wieħed jagħmel jekk jixtieq jagħmel użu minn dawn is-servizzi?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi, s-servizzi offruti mill-Aġenzija Sedqa, fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS), biex jgħinu persuni maħkumin mill-problema tad-droga, huma hekk kif ġej ; Isem tas-Servizz Deskrizzjoni tas-Servizz Persuni li ħadu s-servizz matul l-2017 Drugs Community Team Dan is-servizz huwa l-ewwel punt ta’ rifermiment. Minn hawn il-persuni konċernati jiġu referuti servizzi oħra ta’ Sedqa skont il-bżonn. Ħaddiema f’dan is-servizz joffru wkoll għajnuna permezz ta’ social work u counselling tal-persuni li jirrikorru għandhom. 473 persuna Substance Misuse Outpatients Unit (Detox) Dan is-servizz jipprovdi għajnuna medika, psikjatrika, farmaċewtika u ta’ nursing lill-persuni li jiġu referuti hawnhekk. Kuljum titqassam ukoll il-mediċina methadone lil dawk b’dipendenza fuq l-eroina. 1,074 persuna Substance Misuse Inpatients Unit (Dar l-Impenn) Dan is-servizz ta’ in-patient i.e. residential detoxification iservi biex persuni jiġu ditossifikati mid-droga, jagħmlu żmien taħt osservazzjoni jew jingħataw xi attenzjoni oħra medika li titlob kura residenzjali. 195 persuna Assessment and Stabilisation Unit (ASU) Dan is-servizz residenzjali għandu l-għan li jagħti solliev ( respite ) lill-persuni li jkunu għadhom kif għaddew minn xi proċedura medika intensiva relatata mal-abbuż tad-droga u wkoll biex jagħti l-ispazju lill-persuna flimkien mal-professjonisti biex tagħmel pjan t’azzjoni fit-tul. 61 persuna Komunita’ Santa Marija Din hi l-komunità terapewtika fejn permezz tal-għejxien komuni ibbażat fuq sett ta’ prinċipji u valuri, l-persuni residenti jkunu mistennija li jerġgħu jibnu ħajjithom mill-ġdid u jerġghu jintegraw lura fis-soċjeta’. 56 persuna Psychology Team Dan is-servizz jipprovdi għajnuna speċjalizzata ta’ natura psikoloġika kemm fuq bażi individwali u wkoll ta’ gruppi. Dan jagħmluh kemm lil persuni li jirċievu s-servizzi fil-komunità jew fuq bażi residenzjali. 322 persuna Family Therapy Team Dan is-servizz speċjalizzat hu mmirat għal koppji jew familji li jkunu għaddejin minn xi mumenti delikati fir-relazzjonmi tagħhom. Simili ghas-servizzi psikoloġiċi dan is-servizz jingħata lil persuni li jew qed jgħixu fil-komunita’ jew f’xi residenza tal-Aġenzija Sedqa flimkien mal-familjari taghħħom. 183 persuna Servizz fil-Qrati Dan is-servizz għandu l-għan li jassisti persuni li jkunu rrikorrew għas-servizzi tagħna kemm permezz ta’ xhieda mitluba mill-qrati, kumpilazzjoni ta’ rapporti u assistenza oħra. 38 persuna Drug Offenders Rehabilitation Board (DORB) Jigi offrut servizz ta’ social work/ case management għal persuni li jinsabu ħatjn għat-tieni darba fuq pussess ta’ droga projbita. F’dan is-servizz isir ukoll kordinament bejn il-Bord u l-Qorti Kriminali. Il-Kummissarju għall-Ġustizzja jew mill-Qorti Kriminali jordnaw li l-persuna misjuba ħatja tidher quddiem l-Bord ta’ Rijabilitazzjoni ta’ Persuni li nqabdu bid-Droga (DORB) stabbilit skont l-artikoli 6 u 8 tal-ligi – Kap 537. 102 persuna Is-Servizz tas- Psychology Team u tal- Family Therapy Team , ma jingħatawx biss lil persuni bi problema ta’ droga, imma jingħataw ukoll lill-klijenti li jkunu ġew referuti minn xi servizz jew ieħor fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi tal-Ħarsien Soċjali (FSWS). Persuni li għaddejjin minn problemi relatati mal-abbuż ta’ droga u l-familjari tagħhom li jixtiequ l-għajnuna tal-Aġenzija Sedqa, jistgħu jagħmlu appuntament mal-ħaddiema soċjali fuq in-numru tat-telefon 23885110 jew imorru l-uffiċini tal-Aġenzija Sedqa mingħajr appuntament, fi 3, Triq Braille, Santa Venera, fil-ġranet tal-uffiċju bejn it-Tnejn u l-Ġimgħa bejn it-8.00 ta’ filgħodu u l-4.30 ta’ wara nofsinhar. Wieħed jista’ jirrikorri għall-għajnuna ukoll permezz tas- Supportline 179.

Korsijiet tal-Parental Skills

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm se jsiru korsijiet ta’ parental skills mill-Aġenzija Sedqa f’din is-sena? Jista’ jgħid f’liema lokalitajiet u meta se jsiru?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa hemm b’kollox 6 korsijiet tal-Parenting Skills li ser isiru kif ġej ; Lokalità Data Kunsill Lokali Mosta 3, 10, 17, 24 u 31 ta’ Mejju 2018 Skola Primarja Gzira 4, 11, 18, 25 ta’ Mejju u 8 ta’ Ġunju 2018 Kunsill Lokali B’Kara 9, 16, 23 u 30 ta’ Mejju u 6 ta’ Ġunju 2018 Skola Primarja, Rabat Għawdex Dati għadhom mhumiex iffinalizzati Kunsill Lokali Swieqi 8, 15, 22, 29 ta’ Mejju u 5 ta’ Ġunju 2018 Skola Primarja Rabat Malta 22, 29 ta’ Mejju u 5, 12, 19, ta’ Ġunju 2018 Fir-rigward tal-korsijiet tal- Positive Parenting , dawn jiġu organizzati matul is-sena kollha, skont meta tkun tista’ l-organizazzjoni partikolari. Il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali torganizza wkoll korsijiet matul ix-xahar ta’ Ottubru li d-dati u l-post tagħhom għadhom mhux ikkonfermati. Minn Jannar 2018 s’issa, 45 ġenitur kienu f’kuntatt mas-Servizz tal- Co-parenting . 36 minnhom ġew screened u allokati fi gruppi.

Studenti li ġew excluded mill-Iskejjel tal-Gvern, tal-Knisja u Privat

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm studenti mill-Iskejjel kollha li ġew excluded milli jattendu l-iskola mis-sena 2015 sal-ġurnata tal-lum? Għal kemm-il ġurnata dawn l-istudenti ġew imkeċċija mill-iskejjel u għal liema raġunijiet ġew imkeċċija u minn liema skola ġew imkeċċija?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għas-sena skolastika 2015/16 u s-sena skolastika 2016/17 (sa Marzu 2017) hija kif mogħtija fit-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 32712 tat-12-il Leġiżlatura u ċjoè: In-numru ta’ studenti li ġew excluded mill-iskola fl-iskejjel tal-Istat kien kif se nsemmi: Sena skolastika 2015/16 - 262 student Sena skolastika 2016/17 (sa Marzu) - 277 student In-numru ta’ ġranet ta’ exclusion ivarja minn jum wieħed skolastiku ta’ student wieħed fi skola waħda għal 137 jum ta’ tkeċċija akkumulati mferrxa fuq numru ta’ studenti fi skola waħda, sena sena. In-numru ta’ studenti li ġew excluded mill-iskola fl-iskejjel mhux tal-Istat kien kif se nsemmi: Sena skolastika 2015/16 - 74 student Sena skolastika 2016/17 (sa Marzu) - 64 student In-numru ta’ ġranet ta’ exclusion ivarja minn nofs jum tal-iskola għal 25 ġurnata. Il-kumplament tal-informazzjoni għall-perjodi April-Ġunju 2017 u Settembru 2017-Marzu 2018, inkluż għal kemm-il ġurnata u għal liema raġuni ġew imkeċċija, tkun tista’ titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tingħatali din l-informazzjoni.

Sħubija bejn l-Iskola Primarja ta’ Wied il-Għajn u l-ġenituri

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qiegħed isir fl-Iskola Primarja ta’ Wied il-Għajn biex jippromwovi l-politika ta’ tisħib tal-ġenituri fl-iżvilupp ta’ din l-iskola u biex jinħoloq sħubija effettiva bejn l-iskola u d-dar?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li nemmnu li l-ġenituri huma essenzjali fil-progress edukattiv tal-istudenti. Matul dawn l-aħħar ġimgħat fl-Iskola Primarja ta’ Marsaskala ġew organizzati laqgħat mal-għalliema fejn dawn iddiskutew flimkien mal-ġenituri l-progress ta’ wliedhom. Saru laqgħat oħra dwar il-PSCD u l-iskola ngħatat sapport permezz ta’ laqgħat offruti minn Aġenzija Sedqa u minn Aġenzija Appoġġ, sabiex il-ġenituri jingħataw tagħrif dwar it-trobbija ta’ wliedhom, speċjalment dwar l-użu għaqli tal-media soċjali. Inizjattivi oħra jinkludu attivitajiet fejn il-ġenituri jaraw lit-tfal tagħhom jaħdmu flimkien fil-klassi stess u jingħataw tagħrif regolari dwar dak kollu li jkun qed isir fl-iskola permezz ta’ ittra kull xahar lill-ġenituri u wkoll permezz tas-sit elettroniku li ġie mniedi fl-aħħar xhur. Dan biex ikun hemm sħubija effettiva bejn l-iskola u d-dar.

Persuni li għandhom xi forma ta' problema mentali

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 8954 u 22788 tat-12-il Leġiżlatura li kienet tgħid: “Billi l-ġurnali rrappurtaw li 130,000 persuna fis-sena jkollhom xi forma ta' problema ta' saħħa mentali f'Malta, u dan ifisser li madwar 30% tal-poplu Malti jkollu xi forma ta' problema mentali kull sena, jista' l-Ministru jagħti tagħrif dwar kif jitqabbel dan in-numru ma' dak li jiġri f'pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea?”, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jagħti risposta dwar dawk il-persuni li għandhom xi kundizzjoni ta’ problema mentali u f’liema lokalità jgħixu dawn il-persuni?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninfurmah ukoll illi minn stħarriġ (European Health Interview Survey) li sar fost l-adulti li għandhom 15-il sena jew aktar fl-2014/2015 meta mqabbel ma statistiċi tal-UE, f’ Malta għandna persentaġġ ta’ 5.4 fil-mija li jsofru minn chronic depression filwaqt li fl-UE l-medja hija 7.1 fil-mija.

Wied il-Għajn – Skola Primarja — Studenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm studenti fl-Iskola Primarja ta’ Wied il-Għajn matul din is-sena? Kemm hemm bniet u kemm hemm subien? Kemm minn dawn l-istudenti huma barranin u min liema pajjiż ġejjin?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta' studenti fl-Iskola Primarja ta’ Wied il-Għajn matul din is-sena (skont il-figuri tal-20 ta' Marzu 2018) huwa ta' 822 li minnhom 405 huma bniet u 417 subien. Mit-total ta' 822 student, 544 huma Maltin, 32 għandhom nazzjonalità Maltija u ta' pajjiż ieħor, filwaqt li 246 huma barranin. Inqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra lista li turi n-numru ta' studenti f'din l-iskola skont in-nazzjonalità, maqsuma bejn bniet u subien.