Legislature:
Category:
Reset
Active:

Kunsill Skolastiku tal-Iskola ta’ Marsaskala

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx Kunsill Skolastiku fl-Iskola Primarja ta’ Marsaskala? Jekk iva, x’attivitajiet twettqu minn dan il-Kunsill matul is-sena l-oħra?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li, iva, hemm Kunsill Skolastiku fl-iskola ta’ Marsaskala magħmul minn President, Segretarju (il-Kap tal-Iskola), tliet edukaturi u tliet ġenituri. L-attivitajiet kienu: - Open Week : attivitajiet fil-klassijiet mal-ġenituri; - Jum iċ-Ċelebrazzjoni mal-mistidnin distinti u ġenituri; - Attivitajiet tal-Milied (fil-klassijiet u fuq il-palk) mal-ġenituri; - ‘ Farewell ’ tal-Istudenti tas-Sitt Sena; - Sports fil-komunità mal-ġenituri; - Laqgħat għall-ġenituri minn Sedqa u PSCD; - ‘ Carnival Fun Walk ’ – sfilata mit-tfal max-xatt ta’ Marsaskala; - Ritratti tal-Milied; - Fiera tal-Ktieb; u - Fiera tal-Pjanti.

Djar tal-Anzjani — Ilmenti mir-residenti u l-qraba

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm residenti fid-Djar tal-Anzjani li ressqu xi ilmenti? Fuqiex kienu dawn l-ilmenti? F’liema Dar Residenzjali saru dawn l-ilmenti matul is-snin 2017 u 2018?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Abbużi fuq Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jindika kemm ġew irrapurtati lill-pulizija, każijiet ta’ abbuż fuq l-anzjani fis-sena 2017 u 2018?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li fis-sistema kompjuterizzata tal-pulizija, ir-rapporti huma bbażati fuq it-tip ta’ reati kriminali mwettqa, li f’dan il-każ ikopru persuni ta’ età 60 sena jew aktar u li huma rreġistrati bħala vittmi ta’ reati fil-kategoriji kif jidhru fit-tabella t’hawn taħt. Infurmat li xi rapporti jistgħu jinkludi aktar minn persuna waħda u persuna anzjana, għalkemm imniżżla bħala vittma f’rapport, ma tkunx dik li kienet fil-mira diretta tal-aggressur. Rapporti li jinvolvu vittma/i ta’ età 60 sena jew aktar Report type 2017 2018 Total Offiżi fuq il-Persuna 72 112 184 Vjolenza domestika 124 143 267 Serq Aggravat (Armed) 6 3 9 Mugging 9 6 15 Snatch & Grab 48 47 95 Total 259 311 570

Immigranti f’Detention Centre – spiża tal-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm qed jiswa kull immigrant irregolari li qiegħed f' Detention Centre lill-Gvern? Kemm huwa n-numru ta’ immigranti irregolari f’dawn iċ-Ċentri?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ispiża lill-Gvern, għal kull immigrant irregolari li qiegħed f’Detention Centre, hija kif tidher hawn taħt: Ikel* (Kolazzjon, Ikla ta’ nofsinhar u Pranzu) Total €6.20 Bżonnjiet sanitarji* (Sapun, karta iġenika eċċ) Total €2.24 Total Finali €8.44/kull persuna kuljum Spejjeż oħra : · Servizzi tat-telefon (permezz ta’ tessera) · Ilma u elettriku · Televiżjoni · Għamara (inklużi saqqijiet, imħaded, kutri, eċċ...) · Xogħol ta’ manutenzjoni · Ħwejjeġ (inklużi deterġenti, eċċ...) · Trasport (inkluż manutenzjoni u fjuwil) · Impjegati (Uffiċjali biex jassistu u jeskortaw id-detenuti) · Servizzi Mediċi · Servizzi ta’ infermieri · Skips · Pest Control · Servizzi ta’ tindif · Tagħmir (CCTVs, Radju biex tikkomunika, boilers tal-ilma eċċ..) Kalkulazzjoni*: Ikel (Kolazzjon €1.48, Ikla ta’ nofsinhar €1.83 u Pranzu €2.89) inkluż VAT · It- tender rigward l-ikel inħareġ fl-2008 u l-kuntratt ġie ffirmat fl-2010. · Bżonnijiet sanitarji (Sapun €0.60, Xampù €1.50, Karta Iġenika €0.14) inkluż VAT Bħalissa ġewwa ċ-ċentru ta' Detenzjoni f’Ħal Safi għandna tnax (12)-il detenut.

Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali – one stop shop

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali u min jieħu ħsiebhom għandhomx is-servizz ta’ one-stop-shop għas-servizzi kollha li jingħataw f’dan il-qasam?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi għalkemm m’għandniex servizz ta’ one stop shop preżentament, dan is servizz qed jingħata minn ġewwa l-kliniċi tas-saħħa mentali li Mental Health Malta għandha fil-komunita’ fejn is-service user jiġi moqdi ħolistikament, eżempju: jimtlew l- applikazzjonijiet kollha għal servizzi li hemm bħonn bħal POYC, Rehab Day Centres, Befriending scheme, servizzi tal-fiżjoterapija u Occupational Therapy u saħansitra tingħata informazzjoni fejn wieħed jista’ jieħu servizz ta’ NGOs li jkun relatat ma Saħħa Mentali.

Kunsilli Lokali – applikazzjoni għall-Fondi Ewropej

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-fuljett li ntbagħat lill-Kunsilli Lokali sabiex ikun aktar faċli għalihom li japplikaw għall-Fondi Ewropej? Liema huma dawk il-kunsilli lokali li f’dawn l-aħħar tliet snin ibbenefikaw minn Fondi Ewropej?

Response (BONNICI, OWEN)

It-taghrif ghadu qed jingabar.

Vjolenza Domestika – taħriġ lill-pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-linji gwida li qed josservaw il-pulizija f’każijiet ta’ vjolenza domestika? X’taħriġ qed jingħataw il-pulizija dwar il-vjolenza domestika?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat illi l-linji gwida li qed josservaw il-pulizija f’każijiet ta’ vjolenza domestika huma dawk li jingħataw lilhom minn żmien għal żmien permezz ta’ ċirkularitajiet interni. Dan ilu jsir għal aktar minn għaxar snin, bl-aħħar waħda maħruga fid-9 ta’ Ottubru 2018. Minħabba s-sensitività ta’ dawn il-każi u fl-interess tal-vittmi, mhux opportun li dawn ikunu ppubblikati. Infurmat illi l-pulizija qed jingħataw taħriġ dwar il-vjolenza domestika waqt il-kors ta’ reklutaġġ tagħhom, kif ukoll permezz ta’ taħriġ speċifiku għall-Pulizija li diġà stazzjonati fid-Distretti u xi Sezzjonijiet oħra tal-Korp. It-taħriġ jinkludi struzzjonijiet minn uffiċjali tal-korp konxji ta’ kif jittrattaw dawn ir-reati, kif ukoll minn esperti fil-qasam relattiv mid-Dipartment tas-Saħħa. Dan it-taħriġ iwassal biex l-uffiċjali konċernati jkunu konxji tan-neċessitajiet tal-vittmi ta’ reati ta’ vjolenza domestika biex jittrattaw dawn il-każijiet bl-aħjar mod, u aktar jingħataw tagħrif dwar fejn u xħin l-assistenza ta’ aġenziji professjonali għandha tintalab, fost proċessi oħra.

Skejjel – ġenituri li ma bagħtux it-tfal l-iskola

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7660, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu s-sentenzi mogħtija lil dawk l-1,759 ġenitur li ġew akkużati li ma bagħtux lil uliedhom l-iskola mingħajr raġuni valida fil-perjodu 2016 – 2017?

Response (BONNICI, OWEN)

L-informazzjoni qed tinġabar.

Iż-Żejtun — Ċentru ta’ Matul il-Jum – persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7661, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid minn liema lokalitajiet jattendu fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum taż-Żejtun u kemm hemm persuni li joqogħdu f’Wied il-Għajn li jattendu regolarment?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l persuni li jattendu fiċ-Ċentru ta’ Matul il-Jum taż-Żejtun huma mil-lokalita’ taż -Żejtun, Marsaxlokk, il-Marsa, Birżebbugia u Wied il-Għajn. 24 persuna minn dawk li jattendu f’dan l-istess ċentru, joqogħdu Wied il-Għajn.

Persuni bi problemi ta’ droga – servizz residenzjali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm persuni li talbu l-għajnuna minħabba problemi ta’ droga f’dawn l-aħħar tliet snin? Bħalissa kemm hemm persuni li qed jagħmlu esperjenza residenzjali sabiex joħorġu minn din il-problema serja? Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi waiting list sabiex persuni bil-problema ta’ droga, jingħataw is-servizz residenzjali?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi, n-numru ta’ persuni li talbu l-assistenza u bdew jiġu segwiti mill-professjonisti tal-Aġenzija Sedqa, minħabba problemi relatati mad-droga, mill-2016 sat-8 ta’ Ottubru 2018, kien jammonta għal 867. Fil-preżent, fir-residenzi tal-Aġenzija Sedqa, jiġifieri Dar l-Impenn, l- Assessment and Stabilisation Unit (ASU) u Komunita` Santa Marija, hemm 14-il persuna li qiegħda f’xi fażi jew oħra li joffru dawn l-programmi residenzjali. Il- waiting list abbinata ma’ dawn is-servizzi residenzjali bħalissa hija ta’ 3 persuni.

Ċentri ta’ Matul il-Jum – spiża

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hi l-ispiża ta’ kuljum għal kull persuna b’nuqqas ta’ saħħa mentali li qed tattendi f’xi Ċentru ta’ Matul il-Jum?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-medja tal-ispiża ta’ kuljum għal kull intervent mogħti lill-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li attendiet f’wieħed mill-ħames ċentri ta’ matul il-jum għas-sena 2017 kienet ta’ €107.74.

Benefiċċji tal-mard lill-persuni bi problemi ta’ droga u tal-alkoħol

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ flus li ħareġ il-Gvern f’dawn l-aħħar tliet snin għall-benefiċċji tal-mard lill-persuni bi problemi tad-droga u tal-alkoħol?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali, ma jħallasx benefiċċju tal-mard lill-persuni bi problema ta’ droga u/jew l-alkoħol. Jekk l-Onorevoli Interpellant qiegħed jirreferi għall-Għajnuna Soċjali, li tingħata lil dawk illi qegħdin fi programm ta’ riabilitazzjoni, mogħti mill-Gvern jew mill-Caritas, l-ammont ta’ flus li ħareġ il-Gvern f’dawn it-3 snin kien kif ġej ; SENA AMMONT 2015 €23,336.40 2016 €33,850.96 2017 €28,451.34

Skejjel – ġenituri li ma bagħtux it-tfal l-iskola

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm ġenituri li ġew akkużati li ma bagħtux lil uliedhom l-iskola fis-sena skolastika 2016 – 2017? Kemm minn dawn l-istudenti kien għadhom f’età bikrija? Kemm hawn ġenituri li mhux qed jibagħtu lil uliedhom l-iskola u mhux qed jikkolaboraw mal-iskola f’dan il-perjodu?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ studenti li l-ġenituri tagħhom ittellgħu t-Tribunali rispettivi tagħhom minħabba assenteiżmu mill-iskola matul is-sena skolastika 2016-17 kien ta’ 1,759. Dawn il-ġenituri jkunu ġew irreferuti lis-sistema legali minħabba li ma jkunux taw raġuni valida lill-amministrazzjoni tal-iskejjel rispettivi meta t-tfal tagħhom fallew mill-iskola għal aktar minn 3 ijiem konsekuttivi. Mit-total t’hawn fuq, 619 kienu jattendu skejjel primarji.

Ċentru ta’ Matul il-Jum – persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7414, jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm minn dawn il-persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali msemmija li jattendu f’dawn iċ-Ċentri, jagħmlu użu minn dawn iċ-Ċentri regolarment kull ġimgħa? Jista’ wkoll jinforma lill-Kamra jekk iċ-Ċentru taż-Żejtun għadux jiffunzjona/miftuħ billi mhux identifikat f’din ir-risposta tal-mistoqsija parlamentari?’

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi t-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7414 kienet tirreferi għal Mental Health Clinics; rigward iċ-Ċentri ta’ Matul il-Jum, preżentament f’dak tal-Furjana jattendu 49 persuna, fiż-Żejtun 47, Ħal Qormi 62, Bormla 57 persuna u f’ta Raħal il-Ġdid 44. Ninfurmah ukoll li fiċ-ċentru ta’ Matul il-Jum tal-Furjana hemm 44 persuna li tattendi regolarment kull ġimgħa, taż-Żejtun 40, f’ta Ħal Qormi 57, Bormla 45 persuna u f’ta Raħal il-Ġdid 44.

Strateġija Nazzjonali kontra l-Obeżità

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk għandniex Strateġija Nazzjonali kontra l-obeżità? Jekk iva, jista’ jpoġġi kopja ta’ din l-istrateġija kontra l-obeżità?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Malta għandna Strateġija Nazzjonali ‘A Healthy weight for life’ kontra l-obeżita’. Nfakkru illi ttieħdu diversi inizzjattivi sabiex il-problema tal-obeżita’ f’Malta tonqos, fosthom l-Avviż Legali numru: 266 tal-2018 fejn għal aktar dettalji dwar ikel u xorb bnin fl-iskejjel jista’ ukoll jirreferi għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 6921. Kien hemm ukoll d- Design of Healthy Plate guidelines fejn din id-dieta kienet ibbażata fuq dik Mediterranja, Lunch box campaign u proġett ieħor li kien ko-iffinanzjat mill-Unjoni Ewropea bil-għan li jippromwovu l-attività fiżika fost l-adoloxxenti fl-iskejjel u fil-komunità permezz tal-kollaborazzjoni ta' diversi Kunsilli Lokali. L-evalwazzjoni ta 'dan il-proġett wriet impatt fuq l-ammont ta' attività fiżika mwettqa. Dan il-proġett konġunt qed ikompli fi skejjel interessati. Inizzjattivi oħra jinkludu diversi kampanji li jsiru kull sena, fosthom fil-komunitajiet u l-postijiet tax-xogħol fejn ommijiet ġodda ikunu nfurmati dwar l-importanza tat-treddigħ lit-trabi tagħhom speċjalment fl-ewwel sitt xhur tal-ħajja, isiru ukoll Weight Management Programmes fil-komunita għal-adulti, Provvista ta' servizzi f'Dar Kenn għal-Saħħtek għal nies obeżi u fost inizzjattivi oħrajn ingħata ukoll appoġġ lin-nisa tqal u ommijiet ġodda biex jadottaw drawwiet alimentari tajbin għalihom infushom u l-familji tagħhom permezz ta' inizzjattivi edukattivi u komunitarji. Dan is-servizz qed ikun offrut mill- parentcraft.