Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sptar Mater Dei u Sptarijiet privati – sperm u ovum donation

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il darba ntużat sperm donation jew ovum donation fit-teknoloġija avvanzata tar-riproduzzjoni kemm fl-Isptar Mater Dei kif ukoll fi sptarijiet privati, minn mindu ġiet emendata l-liġi sakemm tiġi mwieġba din il-mistoqsija?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa għadhom ma sarux interventi b' third party donation.

Sptar Mater Dei – Operazzjonijiet minn visiting consultants mir-Renju Unit

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm isiru operazzjonijiet fl-Isptar Mater Dei kull sena minn visiting consultants mir-Renju Unit? Il-proċess ta’ Brexit se jkollu xi impatt fuq dan?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi mill-2016 sal-2018 li f’Mater Dei saru medja ta’ 250 operazzjoni fis-sena taħt visiting consultants mir-Renju Unit. Mhux mistenni li l-proċess tal-Brexit ikollu mpatt negattiv fuq dan is-servizz.

Barranin li nqabdu jaħdmu bla permess

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’passi ittieħdu mal-2,000 barrani li f’Novembru tas-sena l-oħra nqabdu jaħdmu bla permess waqt spezzjonijiet li saru mill-ispetturi tal-Jobsplus?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-ispezzjonijiet fuq il-postijiet tax-xogħol isiru kif preskritt mill-Kapitolu 594 (qabel 343) tal-Liġijiet ta’ Malta. L-istess Kapitolu jitfa’ r-reponsabbiltà kollha fuq il-prinċipal (employer) sabiex jirreġistra lill-impjegati tiegħu. Artiklu 36 jgħid: 36. Kull prinċipal, li jimpjega persuna oħra whole-time, part-time jew b’xi mod ieħor b’kuntratt definit jew indefinit jew fuq probation għandu javża lil Jobsplus dwar dan l-impjieg b’mezzi li jistgħu jiġu stabbiliti minn Jobsplus minn żmien għal żmien. Artiklu 43 jgħid: 43. Kull prinċipal li jimpjega xi persuna li ma tkunx ċittadina ta’ Malta, ħlief fir-rigward ta’ persuna li jkollha permess waħdieni jew liċenza ta’ impjieg, ikun ħati ta’ reat. Filwaqt li Artiklu 52 jkompli: 52. Kull persuna li tikser id-dispożizzjonijiet tal-artikolu 43 teħel, meta tinstab ħatja, multa ta’ mhux inqas minn elfejn u ħames mitt euro (€2,500) u mhux iżjed minn ħamest elef euro (€5,000) kif ukoll is-sospensjoni tal-liċenzja applikabbli għan-negozju jew kummerċ. Il Kapitolu għaldaqstant ma jagħrafx lill-impjegat bħala responsabbli minn xi ksur ta’ liġi iżda lill-Prinċipal. Bħala prassi, meta jinstabu ċittadini ta’ pajjiżi terzi jaħdmu bla permess, Jobsplus tinforma lill-Pulizija tal-Immigrazzjoni illi jkunu jistgħu jiddeportaw il-barranin taħt il-poteri tal-Kapitolu 217.

Programmi/inizjattivi għal tfal b’learning disability

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 32038 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jgħid jekk is-servizzi mogħtija mill-NGOs Inspire u Equal Partners lil 305 student fl-iskejjel tal-Istat humiex bil-ħlas jew le? Jekk iva, kemm huwa l-ħlas għal dawn is-servizzi?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onorevoli interpellant li tlabt informazzjoni dwar din il-mistoqsija mingħand id-Direttorat konċernat. It-tagħrif mitlub ikun jista' jitqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra hekk kif tingħatali din l-informazzjoni.

Impjieg mal-Gvern — Persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm persuni b’nuqqas ta’ saħħa mentali li għandhom impjieg mal-Gvern?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Jobsplus m'għandhiex din it-tip ta’ informazzjoni.

Programm LEAP – numru ta’ benefiċjarji

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2566 u jagħti tagħrif dwar kemm huwa n-numru ta’ benefiċjarji li huma mill-faxxa tal-faqar u l-esklużjoni soċjali f’kull Ċentru ta’ Riżorsi tal-Familja? X’tip ta’ għajnuna regolari qed tingħata lil dawn il-benefiċjarji minn dawn iċ-Ċentri u kemm hija l-ispiża ta’ kull sena biex jitmexxa l-Programm LEAP?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-ispiża għal kull sena, minn fondi nazzjonali, fuq l-Programm LEAP hija kif ġej ; · 2016 - Euro 1,950,000 · 2017 - Euro 1,950,000 · 2018 - Euro 2,250,000 · 2019 - Euro 2,508,000 Qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, tabella li turi n-numru ta’ benefiċjarji li ġejjin mill-hekk imsejjħa faxxa ta’ riskju ta’ faqar u l-esklużjoni soċjali, li jiffrekwentaw kull Ċentru ta’ Riżorsi tal-Familja, imqassma skont t-tip ta’ għajnuna, li tingħata lil dawn il-benefiċjarji miċ-Ċentri LEAP, minn kull reġjun.

Aġenzija Appoġġ – Servizz ta’ Courts Section

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fiex jikkonsisti s-servizz tal-Courts Section immexxi mill-Aġenzija Appoġġ? X’għandha tagħmel persuna biex titlob għajnuna sabiex tingħata dan is-servizz?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, s-Servizz tal-Qrati tal-Aġenzija Appoġġ fi ħdan il-Fondazzjoni għas-Servizzi ta’ Ħarsien Soċjali (FSWS) huwa mmexxi minn professjonisti speċjalizzati fil-qasam soċjali b’esperjenza fil-qasam tal-Qrati. Dan is-servizz isegwi digrieti ordnati mill-Qorti tal-Familja biex isir assessjar ta’ sitwazzjonijiet familjari, speċjalment fejn hemm minuri li l-ġenituri tagħhom qegħdin fi proċess ta’ separazzjoni jew medjazzjoni. Il-professjonisti jagħmlu rakkomandazzjonijiet lill-Qorti fejn tirrigwarda il-kura u kustodja, l-aċċess u l-benessere soċjali u emozzjonali tal-minuri, skont l-ordni li tkun ingħatat fid-digriet. Numru ta’ digrieti tal-Qorti tal-Familja jordnaw aċċess b’supervizjoni għal dawk il-ġenituri li uliedhom ma jkunux jgħixu mal-familja. L-Aġenzija Appoġġ tintervjeni f’dawn il-każijiet u toffri servizzi ta’ supervizjoni lil dawn il-minuri sakemm jiġi deċiż aċċess alternattiv mill-Qorti. Dan is-servizz huwa aċċessibli għal dawk il-ġenituri li jinħarġilhom digriet fejn l-Aġenzija Appoġġ tiġi mitluba tintervjeni. Dan isir permezz ta’ digriet illi joħroġ mill-Qorti tal-Famijla.

Aġenziji u taqsimiet fil-qasam soċjali – lista dettaljata

Question

B’referenza għal-mistoqsija parlamentari 28194 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jelenka lista dettaljata aġġornata tal-indirizzi, eċċ. tal-aġenziji u taqsimiet kollha li hemm fil-qasam socjali li huwa responsabbli minnhom?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni kollha mitluba minnu.

Proġett INK

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7686 u ċjoè: B’referenza għall-INK Person Focused Inclusion Project li huwa ffinanzjat minn Fondi Ewropej u mmexxi mill-Aġenzija Sapport, jista’ l-Ministru jgħid: a) kemm hija s-somma allokata għal dan il-programm u kemm huwa twil dan il-programm? Fiex jikkonsisti dan il-programm? u b) meta beda jitħaddem dan il-programm? Bħalissa x'inhuwa n-numru ta’ parteċipanti fi ħdan dan il-programm u skont l-applikazzjoni, kemm huwa n-numru ta’ benefiċċjarji li ser jibbenefikaw minn dan il-programm?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, l-proġett INK – Person Focused Inclusion huwa intenzjonat li jservi sabiex jippromwovi l-inklużjoni ta’ persuni b’diżabilità fis-soċjetà u jħejjihom sabiex jidħlu fid-dinja tax-xogħol, billi joffri taħriġ li jgħinhom biex l-esperjenza tax-xogħol tagħhom tkun waħda pożittiva, li toffrilhom indipendenza u ttejjeb il-kwalità’ tal-ħajja tagħhom. INK joffri taħriġ lill-persuni b’diżabilità, lill-ġenituri tagħhom, min iħaddem u anke professjonisti li jaħdmu fis-settur tad-diżabilità. Il-proġett għandu wkoll il-kollaborazzjoni ta’ msieħba oħra kemm lokali, kif ukoll barranin: is-CRPD bħala regolatur u l-organizzazzjoni Irlandiża, KARE. Matul il-proġett huwa maħsub illi 80 parteċipant imorru l-Irlanda għal-study visits fejn jistgħu jaqsmu l-esperjenzi tagħhom mal-imsieħba tal-proġett ġewwa l-Irlanda u b’hekk ninkoraġixxu peer learning. Il-proġett joffri wkoll ‘INK Certification’. Dan huwa ċertifikat illi jingħata lill-entitajiet li jipparteċipaw f’disability audits. Il-proġett ser idum 3 snin u ser jiswa madwar €3.5 miljuni. Il-proġett huwa ko-finanzjat mill-Unjoni Ewropeja permezz tal-Fond Soċjali Ewopew. Il-proġett INK tnieda f’Jannar 2018. B’kollox il-proġett ser jilħaq il-ħsieb illi jimmira li jilħaq ’l fuq minn elf persuna, madwar 300 persuna b’diżabilità, madwar 300 employer, madwar 300 ġenitur ta’ persuni b’diżabilità u madwar 150 professjonist, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex. Sal-31 ta’ Diċembru 2018, kien hemm 93 parteċipant illi bbenefika mill-proġett.

Proġett JESS

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7410 u jgħid fid-dettal fiex jikkonsisti l-Proġett JESS u meta kien twaqqaf? Kemm huwa twil dan il-kors ta’ taħriġ indirizzat l-aktar għall-persuni b’diżabilità? Kemm hija l-allowance fil-ġimgħa mogħtija lill-parteċipanti ta’ dan il-kors? Kemm kien hemm parteċipanti s’issa li nstabilhom impjieg? X’kienu l-impjiegi li nstabulhom dawn il-persuni b’diżabilità?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-Proġett JESS, Job Enhancing Skills Scheme, ġie mwaqqaf fl-2017 biex jipprovdi taħriġ u job placements lill-persuni b’diżabilità, fl-etajiet bejn is-16 u l-55 sena, li l-uniku dħul tagħhom ikun il-pensjoni tad-diżabilità. Dan il-proġett qiegħed jagħti ċ-ċans lill-individwu jkollu esperjenza ta’ xogħol, bl-għajnuna ta’ job coaches. L-impjiegi jistgħu ikunu f’dipartimenti u entitajiet tal-Gvern, entitatjiet non-governattiv, kif ukoll f’kumpaniji privati. Kull applikant, jiġi intervistat u assessjat dwar il-kapaċità tiegħu jew tagħha. Fi tmiem l-iskema, il-benefiċjarji jingħataw ċertifikat ta’ profeciency illi juri li temmew b’suċċess it-taħriġ u x-xogħol assenjat. Dan il-programm huwa mifrux fuq 20 siegħa ta’ xogħol u taħriġ fil-ġimgħa għal massimu ta’ sentejn, jew 40 siegħa fil-ġimgħa għal massimu ta’ sena. Il-benefiċjarji jirċievu pagament ta’ €5.25 fis-siegħa, waqt il-perjodu ta’ taħriġ. Fil-preżent hemm b’kollox 66 individwu li qed isegwu l-programm JESS. Dawn l-benefiċjarji qegħdin f’xogħol, li nstabilhom wara li ġie stabbilit x’inhuma ix-xewqat u l-abbilitajiet individwali tagħhom. Dawn jinkludu xogħol ta’ tindif, xogħol klerikali, xogħol fi ħwienet security, operaturi f’fabbriki u xogħol ta’ receptionist, fost l-oħrajn.

Abbużi fuq tfal minorenni

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment jgħid kemm kien hemm rapporti lill-Pulizija ta’ abbużi fuq minorenni fis-sena 2017 u matul is-sena l-oħra u kemm tressqu persuni l-Qorti? Jista’ jgħid kemm ingħataw sentenzi in konnessjoni ma’ dawn l-abbużi serji?

Response (BONNICI, OWEN)

B’referenza għall-ewwel parti tal-mistoqsija parlamentari, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija tieghu lill-Ministru kkonċernat. Fir-rigward it-tieni u tielet parti tal-mistoqsija, fir-rigward tal-Qorti ta’ Malta, l-informazzjoni hija kif imniżżla hawn taħt: Fir-rigward tas-sena 2017 kien hemm 39 każ ġdid. Fir-rigward tas-sena 2018 kien hemm 36 każ Fl-2017 kien hemm 33 każ li ġie deċiż, 4 kienu liberati u 29 instabu ħatja. Fl-2018 kien hemm 39 każ li ġie deċiż, 5 kienu liberati u 34 instabu ħatja. Fir-rigward tal-Qorti ta’ Għawdex dawn it-tip ta’ kawżi jidħlu mal-kumpliazzjonijiet l-oħra kollha mingħajr distinzjoni dwar is-suġġett li jkunu jirrigwardaw, apparti dawk li għandhom x’jaqsmu mad-droga, u ma tinżammx statistika.

Kunsill Lokali Marsaskala – Qsim ta’ Fondi 2018

Question

Jista’ l-Ministru ġentilment ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kif tqassmu l-fondi allokati lill-Kunsill ta’ Wied il-Għajn is-sena l-oħra?

Response (BONNICI, OWEN)

Hawn taht hawn tabella li tindika t-tqassim tal-fondi allokati lill-Kunsill Lokali ta’ Marsaskala għas-sena 2018. Kunsill Lokali Marsaskala€ Allocation in terms of Article 55 of the Local Councils Act2018 Parks and Gardens31,175.22 Public Conveniences31,758.22 Urban Maintenance 132,791.78 Rural Maintenance43,479.39 Street Sweeping84,225.86 Rural Cleaning18,904.08 Waste Management 311,716.93 Waste Tipping Fees74,036.00 Administration168,423.45 Total896,510.93

Servizzi CAPES 109 u CYPS

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ġentilment jgħid fid-dettall fiex jikkonsistu s-servizzi Child and Young People’s Service kif ukoll is-servizz ta’ Child Adolescent Psychiatric Emergency Services?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Children and Young People Service (CYPS) huwa servizz għat-tfal u ż-żgħażagħ li għandhom diffikultajiet fil-benesseri emozzjonali jew fl-imġieba tagħhom. L-eta’ tagħhom tvarja bejn 3 snin u 18 il-sena. Il-ġenituri u/jew dawk il-persuni li jkunu qed jieħdu ħsiebhom jistgħu wkoll jingħataw għajnuna u pariri siewja sabiex ikunu jistaw jittrattaw il-problemi li t-tfal tagħhom ikunu qed jesperjenzaw. It-timijiet multidixxiplinarji li joffru s-servizzi tagħhom fi ħdan il-CYPS huwa magħmul minn psikjatri, psikologi, social workers , infermiera, support workers , occupational therapists u psychological therapists . Fil-CYPS isiru valutazzjonijiet u interventi għad-disturbi mentali kollha fit-tfal u fl-adolexxenti, valutazzjonijiet għal dawk li jbatu mill-kundizzjoni tal-ADHD u ASD bbażati fuq linji gwida NICE, farmakoterapija għal tfal u adolexxenti, psikoterapija individwali, Dialectical behaviour therapy -terapija fi gruppi kif ukoll isiru korsijiet għal-ġenituri li uliedhom ikunu qed ibatu minn ADHD, ODD, Austism u li jkollom imġieba diffiċli. CAPES( Child Adolescent Psychiatric Emergency Services) huwa s-servizz ta ’emerġenza psikjatrika għat-tfal li twaqqaf f’Ġunju tal-2016. CAPES huwa servizz ta’ konsultazzjoni ibbażat fid-dipartiment ta ’l-inċidenti u ta’ l-emerġenza (A & E) f’Mater dei. Dan is-servizz jipprovdi reviżjoni t’analiżi psikjatrika akuta lil dawk it-tfal u żagħżagħ ta’ taħt it-18-il sena, li jkunu ddaħħlu fl-imsemmi dipartiment b'emerġenza jew bi kriżi psikjatrika. Pazjenti li jkunu daħħlu l-isptar jsofru minn kundizzjoni psikjatrika jiġu riveduti mill-Pedjatra fl-A & E u wara jiġi kkonsultat infermier psikjatriku. Wara li l-pazjent ikun stabbilizzat f’dan id-dipartiment, il-pazjent jista’ jiġi riferut lis-CYPS jew lil xi aġenzija oħra. Meta jkun hemm il-ħtieġa ta’ ammissjoni, dawn it-tfal jew żagħżagħ jiġu riferuti għand konsulent (li jista’ jkun ukoll il-konsulent preċedenti tal-pazjent) li jiddetermina fejn l-istess pazjent ikun jista jieħu l-kura jew l-għajnuna meħtieġa. L-Konsulent jista jirreferihom għar-Residenza ¯għażagħ (Youth Residence), l-isptar Monte Carmeli jew is- Psychiatric Unit fl-isptar Mater Dei.

Saħħa Mentali — spiża

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa ġentilment jgħid kemm se jintnefqu flus fuq is-saħħa mentali din is-sena fejn il-Gvern alloka €685 miljun għas-settur tas-saħħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ispejjeż tal-Isptar Monte Carmeli għal din is-sena huwa stmat li jammontaw għal € 37 miljun fuq spejjeż rikorrenti u € 6.5 miljuni fuq xogħolijiet kapitali.

Budget 2019 — Anzjani

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’benefiċċji hemm indikati għall-anzjani u għal min jieħu ħsiebhom skont l-aħħar Budget?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Budget għal din is-sena, hemm ammont sostanzjali ta’ miżuri li ser jibbenefikaw minnhom il-pensjonanti kollha, l-anzjani u l-persuni li jieħdu ħsieb l-anzjani tagħna. Dawn il-benefiċċji huma kif ġej; DESKRIZZJONI TAL-MIŻURA Minn din is-sena ser inżidu l-ħlas tal-Għajnuna Medika mhux kontributorja b’ħames ewro u erbatax–il ċenteżmu (€5.14) fil-ġimgħa lil dawk il-persuni miżżewġa, fejn hemm żewġ adulti li jbagħtu minn mard kroniku u li qed jirċievu din l-Għajnuna. Mill-ewwel ta’ Jannar 2019, ingħatat żieda ta’ żewġ ewro u sbatax-il ċenteżmu (€2.17) fil-ġimgħa lill-pensjonanti kollha tas-sigurtà soċjali, cioè pensjonanti tal-Irtirar, Romol, tal-Invaliditaˋ u dawk li jirċievu l-Pensjoni tal-Etaˋ. Din iż-żieda ma tinkludix iż-żieda li kien hemm biex tagħmel tajjeb għall-għoli tal-ħajja. B’hekk kull pensjonant ħa żieda ta’ erba’ ewro u ħamsin ċenteżmu(€4.50) fil-ġimgħa. Pensjonanti tas-servizz, ser jerġa’ jkollhom żieda oħra ta’ mitejn ewro (€200) fl-ammont ta’ pensjoni tas-servizz li tiġi injorata fl-assessjar tal-pensjoni tas-sigurtaˋ soċjali, biex b’hekk is-somma eżentata issa ser titla’ għal, elfejn, erba’ mija u sitta u sittin ewro (€2,466). Wegħda elettorali li għamilna kienet dik illi nkomplu ntejbu l-pensjonijiet tas-servizz, billi l-parti li jkunu kkomutaw biex jieħdu s-somma, tibda tkun injorata kollha għal fini ta’ pensjoni tas-sigurtaˋ soċjali. Bħala l-ewwel pass fit-twettiq ta’ din il-wegħda elettorali, minn din is-sena l-pensjonati li jirċievu pensjoni tas-servizz u li għandhom tnejn u sebgħin (72) sena jew aktar, jew illi minn din is-sena ’l quddiem jilħqu din l-etaˋ. Ser ssir irreviżjoni tal-pensjoni tagħhom tas-sigurtaˋ soċjali. Hekk minflok kif dejjem sar s’issa li jiġi injorat nofs l-ammont ta’ pensjoni tas-servizz illi jkun ġie kkomutat, minn din is-sena ser jibdew jiġu injorati ħamsa u sebgħin (75) fil-mija tal-ammont ikkomutat. L-għotja ta’ tlett mitt ewro (€300) fis-sena lil dawk illi għalqu l-ħamsa u sebgħin(75) sena u li għadhom jgħixu fid-djar tagħhom se tkompli tingħata matul din is-sena wkoll. Il-bonus li beda jitħallas kull sena lil numru ta’ persuni, l-aktar nisa li ma ħallsux biżżejjed bolol biex jikkwalifikaw għall-pensjoni minima, mill-1 ta’ Jannar 2019, ser inkunu qed inżidu dan il-bonus b’ħamsin ewro (€50) fis-sena. B’hekk dawk illi kienu ħallsu aktar minn sena kontribuzzjoni iżda anqas minn ħames snin, il-bonus ser jiżdied għall-mitejn ewro (€200), filwaqt illi l-bonus ta’ dawk illi ħallsu aktar minn ħames snin kontribuzzjonijiet, ser jiżdied għal tlett mitt ewro (€300) fis-sena. B’din il-miżura ser jibbenefikaw madwar tnax-il elf u ħames mitt (12,500) persuna. Tlett snin ilu konna daħħalna inċentiv sabiex persuni li jibqgħu jaħdmu, minflok jirtiraw bil-pensjoni u b’hekk tiżdidilhom il-pensjoni tagħhom meta jagħlqu l-etaˋ ta’ ħamsa u sittin (65) sena. Din kienet miftuħa għas-settur privat biss. Minn din is-sena, dan l-inċentiv ser jiġi estiż ukoll għall-persuni li jibqgħu jaħdmu mas-settur pubbliku b’mod gradwali. Dan dejjem jekk ikun hemm talba mill-impjegat u l-kunsens ta’ min iħaddem. Jingħataw ħlasijiet għal anomaliji li setgħu nħolqu tul is-snin minħabba tibdiliet fis-sistema tal-pensjonijiet, jew għal raġunijiet oħra. (a) Għat-tielet sena konsekuttiva se nallokaw €11 miljun ewro f’fondi biex jiġu ndirizzati dawn l-inġustizzji tal-imgħoddi li jolqtu aktar minn sitt elef (6,000) benefiċjarju, jew l-eredi tagħhom. (b) Matul din is-sena wkoll, ser jiġi fi tmiemu l-proċess biex jitħallsu l-arretrati tal-pensjonijiet lill-eks-ħaddiema tal- Malta Electricity Board jew l-eredi tagħhom. Tejjibna l-ħlasijiet lil dawk illi jieħdu ħsieb l-anzjani fid-djar tagħhom. Dan sar permezz tar-riforma fl- Allowance Miżjuda għal Carers illi telgħet għal mija u erbgħin ewro (€140) u kif ukoll l- Allowance għal Carers illi telgħet għal disgħin ewro (€90). (a) Minn Jannar 2019,l-eżenzjoni mit-test tal-mezzi sertibda tgħodd għaż-żewġ allowances . B’hekk aktar anzjani ser tingħatalhom il-possibilitaˋ li jibqgħu jgħixu f’darhom u fil-komunitaˋ, għax il-qraba li jieħdu ħsiebhom ser jibdew jibbenefikaw huma wkoll. B’din il-miżura, anke persuni miżżewġa sal-età pensjonabbli li jkunu jgħixu taħt l-istess saqaf mal-anzjan jew anzjana, ser jibdew ikunu eleġibbli għall- Allowance għal Carers . (b) Minn din is-sena, meta persuna tapplika sabiex tieħu ħsieb anzjan jew anzjana, li jkunu laħqu l-etaˋ ta’ ħamsa u tmenin (85) sena, mhux ser tibqa’ ssir evalwazzjoni medika, mill-bord multi-dixxiplinarju u l- allowance titħallas awtomatikament, jekk il- carer u l-anzjan jew anzjana jkunu jgħixu fl-istess dar. Bil-għan illi titneħħa diskriminazzjoni li teżisti fl-Att dwar is-Sigurta’ Soċjali, Kapitlu tlett mija u tmintax (318), ser issir emenda biex persuni li kienu mpjegati f’entita` fejn il-Gvern kien is-sid jew kellu l-maġġoranza tal-ishma, u aċċettaw illi jibbenefikaw minn skema ta’ rtirar kmieni qabel l-1 ta’ Jannar tal-2008, ser ikunu jistgħu igawdu minn titjib fil-pensjoni tagħhom. Dan ser ikun possibli, għaliex il-pensjoni tkun tista’ tinħadmilhom fuq is-snin illi kienu jaħdmu fl-ażjenda tal-Gvern, u mhux bilfors fuq il-paġi li kellhom wara li rtiraw kmieni, minħabba proċess ta’ ristrutturar jew privatizzazzjoni tal-azjenda. S’issa, l-provedimenti tal-liġi japplikaw biss għal dawk l-impjegati li rtiraw kmieni, għal raġunijiet imsemmija wara l-1 ta’ Jannar tal-2008. Minn din is-sena, dawn il-provedimenti ser ikunu japplikaw ukoll għal dawk illi rtiraw kmieni, wara l-1 ta’ Jannar 2003. Għadd ta’ pensjonanti li fl-imgħoddi ħadmu l-Libja, kienu ġew affetwati negattivament minn tibdil illi kien sar fl-1988, fi Ftehim Bilaterali bejn Malta u l-Libja. Dan it-tibdil kien ħallihom esposti u mingħajr kontribuzzjonijiet imħallsin f’Malta, bil-konsegwenza li affetwalhom bil-kbir il-pensjoni tagħhom. Għalhekk kif wegħdna fil-manifest elettorali, b’effett minn Jannar 2019, ser nagħmlu ġustizzja wkoll ma’ dawn il-persuni, billi jirregolarizzaw irwiehom mad-Dipartiment tas-Sigurta` Soċjali, bil-għan illi jibdew huma wkoll igawdu minn pensjonijiet ogħla u li jixirqilhom. Huma qed jingħataw l-opportunita` li, jekk jippreżentaw provi tal-kontribuzzjonijiet illi kienu ħallsu fil-Libja, dawn il-kontribuzzjonijiet jiġu kkonvertiti f’kontribuzzjonijiet Maltin, skont is-sistema l-antika. F’każ illi ma jkollhomx provi x’juru, dawk milquta ser jingħataw l-opportunita` li jħallsu sa massimu ta’ għaxar (10) snin kontribuzzjonijiet nieqsa, skont ir-rati kurrenti. Persuni li jkunu qed jieħdu ħsieb il-ġenituri u jirċievu l- Allowance Miżjuda għal Carers jew l- Allowance għal Carers ser jibdew ikunu kkunsidrati bħala kap ta’ familja fil-kalkolu tal-Għajnuna Medika, dejjem jekk jissodisfaw it-test tal-mezzi.

Sptar Mater Dei — Embrijuni frizati

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru jgħid attwalment kemm hawn embrijuni ffriżati bħalissa fl-Isptar Mater Dei?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi bħalissa hemm 11 il-koppja li għandha l-embrijuni friżati fl-Isptar Mater Dei. Fil-każijiet kollha l-intenzjoni hi li l-embrijuni jintużaw fiċ-ċikli li jmiss.

Residenza San Vinċenz — Anzjani fi Djar Residenzjali tal-Gvern

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 8395, jista’ l-Ministru jgħid kemm hemm residenti fid-Djar Residenzjali tal-Gvern li huma: a. indipendenti; b. semi-dipendenti; c. dipendenti; u d. bid-Dimenzja?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.

Wied il-Għajn — Ċentru Leap

Question

B’referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 28979 tat-12-il Leġiżlatura, jista’ l-Ministru jgħid meta se jinfetaħ uffiċjalment iċ-Ċentru Leap ta’ Marsaskala li hija lokalità kbira u li hemm ‘il fuq minn 5000 familja?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tweġiba li kont tajt għal Mistoqsija Parlamentari Numru 1886.

Medja ta’ Separazzjonijiet

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienet il-medja ta’ separazzjonijiet reġistrati kuljum f’pajjiżna fl-2018?

Response (BONNICI, OWEN)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għat-tabella t’hawn taht li tikkontjeni l-informazzjoni mitluba. Malta Noti għal separazzjoni bonarja: 290 Ittri ta’ medjazzjoni (separazzjoni kontenzjuza) 907 Rikorsi ghall- Kawżi: 114 Total: 1311 B’hekk jiġi illi l-medja ta’ kuljum, fir-rigward ta’ bidu ta’ procedimenti ghal separazzjonijiet, (maħduma fuq 365 jum) hija ta’ 3.60. Ġħawdex Noti konġunti għal separazzjoni bonarja: 11 Ittri ta’ medjazzjoni (separazzjoni kontenzjuza) 34 Rikorsi ghall-Kawżi: 2 Total: 47 B’hekk jiġi illi l-medja ta’ kuljum, fir-rigward ta’ bidu ta’ procedimenti ghal separazzjonijiet, (maħduma fuq 365 jum) hija ta’ 0.13 jew aħjar medja ta’ 4 fix-xahar.