Jista' l-Ministru jgħid kif tinqasam ir-responsabilità tal-manutenzjoni - upkeep - taċ-Ċentru Ċiviku tal-Mosta bejn l-entitajiet kollha li qed jagħmlu użu minn din il-binja? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra:
a. il-kuntratt li l-Lands għandha mal-Kunsill Lokali tal-Mosta;
b. il-kuntratt tal-Lands mal-Pulizija;
c. il-kuntratt tal-Lands mad-Dipartiment tas-Saħħa;
d. il-kuntratt tal-Lands mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali; u
e. jekk hemm xi kuntratt ieħor ma' xi entità oħra?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f'seduta oħra
Persuni li jkunu ser joħorġu mill-ħabs – għoti ta’ ħwejjeġ
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex meta dawk ir-residenti li jkunu skontaw is-sentenza u joħorġu mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin biex imorru lura fil-komunità, jingħataw il-ħwejjeġ li jkunu jistgħu jilbsu fl-ewwel ġimgħat speċjalment meta jkun magħruf li dawn ir-residenti ser jispiċċaw bla saqaf u ma jkollhomx flus biex jixtru l-aktar affarijiet essenzjali għall-ħajja?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma l-Onor Interpellant li l-Care-plan coordinators impjegati mal-Agenzija għas-Servizzi Korrettivi jieħdu ħsieb li l-priġunieri li jkunu ser iħallu l-ħabs jkollhom ilbies diċenti u skont l-istaġuni tas-sena.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex isiru l-emendi fil-liġijiet rispettivi, sabiex aħwa mill-istess omm imma b'missier differenti u għalhekk kunjom differenti, bil-ġenituri miżżewġa, tkun tista' tiġi trasferita għalqa/raba’ li tkun bi qbiela tal-privat fuq il-missier filwaqt li oriġinarjament ir-raba’ kien bi qbiela fuq l-antenati min-naħa tal-omm peress li sal-lum it-trasferiment tal-qbiela tal-għalqa/raba’ ġie mċaħħad għaliex ulied l-omm li oriġinarjament il-qbiela kienet fuq in-naħa tal-antenati tagħha ma ġewx rikonoxxuti mis-sidien bħala werrieta għaliex huma ta' kunjom differenti minn tar-raġel li kien żewġ ommhom fit-tieni żwieġ?
Response (ZAMMIT LEWIS, EDWARD)
Nitlob lill-Onor Interpellant jirreferi il-mistoqsija tiegħu lil Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid fiex waslu d-diskussjonijiet bejn il-Kunsill Lokali tal-Mosta u Transport Malta dwar il-bidla tas-sistema tat-traffiku (one ways etc.) fi Triq il-Kbira, Triq San Silvestru, u toroq fl-inħawi ta' San Pawl tal-Qlejja fil-Mosta?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li d-diskussjonijiet għadhom għaddejjin u l-uniku tibdiel li sar huwa temporanju minħabba x-xogħoljiet ta’ Infrastucture Malta.
Jista’ l-Ministru jieħu l-pariri meħtieġa biex jara li f’xogħol li qed isir fl-inħawi tad-Dwejra (limiti tar-Rabat) fejn qed isir xogħol ta’ għoti ta’ tarmac, isir xogħol ukoll ta’ tibdil tal-water supply ladarba l-kanen huma antiki u msadda? Din it-talba qed titressaq sabiex ladarba jsir ix-xogħol fit-triq bl-għoti ta’ tarmac, l-istess triq ma tispiċċax terġa’tinqala’ minħabba l-bdil tal-kanen tal-water supply.
Response (BORG, IAN)
Ninforma l-Onor. Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż.
Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq.
Fejn jidħlu żoni rurali kif huma l-inħawi indikati fil-mistoqsija, sa mill-2019 l-aġenzija bniet mill-ġdid jew għamlet xogħlijiet ta’ titjib f’aktar minn 230 triq rurali li fihom ġew mgħoddijin kilometri ta’ servizzi partikolarment dak tal-ilma. Billi ż-żona li qed issir referenza għaliha hija waħda arkeoloġikament sensittiva nħass li jkun aħjar jiġi evitat tħaffir ta’ trinek. Minflok, saru arranġamenti sabiex permezz ta’ pajp mirdum mal-ġenb tat-triq, l-entitajiet kompetenti jkunu jistgħu jtejbu s-sistema tat-tqassim tal-ilma tal-inħawi mingħajr il-bżonn li jinqala’ l-asfalt ġdid.
Jista’ l-Ministru jgħid peress li anzjani li jużaw it-trasport pubbliku huwa b’xejn (bla ħlas) għal-liema raġuni anzjani li ma jkollhomx il-card fuqhom, qed jintalbu biex iħallsu għall-użu ta’ trasport pubbliku?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-miżura fejn persuni li għandhom bejn l-erbatax u l-għoxrin sena, studenti li għandhom 21 u aktar, persuni b’diżabilità kif ukoll persuni li għandhom 70 sena u aktar jivjaġġaw b’xejn meta jużaw it-trasport pubbliku bi skeda, taħdem fuq sistema ta’ refund fejn dak li jkun intefaq f’nollijiet tal-karozza tal-linja f’xahar jiġi miżjud lura bħala kreditu fuq it-Tallinja Card ix-xahar ta’ wara. Għaldaqstant hemm il-bżonn li persuna biex tibbennifika għandha tagħmel użu min din il-card. L-użu tal-card huwa wkoll meħtieġ sabiex tinżamm statistika ta’ kemm persuni qegħdin jibennefikaw kif ukoll kemm qegħdin isiru vjaġġi taħt din il-miżura.
Bdiewa li applikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-xiri ta’ inġenji
Question
Jista’ l-Prim Ministru jara x’inhi r-raġuni għaliex bdiewa li applikaw għall-fondi tal-Unjoni Ewropea biex jagħmlu tajjeb għax-xiri ta’ inġenji tar-raba’, taħt miżura 4.1 li l-applikazzjonijiet ilhom magħluqa minn Ġunju tal-2020?
Response (ABELA, ROBERT)
Ninsab nfurmat li s-sejħa li qed issir referenza għaliha taħt il-Miżura 4.1 tal-Programm tal-Iżvilupp Rurali għalqet fl-24 ta’ Lulju 2020. Din kienet l-ahhar sejħa minħabba li l-Programm wasal lejn it-tmiem tiegħu.
Ninsab nfurmat ukoll li l-Awtorità ta’ Ġestjoni avżat lill-applikanti kollha bl-eżitu tal-evalwazzjoni tal-applikazzjonijiet rispettivi tagħhom.
COVID-19 – ħaddiema tal-Gvern li jagħmlu żmien l-isptar jew id-dar – sick leave
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jikkonferma jekk ħaddiema tal-Gvern li jkunu morda bil-COVID-19 humiex jintalbu li jieħdu ż-żmien li fih jagħmlu l-isptar jew id-dar mis-sick leave tagħhom?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill- Ministru kkonċernat.
COVID-19 – ħaddiema tal-Gvern li jagħmlu żmien l-isptar jew dar – sick leave
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk iż-żmien li jagħmlu kwarantina l-ħaddiema tal-Gvern li jkunu mitluba joqogħdu kwarantina d-dar minħabba l-COVID-19, humiex jitnaqqsu mis-sick leave tagħhom?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Bdiewa li jridu jirreġistraw biex ikabbru prodotti sostenibbli – miżati/ħlas
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-miżati/ħlas li qed jintalbu li jitħallsu ta’ kull sena għall-bdiewa li jridu jirreġistraw biex ikabbru prodotti b’mod sostenibbli u li jipproteġu l-ambjent?
Response (REFALO, ANTON)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li fil-Ministeru li tiegħu jien responsabbli, ma ssir l-ebda reġistazzjoni ta’ bdiewa li jkabbru prodotti b’mod sostenibbli u li jipproteġu l-ambjent. Għaldaqstant, nitolbu sabiex jikkjarifika u jispeċifika l-mistoqsija tiegħu.
Bdiewa li jridu jirreġistraw biex ikabbru prodotti sostenibbli – miżati/ħlas
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhuma l-miżati/ħlasijiet li qed jintalbu li jitħallsu ta’ kull sena għall-bdiewa li jridu jirreġistraw biex ikabbru prodotti b’mod sostenibbli u li jipproteġu l-ambjent?
Response (FARRUGIA, AARON)
Filwaqt li bħala Ministru responsabbli mill-Ambjent jien nilqa’ bil-ferħ inizzjattivi li jkunu favur l-ambjent, ninforma lill-Onor. Interpellant li l-materja ta’ reġistrazzjoni minn bdiewa fil-fatt ma taqax taħt id-dekasteru tiegħi u għalhekk nitolbu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Telf ta’ aċċess għall-ilma tar-raba’ – każ ta’ individwu
Question
Jista’ l-Ministru jara x’jista’ jsir sabiex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament ikun megħjun sabiex issa ladarba saret mill-ġdid Triq Buqana limiti tar-Rabat, u dan l-individwu tilef l-aċċess għall-ilma tar-raba’, tajjeb li jkun megħjun ikollu aċċess mill-ġdid għall-ilma tax-xita li jgħoli mill-culvert ta’ taħt it-triq? L-awtoritajiet ikkonċernati jistgħu jagħmlu kuntatt ma’ dan l-individwu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li Infrastructure Malta qed tikellem mal-persuna indikata biex tara jekk hux possibbli li t-talba tagħha tintlaqa’.
Persuni li jkollhom ċittadinanza doppja – obbligu/dmir
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx xi obbligu/dmir li persuna li għandha ċittadinanza doppja, tkun trid twettaq/tagħmel minn żmien għal żmien biex tibqa’ żżomm iċ-ċittadinanza doppja? Jista’ jgħid jekk hemm xi obbligi/dmirijiet li jrid iwettaq/jagħmel persuna li għandha ċittadinanza doppja?
Response (CAMILLERI, BYRON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ċittadin Malti li jkollu ċittadinanza doppja ma jkollu l-ebda obbligu jew dmir li jwettaq xi proċeduri. Dan sakemm ma jkunx hemm xi restrizzjonijiet mill-pajji¿ li minnu jkollu ċittadinanza oħra apparti dik Maltija.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se ssir bit-tarmak Triq is-Sgħajtar fil-Mosta?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-titjib fl-infrastruttura ta’ pajjiżna jinsab fuq quddiem nett tal-ħidma ta’ dan il-Gvern. Dan l-impenn qed jitwettaq permezz ta’ pjan ta’ ħidma b’investiment bla preċedent biex fis-snin li ġejjin inkomplu ntejbu l-kwalità, l-effiċjenza, s-sostenibilità u s-sigurezza tal-infrastruttura tat-toroq fil-pajjiż.
Bħala parti minn dan l-investiment, Infrastructure Malta bħalissa qed twettaq ħafna proġetti biex ittejjeb is-sigurezza u s-sostenibilità tas-sistema tat-toroq ewlenin, toħloq infrastruttura ta’ kwalità u ambjent aħjar fit-toroq residenzjali f’kull lokalità u tibni mill-ġdid ukoll ħafna toroq sekondarji oħra, fosthom kilometri ta’ toroq rurali fil-kampanja. Fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, l-aġenzija diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’aktar minn 470 triq. Fl-ewwel għaxar xhur ta’ din is-sena, Infrastructure Malta bniet mill-ġdid 120 triq residenzjali.
Fil-lokalità tal-Mosta diġà saru Triq Dawret il-Wied, Triq il-Qares, Triq is-Snajja’, Triq San Pawl tal-Qliegħa, Triq tas-Sriedek, Sqaq Madre Tereża Spinelli, Triq Rużar Briffa (Żokrija), Triq Kumbu, Triq San Silvestru, Triq Alofju Wignacourt, Triq il-Ballata, Triq Dun Karm Schembri, Triq il-Bdoti, Triq il-Familja Cumbo, Triq it-Taħħan, Triq ta’ Venezja u Triq tal-Wej, waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq il-Baqqunier, Triq Durumblat, Triq il-Kbira, Triq Patri Ġuże Delia u Triq il-Fortizza tal-Mosta. Saru wkoll xogħlijiet fi Triq il-Fortizza u Triq il-Kostituzzjoni.
It-triq indikata diġà kienet ippjanata mill-aġenzija biex tinbena mill-ġdid fiż-żmien li ġej flimkien ma’ diversi toroq oħrajn li jinkludu Triq il-Waqqafa, Triq Ta’ Bistra, Triq il-Mitjar, Triq Manwella u Triq Rużinjol. Fil-Mosta wkoll, Infrastrucuture Malta għandha ppjanati xogħlijiet oħrajn fi triq bla isem bejn Triq il-Bidnija u Triq Mġarr, il-Pont tal-Bidnija, Triq Silvestru Fiteni, u Triq Sagra Familja.
Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.
San Pawl tal-Qlejja – tibdil fis-sistema tat-traffiku
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk hemmx pjanijiet li t-toroq fl-inħawi ta’ San Pawl tal-Qlejja jkun hemm tibdil għal sistema ta’ one way fis-sistema tat-traffiku minn kif inhu fil-preżent?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li ninsab infurmat li bħalissa qedgħin isiru diskussjonijiet bejn Transport Malta, Infrastucture Malta u l-Kunsill Lokali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien impurtat majjal ħaj mill-bidu tas-sena 2019 sal-lum u kemm kien impurtat majjal mejjet proċessat għal konsum lokali? Jista’ jgħid, għal kull każ rispettiv, kemm kien l-ammont ta’ majjal ħaj li nġieb f’Malta u mil-liema pajjiż? Jista’ jgħid il-piż tal-majjal li nġieb jew ġie impurtat f’Malta minn pajjiżi terzi u mil-liema pajjiż nġieb il-majjal għal konsum lokali?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li mill-bidu tas-sena 2019 sal-lum ma kienx impurtat majjal ħaj jew majjal mejjet proċessat minn pajjiżi terzi.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont (piż) ta’ tiġieġ għal konsum li ġie importat f’pajjiżna u mil-liema pajjiż tal-Unjoni Ewropea u barra mill-Unjoni Ewropea fl-aħħar sentejn minn Jannar 2019 sal-lum? Kemm kien impurtat tadam lejn Malta minn pajjiżi tal-Unjoni Ewropea jew barra mill-Unjoni Ewropea? Jista’ jgħid x’kien il-piż, kemm ta’ tiġieġ u tadam li ġie impurtat għal kull xahar minn kull pajjiż?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ laħam tat-tiġieġ li ġie mpurtat minn pajjiżi terzi f’Malta fis-sena 2019 kien ta’ 21,0132 kg u kien impurtat miċ-Ċina, Tajlandja u l-Brażil, filwaqt li fl-2020 l-ammont kien ta’ 17,5357 kg u kien impurtat miċ-Ċina. Informazzjoni dwar laħam tat-tiġieġ li ġie impurtat għal kull xahar minn kull pajjiż terzu qed tiġi pprovduta fit-tabelli li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Fir-rigward tat-tadam, ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fl-2019, ma kienx hemm impurtar ta’ tadam minn pajjiżi barra mill-Unjoni Ewropea u fl-2020 sal-aħħar ta' Settembru, Malta impurtat tadam mill-Eġittu. Fir-rigward tal-importazzjoni mill-Eġittu, Malta impurtat 9,708 kg ta’ tadam fix-xahar ta' Frar.
Fir-rigward tal-informazzjoni dwar l-ammont (piż) u movimenti kemm ta’ tiġieġ, kif ukoll ta’ tadam li ġie importat f’pajjiżna għal kull xahar minn kull pajjiż tal-Unjoni Ewropea fl-aħħar sentejn minn Jannar 2019 sal-lum, din hija informazzjoni li tasal biss għand l-uffiċċju tal-NSO. Għaldaqstant, nitlob lill-Onoroveli Interpellant sabiex jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.
Data Transmissions and Support Services – ħidma u nefqiet
Question
Jista’ l-Ministru jgħid fiex kienet tikkonsisti n-nefqa ta’ €250,000 li skont il-Financial Estimates tal-2021 hija nefqa biex tkopri l-ħidma magħrufa Data Transmissions and Support Services? Jista’ jgħid kif tħallsu l-€250,000? Jista’ jgħid lil min tħallsu, x’servizzi ngħataw b’din in-nefqa u min ibbenefika minn dawn in-nefqiet?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-allokazzjoni ta’ €250,000 indikata fil-Financial Estimates tal-2021, relatata ma’ Data Transmissions and Support Services, tibda tintefaq mis-sena kalendarja 2021.
Din in-nefqa hija maħsuba biex tkopri servizz ta’ trażmissjoni ta’ pożizzjonijiet tal-bastimenti permezz tal-apparat li hemm imwaħħal fuq il-bastimenti; servizz ta’ installazzjoni ta’ apparat ta’ monitoraġġ ġdid fuq il-bastimenti; servizz ta’ manutenzjoni fuq l-apparat kif meħtieġ; u servizz ta’ żvilupp ta’ sistema ta’ monitoraġġ u l-manutenzjoni tagħha.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex intefqu l-€600,000 li skont il-Financial Estimates 2021 kienet in-nefqa stmata li tkopri l-ħidma magħrufa bħala Animal Disease Control Programme? Jista’ l-Ministru jgħid dawn is-€600,000 kif intefqu? Jista’ jgħid lil min tħallsu dawn il-flus bħala ħlasijiet għal min offra s-servizzi tiegħu f’din il-ħidma? Min ibbenefika minn dawn is-servizzi?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ammont ta’ flus li sa issa ntefqu mill-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd u Drittijiet tal-Annimali għal ħidma magħrufa bħala Animal Disease Control Programme huwa ta’ €559,411.58. Dawn il-flus intefqu skond kif muri fit-tabella li qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Il-kumplament tal-bilanċ li baqa’ allokat se jkun qed jintuża sal-aħħar tas-sena għall-analiżi tal-kampjuni għar-residwi u kontaminanati u għal kontrolli uffiċjali, mill-Laboratorju Veterinarju Nazzjonali u d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja.