Jista' l-Ministru jara li bankina li qed issir f'dawn il-ġranet quddiem iċ-ċimiterju tal-Mosta, fi Triq Durumblat, tkun mibnija mill-ġdid f'disinn ieħor sabiex ma tibqax il-bankina preżenti . Jekk din se tibqa' kif inhi se tkun qed tnaqqas ħafna mill-ispazju li fih kienu jipparkjaw l-vetturi ta' persuni li jkunu qed jinvistaw iċ-ċimiterju. Ladarba Triq Durumblat hija triq arterjali din it-tali bankina li qed tinbena fil-preżent qed toħloq periklu għal dawk li qed jipparkjaw il-vetturi tagħhom fil-carriage way ta' l-istess triq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Bħal ma jaf l-Onorevoli Interpellant, il-Kunsilli Lokali huma korpi statutorji ta’ gvern lokali b’personalità legali distinta u għalhekk nissuġġerilu jirreferi l-mistoqsija tiegħu lill-Kunsill Lokali konċernat.
Jista’ l-Ministru jirrispondi mistoqsija parlamentari 11 u jieħu l-miżuri kollha possibli sabiex jinforza r-regolamenti tal-Malta Standards Authority fejn klijent minflok jiddikjara li xtara d-dgħajsa mingħand l-manifattur jiddikjara li kien hu stess li bniha u dan sabiex jevita li jgħaddi mill-proċess ta’ akkreditazzjoni ta’ CE mark fuq id-dgħajsa?
Jista' l-Prim Ministru permezz ta' l-MTA jara li wara konsultazzjoni mal-kunsill lokali jibda jipprovdi sistema oħra ma' dik li diġa' teżisti biex il-ġbir ta' skart domestiku jinġabar darbtejn kuljum u b'hekk jonqos l-ammont ta' skart li jinġabar quddiem entraturi ta' djar, apartamenti u negozji?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-Gvern qiegħed fil-proċess li jevalwa l-proċeduri u l-proċessi kollha relatati ma’ servizzi mogħtija mill-Kunsilli Lokali. Mhux eskluż li fejn jinstab li f’xi funzjonijiet il-Kunsilli Lokali jeħtieġu assistenza mill-Gvern ċentrali, din tingħata iżda dan jiddependi mir-riżorsi umani.
Jista' l-Prim Ministru permezz ta' l-MTA b'kordinazzjoni ma' l-ADT u l-ministeru responsabbli mix-xogħlijiet jara li jkunu mtejba l-bankini fix-xatt ta' Tas-Sliema, Triq Bizazza u Triq it-Torri fejn huwa ċentru kummerċjali b'enfazi għat-turiżmu?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Jien infurmat li l-Ministeru tax-Xogħolijiet diġà qed iħejji programm ta’ xogħlijiet biex isir re-pairing ta’ bankini fiż-żoni kummerċjali u oħrajn residenzjali. Dan ix-xogħol huwa mistenni li jibda wara s-sajf. Intant fejn il-kundizzjoni tal-bankini hu ta’ periklu, qed isir xogħlijiet biex jitneħħa l-periklu b’interventi minuri sakemm jibdew dawn ix-xogħlijiet.
Jista' l-Ministru permezz ta' l-ADT jara jekk il-water culvert fi Triq il-Kungress Ewkaristiku, l-Mosta huwiex ta' periklu kemm għall-karozzi kif ukoll għal min ikun qed isuq r-rota?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li fil-jiem li għaddew saru l-ispezzjonijiet meħtieġa fuq il-post u t-tiswijiet meħtieġa qegħdin jingħataw prjorita' fil-programm ta' xogħolijiet li għandna ppjanati.
Jista' l-Ministru jgħid jekk l-ADT għandhiex standards ta' kwalita' li bihom għandhom jinbnew l-bankini? Jekk ir-risposta hija negativa, tista' l-ADT tara li jkollha standards ta' kwalita' għall-bankini? Jekk ir-risposta hija fil-pożittiv, jista' jara li l-bankini li għandna fil-komunitajiet tagħna jkunu spezzjonati u li jekk mhumiex mibnija skond standards ta' kwalita' jerġgħu jibnew mill-ġdid?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-istandards ta’ l-ADT huma ibbazati fuq l-LN364 – 2003. Kull kunsill lokali kif ukoll L-ADT huma fid-dmir li fir-rikostruzzjoni ta’ toroq ġodda li nbnew mid-data tal-LN jridu jkunu skond l-speċifikazzjonijiet tal-LN. Fin-nuqqas ta’ dan il-kuntrattur għandu jagħmel tajjeb għax-xogħol il-ħazin minn butu. Fil-Gimgħat li għaddew ħriġt Direttiva Ministerjali lill-ADT sabiex kull xogħol li jsir fit-toroq irid jibda jiġi ttestjat minn laboratorju indipendenti.
Jista' l-Prim Ministru jiddiskuti mal-kunsill lokali u mas-sidien tan-negozji sabiex il-promenade ta' Buġibba wara s-7.30 p.m. issir triq pedonali fejn ikunu jistgħu jgħaddu biss il-vetturi ta' trasport pubbliku?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-Gvern matul ix-xhur li ġejjin ser ikun qed jagħti attenzjoni partikulari liż-żoni turistiċi. Diġà saru numru ta’ laqgħat ma’ sindki lokali u stakeholders interessati sabiex jiġu identifikati interventi li jwasslu għal titjieb fil-prodott turistiku. Dawn il-laqgħat anke waslu sabiex inbdew ċertu proġetti bħal fil-każ ta’ Paceville.
Is-suġġeriment li qed jagħmel l-Onorevoli Interpellant ser ngħaddih lill-uffiċjali nkarigati sabiex jiġi kkunsidrat.
Jista' l-Prim Ministru jieħu l-passi biex il-bajja ta' Għajn Tuffieħa kuljum tkun provduta bis-servizz ta' life- savers kemm-il darba dawn il-bajjiet huma fost l-iżjed perikolużi?
Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq identifikati mill-ADT fil-lokalita' tal-Mosta biex jingħataw it-tarmac sa Mejju tas-sena li ġejja?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li t-toroq fil-lokalita’ tal-Mosta li ġew identifikati sabiex jingħataw it-tarmac huma:-
p/o Triq l-Inkurunazzjoni
Triq Patri Avertan Fenech
Triq Ferdinand Calleja
Triq Gio dei Marchesi Mallia Tabone
p/o Triq Alwetta
Triq Salvu Barbara
p/o Triq Htajriet (minn Triq St Antnin sa Vjal il-qalbiena Mostin)
Naturalment dan il-pjan irid jimxi pari passu mal-fondi disponibbli u jekk ma jinqalgħux xi esiġenzi li jbiddlu l-prijoritajiet.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-istima tax-xogħol li jeħtieġ isir biex il-by-pass tal-Birguma bejn in-Naxxar u l-Għargħur ikollha s-sistema tad-dawl?
Jista' jieħu l-passi meħtieġa biex din it-triq imsemmija jkollha d-dawl tant meħtieġ?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob l-Onor. Interpellant jindirizza din il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex jara li l-pjazza ta' Paceville tkun mibnija mill-ġdid?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Dan il-Ministeru diġà ta’ struzzjonijiet biex jinbeda x-xogħol ta’ pavimentar mill-ġdid tal-pjazza prinċipali ta’ Paceville, tant li x-xogħol mistenni jibda proprju f’dawn il-ġranet.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li Wied il-Għasel fil-Mosta jiġi mnaddaf u jitħawwlu aktar siġar f'dan il-wied?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li x-xogħol ta’ tindif f’Wied il-Għasel inbeda mill-MEPA bħala ‘enforcement action’.
L-Awtorità ta’ Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar sadanittant
ikkuntattjat lill-Works Division biex tara jistax jitkompla x-xogħol fix-xhur li ġejjin. Dan qed jiġi kkunsidrat.
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari nru 15 tas-seduta 4 tal-14 ta' Mejju, 2008 jista' l-Ministru jgħid jekk il-Ministeru jikkonsidrax li biex ikun jista' juża l-proċedura ta' safeguard clause jibda jiġbor l-informazzjoni ta' prodotti agrikoli, kemm ħxejjex u frott kif ukoll prodotti ta' inbejjed? Kemm-il darba l-informazzjoni ma tinġabarx żgur li ma tistax tintuża l-proċedura ta' safeguard clause.
Response (PULLICINO, GEORGE)
Jien infurmat li l-informazzjoni li qed jirreferi għaliha l-Onor Interpellant tinżamm mill-Uffiċċju Nazzjonali ta’ l-Istatistika u għalhekk ma hemmx il-ħtieġa li din tinġabar ukoll minn dan il-Ministeru.
Jista' l-Prim Ministru jara li mal-kosta ta' San Pawl il-Baħar sal-Qawra jiġu mwaħħla slielem sabiex jintużaw mit-turisti u minn dawk li jkunu qed jgħumu f'dawn l-inħawi?
Jista' l-Ministru jara li l-promenade minn San Pawl il-Baħar sal-Qawra fix-xhur tas-sajf ikollu d-dawl meħtieġ u jkun imżejjen bħalma hu mżejjen il-promenade minn San Ġiljan sa Tas-Sliema?
Response (GATT, AUSTIN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant jindirizza l-mistoqsija tiegħu lill-Ministru konċernat.
Jista' l-Ministru jara li fl-istaġun tas-sajf fil-promenade ta' Buġibba u l-Qawra ikun hemm ronda ta' pulizija biex tkun ta' deterrent għal dawk li jippruvaw jisirqu kemm lill-Maltin kif ukoll lill-barranin?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħal kull sajf, għal dawn l-aħħar snin, anke dan is-sajf il-Pulizija ser iżżid ir-ronda f'postijiet turistiċi, inkluż Buġibba u l-Qawra.
Jista' l-Ministru jara li fil-lokalitajiet bħall-Mellieħa, San Pawl, Wied il-Għajn u l-Qawra fejn hemm konċentrazzjoni ta' turisti jkun hemm spiżerija miftuħa nhar ta' Ħadd u fil-festi biex it-turisti jkunu jistgħu jinqdew aħjar u mhux, per eżempju, turisti minn San Pawl ikunu mibgħuta jixtru l-mediċina mill-Mellieħa jew viċi versa?
Response (DALLI, JOHN)
Informat li l-ftuħ ta' l-ispiżeriji fid-diversi lokalitajiet fil-Ħdud u l-festi pubbliċi huwa bbażat fuq roster ta' spiżeriji maħdum fuq bażi ġejografika. Dan ir-roster li ilu jitħaddem għal diversi snin jassigura firxa ugwali ta' ftuħ mal-ispiżeriji kollha u huwa riżultat ta' ftehim mal-partijiet involuti. Fid-dawl ta' dan, il-proposta tal-Onorevoli Interpellant ser tiġi kkunsidrata.
Jista' l-Ministru jgħid liema huma l-kunsilli lokali li fil-lokalita' tagħhom kien qed isir xogħol f'toroq bla permess u li kellu jieqaf bħala riżultat ta' deċiżjoni li ħa l-Ministru? Tista' l-ADT tara li jitwaqqaf ix-xogħol kollu li kien qed isir bla permess?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-risposta tingħata f'xi seduta oħra.