Legislature:
Category:
Reset
Active:

Mediċina lill-persuna

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jibda l-proċeduri meħtieġa sabiex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tkun tista' tingħata mill-Gvern il-mediċina meħtieġa sabiex din l-istess persuna tibqa' ħajja u ma tispiċċax vittma tal-marda tagħhom peress li b'din il-mediċina bl-isema Trikafta li hi approvata mill-Unjoni Ewropea, din il-persuna tkun tista' tibqa' ħajja u tali talba saret diġa mill-ispeċjalist li jikkura lil din il-persuna kif jidher fid-dettalji li ukoll qed jingħataw separatament?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-gvern ikkommetta ruħu li jipprovdi dawn il-mediċini għal dawn il-pazjenti bis-cystic fibrosis u wara l-approvazzjonijiet neċessarji, saru l-investimenti finanzjarji meħtieġa u beda’ l-proċess li se jwassal għax-xiri ta’ dawn il-mediċini mill-aktar fis sabiex b’hekk ikunu jistaw jiddaħlu fil-formularju tal-gvern fi¿-¿mien li ġej.

Catering establishments – sussidju fuq ħaddiema

Question

Tista' l-Ministru twieġeb il-mistoqsija parlamentari 19955 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u li issa ġiet riferuta lilha u tgħid jekk hux ser ikun possibbli li sidien ta’ catering establishments jibdew jirċievu sussidju fuq ħaddiema (wage supplement) li daħlu jaħdmu mal-istabbiliment tagħhom wara Mejju 2020 u dan biex ikunu jistgħu jżommu lil dawn il-ħaddiema fuq il-kotba tagħhom?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li sidien tal-catering establishments diġa' bdew jirċievu il-wage supplement għall-haddiema li ġew ingaġġati wara l-aħħar ta' Mejju u kienu replacements għal impjegati li rriżenjaw voluntarjament mix-xogħol tagħhom. Dawn il-ħaddiema bdew jitħallsu il-wage supplement minn Ottubru 2020.

Ħlas tar-reġistrazzjoni tal-organic farmers – ħlas lura f’sussidju

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19664 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li jkunu stabbiliti l-proċeduri meħtieġa sabiex bdiewa li jkunu ħallsu għar-reġistrazzjoni għal-organic farmers għand l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), ikunu finalment jistgħu jitħallsu lura f’sussidju hekk kif inhu stabbilit mill-Ministeru għall-Agrikoltura?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Bejgħ ta’ prodotti tal-Agro-Industrija

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19666, jista’ l-Ministru jgħid b’referenza għat-tliet kampanji: “Agħżel il-Bnin, Agħżel Frisk”, “L-Iskema Nazzjonali Prodotti ta’ kwalità” u “Ċertifikazzjoni DOK Malta, DOK Gozo u IGT Maltese Islands, fiex kienet tikkonsisti l-ħidma? Min (ismijiet ta’ persuni) qed iwettaq din il-ħidma? X’budget għandhom?

Response (REFALO, ANTON)

Il-kampanja ‘Agħżel il-frisk, Agħżel il-bnin’ tnediet wara li bdiet il-pandemija fl-2020 sabiex jgħin lis-settur agrikolu f’dawn iż-żminijiet. Din il-kampanja kienet tinvolvi fact cards u reklami fuq il-midja soċjali u fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni dwar prodotti agrikoli speċifiċi jew staġjonali. Din il-kampanja hija mmirata sabiex jintwera’ appoġġ għar-rwol vitali tal-bdiewa, r-raħħala u s-sajjieda għall-produzzjoni ta’ ikel frisk u ta’ kwalità fit-territorju tagħna. Parti minn din il-kampanja kienet iffinanzjata minn fondi Ewropej. In-nefqa fl-2020 kienet ta’ EUR 135,110 u l-ħsieb huwa li din il-kampanja titkompla matul is-sena kollha fl-2021 bl-istess nefqa. Il-Ministeru huwa kommess li jippromwovi l-iskemi kollha ta’ kwalità fis-settur agrikolu għaldaqstant għas-sena 2021 ġew allokati madwar EUR 117,000 sabiex titfassal strateġija ta’ marketing sabiex jiġu promossi wkoll skemi ta’ ċertifikazzjoni DOK Malta, DOK Gozo u IGT Maltese Islands, il-biedja organika kif ukoll l-Iskema Nazzjonali Prodotti ta’ Kwalità. Din hija skema fformulata fuq il-Liġi Sussidjarja 427.90, fejn l-iskema tiċċertifika l-prodotti li jilħqu standards ta’ kwalità superjuri minn dawk l-istandards li huma mandatorji. Il-ħidma fuq il-kampanji qed titwettaq mid-Dipartiment għall-Affarijiet Rurali, bil-kontribut u l-ħidma ta’ diversi uffiċjali pubbliċi.

Nuqqas ta’ bejgħ tal-majjal – għajnuna offruta għat-telf ta’ bejgħ

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 19665 jista’ l-Ministru jgħid kif kienu allokati u min gawda mill-allokazzjoni ta’ €4 miljun ewro f’għajnuna li skont l-istess risposta tqassmet fost diversi setturi?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-allokazjonijiet saru skont it-tabella t’hawn taħt: SetturBaġit għal kull settur (€) Ħalib1,000,000 Ċanga240,000 Majjali490,000 Nagħaġ290,000 Mogħoż100,000 Tiġieġ li jbidu85,000 Broilers195,000 Naħal50,000 Fniek50,000 Uċuħ tar-raba '1,500,000

Catering establishments – sussidju fuq ħaddiema

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk hux ser ikun possibbli li sidien ta’ catering establishments jibdew jirċievu sussidju fuq ħaddiema (wage supplement) li daħlu jaħdmu mal-istabbiliment tagħhom wara Mejju 2020 u dan biex ikunu jistgħu jżommu lil dawn il-ħaddiema fuq il-kotba tagħhom?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Liġijiet ta’ Malta li jaħrsu l-kompetizzjoni

Question

Jista’ l-Ministru jgħid skont il-liġijiet ta’ Malta li jħarsu l-kompetizzjoni, x’inhi ċirkostanza li twassal sabiex ditta waħda tista’ titqies li jkollha dominanza f’suq u għalhekk il-Gvern ikun obbligat li jieħu l-miżuri meħtieġa biex iħares il-kompetizzjoni ġusta? Jista’ jgħid skont il-liġijiet ta’ Malta tal-kompetizzjoni, x’inhuma l-miżuri li l-Gvern ikun jista’ jimponi fuq ditta/ażjenda li tkun ikkunsidrata li jkollha dominanza f’suq?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li skont it-tifsira li hemm fl-Att dwar il-Kompetizzjoni, kumpanija titqies li għandha pożizzjoni dominanti, meta tgawdi minn pożizzjoni ta’ qawwa ekonomika li biha tkun tista’ tipprevjeni milli jkun hemm kompetizzjoni effettiva fis-suq rilevanti billi tagħtiha is-setgħa li tikkomporta ruħha, f’limiti sinjifikanti, indipendentement mill-kompetituri, provdituri jew xerrejja tagħha. Biex tasal għall-konklużjoni jekk kumpanija hijiex dominanti fis-suq, wieħed ma jqisx biss is-sehem tal-kumpanija fis-suq ( market share ) imma jridu jiġu ikkunsidrati diversi fatturi oħra fosthom: 1. L-ishma tas-suq tal-kumpaniji kompetituri tagħha. Dan ifisser li pożizzjoni ta’ dominanza tiġi evalwata billi l-Uffiċċju tal-Kompetizzjoni fi ħdan MCCAA jevalwa l-ishma tas-suq tal-akbar operatur meta mqabbel mas-sehem tas-suq tal-aħjar kompetitur li jmiss fl-istess suq. Jekk il-kompetituri l-oħra għandhom sehem baxx fis-suq dan ħa jagħmilha faċli sabiex tinħoloq pożizzjoni dominanti. Madankollu, jekk il-kompetituri l-oħra għandhom sehem għoli fis-suq huwa improbabbli li toħloq dominanza. 2. Jekk hemmx ostakoli għal kumpaniji oħra biex jidħlu fis-suq. Dan ifisser li minħabba li hemm bżonn kapital qawwi biex tiftaħ kumpanija jew mhux qegħdin jinħargu liċenzji. Dan iwassal biex kumpanija tista’ titqies dominanti. Dawn il-fatturi ħarġu f’deċiżjonjiet tal-Qrati Ewropej fejn ikollok kumpaniji li jkunu appellaw mill-multi li jkunu ġew imposti mill-Kummissjoni Ewropeja għax kumpanija tkun abbużat minn pożizzjoni dominanti tagħha. Il-fatt li kumpanija tgawdi minn pożizzjoni dominanti, b’daqshekk ma jfissirx illi tkun qed tikser il-liġi tal-kompetizzjoni. Huwa l-abbuż minn dik id-dominanza li jwassal biex l-Uffiċċju għall-Kompetizzjoni jieħu azzjoni, bħal per eżempju meta b’mod dirett jew indirett kumpanija li tkun meqjusa dominanti timponi prezz eċċessiv jew inġust ta’ xiri jew bejgħ. Kumpanija li tinstab li abbużat mill-pożizzjoni dominanti tagħha tista’ teħel penali sa 10% tal-bejgħ annwali tagħha, tista’ tiġi imposta fuqha ordni ta’ waqfien u ebda tkomplija sabiex dik il-kumpanija tieqaf u ma tkomplix tipparteċipa fil-ksur jew tiġi imposta ordni ta’ konformità li jippreskrivi xi rimedji li għandha tadotta il-kumpanija in kwistjoni. Kumpanija tista’ toffri wkoll dawk li jisseħju rabtiet sabiex is-suspettat ksur jiġi tterminat u sabiex tindirizza t-tħassib dwar il-kompetizzjoni identifikati fil-każ partikolari. Jista’ jkun il-każ ukoll li b’mod temporanju waqt li tkun għadha għaddejja l-investigazzjoni jinħarġu miżuri interim f’każijiet ta’ urġenza.

Ħlas tar-reġistrazzjoni tal-organic farmers – ħlas lura f’sussidju

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li jkunu stabbiliti l-proċeduri meħtieġa sabiex bdiewa li jkunu ħallsu għar-reġistrazzjoni għal-organic farmers għand l-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA), ikunu finalment jistgħu jitħallsu lura f’sussidju hekk kif inhu stabbilit mill-Ministeru għall-Agrikoltura?

Response (REFALO, ANTON)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jagħmel din il-Mistoqsija Parlamentari lill-Ministru kkonċernat.

Nuqqas ta’ bejgħ tal-majjal – għajnuna offruta għat-telf ta’ bejgħ

Question

Ladarba l-bejgħ tal-majjal naqas ħafna minħabba l-pandemija tal-COVID, jista’ l-Ministru jistħarreġ il-possibbilità biex joffri għajnuna li tagħmel tajjeb għat-telf ta’ bejgħ li hawn fil-preżent tal-majjal?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sa mill-bidu tal-pandemija fl-2020, il-gvern kien u baqgħa jagħmel monitoraġġ u analiżi fuq is-setturi agrikoli kollha milquta mill-pandemija b’mod li ppermettilu jagħti sostenn effettiv, tempestiv u sinjifikanti kull fejn meħtieġ. B’hekk permezz ta’ pakkett ta’ għajnuna finanzjarja mmirata mhux biss għas-settur importanti tal-majjal, iżda għal l-ewwel darba f’pajjiżna anki l-oħrajn kollha, u f’konformita’ mar-regoli tal-UE, ġew allokati €4 miljun f’għajnuna li tħallsu lil dawn is-setturi. Dan il-monitoraġġ u l-proċess ta’ analiżi u deċiżjoni dwar l-għajnuna marbuta mal-pandemija ma waqafx u qed jitkompla anki fil-preżent, bil-gvern lest jintervjeni mill-ġdid kemm fis-settur tal-majjal u anki dawk l-oħrajn li huma milquta u jeħtieġu l-appoġġ. Apparti hekk, fi ħdan il-Ministeru li tiegħu jien responsabbli, hemm fis-seħħ kampanja promozzjonali tul din l-aħħar sena bl-isem ta’ ‘Agħżel il-Bnin, Agħżel il-Frisk’ sabiex jintwera’ appoġġ għar-rwol vitali tal-bdiewa, raħħala u sajjieda għall-produzzjoni ta’ ikel frisk u ta’ kwalità fit-territorju tagħna.

Bejgħ ta’ prodotti tal-Agro-Industrija

Question

Jista’ l-Ministru jaħdem fuq inizjattiva sabiex permezz tagħha jara li prodotti tal-Agro-Industrija Maltija u Għawdxija jkunu aktar offruti għall-bejgħ f’supermarkets u stabbilimenti ta' retail f’pajjiżna?

Response (REFALO, ANTON)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru li tiegħu jien responabbli, li fil-qafas tar-regolamenti tal-Unjoni Ewropea marbuta mas-suq uniku għandu numru ta’ inizjattivi żviluppati sabiex il-prodott tal-Agro-Industrija Maltija u Għawdxija jiġi promoss. · Il-Kampanja “Agħżel il-Bnin, Agħżel il-Frisk” bl-għan li tippromwovi s-settur speċifikament, il-Produzzjoni Agrikola f’Malta u titnissel kultura biex il-konsumatur Malti jagħti tali priorità fl-għażliet tiegħu. · L-Iskema Nazzjonali Prodotti ta’ Kwalità: Il-Ministeru għandu skema mfassla appożita sabiex prodotti li jilħqu kwalità aktar ogħla minn dik stabbilita fil-Liġi tkun tista’ tiġi rikonoxxuta u ċċertifikata. · Ta’ min isemmi wkoll skemi ta’ ċertifikazzjoni DOK Malta, DOK Gozo u IGT Maltese Islands illi jippromwovu wieħed mill-prodotti eċċellenti frott tal-industrija agrikola l-inbid.

Ċentru Ċiviku tal-Mosta – responsabilitajiet tal-manutenzjoni

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsijiet parlamentari 19195, 18951 u 18392 u jgħid kif tinqasam ir-responsabilità tal-manutenzjoni - upkeep - taċ-Ċentru Ċiviku tal-Mosta bejn l-entitajiet kollha li qed jagħmlu użu minn din il-binja? Jista' jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra: a. il-kuntratt li l-Lands għandha mal-Kunsill Lokali tal-Mosta; b. il-kuntratt tal-Lands mal-Pulizija; c. il-kuntratt tal-Lands mad-Dipartiment tas-Saħħa; d. il-kuntratt tal-Lands mad-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali; u e. jekk hemm xi kuntratt ieħor ma' xi entità oħra?

Response (SCHEMBRI, SILVIO)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f’seduta oħra.

Żoni Industrijali tal-Ħandaq u Mosta — tindif

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 19196 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Enerġija, l-Intrapriża u l-Iżvilupp Sostenibbli u l-mistoqsija parlamentari 19074 li oriġinarjament saret lill-Ministeru għall-Ekonomija u l-Industrija u li issa qed tiġi riferuta lilu u jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li ssir il-ħidma ta’ tindif u manutenzjoni kemm fiż-Żona Industrijali tal-Ħandaq fejn hemm bankini mkissra u skart x’jinġabar, kif ukoll fiż-Żona Industrijali ta’ Tarġa Gap fil-Mosta fejn hemm ħtieġa ta’ tindif?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ftit ġimgħat ilu intlaħaq ftehim bejn id-Diviżjoni għat-Tindif u Manutenzjoni, u Indis Malta sabiex isir tindif regolari f’diversi żoni industrijali madwar il-pajjiż. B’dan l-arranġament qed isir tindif darba fil-ġimgħa fiż-żona tal-Ħandaq, u darbtejn fil-ġimgħa fiż-żona tal-Mosta. Ix-xogħol jikkonsisti fi ġbir ta’ skart, knis ta’ toroq u qtugħ ta’ ħaxix ħażin.
Leg 13 PQ #19348 Sitting 432 2021-02-24 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru għall-Edukazzjoni

MCAST — Student - ħlas ta' refund

Question

Tista' l-Ministru tara x'jista’ jsir fil-każ ta’ dan l-istudent tal-MCAST (li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament) li qed ikun mitlub iħallas refund ta' €166.47 bħala refund tal-maintenance grants, li skont l-MCAST, ir-raġuni li dan l-istudent ikollu jħallas ir-refund hi għax ma għaddiex mill-eżami, imma minħabba l-lockdown kien għamel l-eżami mid-dar, u ma kellux LSA miegħu?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninsab infurmata li minħabba li l-istudent weħel mill-kors li kien qed isegwi, intużat il-proċedura msemmija fil-Legal Notice 308 tas-sena 2016.

Il-Mosta — manutenzjoni fi blokok fil-Qasam tal-Gvern

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li ssir il-manutenzjoni meħtieġa fuq xogħol tal-injam, kmamar tal-banju u xogħol ta' manutenzjoni fil-ġebel, fil-blokok tal-Qasam tal-Gvern li l-indirizz tagħhom qed jingħata separatament?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninsab infurmat illi qed isiru x-xogħlijiet neċessarji. Xogħlijiet oħra ta’ manutenzjoni ordinarja fl-appartamenti għandhom isiru mill-inkwilini fejn l-Awtorità tad-Djar tista’ tgħin lill-inkwilini permezz ta’ Skemi apposta għal irranġar ta’ dan it-tip.

Implants ta’ Hip Replacements

Question

Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jieħu l-passi meħtieġa sabiex tissolva l-problema ta' nuqqas ta' supply ta' implants għall-operazzjoni ta’ hip replacement ta' individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, peress li l-operazzjoni baqgħet ma saritx?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-każ qed jiġi segwit filwaqt li ninfurmah ukoll li l-implants m’humiex out of stock.

Mosta – Triq San Pawl tal-Qlejgħa u Triq il-Kbira – water culvert

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi d-deċiżjoni tal-Gvern rigward il-water culvert il-ġdid, li ser jieħu l-ilma tax-xita minn Triq San Pawl tal-Qlejgħa u parti f’Triq il-Kbira fil-Mosta? Jista’ jgħid x’inhuma l-pjanijiet tal-Gvern u meta ser isir dan il-culvert f’Pjazza San Leonardu? Jista’ jgħid kif ser jitkompla l-proġett sabiex l-ilma tax-xita minn Pjazza Leonardu jkun jista’ jispiċċa f’Wied il-Għasel?

Response (BORG, IAN)

Nirreferi lill-Onor. Nterpellant għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari 19194 tas-Seduta 430.

Trattament lill-individwu – każ ta’ individwu

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara x’inhi r-raġuni għaliex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadu ma ngħatax trattament li ilu jistenna żmien?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-każ qed jiġi segwit.

MCCAA – tnaqqis tal-ħlas tar-reġistrazzjoni għal organic farmers

Question

Jista’ l-Ministru jieħu d-deċiżjoni u jara li l-ħlas għar-reġistrazzjoni ta’ organic farmers imposta mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) titnaqqas u dan sabiex il-Gvern ikun qed jieħu inizjattiva u jgħin bdiewa biex jirreġistraw bħala organic farmers u b’hekk bħala pajjiż ma nibqgħux wieħed mill- pajjiżi fl-Unjoni Ewropea li għandu l-inqas organic farmers?

Response (BARTOLO, CLAYTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ħlasijiet ta' reġistrazzjoni imposti mill-Awtorità ta’ Malta għall-Kompetizzjoni u għall-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fuq organic farmers, ġew stabbiliti fl-2004 (ikkonvertiti f’ewro fl-2006). Dawn qatt m’għolew biex jirriflettu iż-żiediet fl-ispejjes tal-kontrolli mill-Awtorita’ li jsiru bħal testijiet fuq il-prodotti organiċi, pagi tal-ispetturi u amministrazzjoni tal-iskema. Indirettament, dan jista’ jitqies bħala tnaqqis fil-ħlas matul is-snin. Dawn l-ispejjeż ta’ reġistrazzjoni huma koperti minn skemi li ħoloq il-Gvern, iffinanzjati mill-UE u mmaniġjati minn Funds and Programmes Division OPM, bil-pagamenti joħorġu mill-ARPA fi ħdan il-Ministeru tal-Agrikultura. Il-Gvern attwali hu impenjat li jgħin anke lill-biedja organika u qed jistudja kif dan għandu jsir bl-aħjar mod, inkluż bis-sehem tal-awtoritajiet kollha kkonċernati.

Spazji fejn isir ħruq ta’ nar – żoni fejn ma jsirx żvilupp

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li l-ispazji minn fejn jinħaraq in-nar fil-festi ikun ikkonsidrat bħala żona li fiha ma jistax isir żvilupp/bini u dan biex ikun protett il-ħruq ta’ nar tal-festi? Ovvjament nifhem li n-nar f’ħafna ċirkostanzi qed jinħaraq minn żoni ODZ iżda ftuħ ta’ triq/trejqa eċċ, jista’ jkun li maż-żmien ikun qed joħloq impediment għall-istess ħruq ta’ nar.

Response (FARRUGIA, AARON)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li il-ħruq tan-nar huwa digà regolat mill-Kap 33, Liġi Sussidjarja 33.03.

Mosta – Triq Durumblat – bankina

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex tkissret il-bankina kollha li kienet diġà saret f’Triq Durumblat minn ħdejn ir-roundabout fil-limiti ta’ Attard lejn il-Mosta u din il-bankina reġgħet inbniet mill-ġdid? X’kienet l-ispiża tal-ewwel bankina li diġà kienet saret? Jista’ jgħid min ser jerfa r-responsabbiltà li bankina qed terġa’ ssir mill-ġdid u kellha tirrikjedi bankina ġdida? Jista’ jgħid min ser jagħmel tajjeb għax-xogħol li sar għall-ispiża kollha tal-bini tkissir u bini mill-ġdid tal-bankina?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Triq Durumblat hija arterja ta' 1.8 kilometri bejn Ħ’Attard, Ta’ Qali u l-Mosta. Minbarra tisħieħ tal-pedamenti u wiċċ ġdid b’diversi kisjiet bl-asfalt, f’din it-triq qegħdin isiru diversi xogħlijiet ta’ servizzi taħt l-art għall-ilma, elettriku u telekomunikazzjoni kif ukoll dwal tat-triq ġodda. Barra minn hekk, Infrastructure Malta qed tintroduċi bankini maż-żewġ naħat biex tiffaċilita l-konnessjonijiet bil-mixi bejn il-lokalitajiet li semmejt u biex ittejjeb ukoll l-aċċess għall-ġonna pubbliċi u l-faċilitajiet sportivi ta’ Ta’ Qali. Hija biss parti mill-bankina, daqs ta’ madwar 250 metru, li reġgħet inqalgħet għax ma saritx eżattament skont il-pjanti tal-proġett. L-ispiża għal din il-parti mill-bankina kienet ta’ madwar €15,000 u biex issir mill-ġdid se jkollu jagħmel tajjeb għaliha l-kuntrattur bi spejjeż tiegħu. Infrastructure Malta hija mpenjata li x-xogħol u l-investimenti tagħha jkunu tal-ogħla livell, fl-aħjar interess tal-eluf ta’ persuni li ta’ kuljum jużaw l-infrastruttura ta’ pajjiżna. Għaldaqstant, meta x-xogħol li jsir ma jilħaqx il-livelli ta’ kwalità li tesiġi l-aġenzija, dan ikollu jinqala’ u jsir mill-ġdid mill-kuntratturi bi spejjeż tagħhom. Għal darb’oħra ninforma lil Onorevoli Interpellant li fil-ftit żmien kemm ilha li twaqqfet, Infrastructure Malta diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’madwar 500 triq. Matul l-2020 bniet mill-ġdid mal-155 triq residenzjali u bħalissa għaddejjin xogħlijiet f’għexieren ta’ toroq oħrajn. Fil-lokalità tal-Mosta diġà saru Triq Dawret il-Wied, Triq il-Qares, Triq is-Snajja’, Triq San Pawl tal-Qliegħa, Triq tas-Sriedek, Sqaq Madre Tereża Spinelli, Triq Rużar Briffa (Żokrija), Triq Kumbu, Triq San Silvestru, Triq Alofju Wignacourt, Triq il-Ballata, Triq Dun Karm Schembri, Triq il-Bdoti, Triq il-Familja Cumbo, Triq it-Taħħan, Triq ta’ Venezja, Triq il-Baqqunier u Triq tal-Wej, waqt li bħalissa qegħdin isiru Triq Durumblat, Triq il-Kbira, Triq Patri Ġuże Delia u Triq il-Fortizza tal-Mosta. Saru wkoll xogħlijiet fi Triq il-Fortizza u Triq il-Kostituzzjoni waqt li diġà hemm ippjanti diversi toroq oħrajn f’din il-lokalità biex isiru fiż-żmien li ġej. Intennu l-impenn tagħna li nkomplu naħdmu bla heda biex nagħtu ambjent aħjar u kwalità ta’ ħajja aħjar lill-familji fil-lokalitajiet kollha f’pajjiżna.