B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 19349 tat-18 ta’ Frar 2021, jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-iskemi li l-Awtorità tad-Djar qed toffri fil-preżent, lill-inkwilini li jkunu jridu jagħmlu manutenzjoni fl-appartament tagħhom?
Response (GALDES, RODERICK)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li fil-preżent l-Awtorità tad-Djar qed toffri skema ta’ Irranġar u Titjib u d-dettalji ta’ tali skema qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm saru tined fil-Pitkalija f’dawn l-aħħar xahrejn? Kemm qed ikun il-ħlas għal dawn it-tined? X’jismu l-kuntrattur min fejn qed jinkrew dawn it-tined? Jista’ jgħid l-għażla ta’ dawn it-tined saritx b’direct order jew b’tender?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni hekk kif żvolġiet fil-Pitkalija dan l-aħħar, fi żmien qasir ġew installati ħames tined kbar li permezz tagħhom seta’ jiġi offrut servizz lill-bdiewa, jkun assigurat il-bejgħ tal-prodotti agrikoli u jiġu ssalvagwardjati l-interessi tal-bdiewa.
Dawn it-tined inkrew b’direct order mingħand il-Malta Fairs & Conventions Centre (MFCC) għall-ammont ta’ €2,278.75 fil-ġimgħa li jinkludi l-armar u ż-żarmar tal-istess tined. Dawn it-tined ħa jintużaw sakemm is-sitwazzjoni tiġi lura għan-normal.
Fid-dawl li diversi kollezzjonisti ta’ tajr ibbalzmat għandhom dan it-tajr ibbalzmat, u wara li snin ilu saru talbiet għand diversi entitajiet li skont iż-żmien kienu responsabbli mit-tagging ta’ dan it-tajr ibbalzmat u wara kull amestija li saret, saru l-verifikazzjonijiet, jista’ l-Ministru jgħid meta se jibdew isiru l-verifikazzjonijiet meħtieġa, sabiex ikunu jistgħu jiġu rregolati t-trasferimenti li ġew mitluba?
Response (REFALO, ANTON)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex iressaq din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex il-pensjoni tal-individwu li għandu problemi mediċi u li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, tibda tingħata fil-kont tal-bank tat-tifla tiegħu li d-dettalji tagħha wkoll qed jingħataw separatament?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, tali tibdil kif indikat minnu jista’ jseħħ biss meta s-sinjur imsemmi minnu, jikteb personalment lid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u jitlob uffiċjalment sabiex il-pensjoni tiegħu tibda tidħol f’kont bankarju ta’ terza persuna.
Jista’ l-Ministru jgħid x’azzjoni ħadet l-Awtorità tal-Ippjanar, sabiex rapporti li saru fuq proprjetà li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, li hija proprjetà mitluqa, tista’ toħloq problemi? Jista’ jgħid x’azzjoni se tittieħed mill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex dan il-periklu ta’ proprjetà bħal din li hija mitluqa, se jitneħħa?
Response (FARRUGIA, AARON)
Ninforma lilll-Onor. Interpellant li r-risposta se tingħata f'seduta oħra.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se jasal iż-żmien li fih pazjenti/persuni fi sptarijiet bħalma hi San Vinċenz de Paule, u residenti fi djar tal-anzjani jkunu jistgħu joħorġu barra għal arja, u mhux jibqgħu magħluqa?
Response (FEARNE, CHRIS)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant illi t-tneħħija ta' mizuri fid-djar għall-anzjani huma kkoordinati flimkien mal-Ministeru għal Anzjani u Anzjanità Attiva,
skont is-sitwazzjoni epidemjoloġika.
Tista’ l-Ministru tgħid jekk il-kappella San Oswald li hija parti mill-bini fejn ser issir skola fl-Imtarfa, hijiex ser tibqa’ tiffunzjona bħala kappella fejn isir il-quddies kif diġà qed isir?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninsab infurmata li l-kappella li qiegħda fil-konfini tal-art, għaddiet għand terzi wara sejħa pubblika u riżoluzzjoni parlamentari.
Għalhekk hija l-entità li lilha ġiet mgħoddija l-art li tista’ twieġeb dwar l-użu tal-kappella.
B’referenza għal ftehim li għamlet l-istess Ministru ma’ min ser ikun qiegħed imexxi l-iskola fil-binja tal-Imtarfa li qabel kienet sptar u wara kienet inbidel fi’skola tal-Gvern, u issa ser issir skola li ser titmexxa mill-ftehim li sar dan l-aħħar, tista’ l-Ministru tgħid jekk f’parti mill-iskola, l-Imtarfa Drama Group hux ser jibqa’ jkollu aċċess skont il-ftehim li kien hemm bejn il-Gvern u l-istess Mtarfa Drama Group?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Infurmata li l-Imtarfa Drama Group se jibqa’ jkollu aċċess għall-iskola meta din isirilha x-xogħol meħtieġ.
Mtarfa – ftehim għal skola – aċċess għall-partijiet fil-binja
Question
B’referenza għall-ftehim li għamlet l-istess Ministru, dwar il-bini fl-Imtarfa li qabel kien sptar u issa ser jiġi mogħti lill-barranin biex titmexxa bħala skola privata, tista’ l-Ministru tgħid jekk hux ser jibqa’ jkun possibbli għall-pubbliku inġenerali li jkollu aċċess għall-partijiet mill-istess binja li huma ta’ wirt u patrimonju kulturali?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Jiena infurmata li ser jibqa' jkun hemm aċċess għall-partijiet tal-binja li huma ta’ wirt u patrimonju kulturali.
Mtarfa – binja li ser issir skola privata — xogħlijiet
Question
B’referenza għall-binja fl-Imtarfa li ser issir skola privata, tista’ l-Ministru tgħid kif u għaliex beda xogħol fuq bini ta’ boundary wall u beda xogħol fil-grawnd tal-football u dan kollu qabel ma ħarġu l-permessi meħtieġa mill-Awtorità tal-Ippjanar u bla ma saru l-ebda komunikazzjoni mal-ebda entità fl-Imtarfa?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li s-sit tal-binja fl-Imtarfa, inkluż il-grawnd, għadda għand terzi u għalhekk hija l-entità/kumpanija li lilha ngħatat il-konċessjoni tal-art li għandha r-responsabbiltà li timxi mal-liġijiet/permessi relatati għax-xogħlijiet meħtieġa.
Ministeru għall-Agrikoltura, s-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali — esperti
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 20237 u jgħid min huma l-esperti li għandu? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista:
a. bl-ismijiet;
b. kemm qegħdin jitħallsu mill-istess Ministeru; u
c. jagħti l-informazzjoni dwar dawn l-esperti u ta’ xiex huma esperti?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 20077, tista’ l-Ministru tistħarreġ il-possibbilità li sidien ta’ catering establishments ikunu jistgħu japplikaw għal sussidju fuq ħaddiema ġodda li jkunu daħlu jaħdmu magħhomwara Mejju 2020?
Response (DALLI, MIRIAM)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li n-negozji kollha li qed jieħdu il-wage supplement, minn Jannar ta’ din is-sena setgħu japplikaw għall-ħaddiema ġodda li daħlu wara Mejju tal-2020 bħala replacements ta’ dawk l-impjegati li rrizenjaw minn jeddhom.
Barra minn hekk dawk in-negozji li kienu affetwati minħabba d-direttivi tal-Awtoritajiet u kellhom jingħalqu minnħabba l-legal notice, setgħu japplikaw ukoll biex jibbenifikaw mill-wage supplement għal dak iż-żmien li jkunu malgħuqin.
Jista’ l-Ministru jieħu l-inizjattiva sabiex jara li jsir ix-xogħol meħtieġ u jsiru sinjali ġodda tat-traffiku fi Triq Ta’ Żejfa fil-Mosta, fejn hemm l-entratura lejn Triq Patri Ġuże Delia, sabiex id-dħul u l-ħruġ ta’ vetturi f’dawn it-toroq isir b’mod aktar sigur u bl-inqas periklu possibbli?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorita’ tat-Trasport li ttieħdet nota ta’ din it-talba, liema talba sa tkun qegħda tiġi evaluata fil-jiem li ġejjin.
Jista’ l-Ministru jgħid fiex waslet ir-riforma fil-Pitkalija? Jista’ jgħid x’miżuri qegħdin jittieħdu sabiex il-bdiewa jaraw li jkollhom aktar prodotti jinbiegħu u anqas ħaxix jintrema?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li bħalissa qed isiru l-preparamenti għall-implimentazzjoni tar-riforma u l-pjan li kien tħabbar is-sena l-oħra beda jitwettaq. Sa issa tlestiet is-sistema eletronika u għaddej ukoll proċess ta’ reġistrazzjoni tal-istakeholders kollha li jagħmlu użu mill-Pitkalija, jiġifieri bdiewa, xerrejja, pitkala u ħaddiema oħra. Dawn kollha se tingħatalhom card uffiċjali.
Dalwaqt se jitniedi l-proġett pilota mal-Koperativa Ċentrali tal-Bdiewa, kif ukoll mis-servizz li qed taghti il-Malta Food Agency li ser ikunu katalisti sabiex tiddaħħal ir-riforma ġewwa l- Pitkalija. Dan il-proġett se jkun jinkludi bidu ta’ dħul ta’ standards fuq il-prodotti, barcoding fuq il-kaxxi, kif ukoll reġistrar tal-prodott ġewwa s-sistema elettronika l-ġdida. Dan kollu se jgħin sabiex ikun hemm traċċabilta’ u kontroll fuq il-prodotti li jiddaħlu u jinbiegħu minn ġewwa l-Pitkalija.
Kif diġa’ ntqal f’risposti preċedenti, il-Gvern għaddej b’kampanja bl-isem ta’ “Agħżel il-Bnin, Agħżel il-Frisk” li għandha l-għan li tippromwovi s-settur speċifikament, il-produzzjoni agrikola f’Malta u titnissel kultura biex il-konsumatur Malti jagħti tali priorità fl-għażliet tiegħu. F’kazi ta’ surplus qed jiġi mħejji pjan sabiex prodott li ma jinbiegħx isir l-aħjar użu minnu.
Jista’ l-Ministru jgħid meta se jagħti aktar għajnuna lir-raħħala tal-majjal u tal-baqar sabiex dawn ir-raħħala jkunu megħjuna jsalvaw f’din ir-realtà, fejn il-ġwież qed jogħla kontinwament?
Response (REFALO, ANTON)
Nirreferi lill-Onor. Interpellant għall-Mistoqsija Parlamentari 19882 li diġa’ ġiet imwieġba bi sħiħ fil-15 ta’ Marzu 2021.
Ministeru għall-Agrikoltura, s-Sajd, l-Ikel u d-Drittijiet tal-Annimali — esperti
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma l-esperti li għandu? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista:
a. bl-ismijiet;
b. kemm qegħdin jitħallsu mill-istess Ministeru; u
c. jagħti l-informazzjoni dwar dawn l-esperti u ta’ xiex huma esperti?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u tingħata f'xi seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jieħu deċiżjoni sabiex immedjatament iwaqqaf l-iskema l-ġdida dwar il-ħruġ tal-għoti tal-liċenzja għas-sajjieda li qed jiddiskuti fil-preżent mas-sajjieda? Kif kien intqal permezz tal-istqarrija għall-istampa li kien għamel il-Ministru Clint Camilleri (P 9/4/2019) li f’tali stqarrija jidher ċar li dakinhar meta ngħatat il-liċenzja qatt ma ntqal kemm se sservi din il-liċenzja (numru ta’ snin), għaldaqstant jista’ jgħid issa kif qed jistenna li s-sajjieda li investew il-flus, illum wara sentejn biss, ikunu lesti li jagħtu lura lil Gvern il-liċenzji li ngħataw sentejn ilu?
Response (REFALO, ANTON)
Niġbed l-attenzjoni tal-Onor. Interpellant li huwa ċar li l-kwota mogħtija lill-bastimenti msejjħa settorjali, kienet ingħatat għal sentejn, jiġifieri għas-snin 2019 u 2020. Madanakollu, fuq talba tal-Koperattivi stess, u anke fid-dawl li fil-livell ta’ ICCAT sar roll-over mis-sena 2020 għas-sena 2021, kull min ibbenefika minn kwota tat-tonn fis-sena 2020, qed jerġa’ jibbenefika minn kwota tat-tonn għall-istaġun 2021. Għaldaqstant, m’hemm l-ebda ritorn ta’ awtorizzazzjonijiet ta’ tonn lill-Gvern. Il-Gvern jinsab kommess li jkompli jiddiskuti mas-settur sabiex jiġi mfassal pjan fit-tul fir-rigward tal-kwoti tat-tonn, bil-għan li s-settur ikun sostenibbli u jiġi garantit futur lis-sajjieda Maltin u Għawdxin u l-familji tagħhom.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex isir xogħol meħtieġ f'toroq fil-ġnub ta' triq prinċipali bl-isem Triq Burmarrad (li r-rittratti tagħhom qed jingħataw separatament) fejn dawn it-toroq huma fl-inħawi magħrufa bħala inħawi Triq Għajn Rihana fejn saret roundabout fejn il-Kappella ta Santa, Għajn Riħana? Jista' jara l-istat ta' dawn it-toroq li tkissru waqt li kien qed issir xi xogħol fi Triq Burmarrad?
Response (BORG, IAN)
Bħal f’lokalitajiet oħrajn, f’Burmarrad ukoll Infrastructure Malta qed tagħmel diversi xogħljiet u manutenzjoni f’toroq rurali. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant biex jippreżenta site plan fejn jindika t-toroq li qed jirreferi għalihom.
Finanzjament ta' mediċina approvata mill-Unjoni Ewropea
Question
Jista' l-Ministru japprova l-finanzjament tal-mediċina approvata mill-Unjoni Ewropea li tali mediċina hija ta' ħtieġa biex il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament tkun tista' tibqa' ħajja u li tali talba saret mill-Ministeru għas-Saħħa?
Response (CARUANA, CLYDE)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif imħabbar, din il-mediċina ser tibda tingħata.