Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' nies li ta' kuljum jidħlu fl-Isptar Mater Dei fl-outpatients departments differenti u kemm-il outpatients department differenti hemm?
Response (CASSAR, JOSEPH)
L-informazzjoni mitluba qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Prim Ministru jgħid fil-Kunsill Lokali tal-Mosta f'kemm kienu jammontaw il-pagamenti kollha li saru lill-perit, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, fis-sena 2009 u 2010?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li l-Perit tal-Kunsill Lokali tal-Mosta tħallas l-ammont ta’ €21,404.02 għas-sena 2009 filwaqt li għas-sena 2010 tħallas l-ammont ta’ €45,729.28
Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm kien l-infiq li għamel il-Kunsill Lokali tal-Mosta fis-sena 2008, 2009 u fl-2010 f'ħidma ta' bini ta' toroq ġodda u għoti ta' tarmac? Jista' jagħti l-ismijiet ta' toroq li saru f'dawn is-snin imsemmija?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Ninsab infurmat li matul l-2008 u l-2009 il-Kunsill Lokali tal-Mosta ma għamilx xogħlijiet relatati mal-bini tat-toroq fil-lokalità. Intant matul is-sena 2010 saru parti minn Triq id-Dawr bi spiża ta’ €17,186.74, Triq l-Antinni bi spiża €84,422.46 u Triq il-Wied bi spiża ta’ €30,580.07.
Jista' l-Prim Ministru jwieġeb mistoqsijaiet parlamentari 21410 u 20399 u ċioe: bħala Ministru responsabbli mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jgħid min huma l-entitajiet/awtoritajiet/ dipartimenti li ġew ikkonsultati mill-istess awtorità għal ħruġ tal-permessi ta' rationalisation site fiż-żona ta' Dib fil-Mosta? Jista' jgħid ukoll min huma dawk l-entitajiet li ġew ikkonsidrati f'dan il-proċess li għadhom ma rrispondewx?
investigazzjoni dwar tfiegħ ta' bajd fuq karozzi u djar
Question
Jista' l-Ministru jinvestiga permezz tal-Pulizija fl-Għassa tal-Mosta, min kien il-persuna/i li għal darbtejn nhar ta' Ħadd konsekuttivament għamlu straġi fi Triq Dawret il-Wied, Triq il-Bwieqi u Triq il-Fuħħar żona ta' Santa Margerita fil-Mosta, fejn dawn il-persuni waddbu mijiet ta' bajd fuq il-karozzi u mal-faċċata tal-bini fejn għamlu ħsara bi tbajja li jħalli warajh t-tfiegħ tal-istess bajd?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi l-Pulizija, filwaqt li għadha qed tinvestiga l-każ imsemmi mill-Onorevoli Interpellant, qiegħdha tagħmel aktar sorveljanza fl-inħawi msemmija.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21406, jista' l-Minsitru jgħid minn liema leġislazzjoni tirriżulta r-risposta mogħtija għal din id-doamdna, ċioe liema hi l-leġislazzjoni li tistipula trasferiment ta' dgħajsa li nbiegħet lill-persuna li hija miżżewġa lill-bint is-sid ta' dgħajsa, li effettivament biegħ d-dgħajsa li fuqha saret il-mistoqsija 21406?
Response (PULLICINO, GEORGE)
Ninforma lil--Onor. Interpellant li r-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21406 toħroġ minn Arikolu 8(c), Regolamenti dwar il-Bastimenti tas-Sajd, Legislazzjoni Sussidjarja
425.07.
Jista' l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 22226 li oriġinarjament saret lill-Ministru tal-Edukazzjoni, Xogħol u l-Familja u li issa ġiet riferuta lilu u jistħarreġ il-possibilità li jilqa' t-talba tal-persuna, li d-dettalji tagħha qed jingħataw separatament?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tal-Proprjeta’ tal-Gvern expropja art f’isem Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada biex tinbena skola. Għad baqa’ biċċa art, li qed jirreferi għaliha l-Interpellant li għadha ma ntużatx, u li deċiżjoni dwarha għad trid titiehed.
Għaldaqstant, nixtieq ninforma lill-Onorevoli Membru Parlamentari li d-Dipartiment tal-Proprjeta’ tal-Gvern flimkien mal-Fondazzjoni għall-Iskejjel ta’ Għada qed jaħdmu biex tinstab soluzzjoni għall-problema mqanqla mill-persuna li d-dettalji tagħha ngħataw separatament.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21127, jista' l-Ministru jgħid jekk bħala Ministeru irċeviex l-applikazzjoni li qed tintbgħat separatament? Jekk għal xi raġuni s'issa fil-Ministeru ma tinstab l-ebda applikazzjoni bħala talba għall-użu ta' din il-binja, jista' jikkonferma jekk din l-ittra tal-applikazzjoni hix se tkun ikkunsidrata mill-Ministeru bħala applikazzjoni li turi interess fl-użu ta' din il-binja bħala waħda valida?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi t-talba magħmula mill-entita’ lid-dettalji tagħha ntbagħtu separatament ma ġietx mibgħuta lid-Dipartiment tal-Proprjeta’ tal-Gvern. Kemm il-darba din l-applikazzjoni tintbagħat dan id-Dipartiment jikkunsidra din it-talba flimkien ma’ applikazzjonijiet oħra għall-istess proprjeta’ wara li l-Ordni ta’ Żgumbrament, li nħarġet fil-25 ta’ Novembru 2010 tiġi esegwita.
Jista l-Ministru jwieġeb mistoqsija parlamentari 21674 u jgħid jekk huwiex permessibbli li sid ta' razzett li fih irabbi n-ngħaġ tal-ħalib, ikun jista' jrabbi ukoll baqra għall-ħalib? Jekk dan mhux permessibbli, jista' jgħid għaliex dan mhux possibbli?
Response (PULLICINO, GEORGE)
L-informazzjoni għadha qed tinġabar u risposta tingħata f'xi seduta oħra.
Persuni l-ħabs — nuqqas ta' għarfien ta' kuntratt tal-manteniment u tal-aċċess għat-tfal
Question
Jista' l-Ministru jgħid fis-sena 2010 kemm kien hemm rġiel u nisa li ġew mogħtija sentenza ta' ħabs mill-Qrati fir-rigward ta' nuqqas ta' għarfien ta' kuntratt tal-manteniment kif ukoll fil-kors ta' aċċess għall-ulied?
Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)
Ninsab infurmat illi matul l-2010, quddiem il-Qorti lokali, kien hemm 80 persuna li ġew mogħtija sentenza ta' ħabs fuq akkuża ta' nuqqas ta' għarfien tal-kuntratt tal-manteniment, kif ukoll kien hemm 16-il persuna li ngħataw sentenza ta' ħabs fuq akkuża ta' nuqqas ta' aċċess għat-tfal.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21680, jista' l-Prim Ministru jagħti l-ordni sabiex fi Triq E.B. Vella fil-Mosta, minkejja li l-istat tat-triq mhux tajjeb, xorta waħda jagħmlu s-sinjali ta' żebgħa quddiem il-garaxxijiet ta' din it-triq u dan biex jonqos id-disgwid tal-ġiriien li qed jipparkjaw quddiem il-garaxxijiet fl-istess triq?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Filwaqt li nirreferi lill-Onor Interpellant għat-tweġiba li jien tajt għall-Mistoqsija Parlamentari Numru 21680, qed ngħaddi dan is-suġġeriment lill-Kunsill Lokali tal-Mosta għall-kunsiderazzjoni tiegħu.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 22068 tista' l-Ministru tgħid minn liema leġislazzjoni jirriżulta li mara separata legalment b'mod bonarju jkollha pensjoni tagħha tiddependi mill-kontenut tal-istess kuntratt ta' separazzjoni kif qed jiġi spjegat fir-risposta tal-istess mistoqsija parlamentari?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Pensjoni kontributorja taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali titħallas lil persuna assigurata u bis-saħħa tal-Artikolu 101 tal-istess Att id-Direttur tas-Sigurta’ Soċjali ma jkunx jista’ minn jeddu jaqta’ parti minn dik il-pensjoni u jgħaddiha lill-parti l-oħra. Assenjament ta’ ħlas lill-parti l-oħra fiż-żwieġ jista’ jsir kemm il-darba dan l-assenjament ta’ ħlas jkun ġie ordnat b’xi sentenza tal-qorti jew b’rizultat ta’ xi ftehim leġittimu bejn koppja miżżewġa fejn dan il-ftehim jagħmilha ċara li l-pagament għandu jsir direttament mid-Dipartiment lill-parti l-oħra.
B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 21876, filwaqt li l-pont tal-Bidnija huwa strutturalment validu, jista' l-Ministru jara permezz tat-Transport Malta li jsir il-manutenzjoni meħtieġa għaliex jidher li hemm ħsara li qed tidher fil-kwalità ħażina tat-triq li għaddejja fuq l-istess pont?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li wara spezzjonijiet li saru minn Transport Malta, ġie deċiż li t-tiswijiet meħtieġa se jkunu nklużi fil-programm ta’ manutenzjoni li Transport Malta qiegħda tħejji.
Tista' l-Ministru tgħid jekk mara separata bi ftehim ta' separazzjoni li sar bonarjament għandhiex tieħu bi dritt is-sehem tagħha mill-pensjoni tal-eks raġel tagħha li meta kien qed iħallas is-social security contributions, il-mara kienet qed tagħti sehma bil-ħidma tagħha għall-familja u fid-dar?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Id-dritt ta’ mara separata legalment b’mod bonarju għas-sehem tagħha mill-pensjoni tal-eks żewġa jiddependi mill-kontenut tal-istess kuntratt ta’ separazzjoni.
Mosta — Triq it-Tama - bini magħruf bħala l-Fortizza
Question
Jista' l-Ministru jgħid il-bini magħruf bħala Fortizza fi Triq it-Tama, Mosta li għal numru ta' snin kienet mogħtija b'ċens għal residenza, taħt liema Ministeru taqa' bħala titlu? Taħt il-Ministeru responsabli mill-artijiet jew xi Ministeru ieħor?
Response (FENECH, TONIO)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-bini magħruf bħala Fortizza fi Triq it-Tama Mosta huwa amministrat mid-Dipartiment tal-Proprjetà tal-Gvern. Il-kera ta’ dan il-bini ma ġietx imġedda wara 30 ta’ Ġunju 2010, u d-dipartiment qiegħed fil-proċess biex jikseb iċ-ċwievet lura mingħand il-kerrej.
Jista' l-Ministru jgħid jekk il-pont tal-Bidnija li jieħu mill-Mosta għall-Bidnija għandux xi ħsara strutturali li tista' toħloq periklu għal min ikun qed jużah?
Response (GATT, AUSTIN)
Ninsab infurmat li l-pont li qed jirreferi għalih huwa strutturalment validu.
Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk struttura li hija ċertifikata li nbniet qabel l-1968 għandhiex titwaqqa' bħala struttura illegali?
Response (GONZI, LAWRENCE)
Infurmat li l-prattika (policy) li tħaddan il-MEPA ssegwi li jekk struttura tkun tidher fir-ritratti uffiċjali mill-ajru meħuda fil-1967 u sussegwentament indikata fis-survey sheets tal-1968, din tkun meqjusa jew ossia ċertifikata bħala struttura qadima li għaliha ma jintalabx permess ta' bini. Pero jekk fl-eventwalita jkun ippruvat li għalkemm l-istruttura tidher fir-ritratti uffiċċjali iżda kienet inbniet b'mod illegali jew ossia mhux konformi ma' xi permessi tal-bini li setgħu nħarġu qabel jew wara l-1967, xorta waħda tittieħed azzjoni t'infurzar skont il-liġi.
Mosta — Skola taż-Żokkrija - ground tal-atletika professjonali
Question
Tista' l-Ministru tgħid jekk it-track għall-atletika li se ssir fil-ground tal-iskola ta' Żokrija fil-Mosta għandhiex l-ispecifications ta' xi track tal-atletika professjonali? Tista' tgħid x'differenza se jkun hemm bejn it-track li se ssir fl-iskola taż-Żokrija u track professjonali? Tista tara li jekk ikun hemm bżonn, isir it-tibdil meħtieġ sabiex it-track li se ssir, tkun waħda li tilħaq l-specifications ta' atletika professjonali?
Response (CRISTINA, DOLORES)
Kull track li saret fl-iskejjel il-ġodda dejjem saret fuq specifications ta’ livell internazzjonali. Ta’ min jgħid illi dan ukoll jiddependi mill-ispazju li jkun hemm. Fl-iskola ta’ Żokkrija fil-Mosta se jkun hemm ukoll 100 metres straight kif ukoll sand pit għal-long jump li hija ta’ livell internazzjonali.