Legislature:
Category:
Reset
Active:

Sliema — St. Henry Street - sinjali ta' parking u no parking

Question

Jista' l-Ministru jara li jsiru sinjali ta' parking u no parking f' St. Henry Street, Sliema peress li numru ta' xhur ilu saret it-triq b'tarmac mill-ġdid?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li fil-ġranet li ġejjin se ssir laqgħa fuq il-post bejn il-kunsill lokali u uffiċjali minn Transport Malta dwar dan is-suġġett.
Leg 11 PQ #25176 Sitting 337 2011-04-11 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Mosta — Triq ix-xitwa - żona protetta

Question

Jista' l-Prim Ministru jara li l-Kunsill Lokali tal-Mosta jwaħħal tabelli ta' "Żona Protetta" fi Triq ix-Xitwa, l-Mosta biex ikun hemm tabelli li jindikaw li dik iż-żona hija żona protetta, għaliex il-ġirien qed iwiegħdu li jagħmlu neighbourhood watch?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Mill-informazzjoni li l-Kunsill Lokali tal-Mosta għadda lid-Dipartiment għall-Gvern Lokali ninsab infurmat li l-Kunsill Lokali se jressaq din il-materja għad-diskussjoni waqt il-laqgħa li jmiss.

Mġarr — Triq Amarozz - cabinets fuq il-bankina

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk skont standards mitluba dwar aċċess għall-persuni b'diżabilità cabinets, li jidhru fuq ir-ritratti li qed jintbagħtu separatament, li jieħdu nofs il-wisgħa ta' spazju tal-bankina ta' Triq l-Amarozz fl-Imġarr Malta, sarux bil-permessi meħtieġa?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant illi l-“cabinets“ jew kif inhuma magħrufa aħjar “feeder pillar”’ isiru bħala parti mix-xogħol tal-inforzar tal-provvista tal-elettriku. L-installazzjoni tagħhom tinvolvi l-użu tat-trinek u dawn jinħarġilhom permess mill-awtorità kkonċernata. Fuq dan il-każ speċifiku, diġà saru diskussjonijiet mar-residenti, biex dan il-feeder pillar jinbidel u minflok jintużaw tnejn zgħar. Malli dawn ikunu lesti, l-arblu ukoll ser jitneħħa.

Wied ta' Għajn Riħana — tindif ta' skart

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir ħidma ta' tindif sabiex jitneħħa l-iskart, li d-dettalji tiegħu qed jintbagħtu separatament, li qiegħed fil-wied ta' Għajn Riħana fl-inħawi ta' Burmarrad?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li diġà qegħdin jittieħdu il-passi meħtieġa biex isir it-tindif meħtieġ mill-aktar fis possibbli bħala parti mit-tindif li jsr fil-widien fil-perjodu xott ta' matul is-sena.

Mosta — Skart ħdejn il-Fortizza

Question

Jista' l-Ministru jara li ssir ħidma ta' tindif sabiex jitneħħa l-iskart, li r-ritratti tiegħu qed jingħataw separatament, li hemm ħdejn il-fortizza magħrufa bħala Biżbiżijja ħdejn l-eks farm tal-Prime Rose li tinsab fil-limiti tal-Mosta?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li post magħruf bħala tal-Biżbiżijja jinsab fiż-żona taħt ir-responsabbiltà tal- Kunsill Lokali tal-Mosta. Għaldaqstant hija r-responsabbilta' tal- Kunsill li jara li jitneħħa dan l-iskart abbużżiv. F'każijiet simili il-prassi hija li d-Direttorat għat-Tindif jikteb formalment lill-Kunsill fejn jingħata numru ta' ġranet biex jagħmel ix-xogħol neċessarju u javżaħ li f'każ li dan ix-xogħol ma jsirx, dan it-tindif isir mid-Direttorat għas-spejjeż tal-istess Kunsill Lokali.

Mosta — Triq iċ-Ċinju - Sinjali tat-traffiku

Question

Jista' l-Ministru permezz ta' Transport Malta jara li f'Triq iċ-Ċinju fil-Mosta jsiru s-sinjali tat-traffiku minħabba li meta sar x-xogħol ta' tarmak minn kuntrattur imqabbad mill-istess Transport Malta m'għamilx dawn is-sinjali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li Transport Malta se tara li dawn is-sinjali tat-traffiku isiru.
Leg 11 PQ #24171 Sitting 322 2011-03-07 Oral · Interim From: EDWIN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — Ta' Qali - zoning u l-building height

Question

Jista' l-Prim Ministru bħala l-Ministru responsabbli mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar jgħid min huma l-entitajiet/awtoritajiet/ dipartimenti li ġew ikkonsultati mill-istess awtorità għal proċess tal-planning control application PC 39/09 bil-ħsieb biex jiġu stabbiliti z-zoning u l- building height tal-istess rationalisation site fiż-żona ta' Ta' Qali fil-Mosta? Jista' jgħid ukoll min huma dawk l-entitajiet li ġew ikkonsultati f'dan il-proċess li għadhom ma rrispondewx?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’ xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #11479 Sitting 318 2011-02-23 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsilli Lokali — handymen

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kull kunsill lokali llum kemm-il handyman għandu? Kemm huwa n-numru tal-handymen li qed ikunu sussidjati mill-Gvern u kemm huwa n-numru ta' handymen li qed jiġu finanzjati mill-kunsilli lokali stess?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li b’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari numru 11479, qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, lista li turi n-numru ta’ handymen li għandu kull Kunsill Lokali sa Novembru 2009. Il-ħaddiema imħallsin direttament mill-Kunsill Lokali huma dawk elenkati fl-ewwel kolonna tat-tabella mehmuża.

ADT — talbiet pendenti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm talbiet pendenti quddiem l-Awtorità dwar it-Trasport li ġejjin mingħand il-kunsilli lokali?

Response (GATT, AUSTIN)

Ninsab infurmat li n-numru ta’ talbiet mingħand kunsilli lokali u li huma pendenti jammontaw għal 986. Dan l-ammont jinkludi kemm it-talbiet li qed jiġu pproċessati kif ukoll dawk fejn l-awtorità talbet aktar informazzjoni mingħand il-kunsilli rispettivi. Fl-aħħar ħames xhur, il-bord intern li nħatar biex jara dawn it-talbiet iddeċieda ‘l fuq minn 400 talba.

manutenzjoni fuq ċint ħdejn il-Knisja tal-Isperanza

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 23628, jista' l-Ministru jidħol responsabbli li sakemm isir ix-xogħol ta' restawr kif mitlub lill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, il-Ministeru fl-inqas żmien possibbli jara li jirranġa l-ħsara li hemm fejn f'naħa waħda taċ-ċint qed titwaqqa' filata u llum hemm periklu għaliex iċ-ċint huwa għoli biss żewġ filati u dan jista' jiġi evitat bi ftit xogħol?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li sejrin jittieħdu passi biex dan il-ħajt jkun irrangat u jiżdidulu tliet filata oħra għal ħames filati.

manutenzjoni fuq ċint ħdejn il-Knisja tal-Isperanza

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jkun possibbli li jibda x-xogħol fuq manutenzjoni u restawr ta' ċint u taraġ li hemm fil-pont mal-Knisja tal-Isperanza fil-Mosta? Illum il-ġurnata l-periklu qed jiżdied għaliex ġebel li kien parti miċ-ċint qed jitwaqqa' fil-wied. Qed nagħmel din il-mistoqsija wara li għal diversi drabi għamilt mistoqsijiet fuq is-suġġett imsemmi u kull darba l-Ministru jirrispondi li dan ix-xogħol mitlub kien se jsir iżda sal-lum għadu ma sarx.

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li dan ix-xogħol imsemmi qiegħed f’idejn il-kunsill lokali. Infatti jien infurmat li saret applikazzjoni mal-MEPA mill-kunsill lokali li ġġib id-data tat-8 ta’ Ottubru 2010.
Leg 11 PQ #23631 Sitting 313 2011-02-14 Oral · Interim From: EDWIN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MEPA — rationalisation sites

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid jekk fl-eżerċizzju tal-approvazzjoni ta' rationalisation sites li ġew approvati mill-Awtorità ta' Malta dwar l-Ambjent u l-Ippjanar, jekk jonqosx li jittieħed vot fil-Parlament għall-approvazzjoni uffiċjali ta' sites?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Tweġiba tingħata f’ xi seduta oħra.

post alternattiv — għajnuna

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-ministeru hux posibbli li joffri għajnuna jew post alternattiv li jista' jgħin sabiex tinstab soluzzjoni għal problema li tidher fl-ittra li qed tintbgħat separatament?

Response (PULLICINO, GEORGE)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li malli d-Direttorat għall-Ħarsien ta’ l-Annimali kien infurmat bis-sitwazzjoni, uffiċjali ta’ dan id-Direttorat marru fuq il-post biex jaraw kif setgħu jgħinu mill-aħjar possibbli. Il-funzjoni ta’ dan id-Direttorat mhix waħda ta’ santwarju iżda flimkien mad-diriġenti ta’ dan is-swantwraju saru appelli fuq il-midja biex jinstab kenn għal dawn l-annimali. Numru sew minnhom diġa gew adottati. Rigward it-talba għal-post minn fejn din l-NGO tista’ topera, dan il-Ministeru m’għandux la l-proprejata u l-anqas il-kompetenza li jalloka post simili. Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jressaq din il-Mistoqsija lill-Ministru responsabbli.

Dar il-Kaptan — talba għal energy benefit

Question

Tista' l-Ministru tgħid jekk jistax ikun possibbli li Dar il-Kaptan li fiha jkun hemm numru ta' residenti kuljum, li jinbidlu ta' kuljum ukoll, ikollhom energy benefit li fuq kollox ikun qed jagħmel tajjeb biex jgħin istituzzjoni bħal din li tieħu ħsieb 32 persuni kuljum u 17-il persuna li jorqdu f'din l-istituzzjoni ta' kuljum peress li tajjeb li nsemmu li Dar il-Kaptan tieħu ħsieb toffri respite lill-persuni b'diżabilità u lill-ġenituri tagħhom?

Response (CRISTINA, DOLORES)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li kif inhi s-sistema preżenti, Dar il-Kaptan ma tikkwalifikax għall-Benefiċċju tal-Enerġija madanakollu se nara kif wieħed jista’ jgħin lil Dar il-Kaptan f’dan ir-rigward.
Leg 11 PQ #23185 Sitting 307 2011-01-31 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Persuni li tressqu l-Qorti fuq tlajjar

Question

Jista' l-Ministru jgħid f'dawn l-aħħar tliet snin kemm kienu l-persuni li tressqu l-Qorti akkużati li kienu qed jitlajjaw f'Triq Testaferrata, Msida?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi matul dawn l-aħħar tliet snin kien hemm 74 persuna li bejniethom tressqu l-Qorti 385 darba fuq akkużi ta’ tlajjar f’ Triq Testaferrata, Msida, għal skop ta’ prostituzzjoni.

Dipartiment tal-Artijiet — Kwestjoni dwar ċens

Question

Jista' l-Ministru jgħid b'referenza għall-art li tissemma fil-korrispondenza li dettalji dwarha qed jintbagħtu separatament, x'se tkun il-pożizzjoni tad-Dipartiment tal-Artijiet b'konnessjoni mal-art imsemmija meta ċ-ċens jagħlaq?

Response (FENECH, TONIO)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi meta t-terminu taċ-ċens temporanju fuq l-art li dettalji taghħa intbagħatu separatament, jagħlaq, id-dipartiment, skont id-dispozizzjonijiet tal-Att dwar it-trasferiment ta’ Art tal-Gvern (Kap 268), joħroġ sejħa ghall-offerti biex jerġa' jiddisponi mill-istess art. L-emfitewta preżenti ikollu d-dritt għall-ewwel rifjut.
Leg 11 PQ #22940 Sitting 306 2011-01-26 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

Kunsill Lokali tal-Mosta — dejn

Question

Jista' l-Prim Ministru jgħid kemm hu d-dejn li għandu l-Kunsill Lokali tal-Mosta għas-sena 2009 u 2010?

Response (GONZI, LAWRENCE)

Qed nassumi li l-Onor. Interpellant qed jirreferi għall-bilanċ li l-Kunsilli Lokali jkollhom fil-working capital tagħhom fl-aħħar tas-sena. Ninsab infurmat li għas-sena li għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2009 il-Kunsill Lokali tal-Mosta kellu bilanċ pożittiv ta’ €1,914 (elf u disa’ mija u erbatax-il ewro). Peress illi bħalissa l-Kunsilli Lokali qed jagħlqu l-kotba tagħhom għas-sena finanzjarja li għada kemm għalqet fil-31 ta’ Diċembru 2010, il-figura għal din is-sena tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 11 PQ #22943 Sitting 306 2011-01-26 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

logħob tal-flus fuq l-idejn — nies il-qorti

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm treqqsu l-qorti persuni li ġew misjuba li qegħdin jilagħbu flus fuq l-idejn minn Jannar sa Novembru tal-2010?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi bejn Jannar u Novembru tal-2010 kien hemm 44 persuna li nbdew proċeduri kriminali kontra tagħhom quddiem il-Qorti b'konnessjoni ma' logħob illegali.
Leg 11 PQ #22933 Sitting 305 2011-01-25 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru tal-Ġustizzja u l-Intern

Qorti t'Għawdex — sentenzi ta' separazzjonijiet maqtugħin

Question

Jista' l-Ministru jgħid kemm inqatgħu sentenzi ta' separazzjonijiet fil-Qorti t'Għawdex taħt il-Maġistrat Paul Coppini fl-aħħar sentejn u nofs?

Response (MIFSUD BONNICI, CARMELO)

Ninsab infurmat illi f'dawn l-aħħar sentejn u nofs fil-Qorti ta' Għawdex inqatgħu tliet sentenzi ta' separazzjoni mill-Maġistrat Paul Coppini kif ukoll ingħataw numru ta’ digrieti marbuta ma’ diversi kawzi oħra ta’ separazzjoni

Ċimiterju tal-Addolorata — restawr tal-faċċata

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir x-xogħol ta' restawr fuq il-faċċata taċ-Ċimiterju tal-Addolorata u xi pjanijiet ta' restawr hemm għall-bieb tal-ħadid li kien jinsab mal-istess faċċata li issa huwa mwarrab?

Response (CASSAR, JOSEPH)

Infurmat li fuq ir-rixtellu tad-daħla prinċipali taċ-Ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata diġà sar ix-xogħol kollu ta’ restawr u protezzjoni. Tali bieb tal-ħadid jinsab fiċ-ċimiterju lest sabiex jitwaħħal f’postu meta x-xogħol ta’ restawr u tisħiħ tal-faċċata jseħħ. Il-pjan għax-xogħol fuq l-istruttura tad-daħla għadhom qed jitħejjew peress li jinvolvu permessi neċessarji mill-Awtorità Maltija dwar l-Ambjent u l-Ippjannar.