Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont fi flus li l-Gvern ħallas għall-elettriku iġġenerat mill-Electrogas u li kien mixtri mill-istess Gvern għal użu tal-poplu Malti u Għawdxi fl-2017?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill- Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għandha valur kummerċjali għall-kumpanija u l-iżvelar ta’ tali tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess kumpanija.
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2801, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu rreġistrati abbużi u attakki vjolenti fuq nisa tqal fl-2015 u fl-2016?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba tingħata f’seduta oħra.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien l-ammont ta’ elettriku li xtara l-Gvern mill-Electrogas u b’liema prezz il-Gvern ħallas għal dan l-elettriku fl-2017? Jista’ jgħid kemm-il darba t-tanker li qed jintuża bħala store tal-gass li jintuża mill-power station kien mogħti konsenja ġdida ta’ supply gas biex jintuża mill-power station fl-2017? Jista’ jgħid mill-power station li tuża l-gass, kemm filfatt użat gass li kien qed ikun supplied mit-tanker li hemm fil-bajja ta’ Delimara matul l-2017? (Nifhem li meta qed tintuża l-kelma gass, qed nirreferi għal-LNG)
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li minn meta wasal l-LNG tanker fil-bajja ta’ Marsaxlokk, inħattu total ta’ tmien kunsinni ta’ LNG. It-tagħrif mitlub, rigward kemm intuża gass mit-tanker matul l-2017, kif ukoll l-ammont ta’ elettriku li xtara l-Gvern mill-Electrogas u b’liema prezz il-Gvern ħallas għal dan l-elettriku fl-2017, għandu valur kummerċjali għall-Enemalta plc. Minħabba f’hekk, l-iżvelar ta’ dan it-tagħrif jista’ jippreġudika n-negozju tal-istess Kumpanija.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se jibdew jingħataw it-tilqima kontra l-Meningitis għat-tfal mill-Gvern?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Dipartiment tas-Saħħa qed jippjana illi jdaħħal it-tilqima ta’ kontra l-pneumococcus li tikkawża forma ta’ meninġite fix-xhur li ġejjin.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex ix-xogħol li qed isir fi Vjal l-Indipendenza fil-Mosta, jsir bl-inqas inkonvenjent għar-residenti tal-istess triq? Jista' jara li dan ix-xogħol għandu l-permessi meħtieġa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra
Kunsilli Lokali — skema ta' residents parking minn Transport Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-iskema tar-residents parking li kellha tkun skema li tingħata lill-kunsilli lokali minn Transport Malta? X'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-iskema tar-residents parking li hemm fil-preżent?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra
Jista' l-Ministru jieħu azzjoni sabiex jinbena l-ħajt li kellu jinbena minn Transport Malta fi Triq Patri Ġuże Delia fil-Mosta? Peress li l-bini ta' dan il-ħajt kellu jieqaf għaliex ġie mwaqqaf mill-Awtorità tal-Ippjanar, u ta' min wieħed jinnota li dan il-ħajt kien mitlub jinbena għaliex oriġinarjament, meta nfetħet it-triq, dan il-ħajt qatt ma inbena, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji peress li n-nuqqas ta' dan il-ħajt qed ikun ta' periklu għall-karozzi li jkunu għaddejjin mill-istess triq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra
Jista’ l-Ministru jgħid lil min ingħataw u għalhekk min ibbenefika minn Letters of Comfort u l-bank guarantees li kważi laħqu mal-€1.5 biljun peress li din iċ-ċifra ta’ biljun u nofs ewro inħarġet fl-executive summary tar-Rapport tal-Awditur Ġenerali?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tabella bl-infomazzjoni mitluba.
Żona Industrijali Mosta – kuntratti ta’ ġbir ta’ skart
Question
Jista’ l-Ministru, permezz tal-Malta Enterprise jieħu l-passi neċessarji sabiex kuntratt li ġie mogħti biex jiġbor l-iskart taż-Żona Industrijali tal-Mosta fl-inħawi ta’ Tarġa Gap/Żona Sant’Andrija, ikun estiż sabiex dan l-istess kuntratt ta’ ġbir tal-iskart ikun ikopri wkoll iż-żona kollha inkluż Triq il-Mastrudaxxa u dawk l-inħawi, peress li huma parti mill-istess Żona Industrijali iżda mhux koperti mill-kuntratt ta’ ġbir tal-iskart?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li r-rwol tal-Malta Industrial Parks Limited hu li tamministra iż-żoni industrijali tal-Gvern. Malta Industrial Parks Limited qed tħejji diversi diskussjonijiet mal-partijiet konċernati kif ukoll mal-Ministeri u l-entitatijiet responsabli biex tara kif tista tassisti fir-rigward tal-ġbir ta’l-iskart minn żoni industrijali privati.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid li ladarba fl-2016 ġew proċessati b’suċċess 265 applikazzjoni tal-IIP, li rriżultaw f’dħul għall-Gvern ta’ €27, 461,000:
a) min huma dawk l-entitajiet privati involuti fil-bejgħ ta’ din l-inizjattiva li huma ntitolati għall-kummissjoni (
commission
); u
b) kemm kienet il-kummissjoni jew ħlasijiet oħra li fl-2016 il-Gvern kellu jħallas bħala parti mill-obbligazzjonijiet tiegħu skont il-kuntratt iffirmat li jirregola l-marketing ta’ din l-inizjattiva?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ngħarraf lill-Onorevoli Interpellant li kif ilu żmien twil magħruf pubblikament, Henley & Partners huma l-konċessjonarji għall-programm ta’ ċittadinanza b’investiment. Huma intagħzlu wara sejħa pubblika.
Kif jirriżulta mill-kuntratt, li wkoll ilu żmien twil li sar pubbliku, il-konċessjonarji huma ntitolati għal kummissjoni ta’ 4% fuq il-kontribuzzjonijiet imħallsa mill-applikanti. Il-konċessjonarji huma obbligati fost ohrajn li jippromwovu l-programm madwar id-dinja. L-ebda aġent ieħor approvat minn Identity Malta ma jirċievi xi forma oħra ta’ kummissjoni mill-istess Agenzija.
Dwar l-ammont ta’ kummissjoni mħallsa lill-konċessjonarji, nirreferi lill-Onor Interpellant għar-rapporti annwali tar-Regolatur.
Jista’ l-Ministru jgħid, ladarba fl-2016 skont l-istatistika tal-NSO, 30% biss tal-elettriku kien iġġenerat minn sorsi oħra barra l-interconnector, mil-liema power station dawn it-30% tal-elettriku ġew iġġenerati?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fl-2016, l-elettriku meħtieġ sabiex l-Enemalta tilqa’ għad-domanda tal-elettriku tal-pajjiż kien ipprovdut mill-Interconnector u mill-impjanti li jaħarqu l-heavy fuel oil jew gasoil.
Ewlenin fost l-impjanti msemmija hemm l-impjant ta’ aktar minn 20 sena, id-Delimara 1 taċ-ċumnija t-twila, li kien jaħdem bil-heavy fuel oil, u l-impjant Delimara 3 tal-2012, li wkoll kien jaħdem bil-heavy fuel oil. Illum, waqt li l-impjant Delimara 1 qed jiżżarma, l-impjant Delimara 3 inqaleb sabiex ma jibqax jaħraq dan iż-żejt li jħammeġ, iżda juża l-gass naturali, għal arja aktar nadifa.
Kellhom sehem ukoll is-sistemi ta’ enerġija li tiġġedded, fosthom installazzjonijiet ta’ pannelli tax-xemx, li f’dawn l-aħħar erba’ snin żdiedu b’mod konsiderevoli.
MFSA – telf finanzjarju mill-Valletta Multi Manager Property Fund
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet l-aħħar pożizzjoni tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) b’referenza għall-protesti li kienu saru minn investituri fir-rigward ta’ telf finanzjarju li kienu ġarrbu mill-Valletta Multi Manager Property Fund?
Response (SCICLUNA, EDWARD)
Nitlob lill-Onorevoli Interpellant jagħmel il-mistoqsija tiegħu lill-Ministru kkonċernat.
Jista' l-Ministru jgħid x'jista' jsir sabiex individwu li tkeċċa 'l barra mid-dar b'sentenza tal-Qorti tal-Familja u li issa qed jgħix fil-karozza jkollu saqaf fejn joqgħod peress li f'din iċ-ċirkostanza, dan l-individwu qed iħallas il-manteniment u fl-istess waqt ma jistax jidħol id-dar għal ebda raġuni? Jista' jgħid kemm hemm persuni li ngħatat sentenza fejn dawn il-persuni ma jistgħux jidħlu aktar f'darhom?
Response (BONNICI, OWEN)
Ninsab infurmat li m'hemm l-ebda statistika ta’ kemm persuni jiġu ordnati mill-Qorti biex jallontanaw mid-dar konjogali. Rigward l-individwu msemmi fil-mistoqsija naħseb li l-Onor. Interpellant japprezza l-fatt li l-Onorabbli Qorti hija indipendenti u awtonoma u f'dan il-każ ir-responsabilità tagħha hi li tagħti sentenza li jidhrilha xierqa skont il-ligi.
Dipartiment tal-Edukazzjoni — ħaddiema tal-IPSL on loan
Question
Jista' l-Ministru jgħid il-ħames ħaddiema tal-IPSL on loan mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni li qed jaħdmu skont kif ingħatat fir-risposta tal-mistoqsija parlamentari 2195; x'inhu:
a) it-
terms of reference
tagħhom;
b) ix-xogħol li qed jagħmlu fil-ħidma assenajata lilhom?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li tnejn mill-ħaddiema tal-IPSL on loan mad-Dipartiment tal-Edukazzjoni jaħdmu fis–sezzjoni tal-Ġardinara u jagħmlu dak ix-xogħol kollu relatat mal-ġardinaġġ u li jkun mitlub lilhom mis-superjuri tagħhom. Dan jikkonsisti fi qtugħ ta’ ħaxix, qtugħ ta’ friegħi tas-siġar u kif ukoll użu tal-moħriet. Fil-preżent m’humiex marbutin ma’ xi proġett partikolari..
Ħaddiem ieħor qiegħed fis-sezzjoni tal-aluminium, jgħin fit-tfassil ta’ aperturi, partitions u tiswijiet.
Ħaddiem ieħor li qiegħed fis-sezzjoni tal-ħaddieda jaħdem xogħol ta’ ħadid bħal aperturi, railings u tiswijiet. Peress li għandu wkoll liċenzja tad-dawl jaħdem ukoll fuq airconditioning. Għaldaqstant meta jkun hemm bżonn ta’ service fuq airconditions u tiswija relatata mal-installazzjoni tad-dawl fil-workshop li jaħdem fih, it-tiswijiet isiru mill-istess impjegat.
Ħaddiem ieħor jifforma parti mit-team tekniku fejn jiġi installat network passiv. Kull proġett li jiġi assenjat flimkien mat-team tiegħu (li qegħdin 3 membri b’kollox), jikkwantifikaw ix-xoghol meħtieġ f’ħin u kif ukoll f’riżorsi meħtieġa biex jitwettaq ix-xogħol kif ukoll l-installazzjoni fiżika. Fil-preżent dan l-impjegat huwa assenjat fuq estensjoni tan-network passiv ġewwa ċ-Ċentru Xjentifiku ta’ Pembroke, manutenzjoni tan-network passiv ġewwa l-iskola Nazzjonali tal-iSport (Pembroke), u estensjoni żgħira fin-network passiv tal-FES (Mtarfa).
Jista' l-Prim Ministru jgħid ma' min qiegħed iservi ta' konsulent l-individwu lid-dettalji dwaru qed jingħataw separatament? X'inhuma t-terms of reference għall-konsulenza tiegħu?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Ninsab informat li l-individwu li d-dettalji tiegħu inghataw b’mod separat, ma ingħata l-ebda konsulenza mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru.
Jista' l-Ministru jara li fit-triq li tieħu lejn il-Baħrija fl-inħawi tal-Ġibjun jsir il-patching meħtieġ sabiex jitnaqqas il-periklu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet, liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex fi Vjal l-Indipendenza fil-Mosta jitkompew ir-rubber bollards li kienu miftehma li jsiru mal-Kunsill Lokali tal-Mosta, sabiex f'istess triq jitnaqqas kemm jista' jkun il-perikolu peress li fil-preżent, karozzi qegħdin iduru mal-bollards u qed jinħoloq perikolu ta' inċident bħal ma diġà kien hemm bosta fil-passat?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif ix-xogħlijiet mill-Enemalta jkunu lesti, Transport Malta tagħmel wiċċ ġdid fit-triq imsemmija u jitwaħħlu il-bollards mitluba.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji permezz ta' Transport Malta sabiex traffic calming measures li għandna fil-bliet u r-rħula tagħna f'Malta u Għawdex ikunu indikati b'sinjal u żebgħa meħtieġa sabiex ikunu jidhru aktar u dan għaliex qed ikun hemm ilmenti mingħand bosta xufiera li qed jaraw li fid-dlam ħafna calming measures ma għandhomx iż-żebgħa u s-sinjali meħtieġa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta kontinwament tagħmel l-almu tagħha biex tiżgura is-sigurtà fit-toroq tal-bliet u r-rħula Maltin u Għawdxin.
Testijiet tal-EMG — persuni rikkonoxuti biex jagħmlu t-test
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni uffiċjalment rikkonoxuti biex jagħmlu t-test magħruf bħala EMG? Jista' jgħid kemm huwa n-numru ta' persuni li qed jistennew li jagħmlu dan it-test?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa hemm madwar 900 persuna jistennew sabiex jagħmlu dan it-test. Tajjeb li nfakkru illi f'Jannar tal-2013, lejn l-aħħar tal-amministrazzjoni tal-gvern preċidenti kien hemm iżjed minn 2,000 persuna għall-EMG. Ninfurmah ukoll illi fl-2016 saru 2,354 minn dan it-test filwaqt fl-2012 kienu saru 1,301.