Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li Transport Malta tagħti d-deċiżjoni tagħha fil-każ tal-appell lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, u dan sabiex tkun mogħtija rimedju tant meħtieġ minħabba d-diffikultajiet li din l-istess persuna qed tiltaqa' magħhom?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta irċeviet notifika mir-Review Panel, CRPD li se jistħarreġ dan il-każ ta’ Parkeġġ Riservat. Għaldaqstant, Transport Malta qed tistenna deċiżjoni finali mingħand dan il-Bord.
Sptar Mater Dei — MITU Brown 3rd Floor - Sala għal treatment ta' Ramicade
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara x'jista' jsir sabiex fis-sala MITU Brown 3rd Floor fl-Isptar Mater Dei fejn jingħata t-treatment ta' Ramicade lil pazjenti li jkollhom bżonn l-aħjar attenzjoni minħabba l-vulnerabbilità tagħhom fil-preżent, il-ward fejn qegħdin jinqdew hija shared ma' pazjenti oħra tal-mediċina, bil-biża' li:
a. il-ħames sodod li hemm għal dawn il-pazjenti huma ftit wisq mad-domanda li teżisti;
b. il-fatt li s-sala hija shared, qed toħloq biża li l-pazjenti li jkunu tant vulnerabbli bit-trattament li jkunu qed jieħdu, ikunu qegħdin fil-perikolu minħabba pazjenti oħra li qed ikunu fl-istess sala?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi meta nfetaħ l-Isptar Mater Dei aktar minn 10 snin ilu kien diġa zgħir wisq għal htiġijiet tal-popolazzjoni Maltija. Matul dawn l-aħħar snin l-awtoritajiet tas-Saħħa ħadu passi sabiex jiżdiedu s-sodod akuti għat-trattament tal-pazjenti tagħna.
Il-Mosta — Triq Sir Temi Zammit - Arbli mingħajr bozoz
Question
Jista' l-Ministru jgħid għaliex arbli tad-dawl fi Triq Sir Temi Zammit, it-triq li mill-Mosta tmur għall-Imġarr, spiċċaw bla bozoz u llum huma arbli bla dawl?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dawn l-arbli ġarrbu ħsarat kawża ta’ vultaġġ għoli, u f’dan l-istadju jrid jiġi deċiż jekk tiġix msewwija l-ħsara jew jinbidlu f’arbli ġodda. Madanakollu qed isir kull sforz minn Transport Malta sabiex din is-sitwazzjoni tkun ġiet indirizzata fil-ġranet li ġejjin.
Il-Mosta — Triq Patri Ġuże Delia - Bini ta' boundary Wall
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi sabiex jara li minkejja r-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2895, jitneħħa l-perikolu li hemm fil-preżent bil-bollards tal-konkos li qegħdin fil-post proviżorjament minflok boundary wall li kellu jinbena minflok ħajt tas-sejjieħ li kien qed jaqa' waqt li karozzi tal-linja jew vetturi kbar kienu jgħaddu minn din it-triq? Jista' jieħu l-passi immedjatament biex jitneħħa l-perikolu li hemm fil-preżent?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill- Onorevoli Interpellant li Transport Malta se terġa’ tiddiskuti s-sitwazzjoni mal-entita’ kkonċernata biex ikun jista’ jsir il-bini tal-ħajt kif mixtieq.
Jista' l-Ministru jgħid, taħt l-iskema ta' fidi ta' ċnus temporanji jew perpetwi ta' proprjetà regolata mill-ftehim bejn il-Knisja u l-Istat tal-1991, kemm kien hemm proprjetajiet residenzjali:
a. miżmuma b'ċens temporanju; u
b. miżmuma b'ċens perpetwu;
li ġew mifdija? Jista jikklassifika l-informazzjoni tal-proprjetà hekk mifdija b'dawk ta':
i. kejl sa 270 metru kwadru ta' spazju abitabbli; u
ii. dawk ta' kejl ta' aktar minn hekk?
Kemm f'dawn il-każijiet kien hemm sidien li fdew aktar minn proprjetà waħda miżmuma minnhom b'dan it-titolu ta' ċens?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienu u x'inhuma l-policies u/jew skemi li adotta l-Uffiċċju Konġunt minn meta fl-1991 sar il-ftehim bejn il-Knisja u l-Istat dwar il-Proprjetà tal-Knisja? Jista' jagħti t-titolu ta' kull policy/skema u d-data ta' meta ġiet adottata, u f'kull każ, ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni jew l-avviż fil-Gazzetta tal-Gvern li permezz tagħhom ġabuhom għall-attenzjoni pubblika?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Il-Mosta — Triq il-Kostituzzjoni - patching tat-triq
Question
Jista' l-Ministru jara li, permezz ta' Transport Malta, isir il-patching meħtieġ f'Triq il-Kostituzzjoni fil-Mosta?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed tagħmel spezzjonijiet regolari f’toroq arterjali u distributorji u fil-ġimgħat li ġejjin se jkunu qed isiru iktar interventi skont il-prijoritajiet li jirriżultaw
Jista' l-Ministru jgħid meta se jitkompla x-xogħol fi Ġnien l-Għarusa tal-Mosta u fiex se jkun jikkonsisti x-xogħol li baqa' jsir?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess relatat mal-interventi ġewwa l-ġnien l-Għarusa tal-Mosta għandu joħrog fil-ġranet li ġejjin. Dan il-permess għandu jkopri interventi fuq re-surfacing tal-art, installazzjoni tad-dawl u għamara oħra għal pubbliku. Ser jiġi irranġat l-ġibjun u msaqqaf biex jzomm fiħ iktar ilma tajjeb għat-tisqija tal-istess post.
Beda ukoll xogħol fuq tneħħija ta ħaxix ħażin, siġar mejta, tranġar ta ħitan tas-sejjiegħ u tħawwil ta siġar indiġeni. Saru preparamenti u tender biex ikun hemm servizz tal-eletriku fil-ġnien.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta' pensjonanti li kienu qed jieħdu l-għajnuna supplimentari u li din l-għajnuna kellha titnaqqas għaliex inqabżet il-kwota ta' dħul taxxabbli wara ż-żieda ta' pensjoni li ngħatat fl-aħħar baġit?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, minħabba li r-rata tal-Għajnuna Supplimentari lil pensjonanti li diġà kienu qegħdin jieħdu tali għajnuna, tinħadem fuq id-dħul mill-pensjoni tas-sena preċedenti, ma jirrizultax li kien hemm pensjonanti li minħabba ż-żieda mogħtija lilhom, kif imħabbar fl-aħħar baġit, tnaqqsitilhom ir-rata tal-Għajnuna Supplimentari.
Kalkulazzjonijiet ta' għajnuna soċjali ta' persuna
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li jinħadmu l-kalkulazzjonijiet meħtieġa tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament sabiex tibda tirċievi l-għajnuna soċjali dovuta?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, s-sinjura li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, twaqqfitilha l-Għajnuna Soċjali, wara li mill-Uffiċċju Distrettwali bagħatu għaliha tliet darbiet, l-aħħar darba b’ittra rreġistrata u hija naqset milli tattendi.
Is-Sinjura reġgħet applikat mill-ġdid, u l-applikazzjoni tagħha qiegħda tingħata l-attenzjoni meħtieġa.
Il-Mosta — Triq il-Kbira u Triq il-Kostituzzjoni - Traffic Calming Measures
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa, permezz ta' Transport Malta, sabiex jara li jsiru traffic calming measures:
a) fi Triq il-Kbira, l-Mosta;
b) fi Triq il-Kostituzzjoni, l-Mosta;
u dan sabiex jitnaqqas l-abbuż ta' sewqan eċċessiv li qed jsir f'dawn it-toroq u li qed joħloq perikolu għar-residenti u persuni li jkunu mixjin fuq il-bankina?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant jispeċifika għal liema parti ta’ Triq il-Kbira fil-Mosta qed jirreferi għaliha minħabba li din it-triq hija triq twila li testendi minn Ta’ Qali sal-lokalita’ tan-Naxxar.
Rigward Triq il-Kostituzzjoni, is-suġġeriment tal-Onor. Interpellant se jitressaq għall-kunsiderazzjoni tal-Kumitat tal-Immaniġġjar tat-Traffiku sabiex din il-kwistjoni tiġi diskussa aktar fid-dettal, anki minħabba li din hija triq arterjali, u li minnha jgħaddu ħafna vetturi fosthom vetturi kbar.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid xi żvilupp hemm fl-applikazzjoni li d-Dipartiment tas-Saħħa għamel lill-Awtorità tal-Ippjanar sabiex fiċ-Ċimiterju tal-Mosta ssir ir-rampa sabiex ikun hemm titjib fl-aċċessibilità kemm għall-persuni b'diżabilità kif ukoll għall-persuni oħra?
Jista' l-Ministru jieħu azzjoni sabiex jinbena l-ħajt li kellu jinbena minn Transport Malta fi Triq Patri Ġuże Delia fil-Mosta? Peress li l-bini ta' dan il-ħajt kellu jieqaf għaliex ġie mwaqqaf mill-Awtorità tal-Ippjanar, u ta' min wieħed jinnota li dan il-ħajt kien mitlub jinbena għaliex oriġinarjament, meta nfetħet it-triq, dan il-ħajt qatt ma inbena, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji peress li n-nuqqas ta' dan il-ħajt qed ikun ta' periklu għall-karozzi li jkunu għaddejjin mill-istess triq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol twaqqaf mill-uffiċjali tal-infurzar tal-Awtorità tal-Ippjanar minħabba li x-xogħol biex jittella l-ħajt ma kienx qed isir mill-kuntrattur skont il-permess uffiċjali.
Sadanittant, uffiċjali ta’ Transport Malta ċċekkjaw dwar x’jista’ jsir mal-Awtorità tal-Ippjanar, u jidher li ma tistax tintefa’ applikazzjoni ta’ żvilupp għal dan il-ħajt peress li t-triq qatt ma nfetħet il-wisa’ kollha kif skemata fil-Pjan Lokali u l-post fejn għandu jigi mtella’ l-ħajt għadu jaqa’ barra ż-żona tal-iżvilupp.
Kemm l-Awtorità tal-Ippjanar u Transport Malta qed jaħdmu biex jekk fil-preżent hemm xi periklu tinstab soluzzjoni malajr kemm jista jkun.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex ix-xogħol li qed isir fi Vjal l-Indipendenza fil-Mosta, isir bl-inqas inkonvenjent għar-residenti tal-istess triq? Jista' jara li dan ix-xogħol għandu l-permessi meħtieġa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li Transport Malta qegħdha tieħu l-passi neċessarji biex ix-xogħol isir bl-inqas inkonvenjent possibli għar-residenti ta’ din it-triq. Transport Malta hi nfurmata li dan ix-xogħol għandu l-permessi meħtiega.
Kunsilli Lokali — skema ta' residents parking minn Transport Malta
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-iskema tar-residents' parking li kellha tkun skema li tingħata lill-kunsilli lokali minn Transport Malta? X'inhi l-pożizzjoni tal-Gvern dwar l-iskema tar-residents parking li hemm fil-preżent?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru tiegħi għaddej b’diversi taħditiet mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali u ma’ wħud mill-Kunsilli Lokali dwar dan is-suggett. Sa issa għad m’hemmx deċizjoni finali dwar x’għandu jsir iżda li huwa żgur li qed tiġi evalwata kull possibilita’.
Sakemm tittieħed deċiżjoni finali dwar l-iskema b’mod ġenerali, dawk approvati mhumiex se jkunu affetwati, iżda la darba tittieħed deċiżjoni dawk approvati għandhom jiġu konformi mal-policy il-ġdida meta din tkun approvata.
MFSA – telf finanzjarju mill-Valletta Multi Manager Property Fund
Question
Jista’ l-Prim Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2802 li oriġinarjament saret lill-Ministru għall-Finanzi u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid x’kienet l-aħħar pożizzjoni tal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) b’referenza għall-protesti li kienu saru minn investituri fir-rigward ta’ telf finanzjarju li kienu ġarrbu mill-Valletta Multi Manager Property Fund?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Fis-snin 2011 u 2012 l’MFSA ħadet azzjoni regolatorja kontra BOV fir-rigward tal-każ ta’ La Valette. Fir-rigward tal-protesti minn investituri, dawn issa qiegħdin jigu kkunsidrati mill-Arbitru ghas-Servizzi Finanzjarji.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm negozji ta’ retail f’kull lokalità f’Malta u Għawdex sal-aħħar tal-2016 u kemm hawn negozji ta’ retail sal-11 ta’ Diċembru 2017?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.
Dipartiment tas-Saħħa – Approvazzjonijiet għal beauty treatment and physical well-being
Question
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’inhu n-numru ta’ approvazzjonijiet li d-Dipartiment tas-Saħħa ħareġ għal talbiet ta’ liċenzi ta’ beauty treatment and physical well-being fis-snin 2014, 2015, 2016 u 2017 separatament? Jista’ jgħid ukoll jekk id-Dipartiment tas-Saħħa għandux reġistru taċ-ċentri ta’ beauty treatment and physical well-being centres fil-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali fi ħdan is-Sovrindenza tas-Saħħa Pubblika joħroġ l-approvazzjonijiet neċessarji għal postijiet ta’ Beauty treatment and physical well-being centres f’Malta u f’Għawdex. Nirreferi lill-Onorevoli Interpellant għat-tabella t’hawn taħt:
Sena
Numru ta’ talbiet approvati f’Malta.
Numru ta’ talbiet approvati f’ Għawdex.
2014
101
8
2015
116
1
2016
78
2
2017 (
Jannar sa1-14 ta’ Diċembru
)
47
1
Il-Mosta – Triq il-Mastrudaxxa — Kuntratti ta’ ġbir ta’ skart
Question
B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2798, jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex kuntratt diġà eżistenti għal ġbir ta’ skart, ikun estiż għal toroq inkluż Triq il-Mastrudaxxa, li tali kuntratt kien diġà maħruġ mill-Malta Enterprise? (Din it-talba qed issir għaliex din id-deċiżjoni tista’ tittieħed mingħajr ma jkun hemm il-proċeduri li ngħataw fir-risposta mogħtija).
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għalkemm mhuwiex il-kompitu tal-MIP li jinġabar skart miż-żoni Industrijali kollha tal-Mosta, bħalissa l-MIP qiegħdha tiġbor skart minn żona Industrijali partikolari fil-Mosta, anke jekk din iż-żona mhiex żona Industrijali tal-Gvern.
Din is-sitwazzjoni ser tiġi ndirizzata u bħalissa qed jitħejjew diskussjonijiet mal-partijiet konċernati.