Legislature:
Category:
Reset
Active:

Trasport Pubbliku minn bus stops quddiem il-grawnd tal-Mosta

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li jkun hemm Trasport Pubbliku minn bus stops ta’ quddiem il-grawnd tal-futbol tal-Mosta f’Valletta Road lejn in-Naxxar għal studenti li jmorru fl-iskejjel tan-Naxxar, u dan għaliex fil-preżent dan it-trasport pubbliku waqaf?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Awtorità tat-Trasport li ttieħdet nota ta’ dan is-suggeriment għal aktar kunsiderazzjoni.

Mosta — Wied il-Għasel – tneħħija tal-ilma b’drenaġġ

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa permezz tad-Dipartiment tas-Saħħa Pubblika jinvestigaw il-każ ta’ drenaġġ li spiċċa f’Wied il-Għasel Mosta? Jista’ l-istess Dipartiment tas-Saħħa Pubblika jordna lill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma sabiex ibattal l-ilma bid-drenaġġ sabiex dan l-ilma kkontaminat ma jispiċċax fil-water table?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-każ ġie investigat fid-9 ta’ Novembru minn uffiċċjali fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali u preżenti waqt l-istess spezzjoni kien hemm rappreżentanti f’isem il-kumpanija inkarigata mill-asfaltar. Waqt l-istess spezzjoni ġie nnutat li kienu qed isiru xi xogħoljiet fis-sistema ta’ drenaġġ u fil-water culvert fi Triq il-Kbira, l-Mosta iżda ebda drenaġġ ma ġie nnutat jiskula f’Wied il-Għasel.

Inħawi Ta' Bistra u San Anton Abbati

Question

Tista' l-Ministru tieħu ħsieb li tara li d-dawl f'toroq fl-inħawi ta' San Anton Abbati ilu jiem ma jinxegħel u ma' dawn hemm toroq oħra li għandhom l-istess problema fl-inħawi Ta' Bistra?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li malli l-Enemalta ġiet infurmata li fl-inħawi ndikati kien hemm dwal tat-toroq mitfija, ħadet azzjoni mmedjata biex isiru t-tiswijiet meħtieġa.

Għeluq ta’ toroq – organizzaturi/kmamar tan-nar – ħlas għal pulizija

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 22671, jista' l-Ministru jgħid jekk dan jgħoddx ukoll għal LESA u Transport Malta?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Kif ġa għidt fil-mistoqsija parlametnari 22671, l-għeluq tat-toroq huwa nkarigu tal-Korp tal-Pulizija, ġialadarba tintalab l-assistenza tal-uffiċjali tal-komunità dan is-servizz ikun bil-ħlas. Rigward, Transport Malta, nitlob l-Onor Interpellant jagħmel din il-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Għeluq ta’ toroq – organizzaturi/kmamar tan-nar – ħlas għal pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk minħabba l-ħruq tan-nar u l-festi u l-marċi, l-organizzaturi/kmamar tan-nar humiex ser ikunu mitluba jħallsu għal pulizija għal għeluq ta’ toroq?

Response (CAMILLERI, BYRON)

Il-Gvern qed jaghti għajnuna bla preċedent lill-festi, fejn permezz tal-Aġenzija Komunità Malta, il-gvern qed jgħin lill-organizzaturi tal-festi biex itaffu l-piż marbut mal-ħruq tan-nar fil-festi tal-ibliet u l-irħula Maltin u Għawdxin. Riżultat tal-ftehim, maqbul mal-Għaqda Nazzjonali Każini tal-Banda u l-Għaqda Piroteknika Maltija, fil-ġimgħa tal-festa, u jiem oħra tradizzjonalment marbuta mal-istess festa, l-organizzaturi tal-festa ma jħallsux għall-iskorti tan-nar. Il-ftehim jaħseb għal massimu ta’ tmien darbiet meta jkun hemm bżonn skorta u jkun imħaddem mill-għaqdiet li jirrappreżentaw lill-istess organizzaturi. Il-ftehim għandu valur ta’ €100,000 fis-sena. Il-gvern għandu kull ħsieb li jkompli jsostni l-festi li huma meqjusa bħala parti mill-kultura Maltija. Fil-fatt, hekk għamel b’diversi inizjattivi tul l-aħħar snin u hekk se jkompli jagħmel fiż-żmien li ġej. Bħalma dejjem kienet il prassi l-istess organizzaturi mhux ser jintalbu jħallsu għas-servizzi mgħotija mill-pulizija matul il-ġimgħa tal-festa għal għeluq ta’ toroq, waqt purċissjonijiet u marċi. Qed inpoġġi wkoll fuq il-mejda tal-kamra stqarrija mill-Ministeru Għall-Intern, Is-Sigurtà Nazzjonali u L-Infurzar tal-Liġi U mis-Segretarjat Parlamentari Għaċ-Ċittadinanza U l-Komunitajiet PR210286 maħruġa 09/02/2021.

Mosta – Triq Nicolò Isouard, Triq it-Tama u Triq San Ġużepp — bozoz

Question

Tista’ l-Ministru tieħu l-passi meħtieġa sabiex il-bozoz f’Triq Nicolò Isouard, f’parti minn Triq it-Tama u fi Triq San Ġużepp fil-Mosta, issir it-tiswija li jkun hemm bżonn sabiex dawn il-bozoz ma jibqgħux ħin twil mitfija, b’riżultat li f’dawn it-toroq ikun hemm id-dlam għal ħin twil?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tiswijiet kollha li jaqgħu taħt ir-responsabilità tal-Enemalta tlestew.

Saint Vincent de Paule – teatru

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir mis-sala ta’ teatru fil-kumpless ta’ Saint Vincent de Paule?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, fis-sitwazzjoni preżenti, is-sala qed tintuża’ għall-attivitajiet skont il-protokolli maħruġa mill-Awtoritajiet tas-Saħħa Pubblika.

Liġijiet tal-kera

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-liġijiet tal-kera kif inhuma fis-seħħ, jirregolawx ukoll id-djar li jkunu ġew meħuda mill-Gvern bil-housing u mikrija mill-Gvern lil terzi?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-liġi li tirregola l-kirjiet residenzjali (Kap 604) ma tapplikax għal kiri ta’ proprjeta’ lill-entitajiet, inkluż il-Gvern u l-Awtorita’ tad-Djar. Għalhekk proprjetajiet mikrija lill-Awtorita’ ma humiex reġistrati. Postijiet rekwiżizzjonati lanqas ma huma rreġistrati għaliex il-liġi ma tapplikax għal kirjiet li ilhom fis-seħħ minn qabel Ġunju 1995.

Stallazzjoni ta’ lift fi blokka — xogħol

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex jara li fil-blokka li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, isir ix-xogħol meħtieġ sabiex ikun konkluż xogħol li baqa’ jsir sabiex ikun installat il-lift f’din il-blokka?

Response (GALDES, RODERICK)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Awtorità tad-Djar kellha tindirizza sitwazzjoni ta’ non-performance mill-kuntrattur li wassal biex jintemm il-kuntratt tax-xogħlijiet. Hekk skond il-proċeduri tal-Procurement Pubbliku, il-kuntratt issa sejjer jiġi awarded mill-ġdid lil kuntrattur ieħor li ħa jkun qiegħed ikompli dawn ix-xogħlijiet qabel l-aħħar ta’ din is-sena.

Pazjenti morda bil-kanċer – sick leave – għajnuna mill-Gvern

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 22411 li oriġinarjament saret lid-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa u li issa ġiet riferuta lilu u jgħid jekk fil-każijiet ta’ pazjenti morda bil-kanċer, hijiex tingħata l-għajnuna li kienet imwiegħda fil-budget tal-2019 lill-pazjenti tal-kanċer f’każ li minħabba l-kura li jkunu qed jieħdu fit-tul, bħalma hi l-chemo, dawn il-pazjenti jispiċċalhom is-sick leave? Il-wegħda tal-2019 kienet tgħid li l-Gvern ser jagħmel tajjeb għas-sick leave hu, għal ħaddiema li jispiċċalhom is-sick leave.

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, il-miżura imsemmija minnu, imwiegħda fil-baġit tas-sena 2020 daħlet fis-seħħ minn Jannar 2020 u sallum ibbenefikaw minna 27 persuna fis-sena 2020 u 14 matul l-2021, sax-xahar li qed tkun imwieġba din l-interpellanza. Nirrimarka ukoll li, fl-istess baġit tal-2020, issemmiet ukoll miżura oħra simili, immirata għal persuni li jbatu bil-kundizzjoni tal-fibromyalgia. B’din l-miżura, sal-lum ibbenefikaw 11 il-persuna fis-sena 2020 u 7 persuni fis-sena matul l-2021 sad-data li qed tkun imwieġba din l-interpellanza.

Pazjenti morda bil-kanċer – sick leave – għajnuna mill-Gvern

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk fil-każijiet ta’ pazjenti morda bil-kanċer, hijiex tingħata l-għajnuna li kienet imwiegħda fil-budget tal-2019 lill-pazjenti tal-kanċer f’każ li minħabba l-kura li jkunu qed jieħdu fit-tul, bħalma hi l-chemo, dawn il-pazjenti jispiċċalhom is-sick leave? Il-wegħda tal-2019 kienet tgħid li l-Gvern ser jagħmel tajjeb għas-sick leave hu, għal ħaddiema li jispiċċalhom is-sick leave.

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jirreferi l-mistoqsija parlamentari tiegħu lill-Ministru kkonċernat.

Skemi ta’ għajnuna finanzjarja għall-manutenzjoni tal-bjar

Question

Tista’ l-Ministru tgħid: 1. Kemm-il skema hemm tal-waterservice maħsuba biex joffru għajnuna finanzjarja għall-manutenzjoni tal-bjar?, 2. Kemm-il applikazzjoni daħlet għal kull skema rispettiva?, 3. Kemm-il applikazzjoni ġiet approvata minn meta fetħu dawn l-iskemi? u 4. Kemm-il applikazzjoni baqa’ pendenti sal-ġurnata tal-lum f’kull skema rispettiva?

Response (DALLI, MIRIAM)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema tar-Restawr ta’ Bjar Domestiċi hi amministrata mir-Regolatur għas-Servizzi tal-Enerġija u l-Ilma (REWS) u mhux mill-WaterService. Nassumi li qed tirreferi għall-istess waħda. Jekk iva, din l-iskema hija estiża sal-aħħar tas-sena. B’kollox ir-Regolatur irċieva total ta’ 565 applikazzjoni. Ġew approvati 226 applikazzjoni b’valur ta’ €183,278 u m’hemmx applikazzjonijiet pendenti..

Aħrax tal-Mellieħa – Triq Daħlet ix-Xmajjar – irranġar ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex triq ġdida li saret tliet ġimgħat ilu fi Trqi id-Daħlet ix-Xmajjar, limiti tal-Aħrax tal-Mellieħa li tagħti għat-Torri l-Abjad fejn toroq tal-bdiewa fil-ġnub tal-istess triq issa qegħdin nofs metru u anke aktar ta’ diżlivel? Jista’ jara li dan id-diżlivel jitranġa u t-triq tal-ġnub jkunu aċċessibbli għat-toroq Daħlet ix-Xmajjar u jibqgħu aċċessebbli għall-bdiewa?

Response (BORG, IAN)

Minbarra t-twettiq ta’ proġetti kbar fit-toroq arterjali u l-investiment bla preċedent li qed tagħmel fit-toroq residenzjali, Infrastructure Malta għadha għaddejja wkoll b’ħidma fit-toroq rurali, tant li din is-sena diġà bniet mill-ġdid u għamlet titjib f’71 triq qalb il-kampanja li flimkien iġibu mal-24 kilometru. Dawn ix-xogħlijiet saru b’investiment li qabe¿ it-€8 miljun, li l-parti l-kbira tagħhom kienu minn fondi lokali u l-bqija ffinanzjati mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali tal-Unjoni Ewropea. Għaldaqstant, fit-tliet snin kemm ilha li twaqqfet fis-sajf tas-sena 2018, Infrastructure Malta s’issa għamlet xogħlijiet f’aktar minn 300 triq rurali f’diversi lokalitajiet madwar Malta u li ħafna minnhom kien ilhom ma jitranġaw kif meħtieġ għexieren ta’ snin. Fil-71 triq rurali li bniet mill-ġdid bejn Jannar u Awwissu li għaddew, l-aġenzija għaddiet mal-35 kilometru ta’ katusi, cables u pajpijiet oħrajn. Fl-istess waqt, fejn kien meħtieġ, il-kuntratturi tal-aġenzija għamlu wkoll sistemi ta’ ġbir tal-ilma tax-xita u ħarsien mill-għargħar. Din is-sena saru diversi toroq li jwasslu għal xtajtiet popolari bħalma hija t-triq twila 1.8 kilometri f’Delimara li twassal għal Xrobb l-Għaġin, Il-Ħofra l-Kbira u l-Ponta tal-Munxar, fost oħrajn, kif ukoll it-toroq fil-Mellieħa li jagħtu għal Daħlet ix-Xmajjar, ir-Ramla tat-Torri l-Abjad u l-Għar tad-Dragunara. It-triq indikata tlestiet fil-bidu tas-sajf u fil-ġimgħat ta’ wara saru anke xogħlijiet biex id-daħliet rurali li jagħtu għaliha jkunu aċċċessibbli ukoll għall-bdiewa li jaħdmu r-raba’ fl-inħawi.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali — esperti

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 21831 dwar l-għadd ta’ konsulenti fil-Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali li l-Ministru finalment ta, jista’ l-Ministru issa jgħid: a. X’inhu l-ħlas li qed jingħataw mill-Ministeru? u b. xX’wettaq bħala konsulenza kull konsulent, u x’rapporti għamlu? X’ħidma wettqu?

Response (REFALO, ANTON)

Ninforma lill-Onor. Interpellant biex jirreferi ghal-mistoqsija parlamentari 21831.

Ċentru Ċiviku tal-Mosta – żebgħa lill-faċċata

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex bħala Ministeru jara li d-dipartiment kkonċernat iwettaq il-ħidma meħtieġa sabiex issir il-manutenzjoni meħtieġa fiċ-Ċentru Ċiviku tal-Mosta biex tingħata ż-żebgħa lill-faċċata tal-istess ċentru ċiviku fuq barra, u fis-sulari li huma wżati mill-istess dipartiment tas-saħħa?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-manutenzjoni taċ-ċentru msemmi minnu ma jagħmilx parti mid-dekasteru tal-Ministeru għas-Saħħa.

Ġnien l-Għarusa tal-Mosta — public convenience

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21832 li oriġinarjament saret lill-Ministru tat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li fi Ġnien l-Għarusa tal-Mosta jsir public convenience għal min imur f'dan il-ġnien?

Response (FARRUGIA, AARON)

Niltob lill-Onor. Interpellant jirriferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Ġnien l-Għarusa tal-Mosta — Public Convenience

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 21832 li oriġinarjament saret lill-Ministru tat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur u li issa ġiet riferuta lilu u ċjoè: Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li fi Ġnien l-Għarusa tal-Mosta jsir public convenience għal min imur f'dan il-ġnien?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat mill-Kunsill Lokali tal-Mosta li dan is-suġġett ser jitqajjem għad-diskussjoni f’xi laqgħa tal-Kunsill fil-futur qarib.

Żieda fil-pensjoni

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk iż-żieda (bil-persentaġġ) li jieħdu l-ħaddiema tal-kumpanija lid-dettalji dwarha qed jingħataw separatament hux se jieħduha l-pensjonanti tal-istess azjenda peress li din iż-żieda fil-pensjoni kienet miftehma fl-aħħar collective agreement?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, ż-żieda miftehma fil-ftehim kollettiv tal-kumpanija msemmija minnu għas-sena 2020 kienet inqas miż-żieda għall-għoli tal-ħajja li ngħatat lill-pensjonanti mill-Gvern għas-sena 2020. Għaldaqstant iż-żieda miftehma fil-ftehim kollettiv ma kinetx dovuta.

Ministeru għall-Agrikoltura, Sajd, l-Ikel u Drittijiet tal-Annimali — esperti

Question

B’referenza għall-mistoqsijiet parlamentari 21675, 21429 u 21625, jista’ l-Ministru jgħid: a. Min huma l-esperti tiegħu u jagħti l-ismijiet u l-ID numbers tagħhom: b. Kemm qed jitħallas kull wieħed jew waħda minn dawn il-persuni li huma esperti/konsulenti; u c. Ta’ xiex qed jitħallsu bħala konsulenza?

Response (REFALO, ANTON)

B’rabta mal-ħames esperti msemmija fil-PQ20237 li jagħmlu xogħol ta’ konsulenza fuq agrikoltura, sajd, akwakultura, komunikazzjoni u l-qasam legali, nitlob lill-Onorevoli interpellant biex jirreferi għat-tabella annessa. Is-salarju tagħhom hu pro-rata skont is-sigħat li jaħdmu, kif indikat. Ninforma lill-interpellant li, kontra dak li qed jitlob, in-numri tal-karti tal-identità rispettivi mhux qed jiġu mgħoddija għal raġunijiet li huma iżjed minn ovvji. Surname Name Position Salary Scale Working hours Bugeja Conti Antonella Policy Consultant (Communications) 5 20 Carbone George Policy Consultant (Agriculture) 3 20 Sciberras Alexander Policy Consultant (Fisheries & Aquaculture) 3 40 Mompalao Kevin Policy Consultant (Legal) 4 40 Pace Albert Policy Consultant (Agriculture) 5 20