Legislature:
Category:
Reset
Active:

Il-Mosta — Triq il-Kbira - Traffic Calming Measures

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3676, jista’ l-Ministru, permezz ta’ Transport Malta, f’ħidma b’risq aktar sigurtà fit-toroq tagħna, jieħu l-passi neċessarji biex jara li dawk ir-road humps li rrefera għalihom fl-istess mistoqsija parlamentari jkunu fit-triq imsemmija, għaliex illum, fi Triq il-Kbira mill-pjazza lejn id-direzzjoni tan-Naxxar ma baqa’ xejn minn dawk il-calming measures?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-ġimghat li ġejjin Transport Malta se tkun qed tara l-bżonnijiet tal-inħawi msemmija u għalhekk dawn il-miżuri mistennija jerġgħu jsiru.

L-Imtarfa – ħolqien ta’ parkeġġ

Question

Jista’ l-Ministru jieħu azzjoni sabiex fil-lokalità tal-Imtarfa, Transport Malta tara kif toħloq aktar spazju ta’ parkeġġ għar-residenti tal-Imtarfa għaliex qed jitranġaw numru ta’ binjiet u allura l-garaxxijiet mhumiex aċċessibbli għall-karozzi, u f’dawn il-ġranet marru l-wardens u weħlu ċitazzjoni mal-vetturi pparkjati?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali talbiet jiġu mressqa mill-Kunsill Lokali wara li jkollu talbiet mill-individwi li ma jkollhomx aċċess għall-garaxxijiet. Il-Kunsilli Lokali ġieli jorganizzaw il-parkeġġ billi japplikaw għal sistema ta’ parking bays skont in-neċessità taż-żona fejn ikun hemm parkeġġ disorganizzat.

Transport Malta — Ħ’Attard sa taħt ir-Rabat – rotta alternattiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir minn Transport Malta u mill-Ministeru tiegħu biex tinstab rotta alternattiva għal triq li s’issa qed tgħaddi mir-raba’ minn Ħ’Attard sa taħt ir-Rabat?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jkun iktar speċifiku fil-mistoqsija tiegħu.

AECM – skema ta’ għajnuna lill-bdiewa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta bdiet tiġi offruta l-iskema ta’ għajnuna għall-bdiewa Agri-Environment Climate Measures (AECM)? Jista’ jgħid għaliex sat-22 ta’ Frar 2018 ma kien hemm l-ebda informazzjoni dwar din l-iskema online? Kemm hemm u min huma l-konsulenti li d-dipartiment konċernat qed ipoġġi għad-disponibbilità tal-bdiewa biex mingħandhom ikunu jistgħu jixtru l-konsulenza li mingħajrha ma tistax tapplika għal din l-iskema? Jista’ jgħid din il-konsulenza fiex tikkonsisti u kemm tiswa lill-bdiewa jekk pereżempju bidwi jkun irid japplika għal żewġ tomniet ta’ raba’?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’segwitu għat-tħejjija tal-miżura, talbiet mill-bdiewa għall-għajnuna taħt l-iskema AECM 5 (Miżura għall-Implimentazzjoni ta’ Pjan għall-Ġestjoni u Konservazzjoni tal-Ħamrija fuq ħbula ta’ art) intlaqgħu bejn id-29 ta’ Jannar u t-23 ta’ Frar 2018. Il-ftuħ ta’ din l-iskema ta’ għajnuna volontarja ġie komunikat lill-bdiewa reġistrati permezz ta’ SMS, bħalma kienet dejjem il-prassi anki taħt il-programm 2007-2013. Kif indikat fil-linji gwida rilevanti li jinsabu fuq is-sit elettroniku tal-Awtorità ta’ Ġestjoni, il-lista ta’ konsulenti li wrew interess jiġu rikonoxxuti sabiex joffru dan is-servizz ġiet ippubblikata fuq is-sit tad-Dipartiment għall-Protezzjoni tal-Pjanti, u qed tiġi mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra. Il-konsulenza offruta tikkonċerna t-tfassil tal-pjan għall-ġestjoni u l-konservazzjoni tal-ħamrija b’mod xjentifiku, li jsir abbażi tal-ittestjar fil-laboratorju tal-livell ta’ materja organika li tinsab fil-ħamrija tal-bidwi kkonċernat. Dan il-pjan irid jiġi mplimentat mill-bdiewa li qed jieħdu l-għajnuna taħt din l-iskema. L-istess bħal f’kull qasam ieħor, l-awtoritajiet ma għandhomx jedd jirregolaw il-prezz tas-servizz offrut mill-konsulenti. Għal aktar informazzjoni fuq l-iskema l-Mistoqsija għandha tiġi riferuta lill- Managing Authority fi ħdan il-Ministeru għall-Affarijiet Ewropej u Ugwaljanza.

Żoni Industrijali – ħidma ta’ manutenzjoni u ndafa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma ta’ manutenzjoni u ta’ indafa saret fiż-Żoni Industrijali: (a) tal-Mosta fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Tarġa Gap, (b) tal-Ħandaq; u (c) l-Imrieħel, li dawn huma żoni industrijali li oriġinarjament kienu privati, iżda issa huma pubbliċi?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Transport Malta – pjanti tat-toroq — twessigħ

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti tat-toroq kollha li Transport Malta qed tapplika għall-awtorizzazzjoni meħtieġa, biex dawn it-toroq jitwessgħu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Il-Mosta – Triq il-Kbira li tieħu għall-Imġarr — bankina

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex fil-bidu ta’ Triq il-Kbira int u ġej min-naħa tal-Imġarr fejn hemm bus stop bl-isem tal-Qliegħa fejn qed tinbena binja, ma baqa’ l-ebda aċċess għall-bankina (u mhux possibli li min ikun miexi juża’ bankina fuq in-naħa l-oħra tat-triq għaliex fuq in-naħa opposta m’hemm l-ebda spazju ta’ bankina), jara li min qed jibni, jieħu l-passi meħtieġa sabiex ikun hemm spazju riservat mit-triq għall-użu ta’ bankina?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-iżviluppatur li qed jiżviluppa l-lant imsemmi għamel talba lil Transport Malta sabiex tkun tista’ issir il-bankina msemmija. S’isaa Transport Malta għadha qed tevalwa t-talba mressqa.

Chadwick Lakes – xogħlijiet ta’ patching u tindif

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex fit-triq lejn iċ-Chadwick Lakes użata minn kull min jidħol lejn iċ-Chadwick Lakes u min diversi bdiewa li għandhom ir-raba’ f’dawn l-inħawi, isir xogħol ta’ patching u tindif ta’ ħaxix minn mal-ġnub tat-triq u żbir ta’ siġar li qed jostakolaw it-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-Ministeru se jkun qiegħed jara x’inhuma l-ħtiġijiet fl-akwata msemmija u jekk ikun hemm il-ħtieġa jikkordina ma’ Ministeri oħra sabiex tittieħed azzjoni.

Transport Malta – Ftuħ ta’ triq ġdida f’Ħ’Attard

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, il-pjanti tat-triq li Transport Malta qed tippjana li tiftaħ u li se tkun qed tgħaddi minn Ħ’Attard u tibqa’ sejra għal taħt ir-Rabat? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti li juru fejn qed taħseb Transport Malta li tagħmel dan ix-xogħol f’toroq u li se tkun qed tieħu raba’ maħdum? Jista’ jgħid, Transport Malta kemm-il metru kwadru ta’ raba’ se tkun qed tieħu biex jintuża għal xogħlijiet ta’ toroq li l-istess Transport Malta diġà għandha applikazzjonijiet mill-Awtorità tal-Ippjanar għal permessi meħtieġa?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta li ngħatat għall-mistoqsija parlamentari 3799 f’Seduta 79.

Estensjoni taż-żona industrijali ta’ Bulebel – żona alternattiva

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma qed issir, u jekk ma bdietx, jista’ l-Ministru jibda din il-ħidma biex jara kif tista’ tinstab żona alternattiva li fiha ma jkunx hemm raba’ fejn jittieħed għal estensjoni ta’ żona industrijali ta’ Bulebel limiti taż-Żejtun?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa qed isir analiżi sabiex jiġi stabilit liema partijiet jistaw possibilment jiġu żviluppati f’din iż-żona fl-aħjar interess kemm tal-lokalita’ kif ukoll tal-industrija. Nirreferi ukoll lill-Onor.Interpellant għat-tweġiba għal-mistoqsija parlamentari 4322.

Il-Mosta — Crash Barriers fit-triq li tieħu lejn il-Biżbiżija

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jara li jsiru crash barriers fuq naħa waħda tat-triq li tieħu lejn il-Biżbiżija fil-Mosta għaliex f'din il-parti ta' triq hemm perikolu li karozzi jistgħu jaqgħu l-isfel fil-livell tal-għelieqi? (Din it-triq tibda minn Ta' Żejfa, limiti tal-Mosta u twassal sa Triq Sir Temi Zammit li tieħu lejn l-Imġarr u minnha li fiha perikolu li bil-crash barriers jista' jitnaqqas, qed jgħaddu ħafna ġenituri li jkunu qed jieħdu lill-uliedhom fl-iskola San Andrea, limiti tal-Imġarr.)

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-uffiċjali ta’ Transport Malta diġa spezzjonaw dan is-sit u fil-ġranet li ġejjin se jkunu qed u jagħmlu l-proposti dwar l-aħjar interventi li jistgħu isiru u li jkunu addattati għal din iż-żona.

Iż-Żejtun — Żona Industrijali ta’ Bulebel - pjanti tal-estensjoni

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti tal-estensjoni taż-Żona Industrijali ta’ Bulebel fiż-Żejtun? Jista’ jgħid jekk jistax jikkunsidra li ma ssirx din l-estensjoni biex ma jintilifx ir-raba’ maħdum?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-proċess tad-design preliminari għadu fil-bidu tiegħu. Il-Malta Industrial Parks se tkun qed twettaq studji li se jieħdu primarjament inkonsiderazzjoni l-aspett soċjali u ambjentali ta’ din l-art, qabel tibda xi forma ta’ proċess mal-Awtorita’ kompetenti biex isir xi forma ta’ żvillup. Tali proċess se jkun wieħed komprensiv li jinkludu konsultazzjoni mal-istakeholders kollha u mhux eskluż li f’dan il-proċess ikunu kkonsidrati alternattivi oħrajn. Dan huwa parti minn ezerċizzju li qiegħed isir minn MIP biex jimmassimizza l-ispazju industrijali f’pajjiżna, fi żmien meta l-Ekonomija Maltija qed tattira livelli ta’ investiment bla preċedent, li jsarfu fost l-oħrajn f’aktar impjiegi ta’ kwalita’. L-art inkwistjoni ilha klassifikata bħala art disponibbli għal żvillup industrijali sa mill-2006 u għaddiet għand Malta Industrial Parks, għal dan l-iskop, lura fl-2009. Il-Policy Map kif ukoll il-legal Notice qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.

Il-Mosta — Triq il-Kbira - Traffic Calming Measures

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 3676, jista’ l-Ministru, permezz ta’ Transport Malta, f’ħidma b’risq aktar sigurtà fit-toroq tagħna, jieħu l-passi neċessarji biex jara li dawk ir-road humps li rrefera għalihom fl-istess mistoqsija parlamentari jkunu fit-triq imsemmija, għaliex illum, fi Triq il-Kbira mill-pjazza lejn id-direzzjoni tan-Naxxar ma baqa’ xejn minn dawk il-calming measures?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra

Il-Mosta — Triq il-Kungress Ewkaristiku - xogħol ta' għoti ta' tarmak

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jibda x-xogħol ta' għoti ta' tarmak mill-ġdid fi Triq il-Kungress Ewkaristiku fil-Mosta peress li din it-triq kienet imwiegħda li ssir mill-Gvern kważi sena u nofs ilu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Il-Mosta — Crash Barriers fit-triq li tieħu lejn il-Biżbiżija

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jara li jsiru crash barriers fuq naħa waħda tat-triq li tieħu lejn il-Biżbiżija fil-Mosta għaliex f'din il-parti ta' triq hemm perikolu li karozzi jistgħu jaqgħu l-isfel fil-livell tal-għelieqi? (Din it-triq tibda minn Ta' Żejfa, limiti tal-Mosta u twassal sa Triq Sir Temi Zammit li tieħu lejn l-Imġarr u minnha li fiha perikolu li bil-crash barriers jista' jitnaqqas, qed jgħaddu ħafna ġenituri li jkunu qed jieħdu lill-uliedhom fl-iskola San Andrea, limiti tal-Imġarr.)

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Il-Mosta — Triq il-Kbira - Traffic Calming Measures

Question

B'referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 3486, jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex, permezz ta' Transport Malta, jara li jsiru traffic calming measures fi Triq il-Kbira l-Mosta, min-naħa għall-oħra, jiġifieri mill-bidu tagħha minn Ta' Qali sa fejn tibda l-lokalità tan-Naxxar?

Response (BORG, IAN)

Ninforma Iill-Onorevoli Interpellant illi Transport Malta kellha erba’ talbiet fejn ġew approvati erba’ Road Humps fi Triq il-Kbira fil-Mosta, dettalji hekk kif ġej; Date of Approval Request Details Street Name Locality 08/04/2006 Road Hump In the vicinity of door Nos. 355, 391 and 374 Triq Il-Kbira Mosta 07/02/2007 Road Hump Round Topped C/W Triq Il-Kbira Mosta 24/10/2006 Road Hump Round Topped as per site plan Triq Il-Kbira Mosta 12/07/2000 Road Hump Round Topped road hump - no more than 75mm high - adjacent to house no. 461 - as in site plan Triq Il-Kbira Mosta Transport Malta ma rċevietx aktar talbiet mill-Kunsill Lokali dwar Road Humps fi triq imsemmija.

Il-Mosta — Triq il-Kungress Ewkaristiku - xogħol ta' għoti ta' tarmak

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta hu maħsub li jibda x-xogħol ta' għoti ta' tarmak mill-ġdid fi Triq il-Kungress Ewkaristiku fil-Mosta peress li din it-triq kienet imwegħda li jsir mill-Gvern kważi sena u nofs ilu?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Il-Mosta — toroq - tarmak

Question

Jista' l-Ministru jgħid liema huma t-toroq fil-Mosta, li l-Gvern qed jippjana li jerġa' jagħti tarmak mill-ġdid biex b'hekk it-toroq kollha fil-Mosta jkunu ta' kwalità tajba?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.

Il-Mosta — Triq il-Farinal u Triq is-Sgħajtar

Question

Jista' l-Ministru jgħid meta se jibda x-xogħol ta' għoti ta' tarmak fit-toroq ta' Triq il-Farinal u Triq is-Sgħajtar fil-Mosta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta qed taħdem fuq lista ta’ interventi f'diversi lokalitajiet liema lista qed issir skont il-prijoritajiet li jirriżultaw.