Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti li juru fejn ser isir it-twessigħ tat-toroq skont kif Transport Malta applikat lill-Awtorità tal-Ippjanar?
Planning Authority –tiswijiet tal-bankini fejn ikun sar xogħol ta’ kostruzzjoni
Question
Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-Planning Authority għandhiex id-dmir u d-dritt li wara li tkun tlestiet il-kostruzzjoni fuq binja, tordna lil min ikun wettaq dak ix-xogħol ta’ kostruzzjoni jew lis-sid tal-binja, biex il-bankina jew terġa’ ssir jew tara li tkun fi stat tajjeb u mhux ta’ periklu għal min jimxi fuqha?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-Awtorità tal-Ippjanar titlob lill-Iżviluppatur jagħmel garanzija bankarja biex jassigura li jekk ikunu saru ħsarat lil xi bankina li ma jkunux tranġaw, din l-istess garanzija tagħmel tajjeb għad-danni sofferti iżda fil-każ li ma jkunx hemm ħsarat jew dawn ikunu remedjati tali garanzija tiġi rilaxxata.
Jista’ l-Ministru jgħid jekk fil-preżent il-Gvern huwiex qed joffri skema ta’ manutenzjoni fuq bini antik? Jekk iva, x’inhuma l-kriterji sabiex tingħata din l-għajnuna?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bi b’pjaċir illum ħabbarna l-iSkema il-Ġdida tal-2018 li dettalji tagħha qedgħin jingħataw hawn taħt;
Skema 2018
·
€10 miljun (fondi mir-regolarizzazzjoni)
·
Applikazzjoni Online
·
F’każ ta’ kera, consent form iffirmata mis-si
d
·
Gruppi:
o
Pubbliku
§ 7.5 miljun Ewro budget
§ Sa 70% rebate
§ Massimu: 10,000 UCA, 50,000 Grade 2, 10,000 Grade 1
o
Persuni b’diżabilit
à
§ 1 miljun Ewro budget
§ Sa 70% rebate
§ Massimu: 10,000
§ Restawr u aċċessibilità
o
Pensjonanti
§ 1 miljun Ewro budget
§ Massimu: 10,000
§ Restawr tal-faċċata
o
Għaqdiet volontarji reġistrati
§ 500,000 Ewro budget
§ Massimu: 10,000
§
Restawr tal-faċċata
·
Miftuħa 2 t’April 2018 sa 28 ta’ Ġunju 2018 (first come first served)
o Xogħlijiet jibdew wara l-1 t’April 2018 u jitlestew f’sentejn. Xogħlijiet jibdew biss wara li jingħata l-permess, u jridu jiġu ppreżentati l-irċevuti.
o Applikazzjoni għal fondi ssir minn Periti permezz ta’ applikazzjoni online.
B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 4544, jista’ l-Ministru jara li Transport Malta tieħu l-passi sabiex tara li fi Triq il-Kbira fil-Mosta, issir il-bankina immedjatament ħalli jitneħħa l-periklu, għaliex sal-lum ma hemmx post ta’ bankina minn fejn jimxu n-nies u Transport Malta qed tieħu ż-żmien biex tawtorizza li ssir il-bankina mitluba?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għada qed tinġabar.
Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma saret fil-Biċċerija f’dawn l-aħħar xhur? Fiex kienet tikkonsisti? Kemm kienet in-nefqa? X’kien il-progress li sar dovut għal din il-ħidma li saret?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li f’dawn l-aħħar xhur tkompla l-programm tal-Gvern sabiex tiġi rranġata l-Biċċerija Pubblika fuq livell tal-kumplament tal-UE:
· Xogħol strutturali fis-swali fejn jitqatta u jiġi spulpjat il-laħam fejn illum qegħdin jibbenefikaw il-koperattivi, sew tal-majjal, kif ukoll taċ-ċanga. Dawn illum qegħdin f’pużizzjoni li jistgħu jikkompetu aħjar mal-laħam li jkun qed jiġi impurtat.
· Xogħol intensiv fuq l-istruttura tal-ħadid (
steel structure
) fuq il-linja tal-majjal, fejn tiddendel il-linja motorizzata u jimxi l-majjal, biex din tissaħħaħ u jitneħħa kull perikolu li kien hemm u ġiet assigurata s-saħħa tal-ħaddiema li kontinwament jaħdmu taħt dawn l-istrutturi li maż-żmien beda jirriżulta li setgħu kienu ta’ periklu għall-istess ħaddiema.
· Introduzzjoni ta’ sistemi ġodda fejn jgħaddu s-servizzi kollha u jiġu magħluqin ġo
cabinets
apposta u
service trays,
b’mod iġeniku u li jkun mod ta’ ebda periklu għall-ħaddiema.
· Tibdil tas-servizzi li kienu qodma u ta’ periklu kontinwu li jikkonsistu f’sistema ta’ elettriku ġdida u sistema oħra ta’ arja kompressata.
· Inxtara trakk ġdid bil-
crane
sabiex jintuża fuq xogħol ta’ emerġenza fl-irziezet fuq annimali li jkollhom bżonn attenzjoni fuq il-post li
huwa ta’ benefiċċju għal servizz aħjar għar-raħħala kollha. Il-Biċċerija Pubblika għanda servizz ta’ emmerġenza li jitħaddem 24/7 li b’telefonata, żewġ biċċiera u tabib veterinarju jmorru fir-razzett u jieħdu ħsieb dak kollu neċessarju għal dik il-bhima li tkun qegħdha dbati.
· Apparat ġdid biex tinżamm temperatura stabbli u skont ir-Regoli stabbiliti fis-swali fejn jitqatta u jiġi spulpjat il-laħam.
· Numru ta’ apparat u makkinarju ġdid li ġie installat fis-sala fejn jitgħabba l-laħam, fuq il-linja taċ-ċanga; u fuq il-linja tal-majjal.
· Installazzjoni ta’ linja motorizzata ġdida (
motorized monorail
) tul ta’ (
approx.)
160 metru fuq xix jgħaddi l-majjal mill-post fejn jiġi skarnat sakemm jitlesta l-operat kollu u jidħol fil-kmamar fejn jitkessaħ (
cold rooms
).
In-nefqa kollha tax-xogħlijiet msemmija hawn fuq kien ta’ €1.7M.
Jista’ l-Ministru jgħid meta u kif se jkunu megħjuna l-produtturi tal-majjal sabiex il-produzzjoni tal-majjal tkun waħda aktar sostenibbli? Jista’ jgħid meta l-Gvern ħa jieħu deċiżjoni sabiex ikun jista’ jgħin b’żewġ miljuni ewro li ġew ivvutati fl-aħħar baġit lill-produtturi tal-majjal f’pajjiżna? Jista’ jgħid jekk hux jikkonsidra li joffri għajnuna lill-produtturi tal-majjal bħalma jsir f’pajjiżi oħra tal-Unjoni Ewropea fuq kriterji ta’ għajnuna favur l-Animal Welfare?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-għajnuna vvutata fl-estimi li qiegħed jirreferi għaliha kienet ġiet spjegata f’din il-Kamra bħala parti mill-preżentazzjoni tal-estimi finanzjarji għal din is-sena. Hemmek ġie spjegat li s-settur tal-majjal jeħtieġ ristrutturazjoni sabiex din l-industrija tilħaq livell aktar vijabbli u sostenibbli ekonomikament, billi jibqgħu joperaw dawk l-irziezet li jistgħu jkunu kompetittivi u sostenibbli. Dan isegwi diversi konsultazzjonijiet li seħħew mal-koperattiva ta’ min irabbi l-majjal. Kif ġie mħabbar, din l-iskema titwettaq matul dawn it-tlett snin li ġejjin. Ninfurmah ukoll li l-għajnuna l-oħra li qed jirreferi għaliha teżisti f’numru limitat ta’ programmi tal-iżvilupp rurali ta’ reġjuni fejn l-industriji tagħhom huma sostenibbli ekonomikament u ambjentalment u diġà laħqu livelli għoljin ta’ konformità mal-istandards minimi mitluba mir-regolamenti tal-Unjoni Ewropea, u allura jista’ jiġi ffinanzjat it-twettiq ta’ miżuri tal-benesseri tal-annimali li jmur lil’hinn mill-istandards mitluba mill-liġi. Filwaqt li din il-miżura ma kinitx programmata fil-Pjan ta’ Żvilupp Rurali 2014-2020 li ġie approvat mill-KE numru ta’ snin ilu billi ma kinitx mitluba mill-operaturi matul il-konsultazzjonijiet estensivi li kienu saru f’dan l-eżerċizzju, l-Awtorità ta’ Ġestjoni fi ħdan il-Ministeru responsabbli tkun trid teżamina din il-possibilità fil-futur fid-dawl tal-qagħda tas-settur skont dak li weġibt dwaru fl-ewwel parti tal-mistoqsija, kif ukoll x’azzjonijiet huma realment ottjenibbli minn dawk l-operaturi li jistgħu jkunu eliġġibli għal din it-tip ta’ miżura.
Informazzjoni lill-bdiewa, sajjieda u raħħala – bdil fir-regolamenti
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi sabiex mal-bdil tal-liġijiet, regolamenti eċċ. il-bdiewa, is-sajjieda u r-raħħala jkunu avżati bit-tibdil li jkun sar peress li jidher li aktar hija prassi tad-dipartimenti rispettivi li javżaw b’dak li ma għandux isir milli javżaw b’dak li għandu jew jista’ jsir?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta jsir tibdil jew aġġornamenti fil-liġijiet jew regolamenti applikabbli, kemm dawk Nazzjonali kif ukoll tal-Unjoni Ewropea, li b’xi mod jistgħu jaffettwaw il-ħidma tal-bdiewa, sajjieda u raħħala lokali, il-prassi normali tad-Dipartimenti hekk kif mitlub mill-Gvern, hi li ssir konsultazzjoni u komunikazzjoni xierqa bħal per eżempju fuq www.konsultazzjoni.gov.mt, ta’ dak li qed jiġi propost, kemm qabel u wara li jidħlu fis-seħħ it-tibdiliet. Dan isir permezz ta’ laqgħat ta’ konsultazzjoni u/jew informazzjoni miftuħa għall-bdiewa, sajjieda u raħħala u l-għaqdiet tagħhom u organizzati mid-Dipartimenti bil-għan li jisimgħu u jipprovdu l-informazzjoni kollha li hemm bżonn lil dawk ikkonċernati, u sabiex jiġu mwieġba mistoqsijiet jew talbiet li jista’ jkollhom. Barra minn hekk, l-Uffiċċju tal-Front Office tal-Aġenzija tal-Pagamenti jaħdem sabiex iżomm lill-bdiewa u r-raħħala lokali kontinwament infurmati bi kwalunkwe żviluppi jew aġġornamenti li jistgħu jaffettwaw il-ħidma tagħhom jew l-għajnuna li jkunu qegħdin jirċievu. Id-Dipartimenti jagħmlu użu wkoll mill-pubblikazzjoni tal-Ministeru ‘Nisġet Artna’ li ilha tasal f’eluf kbar ta’ djar tal-bdiewa, raħħala u sajjieda sa mill-leġiżlatura li għaddiet, u f’kull ħarġa dawn jissottomettu artikoli ta’ informazzjoni sabiex il-qarrejja jkunu infurmati bi kwalunkwe żviluppi jew aġġornamenti li huma pertinenti għas-setturi lokali, inkluż bidliet bħal dawk imqanqla mill-Onorevoli Interpellant. Ta’ min iżid jgħid ukoll li hija n-natura tal-liġijiet kemm ta’ Malta u anki tal-Unjoni Ewropea li jirregolaw ċertu aspetti ta’ dawk li jistgħu jkunu obbligi ta’ aġir jew anki li jkun meħtieġ joqgħod lura minnhom bidwi jew raħħal fl-attività tiegħu, filwaqt li jkollu libertà sħiħa ta’ għemilu mill-bqija bla ma jindaħallu ebda Dipartiment jew organu tal-Istat, bħalma tidher li qed tissuġġerixxi l-Mistoqsija tal-Interpellant. Barra minn hekk, f’dawn l-aħħar snin id-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura laħaq ftehim mal-Koperattivi tas-Sajjieda, biex jibgħatu rappreżentant tagħhom f’diversi laqgħat internazzonali, biex ikunu jistgħu jagħtu s-sehem tagħhom waqt il-konsultazzjoni mill-bidu nett tal-proċess. Ta’ min jinnota wkoll li fl-Awtorizzazzjonijiet tas-Sajd tiġi provduta l-informazzjoni relatata.
Żoni Industrijali – ħidma ta’ manutenzjoni u ndafa
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4542 u jgħid x’ħidma ta’ manutenzjoni u ta’ indafa saret fiż-Żoni Industrijali:
(a) tal-Mosta fl-inħawi magħrufa bħala Ta’ Tarġa Gap,
(b) tal-Ħandaq; u
(c) l-Imrieħel, li dawn huma żoni industrijali li oriġinarjament kienu privati, iżda issa huma pubbliċi?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-MIP tieħu ħsieb iż-żoni ta’ Tarġa Gap u tal-Ħandaq fejn isir tindif regolari, inkluż ġbir ta’ skart goff skond il-bżonn.
Bħalissa għaddejin diversi proġetti f’dan ir-rigward fosthom: Kampanja ta' tindif mid-Direttorat tat-Tindif b’total ta' 186 tunnellata ta' skart miġbur; Proġett pilota ta’ maniġjar tal-iskart li jinkludi l-ġbir door to door u l-knis fiż-żona, tarmakk ta’ erba’ toroq ta' prijorità inkluż it-tisbieħ fi Triq in-Negozju, kif ukoll tiswijiet u manutenzzjoni għat-toroq.
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 4543 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanti tat-toroq kollha li Transport Malta qed tapplika għall-awtorizzazzjoni meħtieġa, biex dawn it-toroq jitwessgħu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta Transport Malta tkun qed tikkollabora mal-Awtorità tal-Ippjanar, ma’ entitajiet oħra, u mal-komunitajiet tal-inħawi, sabiex tikseb il-permessi għall-bini jew twessigħ ta’ toroq, il-pjanti jkunu qed jiġu aġġornati kontinwament skont l-eżitu tal-konsultazzjonijiet u t-talbiet tal-awtoritajiet u dawk kollha konċernati. Il-pjanti finali jkunu disponibbli fl-aħħar stadji, meta tkun se tittieħed id-deċiżjoni finali dwar il-permessi u l-kundizzjonijiet relatati tal-proġett ikkonċernat.
Bħala parti mill-proċess tal-applikazzjoni għall-permessi tal-iżvilupp, dawn il-pjanti finali jkunu wkoll disponibbli għall-pubbliku.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2991 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2801, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu rreġistrati abbużi u attakki vjolenti fuq nisa tqal fl-2015 u fl-2016?
Response (FALZON, MICHAEL)
Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru kkonċernat.
Jista’ l-Prim Ministru jgħid fiex jikkonsistu s-16-il inizjattiva li l-Gvern ħabbar permezz tas-Segretarjat Parlamentari għall-Fondi Ewropej u Djalogu Soċjali li huma maħsuba li jnaqqsu l-burokrazija? Jista’ jgħid kif is-settur kummerċjali se jgawdi minn din is-simplifikazzjoni ta’ burokrazija? Jista’ jgħid min kienu l-esperti li magħhom ħadem il-Gvern fuq dan il-proġett?
Response (MUSCAT, JOSEPH)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jagħmel il-mistoqsija lill-Ministru konċernat.
Jista’ l-Ministru jgħid x’ħidma qed issir fil-Biċċerija sabiex it-temperatura tal-misħun li jintuża waqt il-proċess ta’ tindif tal-majjal ma tibqax taqa’? Jista’ jgħid x’kumpens beħsiebu jagħti l-Gvern lir-raħħala għal telf ta’ piż tas-saqajn li jintilfu għaliex jiġu mormija qabel ma jintiżnu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-temperatura tal-misħun li jintuża waqt il-proċess ta’ tindif tal-majjal jiġi monitorjat kontinwament u jinżamm stabbli b’temperatura ta’ 63° cels. Ma hemm l-ebda rapporti li din it-temperatura mhix tinżamm jew li qed issir xi ħsara fil-prodott.
Dwar it-tieni parti tal-mistoqsija, jekk jirriżulta li t-tabib veterinarju jiddeċiedi li xi sieq għanda tinqata’ minħabba problema fl-istess majjal, din la darba ma tgħaddix għal konsum uman trid tintrema. Jekk is-sieq tkun inqabdet minn xi magna u jirriżulta li ma tistax toħroġ mal-karkassa għal konsum uman, din is-sieq tintiżen mal-karkassa u tintrema wara. Hija proċedura ta’ igjene li dawk is-saqajn tal-majjaliet (
sows
) jridu jinqatgħu u jintremew.
Jista’ l-Ministru jgħid, ladarba nhar it-Tlieta, 6 ta’ Marzu għall-ħabta bejn it-8:00am u d-9:30am meta fil-Biċċerija ġie maqtugħ is-supply tal-elettriku:
a. kemm kien l-għadd ta’ majjal li kienu qed jiġu pproċessati peress li l-proċess tal-qatla kellu jieqaf;
b. għal liema raġuni fil-Biċċerija ma hemmx ġeneraturi ħalli jagħmlu tajjeb għal dawk il-waqtiet li fihom il-biċċerija tispiċċa bla
supply
ta’ elettriku; u
c. kemm se jkun il-kumpens li l-Gvern lest li jħallas għal raħħala li f’dawk il-waqt kienu qed jipproċessaw il-majjal?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta nqata’ d-dawl, fuq il-linja tal-majjal kien hemm mat-30 karkassa. Il-biċċiera ħadu l-prekawzjonijiet kollha u nħadmu bl-idejn u fuq dawn il-karkassi ma saret l-ebda ħsara. L-unika ħsara li kien hemm kien għal numru ta’ 9 karkassi li dak il-ħin kienu fil-magna tal-misħun (scalding tank) sabiex jitnaddfu. Dan peress li damu aktar mill-ħin stabbilit u l-laħam ġie ddikjarat li ma setax joħroġ għal konsum uman.
Wieħed irid japprezza li fil-Biċċerija Pubblika, dawn l-aħħar snin, saru investimenti kbar ta’ prijorità sabiex jiġu rranġati s-swali tal-qatla u jinbidel makkinarju qadim sabiex il-Biċċerija tiġi fil-livell mixtieq mal-kumplament tal-pajjiżi Ewropej. Il-Biċċerija Pubblika tirrikjedi massimu ta’ 1200KVA sabiex tħaddem l-impjant ta’ numru ta’ swali kbar li jkessħu l-laħam (cold rooms), impjanti oħra li jżommu temperaturi skont ir-regolamenti tas-swali tal-qatla u fejn joħroġ il-laħam, u swali oħra fejn jitqatta’ u jiġi spulpjat il-laħam. Barra minn hekk ikun irid jitħaddem ukoll il-makkinarju kollu fuq il-linja tal-qatla. Fil-Biċċerija Pubblika, qatt ma kien hemm ġeneraturi biex jagħmlu tajjeb għal qtugħ ta’ elettriku. Biss, ġa huwa maħsub li se jintalbu l-fondi neċessarji sabiex is-sena d-dieħla (2019) toħroġ tender sabiex ikun jista' jinxtara u jiġi installat ġeneratur li jkun jista' jlaħħaq mad-domanda kollha tal-elettriku tal-Biċċerija fil-każ li jkun hemm xi qtugħ ta’ elettriku.
Peress li bl-ebda mod il-ħsara li saret fuq dawn id-9 karkassi ma kienet ħsara ikkaġunata b’xi tort jew traskuraġni minn naħa tal-Biċċerija Pubblika, din ma tistax tinżamm b’xi mod responsabbli għal xi ħsara.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi sabiex jikkunsidra li ladarba persuna, wara li tkun ingħatat (tħallset) il-benefiċċju soċjali tal-mard (fl-ewwel 15-il ġurnata full pay u fit-tieni 15-il ġurnata half pay) tibda terġa’ tirċievi l-għajnuna tal-benefiċċju tal-mard kemm-il darba tkun taħt medical supervision? (Din il-proposta qed issir sabiex dawk il-persuni li jkunu morda b’mard kroniku jew minħabba xi inċident, ma jispiċċawx bla ħlas meta jkunu f’pożizzjoni li minħabba l-mard ma jkunux jistgħu jmorru għax-xogħol)
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi, l-benefiċċju tal-mard huwa benefiċċju kontributorju li jitħallas mid-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali u jista’ jibqa’ jitħallas sa 156 ġurnata, dejjem jekk il-bord mediku mwaqqaf taħt l-Att dwar is-Sigurtà Soċjali li jeżamina lill-persuna marida f’intervalli determinati minnu, ikun tal-opinjoni li l-persuna għad mhux tajba għax-xogħol.
Il-perjodu msemmi jista’ jibqa’ jiġġedded sa massimu ta’ 468 ġurnata fuq perjodu ta’ sentejn.
Il-pagamenti tal-benefiċċju tal-mard, joħorġu mid-Dipartiment mir-raba’ ġurnata ta’ mard għal kull perjodu ta’ mard li jista’ jkun ikopri l-perjodu ta’ full jew half pay skont il-każ. Il-pagament ma jieqafx jekk il-persuna jispiċċalha l-half pay imma tkompli titħallas sa dak iż-żmien li jkun irid jaraha l-bord mediku tad-Dipartiment.
Ma’ dan inżid li, persuna li tkun għaddejja minn sitwazzjoni kif imsemmija mill-Onorevoli Interpellant, minbarra d-dritt għal benefiċċju tal-mard, jista’ jkollha dritt ukoll għall-Għajnuna Soċjali jekk tissodisfa t-test tal-mezzi.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex jara li x-xogħol li kien qed isir minn Transport Malta fi Vjal l-Indipendenza fil-Mosta jitkompla bla dewmien ta’ żmien, peress li jidher li l-kuntrattur telaq minn fuq lant tax-xogħol u hemm ħafna periklu fit-triq li jeħtieġ li jitneħħa fl-inqas żmien possibbli?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħlijiet fuq l-imsemmija triq se jkunu qed jitkomplew fil-ġranet li ġejjin.
Il-Mosta – Vjal l-Indipendenza salib it-toroq ma’ Triq il-Mitħna – rubber bollards
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex fi Vjal l-Indipendenza fil-Mosta, salib it-toroq ma’ Triq il-Mitħna, jitkomplew jitwaħħlu aktar rubber bollards sabiex ikunu evitati aktar inċidenti, peress li f’dawn l-aħħar ġimgħat kien hemm kważi inċident kull ġimgħa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħalissa Transport Malta għaddejja bi proġett ta’ titjib u kisi b’asfalt ġdid tat-triq imsemmija. It-tagħmir ta’ saħħa u sigurtà indikat ser jitwaħħal mill-aktar fis, hekk kif jitlesta l-wiċċ ġdid ta’ din it-triq.
Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument ta’ konsultazzjoni pubblika għall-biedja għas-snin 2018-2028 u jara li jsir dibattitu dwaru fil-Parlament, sabiex b’hekk il-Parlament ikollu l-opportunità li jitkellem dwar din il-politika għal biedja?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan id-dokument jinsab online u jista’ jiġi mniżżel minn fuq l-link anness hawn taħt:-
http://meae.gov.mt/en/Public_Consultations/MSDEC/Pages/Consultations/PublicconsultationontheNationalAgriculturalPolicyfortheMalteseIslands20182028.aspx
(Kopja tad-dokument qed jitpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra).
Ninfurmah ukoll li dibattitu fil-Parlament hu prematur f’dan l-istadju la darba dan id-dokument għadu fl-istadju ta’ konsultazzjoni pubblika.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3500 u jgħid, taħt l-iskema ta' fidi ta' ċnus temporanji jew perpetwi ta' proprjetà regolata mill-ftehim bejn il-Knisja u l-Istat tal-1991, kemm kien hemm proprjetajiet residenzjali:
a. miżmuma b'ċens temporanju; u
b. miżmuma b'ċens perpetwu;
li ġew mifdija? Jista jikklassifika l-informazzjoni tal-proprjetà hekk mifdija b'dawk ta':
i. kejl sa 270 metru kwadru ta' spazju abitabbli; u
ii. dawk ta' kejl ta' aktar minn hekk?
Kemm f'dawn il-każijiet kien hemm sidien li fdew aktar minn proprjetà waħda miżmuma minnhom b'dan it-titolu ta' ċens?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li b’referenza għad-daqs sostanzjali ta’ informazzjoni li qeda tigi mitluba, kif ukoll għal raġunijiet li din l-informazzjoni qegħda mifruxa fuq diversi snin u ddokumentata f’serje ta’ arkivji differenti fi ħdan l-Ufficju Konġunt, huwa fil-mument fiżikament impossibli li din tiġi kompilata kollha u provduta kif mitlub.
Qed naħdmu wkoll biex jitkompla u jitlesta eżerċizzju ta’ diġitaliżżazjoni ta’ informazzjoni kemm fi ħdan l-Ufficju Konġunt kif ukoll fi ħdan l-Awtorità tal-Artijiet, li permezz tiegħu se nkunu qegħdin f’pożizzjoni aħjar li nipprovdu dan it-tagħrif.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 3501 u jgħid x'kienu u x'inhuma l-policies u/jew skemi li adotta l-Uffiċċju Konġunt minn meta fl-1991 sar il-ftehim bejn il-Knisja u l-Istat dwar il-Proprjetà tal-Knisja? Jista' jagħti t-titolu ta' kull policy/skema u d-data ta' meta ġiet adottata, u f'kull każ, ipoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-istqarrija tad-Dipartiment tal-Informazzjoni jew l-avviż fil-Gazzetta tal-Gvern li permezz tagħhom ġabuhom għall-attenzjoni pubblika?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi sa mit-twaqqif tal-Uffiċċju Konġunt fl-1993 kien hemm erbgħa (4) skemi ta’ fidi ta’ cens/xiri ta’ propjeta’ residenzjali.
Fl-1996 kienet ġiet varata skema ‘Ixtri Darek jew Ifdi ċ-Ċens’, li permezz tagħha inkwilini li kienu joqogħdu f’propjetà amministrata mill-Uffiċċju Konġunt bħala residenza ordinarja setgħu jixtru l-imsemmija propjetà. Taħt l-istess Skema, ċenswalisti ta’ ċens temporanju ta’ aktar minn 30 sena, kif ukoll ċenswalisti ta’ ċens perpetwu fuq proprjetajiet li kienu jintuzaw ukoll bħala r-residenzi ordinarji taċ-ċenswalisti, setgħu wkoll jifdu ċ-ċens tagħhom permezz tal-istess Skema.
Skemi simili kienu ġew varati fl-1998, 2002 u l-2012.
Permezz ta’ Avviz fil-Gazzetta tal-Gvern tal-15 ta’ Jannar 2008, ċenswalisti ta’ ċens perpetwu rivedibbli fuq propjetatjiet tal-Gvern, setgħu jagħmlu talba lill-Uffiċċju Konġunt sabiex jifdu ċ-ċens fuq il-propjeta’ in kwistjoni.