Sptar Monte Carmeli — paga minima ta' ħaddiema tal-kuntrattur għall-indafa
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhi l-paga minima li biha qed jitħallsu l-ħaddiema tal-kuntrattur privat li huma responsabbli mill-indafa tal-Isptar Monte Carmeli f'Ħ'Attard?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-imsemmija ħaddiema jitħallsu skont il-Ftehim Nazzjonali dwar il-Paga Minima tat-28 t’April tal-2017 li tali ftehim ġie effettiv permezz tal-Avviż Legali 144 tal-2017.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa biex jara li jitkompla x-xogħol ta' għoti ta' tarmak fi Triq il-Kostituzzjoni fil-Mosta ladarba qed ikun hemm diversi ħsarat f'din it-triq li jeħtieġu manutenzjoni?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol ta' titjib meħtieġ fit-triq imsemmija huwa skedat li jsir fiż-żmien li ġej.
Jista' l-Ministru jgħid u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tar-regolamenti li ntbagħtu lis-sajjieda li jirregolaw id-daqs tal-ħut, l-ispeċi tagħhom u li meta jinqabdu jistgħu jiddaħħlu l-Pixkerija jew jitpoġġew fis-suq? Jista' jgħid dawn ir-regolamenti li jirregolaw il-qbid tal-ħut skont id-daqs tagħhom, mil-liema direttiva jew regolamenti tal-Unjoni Ewropea qed isegwu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-Mediterran id-daqsijiet minimi ta' referenza għall-konservazzjoni u l-ispeċi relatati jinsabu prinċiparjament fl-Anness III tar-Regolament (EC) 1967/2006. Id-daqs minimu għall-pixxispad tal-Mediterran jinsab fl-Artikolu 5a tar-Regolament (EU) 98/2015 u dak tat-tonn jinsab fl-Artikolu 14 tar-Regolament (EU) 1627/2016.
Fir-rigward tal-kummerċjalizazzjoni ta’ ħut taħt id-daqs minimu, ninsab infurmat li dan ma jistax isir għal konsum uman. Għal dan il-għan nagħmel referenza għar-Regolament (EC) 1224/2009 li jistabbilixxi sistema tal-Unjoni ta’ kontroll għall-iżgurar tal-konformità mar-regoli tal-Politika Komuni tas-Sajd. Skont l-Artikolu 56, fost l-oħrajn, l-Istati Membri għandhom b'mod partikolari jiżguraw li l-użu ta' prodotti tas-sajd taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni li huma soġġetti għall-obbligu tal-ħatt stipulat fl-Artikolu 15 tar-Regolament (UE) Nru. 1380/2013 jiġi ristrett għal skopijiet oħra għajr dak tal-konsum dirett mill-bniedem. Din tapplika partikolarment għal dawk l-ispeċi li jidhru fl-Anness III tar-Regolament (EC) 1967/2006. Barra minn hekk, l-Artikolu 49c tar-Regolament (EC) 1224/2009 jistipola li fejn qabdiet taħt id-daqs minimu ta' referenza għall-konservazzjoni jinħattu, dawk il-qabdiet għandhom jinħażnu separatament u jiġu ttrattati b'tali mod li jagħmilhom distinti minn prodotti tas-sajd destinati għall-konsum dirett mill-bniedem. Dan japplika fil-każijiet kollha inkluż il-pixxispad.
Dawn ir-Regolamenti huma riflessi fl-awtorizazzjonijiet tas-Sajd li joħroġ id-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura skont Artikolu 7 tar-Regolament (EC) 1224/2009 u Artikolu 12 tal-KAP 425 tal-liġijiet ta’ Malta.
Kopja ta’ dawn ir-Regolamenti qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra flimkien ma eżempji ta’ awtorizzazzjonijiet tas-Sajd li jinħarġu mid-Dipartiment tas-Sajd u Akkwakultura.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk il-PGD (Pre-implantation Genetic Diagnosis) hijiex:
a. legali f'pajjiżna;
b. jekk hija legali, humiex qed jiġu distrutti embrijuni meta mill-PGD jirriżulta li l-embrijun jista' ġenetikament ma jkunx korrett; u
c. x'inhuma l-ħsibijiet tal-Gvern rigward il-PGD fil-ġejjieni?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l- PGD (Pre-implantation Genetic Diagnosis) hija illegali f’Malta hekk kif stipulat f’Artiklu 15 tal- Att dwar il-Protezzjoni tal-Embrijun, Kap 524. Kif preżentat fl-Abbozz Numru 37 li jemenda dan l-Att, dan l-Artiklu xorta se jibqa’ fis-seħħ.
Bejjiegħa tal-Monti tal-Belt Valletta u tar-Rabat Għawdex — kumpens
Question
Jista' l-Ministru jgħid xi pjanijiet hemm li jwasslu sabiex bejjiegħa fuq il-monti tal-Belt Valletta ikunu mogħtija kumpens biex jirtiraw il-permess tagħhom bħalha bejjiegħa tal-Monti tal-Belt? Jista' jgħid xi pjanijiet hemm sabiex iwasslu li bejjiegħa tal-Monti li kienu jarmaw fil-Pjazza tat-Tokk fir-Rabat, Għawdex, ikun mogħti kumpens biex ikunu mħajra jirtiraw il-permess tagħhom ta' bejjiegħa tal-Monti fil-post indikat? Jista' jgħid f'kull każ kien se ikun il-kumpens maħsub?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jgħid kemm-il żiemel ġie mdaħħal taħt il-kustodja tal-Pulizija fl-2017 u s'issa, fl-2018? Jista' jgħid minn fejn ġew meħuda dawn iż-żwiemel?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li d-dettalji kollha dwar żwiemel li ddaħħlu taħt il-kustodja tal-Pulizija fis-sena 2017 u din is-sena sal-lum, kienu l-istess żwiemel imsemmija fit-tweġibiet għall-mistoqsijiet ħarlamentari 5066, 5067 u 5068, tal-istess Interpellant. Dawn inżammu fil-kustodja tal-Pulizija wara Eviction order li nħarġet fuq post fejn kienu miżmuma, fil-Biżbiżija.
Reviżjoni ta' kont tad-dawl u ilma — każ ta' persuni
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jivverifika mill-ġdid permezz ta' Water Services talba li saret lill-koppja anzjani biex iħallsu stima ta' kont tal-ilma li skont il-WaterServices din l-istima ta' aktar minn €1,000, ġiet mitluba għaliex minħabba ħsara fl-arloġġ, kien hemm konsum li qatt ma tħallas? Peress li għall-koppja anzjani li d-dettalji dwarhom qed jingħataw separatament, l-ammont li ġiet mitluba tħallas huwa għali wisq, jista' l-Ministru jitlob li jkun hemm rikonsiderazzjoni tal-ammont mitlub?
Response (MIZZI, JOE)
Ninsab infurmat li l-ammont mitlub mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma (dak ta’ €1,067.04) jirrispekja reviżjoni għal perijodu ta’ 1771 ġurnata li matulhom is-Sinjuri msemmija ma kienux ġew mitluba ħlas għal konsum. Għaldaqstant il-kont maħruġ huwa ġustament dovut.
Ta’ min jgħid li jeżistu mezzi kif wieħed jista’ jasal fi ftehim mal-ARMS biex jitħallsu kontijiet pendenti.
Mosta – Bini mill-ġdid ta’ bankina fi Triq il-Kbira
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex immedjatament u bl-akbar urġenza, jitneħħa kull periklu wara t-tneħħija tal-bankina fejn qed tinbena binja quddiem il-bus stop immarkat “Tal-Qliegħa” fi Triq il-Kbira, il-Mosta, sabiex jiġu evitati inċidenti, anke serji, ladarba issa m’hemmx bankina peress li din saret parti mill-binja u allura ma baqa’ l-ebda spazju minn fejn jistgħu jimxu n-nies? Peress li f’mistoqsija parlamentari preċedenti fuq dan is-suġġett, mistoqsija numru 4544, il-Ministru infurmani li Transport Malta qed tevalwa t-talba tal-iżviluppatur li ssir bankina, jista’ jgħid kienx hemm żvilupp minn dakinhar, peress li issa għadda aktar minn xahar minn mindu ngħatat it-tweġiba fil-5 ta’ Marzu?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan hu permess temporanju tal-bini u għaddejja diskussjoni bejn Transport Malta u l- Kuntrattur sabiex tinstab soluzzjoni biex il-pubbliku ma jinżilx mill-bankina u jekk jinżel dan isir b’mod sigur.
Mosta – Bini mill-ġdid ta’ bankina fi Triq il-Kbira
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa b’mod urġenti sabiex jitneħħa għal kollox il-periklu li hemm quddiem żewġ bus stops immarkati “Qliegħa” fil-Mosta f’tarf ta’ Triq il-Kbira fid-direzzjoni lejn l-Imġarr, għaliex fuq l-ebda naħa tat-triq ma hemm bankina u dan qed joħloq periklu għall-persuni li jkunu jridu jitilgħu jew jinżlu minn vettura tat-Trasport Pubbliku?
Ix-Xewkija — Impjant ta' Tisfija tad-Demel - funzjoni tas-separator
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi l-funzjoni ta' separator (l-Impjant ta' Tisfija ta' Demel) li llum jinsab fix-Xewkija fejn hemm l-Impjant tal-WasteServ f'Għawdex? Jista jgħid ladarba jkun sar il-proċess ta' tisfija u jintgħażel l-iskart, x'qed isir mill-iskart disponibbli wara l-proċess ta' tisfija?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li t-terminu “separator” jindika makkinarju li l-għan aħħari tiegħu huwa li jingħasar id-demel u b’hekk jintgħażel il-materjal solidu mill-parti likwida. Normalment dan il-proċess jirriżulta f’xi 70 fil-mija ta’ parti likwida u xi 30 fil-mija ta’ parti solida.
Wara dan il-proċess, il-materjal organiku solidu jiġi meħud lura mir-raħħal. Sa dan it-tant qegħda ssir analiżi fuq il-parti likwida.
Jista' l-Ministru jgħid meta se jsir il-manutenzjoni fuq il-moll tax-Xlendi li ftit ilu ġarrab ħsarat u fil-preżent huwa l-unika moll li jistgħu jorbtu miegħu s-sajjieda fix-Xlendi?
Response (CARUANA, JUSTYNE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hekk kif imħabbar fil-Baġit, il-Ministeru għal Għawdex għandu proġett ambizzjuż għax-Xlendi inkluż servizzi għas-sajjieda, u diġa’ ġew sottomessi l-applikazzjonijiet.
Demel ta' farms tal-majjal — twaddib fis-sistema tad-drenaġġ
Question
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex il-Water Services qed timponi li d-demel ta' farms tal-majjal ma jibqax jitwaddab fis-sistema tad-drenaġġ?
Response (MIZZI, JOE)
L-Onor. Interpellant għandu jkun infurmat li r-rimi tad-demel fis-sistema tad-drenaġġ huwa projbit skont Leġislazzjoni Sussidjarja 545.08 tal-11 ta’ Ġunju 2002.
Persentaġġ ta' nitrati tad-Demel tal-Baqar li jintefa fir-raba'
Question
Jista' l-Ministru jgħid kemm irid ikun fih persentaġġ ta' nitrati s-slurry (demel) tal-baqar sabiex ikun aċċettabbli li jintefa fir-raba'? Jista' jgħid meta sar l-istudju, u min għamel dan l-istudju li jiddetermina x'għandu jkun il-persentaġġ ta' nitrati aċċettabbli f'demel tal-baqar biex dan id-demel ikun jista' jitwaddab fir-raba'? Jekk kemm-il darba sar studju, jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, kopja ta' dan l-istadju?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li peress li s-slurry għandu kontenut għoli ta’ ilma fejn l-ammont ta' nitrat ikun ivarja b’mod konsiderevoli ma jistax jintuża bħala sors ta’ fertilizzant.
Id-demel tal-baqar jista’ jintefa’ bħala sors ta' fertilizzant b’limitu li ma jaqbiżx l-ammont ta 170kg/N/Ha hekk kif inhu stabbilit fid-Direttiva Ewropeja 91/676/EEC u liġi sussidjarja S.L 549.25 u 549.66 u għalhekk m’hemmx għalfejn li jsir studju biex wieħed jara jekk id-demel tal-baqar hux aċċetabbli jew le, għax dan jista’ jintuża waqt l-istaġun miftuħ.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid fl-2016 u fl-2017, kemm kien in-numru ta' nisa li weldu fl-Isptar Mater Dei li kellhom tqala li kienet kawża ta' stupru?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi Mater Dei ma jżommx din l-istatistika.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhi l-policy kif ikun deċiż jekk persuna li tkun tieħu l-warfarina, it-test tad-demm isirx b'injection mill-vina jew b'tingiża mis-saba'?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-maġġor parti tal-każijiet ta’ pazjenti fuq il-warfarina, dawn jistgħu jinqdew fiċ-ċentri tas-Saħħa fejn jittieħdu d-demm b’tingiża mis-saba’. Ta’ min ifakkar illi dan hu servizz li ġie ntrodott f’dawn l-aħħar snin. F’ċerti każijiet pazjent jista’ jiġi referut mit-tabib/konsulent għal-Anti Coagulant Clinic fi ħdan l-isptar Mater Dei fejn l-istess pazjent ikollu bżonn tehid tad-demm mill-vina. Dawn il-każijiet huma s-segwenti:
1. Riżultati ta' INR instabbli
2. Riżultati fejn l-INR ikun għola minn 3.0.
3. Pazjenti li jbagħtu minn
Antiphospholipid syndrome.
4. Mard tal-fwiet.
5. Mard tal-kliewi.
6. Dawk li qegħdin fuq xi mediċini oħrajn li jraqqu d-demm fosthom
dual antiplatelet agents
.
7. Kanċer attiv ( fejn il-pazjent ikun qed jirċievi r-raġġi jew il-kimoterapija)
F'ċerti każijiet huwa rrakkomandat ukoll li l-pazjent jsirlu appuntament fil-
Haematology
jew
Cardiology Department
sabiex isir
assessment
mill-ispeċjalista minħabba l-bżonn ta' mediċini għal kontra t-trombożi jew inkella
atrial fibrillation
.
Jista' l-Ministru jgħid u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra, l-irċevuta ta' xiri ta' ikel għaż-żwiemel li hemm miżmuma fil-kumpless tal-Kavallerija taż-Żwiemel fil-Marsa għall-ewwel tliet xhur tal-2018? Jista' jgħid, kemm-il darba hemm żwiemel fil-ħarsien tal-pulizija fil-Kumpless tal-Kavallerija taż-Żwiemel fil-Marsa li mhumiex proprjetà tal-pulizija, x'inhu l-istat tal-kundizzjoni tagħhom tas-saħħa u għaldaqstant jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċ-ċertifikati ta' veterinarju għal kull żiemel li huma fil-Kavallerija tal-Pulizija li mhumiex proprjetà tal-pulizija?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-ikel taż-żwiemel li nxtara għaż-żwiemel li hemm miżmuma fil-kumpless tal-Kavallerija taż-Żwiemel fil-Marsa matul l-ewwel tlett xhur tas-sena 2018 inxtara skont il-proċedura tax-xiri tal-Gvern. Ninformah ukoll bħalissa hemm 13-il żiemel li m’humiex propjeta’ tal-Pulizija u li qegħdin taħt il-ħarsien tagħhom. Il-kundizzjoni ta’ dawn iż-żwiemel qed tkun sorveljata minn Veterinarju. Hemm proċeduti pendenti quddiem il-Qorti u għalhekk dawn ir-rapporti ma jistgħux isiru pubbliċi f’dan l-istadju.
Jista' l-Ministru jgħid kemm hemm żwiemel fil-Kumpless tal-Kavallerija tal-Pulizija sal-ġurnata tal-lum? Jista' jgħid kemm hemm żwiemel li huma proprjetà tal-pulizija, min-numru kollha taż-żwiemel li fil-preżent hemm fil-Kumpless tal-Kavallerija tal-Pulizija? Jista' jgħid kemm hu n-numru ta' żwiemel li mhumiex proprjetà tal-pulizija? Jista' jgħid x'kienet in-nefqa fuq ikel għaż-żwiemel tal-pulizija u żwiemel li setgħu ma kenux tal-pulizija għas-sena 2017?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi t-total ta’ żwiemel miżmuma fil-Kumpless tal-Kavallerija tal-Pulizija huwa ta’ sitta u għoxrin (26). Sal-lum iż-żwiemel li huma fil-kumpless u huma propjetà tal-Korp tal-Pulizija huma tlettax (13). Iż-żwiemel fil-kumpless li mhumiex propjetà tal-Pulizija huma tlettax (13). Dawn iż-żwiemel kienu ttieħdu minn fuq art fil-Biżbiżija wara li kien instab li sidhom kien qed jokkupa l-art illegalment. In-nefqa fuq ikel għaż-żwiemel tal-Pulizija matul is-sena 2017, kien jammonta għal € 12,771.90. In-nefqa għall-ikel fuq iż-żwiemel li ma kinux tal-Pulizija u li ttieħdu fil-Kumpless tal-Kavallerija mill-15 ta’ Diċembru 2017, tammonta għal € 1,043.13. Dawn l-ispejjeż qed iħallas għalihom id-Dipartiment tal-Artijiet.
Jista' l-Ministru jgħid kemm kien in-numru ta' żwiemel li mietu f'dawn l-ewwel tliet xhur tas-sena 2018 li kienu miżmuma fil-Kavallerija tal-Pulizija fil-Marsa? Jista' jgħid, jekk mietu żwiemel li kienu fil-kustodja tal-pulizija jew li setgħu kienu proprjetà tal-pulizija, x'kienet il-kawża tal-mewt ta' żwiemel li mietu? Jista' jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra ċertifikati li juru x'kienet il-kawża tal-mewt taż-żwiemel li mietu f'dawn l-ewwel tliet xhur?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat illi matul l-ewwel tliet xhur tas-sena 2018, ma kien hemm ebda żiemel li miet kawża naturali fil-Kavallerija tal-Pulizija. Infurmat illi fl-istess perjodu kien hemm tliet (3) żwiemel li kienu f’dan il-kumpless u li kellhom jitraqqdu. Wieħed minnhom kien propjetà tal-Pulizija li kien kbir fl-età u ma rrispondiex għall-kura u t-trattament li ngħata mill-veterinarju. Kien hemm ukoll debba, mhux propjetà tal-Pulizija, fil-kumpless u li wkoll kellha tiġi mraqqda minħabba nuqqas ta’ saħħa fil-muskoli ta’ saqajha ta’ wara li kawża t’hekk ma setgħatx tqum, kif ġie ċċertifikat mill-veterinarju. L-aħħar żiemel ġie mraqqad minħabba kumplikazzjonijiet f’saħħtu wara deċiżjoni u kif iċċertifika l-veterinarju. Kopja taċ-ċertifikati tat-tliet każi, immarkati Dokument A, Dokument B u Dokument C, qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 2991 u ċjoè: B’referenza għat-tweġiba għall-mistoqsija parlamentari 2801, jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu rreġistrati abbużi u attakki vjolenti fuq nisa tqal fl-2015 u fl-2016?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li bejn Jannar 2015 u Diċembru 2016 kien hemm każ wieħed irreġistrat mal-pulizija li kien jinvolvi attakk fuq mara tqila.