Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li tittranġa l-ħsara fil-lights taż-zebra crossing li hemm fi Triq Fisher fl-Imġarr (Malta) quddiem l-iskola primarja tal-gvern?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li uffiċjali tas-Sanità jkunu jistgħu jieħdu l-passi meħtieġa biex irażżnu ż-żieda fin-numru ta' ġrieden li hemm f'Triq Familja Cumbo fil-Mosta?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma ġew irreġistrati l-ebda lmenti mad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali rigward il-problema ta’ infestazzjoni ta’ ġrieden fit-triq indikata. Hekk kif saret din il-mistoqsija parlamentari ntbagħtu ħaddiema mit-Taqsima tal-Pest Control fi ħdan id-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali u għamlu trattament għal kontra l-ġrieden fiż-żona. L-istess trattament ser jiġi ripetut fi żmien ħmistax il-ġurnata.
Il-Mosta — Crash Barriers fit-triq li tieħu lejn il-Biżbiżija
Question
B'referenza għat-talba għal crash barriers mitluba fil-mistoqsija parlamentari 3660, jista' l-Ministru jieħu passi sabiex jara li jsiru l-crash barriers għaliex diġà kien hemm xi inċidenti fejn twaqqgħu xi ħitan fl-istess triq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li għaddejjin it-tħejjijiet sabiex ix-xogħol meħtieġ ikun jista’ jibda mill-aktar fis.
Jista’ l-Ministru jgħid uffiċjalment x’inhuma l-ħinijiet tal-ftuħ tal-Pitkalija fil-preżent? Sabiex bidwi jidħol qabel il-ħin stipulat mill-istess regolamenti ta’ dħul ta’ bdiewa fil-Pitkalija, jista’ jgħid kemm-il permess ħareġ għal dan il-għan f’Jannar 2018, Frar 2018, Marzu 2018 u April 2018? Jista’ jgħid kemm hu n-numru ta’ pitkala li għandhom il-permess li jkollhom trakkijiet tal-friża fil-Pitkalija? Min huma dawn il-pitkala u x’inhu n-numru ta’ trakkijiet tal-friża li għandhom il-permess biex jidħlu fil-Pitkalija?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ftuh uffiċjali tal-Pitkalija huwa s-segwenti:
It-Tnejn u l-Ħamis
Bdiewa Għawdxin jidħlu mill-4.30am il-quddiem
Bdiewa Maltin jidħlu mill-5.00am il-quddiem
It-Tlieta, l-Erbgħa u l-Gimgħa
Bdiewa Għawdxin u Maltin jidħlu mis-7.00am il-quddiem
Mill-Ewwel ta' Jannar 2018 sal-aħħar t'April 2018 ma nħareġ l-ebda permess sabiex bidwi jidħol qabel il-ħin tal-ftuħ stipulat. M'hemm l-ebda regolament li l-Pitkala huma obligati jirreġistraw l-vetturi tax-xogħol tagħhom u għalhekk din l-informazzjoni ma tinżammx.
Bejjiegħa tal-Monti tal-Belt Valletta u tar-Rabat Għawdex — kumpens
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5206 u jgħid xi pjanijiet hemm li jwasslu sabiex bejjiegħa fuq il-monti tal-Belt Valletta jkunu mogħtija kumpens biex jirtiraw il-permess tagħhom bħalha bejjiegħa tal-Monti tal-Belt? Jista' jgħid xi pjanijiet hemm sabiex iwasslu li bejjiegħa tal-Monti li kienu jarmaw fil-Pjazza tat-Tokk fir-Rabat, Għawdex, ikunu mogħti kumpens biex ikunu mħajra jirtiraw il-permess tagħhom ta' bejjiegħa tal-Monti fil-post indikat? Jista' jgħid f'kull każ kemm se jkun il-kumpens maħsub?
Response (CARDONA, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.
Il-Mosta — Vjal l-Indipendenza u Triq il-Kungress Ewkaristiku – twessigħ ta’ carriage way mar-roundabout
Question
B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 438, jista’ l-Ministru jikkunsidra li jsir it-twessigħ ta’ carriage way madwar ir-roundabout f’tarf it-Triq il-Kungress Ewkaristiku u Vjal l-Indipendenza fil-Mosta sabiex it-traffiku jkun jista’ jimxi aħjar mar-roundabout?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-bini mill-ġdid, u t-titjib fid-disinn, is-sigurtá u l-effiċjenza tar-roundabout indikata diġa ġie kkunsidrat u ppjanat peress li jifforma parti minn proġett aktar estensiv għall-bini mill-ġdid ta’ Vjal l-Indipendenza. Fil-fatt, l-ewwel fażi ta’ dan il-proġett, li tinkludi l-bini mill-ġdid tal-biċċa l-kbira ta’ Vjal l-Indipendenza tlesta fil-ġimgħat li għaddew. Il-periti ta’ Transport Malta għaddejjin bit-tħejjijiet tal-fażijiet li jmiss, fosthom it-titjib tar-roundabout imsemmija, sabiex titwettaq fiż-żmien li ġej.
B'referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 2895, jista' l-Ministru jara li jinbena ħajt proviżorju minflok il-bollards tal-konkos li qed jieħdu mill-wasa' tat-triq u qed joħolqu inkonvenjent? Dan qed jingħad biex ma tibqax din id-dehra ta' xi proġett mibdi u mhux mitmum.
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta se terġa’ tiddiskuti s-sitwazzjoni mal-entità kkonċernata biex ikun jista’ jsir il-bini tal-ħajt kif mixtieq.
Il-Mosta — Crash Barriers fit-triq li tieħu lejn il-Biżbiżija
Question
B'referenza għat-talba għal crash barriers mitluba fil-mistoqsija parlamentari 3660, jista' l-Ministru jieħu passi sabiex jara li jsiru l-crash barriers għaliex diġà kien hemm xi inċidenti fejn twaqqgħu xi ħitan fl-istess triq?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar u tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Ix-Xewkija — Impjant ta' Tisfija tad-Demel - funzjoni tas-separator
Question
B'referenza għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 5195, jista' l-Ministru jgħid jekk s'issa l-parti likwida wara t-trattament ta' tisfija ta' demel li qed isir fl-Impjant ta' Tisfija tad-Drenaġġ fix-Xewkija Għawdex, kienx qed tintrema fis-sistema tad-drenaġġ domestiku sa kemm ikun deċiż x'għandu jsir? Kemm-il darba il-parti likwida mhiex qed tintrema' fis-sistema ta' drenaġġ domestiku, jista' jgħid fejn qed ikun depositat dan il-likwidu?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent l-parti likwida li tirriżulta wara t-trattament ta' tisfija tas-srew tad-demel li qed isir fl-Impjant ta' Tisfija Temporanju f’tal-Kus fix-Xekwija Għawdex, u mhux fl-impjant tat-tisfija tad-drenaġġ, qed tintrema fis-sistema tad-drenaġġ domestiku sa kemm ikun hemm aktar żviluppi li jistgħu jwasslu għall-użu aktar sostenibbli tiegħu.
Il-Mosta — Triq lejn ta' Xkora - tneħħija ta' ħaxix ħażin u siġra tal-prinjol mejta
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5531 li oriġinarjament saret lill-Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali u li issa ġiet riferuta lilu u jieħu l-passi neċessarji meħtieġa sabiex isir it-tindif u l-qtugħ mill-ħaxix ħażin ta' fuq u taħt il-bankina li tieħu minn fejn tispiċċa Triq il-Kbira u t-triq lejn Ta' Xkora fil-Mosta? Jista' jara li s-siġra mejta tal-prinjol titneħħa sabiex ikun evitat kull perikolu fl-istess parti tat-triq lejn Ta' Xkora?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil Onor. Interpellant li qtugħ ta’ ħaxix ħażin ta’ fuq u taħt il-bankina huwa parti mill-programm tax-xogħlijiet li jisir mill-Cleansing Department. Għaddejna din l-osservazzjoni biex jieħdu passi neċessarji u jintervjenu f’ dan ir-rigward.
Il-ġimgħa li għaddiet stess nħarget struzzjoni biex is-siġra msemmija, u l-ħaxix ta’ madwarha, titneħħa minn fejn hi qiegħda.
Il-Pitkalija – każijiet ta’ prodotti mhux tal-istaġun għall-bejgħ
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed isir sabiex ikunu investigati każijiet ta’ meta fil-Pitkalija jkun hemm għall-bejgħ prodotti ta’ ħaxix u frott fl-istaġun li fih il-prodott Malti jkun impossibbli li jittieħed għall-bejgħ mill-bdiewa għaliex ma jkunx iż-żmien li fih l-għelieqi f’Malta u Għawdex ikun imkabbar, maqtugħ u meħud il-Pitkalija?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li meta nirċievu xi rapport, dan jingħata l-importanza xierqa u jigi investigat mill-Ispetturi tad-Dipartiment tal-Agrikultura.
Il-Pitkalija – regolamenti għall-bejgħ ta’ prodotti
Question
Fil-ħidma favur l-interessi tal-bdiewa fil-Pitkalija, jista’ l-Ministru, jgħid jekk hemmx regolamenti li jimponu li prodotti tal-agrikoltura (ħaxix u frott) impurtati, ma għandhomx ikunu mibjugħa fil-Pitkalija lill-vendituri? Jista’ jgħid jekk hemmx dawn ir-regolamenti, u jekk iva, ipoġġihom fuq il-Mejda tal-Kamra? Jista’ jgħid x’ħidma qed issir sabiex jekk hemm regolamenti, dawn jiġu mħarsa?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm liġi f’dan ir-rigward li hija Leġislazzjoni Sussidjarja 117.04 - Regolamenti dwar il-Bejgħ tal-Prodotti tal-Biedja. Kopja ta’ dawn ir-Regolamenti qiegħda tiġi mpoġġija fuq il-Mejda tal-Kamra.
F’Taqsima II Artikolu 4, hemm is-segwenti "prodotti tal-biedja" tfisser kull prodott li hu miżrugħ jew imkabbar minn bidwi jew hu miksub mit-trobbija ta’ annimali lokali, prodott li s-soltu jinbiegħ b’mezz ta’ pitkal.
Isiru wkoll spezzjonijiet regolari mil-ispetturi tad-Dipartiment tal-Agrikultura mingħajr preavviż.
Il-Mosta — Triq lejn ta' Xkora - tneħħija ta' ħaxix ħażin u siġra tal-prinjol mejta
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji meħtieġa sabiex isir it-tindif u l-qtugħ mill-ħaxix ħażin ta' fuq u taħt il-bankina li tieħu minn fejn tispiċċa Triq il-Kbira u t-Triq lejn ta' Xkora fil-Mosta? Jista' jara li s-siġra mejta tal-prinjol titneħħa sabiex ikun evitat kull perikolu fl-istess parti tat-triq lejn Ta' Xkora?
Response (BORG, IAN)
Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jgħaddi din il-mistoqsija parlamentari lill-Ministru responsabbli mill-ambjent.
Parking għall-persuna b'diżabilità — każ ta' persuna
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji meħtieġa sabiex jara li d-Dipartiment ikkonċernat jibgħat lill-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ir-riżultat tal-appell li ressqet u dan sabiex ikunu jistgħu jsiru s-sinjali meħtieġa ta' parking bi prijorità għall-persuna b'diżabilità bla aktar dewmin?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw b’mod separat, ser tkun infurmata minn Transport Malta, dwar ir-riżultat tal-appell illi kienet ressqet.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex jara li l-isqaq li r-ritratti qed jingħataw separatament flimkien mal-permess tal-iżvilupp ma jkunx mibdul minn kif dejjem kien għal żmien, għaliex huwa ta' parti mill-wirt kulturali u arkitetoniku taċ-ċentru l-antik tal-komunità fil-Mosta? Jekk kemm-il darba jiġi imsaqqaf kif qed jintalab il-permess tal-iżvilupp, tingħalaq ukoll l-arja għal residenti oħra li jgħixu fir-residenzi li jridu jgħaddu minn dan l-isqaq?
Response (BORG, IAN)
Nixtieq ninforma l-Onor. Interpellant li l-permess għall-iżvillup fuq is-sit inkwistjoni ħareg fit-23 ta’ Marzu 2018.
Fis-26 ta’ Marzu 2018 l-Awtorità tal-Ippjanar irċeviet ittra biex il-każ jiġi investigat taħt l-Artiklu 80 ta’ l-Att tal-Ippjanar tal-Iżvillup. F’dan l-istadju, id-Direttorat tal-Kontroll tal-Iżvillup qed jeżemina l-fatti.
Ta’ min wieħed iżżid li fid-19 ta’ April ġie intavolat appell minn terzi kontra l-ħruġ tal-istess permess imsemmi.
Jista' l-Ministru jgħid x'ippjanar qed isir mill-Gvern u l-Ministeru responsabbli mill-biedja u s-sajd fir-rigward ta' raba' li hemm fl-inħawi tal-Pitkalija li l-Gvern mhux jaċċetta l-qbiela dovuta lilu għal tali raba'?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Nitlob l-Onor. Interpellant jispeċifika bl-eżatt għal-liema żona qiegħed jirreferi.
Jista' l-Ministru jgħid x'inhi r-raġuni għaliex fil-Pitkalija, ix-xerrejja qed isibu l-bieb magħluq tal-post fejn jinħaslu l-kaxxi l-ħodor li jintużaw fil-Pitkalija għall-użu tax-xerrejja u tal-bdiewa u għalhekk fil-preżent mhux jintużaw kaxxi nodfa minn bosta xerrejja li qed isibu l-bieb magħluq u għaldaqstant qed jużaw kaxxi maħmuġa li jingħataw mingħand il-pitkala?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor Interpellant li l-faċilitá tal-ħasil tal-kaxxi ħodor tal-Pitkalija tkun miftuħa għall-bdiewa, xerrejja u pitkala:-
Nhar ta’ Tnejn u Ħamis: 5.15am sa 11.30am,
Nhar ta’ Tlieta, Erbgħa u Ġimgħa: 7.00am sas 12.30pm.
L-uniku mumenti meta l-faċilità tingħalaq temporarjament għal ħin qasir huwa meta jidħlu kwantita’ kbira ta' kaxxi fl-istess ħin, bil-konsegwenza li jimtela’ l-maħżen.
Regolamenti dwar l-użu ta' parit fl-ibħra ta' pajjiżna
Question
Jista' l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-regolamenti dwar l-użu ta' parit fl-ibħra ta' pajjiżna? Jista' jgħid x'inhi l-iskeda li tirregola parit, fl-ibħra Maltin u Għawdxin, minn fejn u meta, jista' jintuża l-parit?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li ninsab infurmat li l-użu tal-parit huwa regolat mir-Regolamenti dwar is-Sajd (L.S. 425.01) li kopja tagħhom qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra. Skont dawn ir-Regolamenti, il-pariti ma jistgħux jiġu wżati fil-bajjiet u daħliet tal-baħar mill-15 ta’ Frar sal-15 ta’ Lulju. Dan jiżgura li l-ħut li jidħol iffittex il-kenn fil-perjodu ta’ riproduzzjoni ikun protett milli jinqabad qabel ma jkollu ċans jirriproduċi jew meta jkun għadu ferħ. Matul dan il-perjodu l-użu ta’ dan l-irkaptu jista jsir biss il-barra minn linja miġbuda bejn żewġ pilastri (plieri) fil-postijiet fejn dawn jeżistu. Dan jagħti lok biex fejn hemm bajjiet kbar ikun jista jsir sajd f’dik il-parti li ma toffrix kenn lill-ħut fejn jitrawwem. Fil-postijiet fejn is-sajd huwa projbit b’mod ġenerali kif ukoll fil-Port il-Kbir u fil-Port ta’ Marsamxett din l-għodda tas-sajd ma tistax tiġi wżata fl-ebda żmien.
Sptar Monte Carmeli — ħaddiema tal-kuntrattur - injections tal-Hepatitis
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid jekk l-ħaddiema tal-kuntrattur responsabbli mill-indafa fl-Isptar Monte Carmeli f'Ħ'Attard humiex qed jingħataw l-injections tal-Hepatitis? Jista' jgħid ukoll jekk il-ħaddiema f'dik l-isptar humiex intitolati għall-injections oħra u jekk iva, ta' xiex?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li sa issa l-kundizzjonijiet tal-kuntratt ma kinux jobbligaw lill-kuntrattur li jipprovdi tilqim għall-impjegati tiegħu. Hemm il-ħsieb li tenders futuri ser jagħmluha mandatorja illi dan it-tilqim jiġi pprovdut minn naħa tal-kuntrattur.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid, meta l-ħaddiema tal-kuntrattur responsabbli mill-indafa fl-Isptar Monte Carmeli għamlu ż-żbir ta' siġar fl-inħawi tal-istess Sptar, taħt liema superviżjoni sar dan iż-żbir?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi ż-żbir ta’ dawn is-siġar sar minn persuna kwalifikata f’dan il qasam. Iż-żbir tas-siġar fl-isptar Monte Carmeli sar għal żewġ raġunijiet; kien hemm diversi siġar viċin ħafna tal-ħitan li jdawru l-isptar għalhekk dawn kienu ta’ periklu, kif ukoll minħabba li ħafna mis-siġar ġratilhom il-ħsara kawża tat-temp b’riħ qawwi li kellna ftit tal-jiem ilu.
Għaldaqstant il-management ta’ l-isptar Monte Carmeli ħa l-miżuri kollha meħtieġa sabiex is-siġar jiġu miżbura kif suppost kemm għas-sigurta’ tal-pazjenti kif ukoll għall-ambjent aħjar.