Legislature:
Category:
Reset
Active:

Massage Parlours

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fir-rigward ta’ massage parlours, x’qed isir mill-Gvern permezz tal-pulizija sabiex ikun regolat dan is-settur fil-każ: a. Li permezz ta’ dawn il- massage parlours , naraw li pajjiżna mhux qed iservi mezz li jippromwovu t-Traffikar tal-Bniedem ; b. Sabiex naraw li dawn is-siti kummerċjali ma jispiċċawx bħala burdell; c. Sabiex naraw li r-residenti tat-toroq fejn hemm dawn is-siti kummerċjali li joffru servizz ta’ massage parlour ma jispiċċawx iffastidjati kemm minn dawk li qed joffru s-servizz kif ukoll minn dawk li jkunu qed ifittxu li jieħdu s-servizz minn dawn is-siti?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li l-Pulizija ma kellhiex rapporti li jindikaw li dawn is-siti qed jintużaw bħala burdell jew li r-residenti tat-toroq fejn hemm massage parlours ġew iffastidjati kemm minn dawk li qed joffru s-servizz kif ukoll minn dawk li jfittxu li jieħdu s-servizz minn għandhom. Però waqt li l-pulizija qed tagħmel u se tkompli tagħmel ir-rondi fl-inħawi ta ‘ dawn is-siti, nitlob li jekk l-Onor. Interpellant għandu xi informazzjoni dwar xi każ speċifiku, jagħtina aktar dettalji sabiex inkun nista' nivverifika ulterjorament.

Qabdiet ta’ droga mill-Pulizija

Question

B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 6438 tad-19 ta’ Ġunju 2018, jista’ l-Ministru jgħid x’kienu l-qabdiet ta’ droga li saru mill-Pulizija fl-2015, fl-2016, fl-2017 u fit-2018 sal-aħħar ta’ Mejju? Kulma qed nistaqsi x’kienu l-qabdiet u kemm kien il-valur ta’ flus ta’ kull qabda.

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirreferi għat-tweġiba li tajt għall-mistoqsija parlamentari 6438.

Awtorità tal-Ippjanar – Valletta Waterfront – siġġijiet u mwejjed

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex sidien ta’ negozji fil-Valletta Waterfront ġew ordnati mill-Awtorità tal-Ippjanar biex ineħħu siġġijiet u mwejjed minn quddiem il-ħwienet u stabbilimenti tal-ikel fejn dawn l-istess siġġijiet u mwejjed li ġew mitluba jitneħħew ilhom fil-post minn meta infetaħ u beda jopera l-Valletta Waterfront?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mwejjed, siġġijiet u umbrelel quddiem il-ħwienet imsemmija, fuq in-naħa tal-bini storiku, qatt ma kienu muniti b’xi permess maħrug mill-Awtorità tal-Ippjanar. Għalhekk kien inħareġ avviż ta’ infurzar u ta’ twettiq fl-2012. Wara li, f’Mejju 2018, ittieħdet deċiżjoni fuq applikazzjoni li ġiet sottomessa qabel, l-Awtorità infurzat l-avviż tal-2012 biex tiżgura li l-imwejjed u s-siġġijiet fuq il-post ikunu konformi mal-pjanti approvati.

Pitkalija – raba’ tal-inħawi — qbiela

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra pjanta li turi ta’ liema raba’ mhux qed jaċċetta l-qbiela għaliha għaliex jista’ jew ikabbar jew juża l-ispazju ta’ dik ir-raba’ għall-proġett marbut mal-Pitkalija?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Nitlob l-Onor. Interpellant jirreferi l-Mistoqsija tiegħu lill-Ministeru kkonċernat.

Ħwienet tar-Retail

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kien hemm (u għad hemm) ħwienet tar-retail fil-Belt Valletta, Tas-Sliema, il-Ħamrun, il-Mosta, Birkirkara, ir-Rabat, in-Naxxar, Ħal Tarxien u Raħal Ġdid, fl-2015, fl-2016, fl-2017 u sa Mejju 2018, għal kull sena?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Massage Parlours

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ massage parlours fil-lokalitajiet tal-Belt Valleta, Tas-Sliema, Paceville, San Ġiljan, San Ġwann, Birkirkara, ir-Rabat, il-Mosta, in-Naxxar, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien u f’Għawdex, li kienu qed joperaw fl-2015, 2016, 2017 u sa Mejju 2018, maqsuma għal kull sena, f’kull lokalità rispettivament?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li mis-sena 2002 il-Pulizija ma baqgħetx responsabbli mill-ħruġ ta’ permessi u għaldaqstant il-mistoqsija ma taqax taħt id-dekasateru tal-Ministeru għall-Intern u Sigurtà Nazzjonali. Għalhekk nitolbu jagħmel din il-Mistoqsija lill-Ministeru konċernat.

Massage Parlours

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm huwa n-numru ta’ massage parlours fil-lokalitajiet tal-Belt Valleta, Tas-Sliema, Paceville, San Ġiljan, San Ġwann, Birkirkara, ir-Rabat, il-Mosta, in-Naxxar, Raħal Ġdid, Ħal Tarxien u f’Għawdex, li kienu qed joperaw fl-2015, 2016, 2017 u sa Mejju 2018, maqsuma għal kull sena, f’kull lokalità rispettivament?

Response (CARDONA, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni mitluba.

Binjiet ta’ kostruzzjoni – għeluq ta’ aċċess pedonali

Question

Jista’ l-Ministru jgħid f’kull lokalità f’Malta u Għawdex kemm-il binja ta’ kostruzzjoni teżisti fejn l-iżviluppaturi bnew ħajt tal-bricks bħala boundary wall u għalhekk ingħalaq l-aċċess pedonali tal-bankina?

Response (BORG, IAN)

L-Onor. Interpellant japprezza li fil-preżent hemm madwar 1,750 lant miftuħa u għaldaqstant mhux possibbli li jsiru żjarat lil kull lant biex jinġabar tali tagħrif meta wieħed jikkunsidra li r-riżorsi tal-Uffiċċju għar-Regolament tal-Bini huma daqstant limitati.

Qabdiet ta’ droga mill-Pulizija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-qabdiet ta’ droga li saru mill-Pulizija fl-2015, fl-2016 u fl-2017? Jista’ jgħid x’kien l-ammont f’piż, valur fi flus, u jagħti d-data ta’ meta d-droga nqabdet? Jista’ jgħid ukoll x’kienet il-kwalità tad-droga u d-data ta’ meta bdew il-proċeduri kriminali mal-persuni li kienu maqbuda?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninsab infurmat li t-tagħrif kif mitlub mill-Onor. Interpellant ma jinżammx taħt forma kompjuterizzata u sabiex jinġabar it-tagħrif kif mitlub ikun jeħtieġ ammont sostanzjali ta' ħin u riżorsi. Għaldaqstant, nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex ikun aktar speċifiku fit-talba tiegħu.
Leg 13 PQ #6439 Sitting 133 2018-06-19 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru għall-Finanzi

Dwana – qabdiet ta’ droga

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm kienu l-qabdiet ta’ droga li sar mid-Dwana fl-2015, fl-2016 u fl-2017? X’kienet il-kwalità tad-droga u l-ammonti tad-droga li nqabdet u meta, bħala data? Jista’ jgħid x’kien il-valur fi flus tad-droga maqbuda?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jirriferi għat-tweġiba tiegħi għall-mistoqsija parlamentari 1285.

Sptarijiet tal-Gvern — kuntrattur - ikel

Question

B'referenza għall-kuntratt li huwa maħsub li jirregola lill-kuntrattur li se ikun qed jissupplixxi l-ikel fl-isptarijiet, jista' l-Ministru jgħid: a. x'inhu l-kriterju li jirregola x-xiri tal-ħaxix u frott skont dan il-kuntratt; b. x'kundizzjonijiet hemm fil-kuntratt li jistabbilixxi liema frott u ħaxix għandu jkun ta' produzzjoni lokali jew importat; u ċ. jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja tal-kuntratt li qed jirregola lill-kuntrattur li qed jissuplixxi l-ikel lill-isptarijiet tal-Gvern?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-kuntratt konċernat, u li għadu fis-seħħ, huwa dak li kien ingħata mill-aħħar amministrazzjoni Nazzjonalista li minnu ma nbidel xejn la mill-amministrazzjoni 2013-2017 u lanqas s’issa. Il-kuntratt konċernat kien ġie estiż sas-sena 2022 ftit jiem biss qabel l-Elezzjoni Ġenerali ta’ Marzu 2013.

Djar Residenzjali tal-Anzjani — kuntrattur - ikel

Question

B'referenza għall-kuntratt li huwa maħsub li jirregola lill-kuntrattur li se jkun qed jissupplixxi l-ikel fi djar residenzjali tal-anzjani, jista' l-Ministru jgħid: a. x'inhu l-kriterju li jirregola ix-xiri tal-ħaxix u frott skont dan il-kuntratt; b. x'kundizzjonijiet huma fil-kuntratt li jistabilixxu liema frott u ħaxix għandu jkun ta' produzzjoni lokali jew importat; u ċ. jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra kopja ta' kuntratt li qed jirregola lill-kuntrattur li se jissupplixxi l-ikel fi djar tal-anzjani?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, għaddej bil-preparamenti meħtieġa, sabiex ikun hemm kuntratt ġdid għal dan is-servizz, skont r-regolamenti dwar l-akkwist pubbliku. Is-suġġerrimenti msemmija mill-Onor. Interpellant, diġà ġew ikkunsidrati. Min-naħa l-oħra, il-menu provdut fir-Residenza San Vinċenz de Paule, huwa regolat minn kuntratt pubbliku li jistabilixxi menu għal perjodu ta’ żmien determinat u li huwa magħmul skont il-bżonn tar-residenti. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi l-menu huwa staġjonali u jinkludi fih ħaxix u frott skont l-istaġun. Kopja tal-kuntratt ma tistax titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra minħabba li fih informazzjoni ta’ natura kummerċjalment sensittiva.

Il-Mosta — Triq id-Difiża Ċivili - bankina

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li fi Triq id-Difiża Ċivili fil-Mosta, fejn qed isir it-tarmak, issir bankina ta' metru fuq kull naħa tat-triq?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li x-xogħol li għaddej bħalissa fit-triq indikata jinkludi tiswijiet tal-wiċċ tal-karreġġjata eżistenti. Transport Malta qed tfassal proposti għal proġett ta’ bini mill-ġdid ta’ din it-triq, b’disinn aħjar u aktar faċilitajiet bħal bankini u tagħmir ieħor li jtejjeb l-effiċjenza u s-sigurtà ta’ din l-infrastruttura għal dawk kollha li jużawha.
Leg 13 PQ #6345 Sitting 132 2018-06-18 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru għall-Finanzi

Pensjoni — żieda u taxxa

Question

Jista' l-Ministru jgħid fil-preżent b'riżultat ta' dak kollu li tħabbar fl-aħħar budget: a. x'inhi r-rata ta' taxxa fuq il-pensjoni; u b. x'inhu l-ammont ta' pensjoni li mhux taxxabbli? Jista' jgħid x'kienet iż-żieda fil-pensjoni wara l-aħħar budget? Jista' jgħid sal-lum x'inhuma l-kriterji li jistabbilixxu r-rata ta' ħlas ta' taxxa fuq il-pensjoni fil-kategoriji u l-każijiet differenti kollha li jeżistu?

Response (SCICLUNA, EDWARD)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li mis-sena bażi 2018 'il quddiem, dħul minn pensjoni sa €13,200 ma titħallasx taxxa fuqu. Il-mekkaniżmu użat biex jintlaħaq dan il-għan huwa permezz ta’ tax rebate . Jiġifieri d-dħul tal-individwu jinħadem bir-rati normali tat-taxxa skont jekk hux ir-rati ta’ persuna wahidha, miżżewwġa jew ġenitur, u mbagħad mit-taxxa li tirriżulta jinaqqas it- tax rebate . Ir-riżultat finali jkun li għal kull kategorija (persuna waħidha, miżżewweġ, ġenitur), dħul minn pensjoni sa €13,200 ma jkunx taxxabbli. Ma dan ukoll, fil-każ ta’ individwu li huwa ntaxxat bir-rati ta’ miżżewweġ, jingħata tax rebate addizzjonali fuq €1,000 minn kull dhul ieħor. Rigward il-parti rigward “x’kienet iż-żieda fil-pensjoni wara l-aħħar budget”, nitlob lill-Onor. Interpellant jirreferi l-mistoqsija lill-Ministru kkonċernat.

Fondi tal-Unjoni Ewropea – biedja u sajd

Question

Tista’ l-Ministru tpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni rigward fondi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-biedja u s-sajd u ċjoe: a) kemm huwa n-numru ta’ applikanti għal kull applikazzjoni ta’ fond differenti li hemm, u li fil-preżent qed ikun iġġudikat mill-aġenzija rispettiva li għandha responsabilità li tiġġudika l-applikazzjonijiet għall-fondi tal-Unjoni Ewropea; b) id-deskrizzjoni tal-fondi li fil-preżent qed ikunu aġġudikati; u c) meta huwa ż-żmien (id-data) li fih il-perjodu tal-aġġudikazzjoni jagħlaq?

Response (DALLI, HELENA)

Infurmata li t-tagħrif għadu qed jinġabar u t-tweġiba tingħata f'xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #6436 Sitting 132 2018-06-18 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Uffiċċju tal-Prim Ministru

MFSA – reġistrazzjoni tal-accounts ta’ kumpaniji

Question

Jista’ l-Prim Ministru jgħid kemm kienu dawk il-kumpaniji li kienu ntitolati li jirreġistraw l-accounts tagħhom mal-Awtorità għas-Servizzi Finanzjarji ta' Malta (MFSA) fl-2016 u fl-2017 rispettivament, imma ma rreġistrawx l-accounts tagħhom f’dawn is-snin?

Response (MUSCAT, JOSEPH)

Ninsab nfurmat mir-Registry of Companies li minhabba accounting year-ends differenti tal-kumpaniji, u anki minħabba li ċertu numru ta’ kumpaniji huma de facto inoperattivi, huwa diffiċli biex tasal għal-ċifri eżatti dwar l-informazzjoni mitluba. Dan anke fid-dawl li kumpaniji ġodda jistgħu jkollhom l-ewwel perjodu finanzjarju tagħhom twil sa anke 18-il xahar, u terġa sa ħames xhur wara sabiex jissottomettu l-accounts lir-reġistru tal-kumpaniji. Iżda minn investigazzjoni tar-records elettronici estimu tajjeb huwa li għas-snin msemmija kien hemm madwar 30% tal-kumpaniji li ma ssottomettewx l-accounts jew li għadhom fil-proċess li jagħmlu dan. Naturalment dejjem jibqgħu jsiru sforzi u miżuri skond il-ligi mir-reġistratur sabiex accounts li huma dovuti jiġu sottomessi.

Mġarr — Triq Fisher - tranġar tal-lights

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li tittranġa l-ħsara fil-lights taż-zebra crossing li hemm fi Triq Fisher fl-Imġarr (Malta) quddiem l-iskola primarja tal-gvern?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li kif daħal ir-rapport permezz tal-istess Mistoqsija Parlamentari, t-taqsima li tieħu ħsieb dawn it-tiswijiet ħadet ħsieb mill-ewwel. Minbarra li ssewwiet il-ħsara, Transport Malta ser tieħu ħsieb ukoll tiffriska ż-żebgħa.

Supply tan-new water

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex is-supply tan-new water jibqa' jitwassal sal-Fiddien u Ħad-Dingli?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li bil-volum ta’ ilma li hemm ppjanat bħalissa mill-impjant taċ-Ċumnija m’huwiex possibbli li jitwassal is-servizz tan-New Water fl-inħawi msemmija.

Planning Authority — deċiżjoni għal roundabout

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara x'jista' jsir mid-deċiżjoni li kienet ħadet l-Awtorità għall-Ippjanar fil-ħruġ tal-permess ta' żvilupp fejn fost il-kundizzjonijiet tal-permess għall-ftuħ tal-istabbiliment li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, il-Planning Authority kienet obbligat lil dan l-istabbiliment biex iħallas u jagħmel tajjeb li ssir roundabout f'salib it-toroq fi Triq id-Difiża Ċivili, Mosta mal-istess dħul għall-istabbiliment u dħul għal MCAST? S'issa din ir-roundabout għadha ma saritx.

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-permess huwa marbut, fost l-oħrajn, ma’ titjib fil-junction fuq Triq id-Difiża Ċivili bi spejjeż tal-iżviluppatur, kif ukoll li Transport Malta għandha toħroġ ċertifikazzjoni qabel ma jibda jopera l-kumpless. L-Awtorità tal-Ippjanar diġà ħadet il-passi meħtiega permezz ta’ Avviż biex Tieqaf u ta’ Twettiq peress li l-kundizzjoni msemmija ma ġietx onorata mill-applikant. L-Avviż imsemmi qed jiġi kkontestat mill-applikant quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar. Sadanittant Transport Malta ħarġet ċertifikazzjoni rigward il-miżuri temporanji li ttieħdu fl-immaniġġjar tat-traffiku relatati mal-proġett. Fl-istess waqt, il-periti ta’ Transport Malta ser jissottomettu l-applikazjonijiet meħtieġa lill-Awtorità tal-Ippjanar, bil-pjanti u r-rekwiżiti tad-disinn ġdid tal-junction imsemmija, fil-ġimgħat li ġejjin. Meta l-applikazzjoni tiġi approvata, din l-infrastruttura ġdida, li tinkludi roundabout, se ssir mill-iżviluppatur indikat.