Legislature:
Category:
Reset
Active:

Twessigħ ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mill-aħħar elezzjoni sal-lum, xi proġetti saru ta' twessigħ ta' toroq mill-Ministeru tiegħu? Jista' jgħaddi l-informazzjoni dwar ix-xogħol li sar f'twessigħ ta' toroq f'Malta u f'Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Il-Ministeru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, permezz ta’ Infrastructure Malta u entitajiet oħra li jmexxi, qed iwettaq pjan fit-tul sabiex gradwalment nagħmlu qabża kbira 'l fuq fil-kwalità, l-effiċjenza u s-sostenibilità tas-sistemi tal-ivvjaġġar f’pajjiżna. Dan l-impenn jinkludi għadd ta’ investimenti, bi proġetti żgħar li qed jitwettqu immedjatament u oħrajn aktar estensivi li qed jitħejjew għax-xhur u s-snin li ġejjin. Fost dawn l-investimenti, hemm proġetti li saru, jew qed isiru, sabiex toroq ewlenin eżistenti jinbnew mill-ġdid biex ikollhom aktar korsiji għal inqas ħin fl-ivvjaġġar bil-karozzi kif ukoll faċilitajiet ġodda għall-ivvjaġġar b’mezzi alternattivi, fosthom il-mixi, it-trasport pubbliku u s-sewqan tar-roti. Fil-perjodu msemmi, fost dawn il-proġetti f’rotot ewlenin hemm ir-roundabout ta’ viċin l-Ajruport, Vjal l-Avjazzjoni biswitha, u r-roundabout tat-tarf l-ieħor tal-istess triq, f’Ħal Luqa, ir-roundabouts ewlenin f’Ħal Qormi u Triq Manwel Dimech bejniethom, il-konnessjoni bejn Triq tal-Barrani u Triq Ħal Tarxien, f’Ħal Tarxien, it-Telgħa t’Alla u Ommu, in-Naxxar, it-triq fl-inħawi tal-Ħemsija, f’Ta’ Qali, ir-roundabouts ta’ Ħaż-Żebbuġ u Triq l-Imdina bejniethom, Triq tal-Balal, bejn in-Naxxar u San Ġwann, Triq Dun Karm, Birkirkara, Vjal ix-Xarolla, iż-Żurrieq, ir-roundabouts ta’ ħdejn it-Technopark, il-Mosta u ta’ Ħal Lija u t-triq ewlenija bejniethom (Triq il-Kbira u Triq il-Mosta), Triq il-Buqana, bejn l-Imtarfa u l-Mosta, il-Marsa-Ħamrun Bypass, bejn Santa Venera u l-Marsa u Triq Diċembru 13, Triq il-Marsa u Triq Aldo Moro, il-Marsa wkoll. Aktar proġetti ta’ titjib tal-infrastruttura tat-toroq ser jibdew fl-ewwel xhur ta’ din is-sena.

Applikazzjonijiet għall-fondi

Question

Tista’ l-Ministru tgħid x’kienet ir-raġuni li wasslet sabiex kien hemm applikazzjonijiet għall-fondi li damu mas-sena u nofs u anke għal sentejn, sakemm ġew trattati?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Faċilità Korrettiva ta’ Kordin – ħinijiet ta’ visti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet ir-raġuni li nbidlu l-ħinijiet tal-viżitaturi tal-qraba ma’ residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin? Jista’ jgħid illum x’inhi l-iskeda tal-ħinijiet tal- viżitaturi tal-qraba ma’ residenti fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li ma kienx hemm ebda bidliet fil-ħinijiet tal-viżitaturi tal-qraba mar-residenti tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. L-iskeda tal-ħinijiet tal-visti hija kif ġej: L-ewwel vista ta’ filgħodu tibda mid-9:00am sal-9:45am, it-tieni vista tkun mill-10:00am sal-10:45am u t-tielet vista tkun mill-11:00am sa 11:45am. Waranofsinhar, il-visti jkunu mis-2:00pm sat-2:45pm, it-tieni vista tkun mit-3:00pm sal-3:45pm u l-aħħar vista tkun mill-4:00pm sal-4:45pm. Dawn il-visti jkunu hekk kuljum mit-Tnejn sal-Ħadd.

Bdiewa u Raħħala — Fondi Ewropej

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont ta’ fondi (valur f’euros) li kienu dovuti għall-bdiewa u r-raħħala u spiċċaw intużaw għat-toroq għas-snin 2016 u 2017? Tista’ tgħid kemm kien l-ammont ta’ fondi (valur f’euros) li ttieħdu mill-bdiewa u r-raħħala u kemm kienu l-ammonti ta’ bdiewa u raħħala li bbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea għall-qasam tal-biedja?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.

Sajjieda – Fondi Ewropej

Question

Tista’ l-Ministru tgħid kemm kien l-ammont ta’ fondi (valur f’euros) li kienu dovuti għas-sajjieda u spiċċaw intużaw f’xi qasam ieħor għas-snin 2016 u 2017? Tista’ tgħid il-fondi li kienu dovuti għas-sajjieda u tali fondi ma ngħatawx, f’liema oqsma ntefqu? Tista’ tgħid kemm kien l-ammont ta’ fondi (valur f’euros) li ttieħdu mis-sajjieda u kemm kien l-ammont ta’ sajjieda li bbenefikaw mill-fondi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam rispettiv?

Response (DALLI, HELENA)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li t-tweġiba tingħata f’xi seduta oħra.
Leg 13 PQ #8014 Sitting 175 2018-12-03 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – SME Park

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7433, tista' l-Ministru tpoġġi kopja tas-site plan u kopja tal-pjanti ppreżentati mal-applikazzjoni li saret mill-Awtorità tal-Ippjanar

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor Interpellant li ser issir preżentazzjoni pubblika tal-proġett skont kif skedat fil-pjan ta’ ħidma tal-Ministeru.

Proġett ta’ twessigħ ta’ toroq – raba’

Question

Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7436 u ċjoè: B’referenza għall-mistoqsija parlamentari 7209, jista’ l-Ministru jgħid, fil-proġett ta’ twessigħ ta’ toroq fejn tali proġetti bdew mill-Ministeru rispettiv (mil-aħħar elezzjoni ġenerali sal-lum); a. kemm-il biċċa raba’ ġiet mittiefsa bħala numru f’kull triq li qed tiġi mwessgħa minn dan il-Ministeru; b. ma’ min ikkonsulta għal kull biċċa art jew raba’ li qed tiġi mittiefsa; c. x’kontribut finanzjarju Transport Malta jew il-Ministeru spiċċa ħallas bħala kumpens għal kull biċċa art li qed tiġi mittiefsa u meħuda bil-proġett ta’ twessigħ ta’ toroq li qed jagħmel dan il-Ministeru?

Response (BORG, IAN)

Il-ħidma sabiex titjieb il-kwalità, l-effiċċjenza, is-sostenibilità u s-sigurtà tat-toroq tiġi ppjanata bir-reqqa sabiex l-impatti fuq l-ambjent tal-inħawi jkunu mnaqqsa kemm jista’ jkun. It-teħied ta’ aktar art għall-użu tat-toroq jitqies biss meta d-disinn tat-triq eżistenti jkun jeħtiġilha tinbidel jew titwessa sabiex tiżdied il-kapaċità u tilħaq il-ħtiġijiet tal-lum u tal-futur, sabiex jonqsu r-riskji ta’ aċċidenti jew sabiex jonqsu l-emissjonijiet tal-arja u l-istorbju kkawżati meta xi arterja ma tibqax tlaħħaq mad-domanda u jkun hemm problemi ta’ konġestjoni. F’sitwazzjonijiet bħal dawn, Infrastructure Malta tikkonsulta l-awtoritajiet tal-ippjanar, tal-artijiet u tal-ambjent konċernati, kif ukoll is-sidien tal-art meħtieġa, jew l-inkwilini f’każ ta’ artijiet tal-Gvern mikrija. Id-deċiżjoni dwar il-ħlas li jitħallas f’każ ta’ espropriazzjoni ta’ art privata tittieħed mill-Awtorità tal-Artijiet. Fil-perjodu indikat, Transport Malta u Infrastructure Malta kienu jeħtieġu li jiġu esproprijati xi artijiet, jew li jiġu terminati kirjiet ta’ artijiet diġa tal-Gvern, u li seta’ kellhom użu agrikolu f’dawn it-toroq li ġejjin. Birkirkara Triq Dun Karm Psaila Hemsija Ħruġ ġdid minn Ta’ Qali (inħawi Tal-Ħemsija) Luqa Triq L-Avjazzjoni, Luqa Marsa Titjib ta’ Triq Aldo Moro, Triq Dicembru Tlettax u l-Marsa-Hamrun Bypass fl-inħawi tal-fabbrika tas-sulfarini Marsa Marsa Junction Project Mellieha Triq ir-Ramla, Mellieha Mellieha Triq Louis Wettinger Naxxar-San Gwann Triq Tal-Balal Naxxar Telgha t'Alla w'Ommu Qormi Triq Manwel Dimech Tarxien Triq Hal-Tarxien kantuniera ma’ Triq Tal-Barrani Tagħrif dwar kemm Transport Malta u Infrastructure Malta ser iħallsu għall-artijiet esproprijati jkunu magħrufa meta jintemmu l-proċeduri applikabbli mill-Awtorità tal-Artijiet.

Il-Mosta — Żona ta' Żokrija - Triq il-Biedja u Triq Mons. Edgar Salamone - bini ta' ħitan

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex f'Triq il-Biejda u Triq Mons. Edgar Salamone fil-Mosta fiż-żona magħrufa ta' Żokrija jara li jinbnew il-ħitan man-naħa tal-għelieqi f'toroq li meta nbnew dawn it-toroq qatt ma kienu nbnew il-ħitan li qed nitlob li jinbnew; l-aktar ħtieġa li qed tinħass mir-residenti tat-toroq rispettivi sabiex bil-ħitan jkunu formatti aħjar u jibqgħu miżmuma aktar nodfa?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li l-entità kompetenti responsabbli mit-tiswijiet u l-manutenzjoni ta’ din it-triq hija l-kunsill lokali tal-lokalitá konċernata. Infrastructure Malta infurmat lill-kunsill lokali konċernat sabiex iqisu dan l-ilment u jikkunsidraw l-interventi meħtieġa. Sadanittant, Infrastructure Malta, l-aġenzija nazzjonali inkarigata mill-impenn tal-Gvern li jtejjeb il-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq f’Malta, qed taħdem fuq investiment bla preċedent ta’ €700 miljun sabiex fis-snin li ġejjin gradwalment tirranġa u tibni mill-ġdid it-toroq f’kull lokalità. Fil-fatt, diġa tħabbru l-ewwel 120 mill-lista ta’ toroq li ser ikunu qed jinbnew mill-ġdid fl-2019. Aktar toroq li ser jitranġaw fl-istess sena jitħabbru fiż-żmien li ġej.

Il-Mosta — Żona Ta' Żokrija - Triq il-Biedja u Triq Mons. Edgar Salamone - bini ta' ħitan

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex f'Triq il-Biedja u Triq Mons. Edgar Salamone fil-Mosta fiż-żona magħrufa Ta' Żokrija, jinbnew il-ħitan ma' naħa tal-għelieqi f'toroq li meta twessgħu qatt ma kienu nbnew il-ħitan li kellhom?

Response (BORG, IAN)

Nirreferu għat-tweġiba tal-Mistoqsija Parlamentari numru 8016 tal-istess Seduta.

Twessigħ ta' toroq

Question

Jista' l-Ministru jgħid, mill-aħħar elezzjoni sal-lum, xi proġetti saru ta' twessigħ ta' toroq mill-Ministeru tiegħu? Jista' jgħaddi l-informazzjoni dwar ix-xogħol li sar f'twessigħ ta' toroq f'Malta u f'Għawdex?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant li t-tagħrif għadu qed jinġabar.

Twessigħ ta’ Toroq

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-ħlas li sar mill-Ministeru rispettiv għal kull xogħol li sar mill-Ministru fil-proġett ta’ twessigħ ta’ toroq li għaddej f’pajjiżna fejn dan il-proġett ta’ twessigħ ta’ toroq beda mill-aħħar elezzjoni ġenerali sal-lum? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra lista ta’ toroq li qed ikunu parti minn dan il-proġett? Min kienu l-kuntratturi li ħadmu fuq kull twessigħ ta’ triq? Jista’ jgħid kull kemm sar il-ħlas, jekk ingħatax b’direct order jew kienx magħżul b’tender? Jista’ jgħid ukoll għal kull parti ta’ triq li hija parti minn dan il-proġett ta’ twessigħ, għal liema toroq kien hemm permess tal-Awtorità tal-Ippjanar u għal liema toroq sar ix-xogħol ta’ twessigħ bla permess tal-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (BORG, IAN)

Peress li fil-perjodu msemmi saru diversi proġetti ta’ titjib fit-toroq, jkun apprezzat jekk l-Onor. Interpellant jispeċifika għal liema proġett qed issir riferenza għalih.

Il-Mosta – Triq il-Kungress Ewkaristiku — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta hu ppjanat li jsir ix-xogħol ta’ għoti mill-ġdid ta’ wiċċ ta’ tarmak f’Triq il-Kungress Ewkaristiku fil-Mosta? Peress li f’din it-triq hemm problema kbira li kull meta tagħmel ix-xita, l-ilma jlaħħaq mal-bankina, jista’ jieħu ħsieb u jara li jsir xogħol ta’ bini ta’ culverts ġodda f’partijiet mill-istess triq li fil-preżent ma hemmx water culverts biex ikunu jistgħu jlaħħqu mal-ilma tax-xita?

Response (BORG, IAN)

Il-proġetti u l-ħidmiet tal-aġenzija ġdida Infrastructure Malta, bħala parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern sabiex intejbu l-kwalità, l-effiċjenza u s-sigurtà tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna, qed jiġu ppjanati b’mod gradwali sabiex nilħqu din il-mira mill-aktar fis. Fil-fatt, fil-ġimgħat li għaddew din l-aġenzija li twaqqfet fis-sajf diġà ħabbret l-ewwel 120 mill-lista tat-toroq li se tkun qed tibni mill-ġdid is-sena d-dieħla. Sejħiet oħra għax-xogħol meħtieġ għall-bini ta’ aktar toroq madwar il-pajjiż ser jitħabbru fiż-żmien li ġej. L-aġenzija se tieħu ħsieb li, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, Tgħarraf id-dati ta’ meta jkunu se jibdew xogħlijiet f’toroq speċifiċi lill-pubbliku u lil dawk konċernati, direttament.

Pig Farm Cessation Scheme

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk il-Pig Farm Cessation Scheme li skont l-estimi finanzjarji tal-2019 qed juri ċ-ċifra ta' miljun ewro humiex se jkunu miżjuda mal-iskema taż-żewġ miljun ewro li kien parti mill-vot tal-Ministeru għall-Ambjent għas-sena 2018, jew jekk għall-2019 għal dan il-vot se jkun hemm biss miljun ewro?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li dan huwa vot rikorrenti u li fih għas-sena 2018 ġew ivvutati żewġ miljun ewro. Madanakollu, filwaqt li l-Ministeru kellu bosta diskussjonijiet intensivi mar-rappreżentanti ta’ dan is-settur u ħejja proposti konkreti għat-tħejjija ta’ din l-iskema matul l-2018, sabiex jinstab kunsens sħiħ hemm bżonn ta’ aktar diskussjonijiet magħhom. Peress li l-iskema li eventwalment titħejja għar-ristrutturar f’das-settur tiġi mplementata fuq medda ta’ żmien ta’ aktar minn tnax-il xahar, il-vot għall-2019 ma jirriflettix ceiling massimu għal din l-iskema.

Trasport Pubbliku — persuni b'diżabilità

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex persuni b'diżabilità fuq il-vetturi tat-trasport pubbliku jkunu jistgħu jingħataw l-opportunità li jkunu jistgħu jpoġġu bilqiegħda fejn suppost hemm postijiet ta' prijorità għall-persuni b'diżabilità?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lil Onor. Interpellant jirreferi għat-twegiba mogħtija għall-mistoqsija parlamentari 31489 f’Seduta 488 tat-tnax-il leġislatura.

Pont tal-Bidnija — rranġar ta' triq

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li titranġa l-ħsara f'triq ta' fuq il-pont tal-Bidnija li hemm parti mit-triq li qed tisfronda?

Response (BORG, IAN)

B’riferenza għall-Mistoqsija Parlamentari 7758, nixtieq ninforma lil Onor. Interpellant li l-pont li jinsab fi Triq il-Bidnija, Mosta [Bridge numru 59] ġie spezzjonat xi ftit ta’ żmien ilu u ġew identifikati l-ħsarat. Mill-banda l-oħra, ġie ukoll konkluż li l-pont, bħala struttura, ma huwiex fi stat ta’ periklu. It-tiswijiet li huma meħtieġa u li mistennija jibdew fi żmien qarib, huma dawk li jenħtieġu fit-triq u fil-guardrails tal-ġenb.
Leg 13 PQ #7641 Sitting 161 2018-11-05 Oral · Final From: EDWIN VASSALLO To: Ministeru għal Għawdex

Għawdex – SME Park

Question

B'referenza għall-mistoqsija parlamentari 7433, tista' l-Ministru tikkonferma jekk fl-SME park fil-preżent hemmx xogħol għaddej minkejja li l-istess Ministru qed tgħid li l-proġett għadu fi stadju ta' applikazzjoni quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar?

Response (CARUANA, JUSTYNE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant jirreferi għar-risposta tal-mistoqsija parlamentari 7433.

Korrispondenza rigward skart tal-iskart

Question

Jista' l-Ministru jara li fil-Mosta tasal il-korrispondenza meħtieġa rigward is-separazzjoni tal-iskart li għanda tibda l-Erbgħa, 31 ta' Ottubru 2018 fejn tali bidla se tibda bla preparazzjonijiet meħtieġa?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ewwel laqgħa ta’ konsultazzjoni mal-Kunsill rigward l-introduzzjoni tal-borża l-bajda saret nhar il-Ġimgħa 9 ta’ Settembru, fejn flimkien mas-Sindku, Segretarju Eżekuttiv u rappreżentant tal-MESDC ġie spjegat li l-ġbir tal-borża l-bajda kien ser isir mill-lokalitajiet ta’ Malta u Għawdex kollha nhar ta’ Tnejn, Erbgħa u Ġimgħa. Il-Kunsill ma wera l-ebda oġġezzjoni għal dan l-arranġament, filwaqt li saħaq dwar l-importanza tal-infurzar. Wara din il-laqgħa ntbagħtet email bid-detall diskuss. Fis-16 ta’ Settembru il-Wasteserv għan-nom tal-Ministeru u l-ERA talab lill-Kunsill għal lista ta’ ħames toroq problematiċi fir–raħal tagħhom għal skop ta’ infurzar. Fl-20 ta’ Settembru ntbagħat komunikat lill-Kunsill fejn tlabniehom biex jikkonfermaw l-iskeda l-ġdida tal-ġbir ta’ skart, liema skeda giet ikkonfermata fil-25 ta’ Settembru. Il-Kunsill infurmana wkoll li minn dakinhar kien qed ixandar l-iskeda l-ġdida applikabbli mill-31 ta’ Ottubru li kienet tinkludi l-ġbir tal-borża organika.

Enemed — diskussjonijiet fuq l-assi

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk hux minnu li l-Gvern diġà beda diskussjonijiet dwar il-bejgħ u trasferiment tal-assi tal-Enemed lill-privat? Meta bdew id-diskussjonijiet dwar il-bejgħ ta' din l-entità? Ma min qed isiru d-diskussjonijiet dwar il-bejgħ tal-Enemed?

Response (MIZZI, JOE)

Nirreferi lill-Onor. Interpellant għad-diskors tiegħi waqt Seduta Parlamentari numru 157 ta’ nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Novembru 2018.

Mosta — Triq Patri Ġużè Delia - sistema tad-drenaġġ

Question

Jista' l-Ministru jgħid x'inhuma l-pjanijiet tal-Water Services, għas-sistema tad-drenaġġ li għaddejja minn Triq Patri Ġużè Delia fil-Mosta fiż-żona ta' Żokrija fejn hemm żieda kbira ta' bini ta' appartamenti peress li din is-sistema ta' drenaġġ baqgħet dik li kienet u li issa qed tispiċċa b'drenaġġ jiżbroffa fil-garaxxijiet li huma basement fl-istess triq?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma, skont l-informazzjoni li għandha, kellha notifikazzjoni waħda biss ta’ żbroff ġewwa proprjeta’ privata u dan minħabba sadd li kien hemm fis-sistema tad-drenaġġ waqt maltemp qawwi. Għaldaqstant il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma tikkonferma illi s-sistema tad-drenaġġ fi Triq Patri Ġuże Delia, Mosta tiflaħ sew għad-domanda li hemm fl-inħawi. Aktar minn hekk, il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma qed tinvestiga x’wassal għal dak is-sadd li kkaġuna żbroff fi proprjeta’ privata.

Spot checks u spezzjonijiet — xiri u trasport ta’ prodotti ta’ laħam

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sistema teżisti fi ħdan ir-responsabilità tal-Ministeru rispettiv, sabiex ikun jista’ jagħmel spot checks u spezzjonijiet oħra relatati ma’ sorveljanza fuq ix-xiri u trasport ta’ prodotti tal-laħam li jaslu f’Malta bil-katamaran jew mezzi ta’ trasport ieħor, sabiex ikun garantit li f’pajjiżna ma jidħlux prodotti li ma jkunux ta’ standard sodisfaċenti għas-sigurtà u s-saħħa tal-konsumatur?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fir-rigward tal-kummerċ intrakomunitarju d-Direttorat għar-Regolazzjoni Veterinarja jwettaq spot checks fuq il-post fil-punt tad-dħul jekk ikun hemm suspett ta' xi attività illegali minn, jew permezz, tat-trasportatur li jasal f'Malta bil-katamaran/bastiment għax ma jistax ixekkel il-kummerċ ħieles. Barra minn hekk, flimkien mad-Dipartiment tad-Dwana, jitwettqu spot checks fuq l-affarijiet personali tal-passiġġieri għall-prodotti illegali speċjalment dawk li ġejjin minn pajjiżi fejn hemm imposti restrizzjonijiet sanitarji. Madankollu, jsiru kontrolli regolari fl-istabbilimenti approvati mill-Awtoritajiet Kompetenti ta’ kull Stat Membru (inkluż dan id-Direttorat, f’Malta) fuq għalf, ikel li joriġina mill-annimali, u annimali. Dawn il-kontrolli f’Malta jsiru wkoll fuq stabbilimenti li rċevew dawn il-prodotti, u għandhom l-għan li jiggarantixxu livell għoli ta’ protezzjoni tas-saħħa kemm għall-bniedem kif ukoll għall-annimali, u huma verifiki li jitwettqu skont l-evalwazzjoni tar-riskju. Fir-rigward tal-importazzjoni minn pajjiżi terzi, il-kontrolli jsiru fil-Post tal-Ispezzjoni tal-Fruntiera li jinsabu fil-Belt Valletta, Marsaxlokk u l-Ajruport Internazzjonali ta' Malta. Dawn il-verifiki jitwettqu f'konformità mal-leġiżlazzjoni Komunitarja rilevanti.