Legislature:
Category:
Reset
Active:

Ħruġ ta’ liċenzji tal-kaċċa u insib

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu liċenzji tal-kaċċa fl-2017 u fl-2018? Jista’ jgħid ukoll kemm inħarġu liċenzji tal-insib fl-2017 u 2018?

Response (FARRUGIA, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u għaldaqstant it-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Derogi relatati mal-għasfur selvaġġ

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm ġew applikati derogi relatati mal-għasfur selvaġġ fl-2017 u fl-2018? Jista’ jgħid ukoll liema derogi relatati mal-għasfur selvaġġ ġew applikati fl-2017 u fl-2018?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra Tabella bl-informazzjoni mitluba

Kaċċaturi u nassaba liċenzjati

Question

Jista’ l-Ministru jgħid fil-preżent kemm hemm kaċċaturi liċenzjati? Jista’ jgħid ukoll fil-preżent kemm għandna nassaba liċenzjati?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li fil-preżent, it-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi għandha 12,161 individwu b’liċenzja valida għall-kaċċa u nsib. Hemm 10,637 liċenzja ġenerali tal-kaċċa (jinkludu kaċċa għall-għasafar minn fuq l-art, kaċċa għall-għasafar minn fuq il-baħar, kaċċa tal-fenek selvaġġ u qbid tal-fenek selvaġġ bix-xibka) u 4,537 liċenzja ġenerali tal-insib għall-għasafar. Individwu jista’ jkollu liċenzja tal-kaċċa kif ukoll tal-insib u għalhekk l-ammont ta’ liċenzji mhux bilfors jammonta għall-ammont ta’ individwi.

Fish Farms — input u output ta' tonn

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9238 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar x’kien l-input u l-output ta’ tonn li kull fish farm tat-tonn immaniġġja rispettivament f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena għal kull fish farm tat-tonn?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li qed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra t-totali għas-snin 2016, 2017 u 2018. Dan minħabba li l-informazzjoni mitluba b’mod separat għal kull operatur tikkostitwixxi nformazzjoni kummerċjalment sensittiva għaliex turi l-kapacita’ individwali ta’ tkabbir. L-informazzjoni għas-snin l-oħra mhix miġbura b’mod elettroniku u tirrikjedi ħafna xogħol biex tinġabar.

Rapporti fuq qabda ta' tonn żejjed

Question

Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9116 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra r-rapporti li kitbet id-Direttur Ġenerali sospiża rigward kemm kien in-numru ta’ tonn żejjed fil-gaġeġ li nstabu f’dawn l-aħħar tliet snin?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lil Onor.Interpellant li dawn ir-rapporti huma parti minn Inkjesta Maġisterjali li għadha għaddeja. Għaldaqstant mhux għaqli li dawn ir-rapporti jiġu ppubblikati.

Qasam tas-Saħħa – stike jew azzjoni ta’ protesta

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm-il strike jew azzjoni ittieħdet minn oqsma differenti ta’ professjonijiet fil-Qasam tas-Saħħa matul din is-sena 2019 sal-lum? Kemm kienu in-numru ta’ jiem li ħa kull strike jew azzjoni ta’ protesta sakemm kien riżolt? Jista’ jgħid fil-preżent meta bdiet l-azzjoni tad-dentisti u jekk waslitx fi tmiemha? X’qed isir biex din l-azzjoni tkun solvuta?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar.

Il-Mosta – Triq il-Kostituzzjoni – ħidma ta’ manutenzjoni fit-triq

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex issir ħidma ta’ manutenzjoni f’Triq il-Kostituzzjoni fil-Mosta peress li għal dawn l-aħħar ġimgħat qed jidhru vireg tal-ħadid fil-ħofor tal-istess triq li faċilment jistgħu joħolqu periklu għas-sewwieqa ta’ roti u muturi?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni se tiġi mgħoddija lil Infrastructure Malta għall-evalwazzjoni tagħha u biex jiġi evitat kull periklu li jista’ jkun hemm. Fi Frar tħabbret lista ta’ 170 triq oħra li wkoll se jibdew jinbnew mill-ġdid din is-sena, waqt li aktar toroq li ser jinbnew mill-ġdid jitħabbru fiż-żmien li ġej. Filwaqt li t-triq indikata tinsab fil-pjanijiet ta’ dan l-investiment għall-bini mill-ġdid tat-toroq, Infrastructure Malta diġà kellha ppjanat biex fiż-żmien li ġej isiru xogħlijiet ta’ manutenzjoni temporanji f’din it-triq. Dan bħala parti mill-ħidma kontinwa tagħha f’dik li hija manutenzjoni tal-infrastruttura tat-toroq li minbarra tiswijiet tal-wiċċ tat-triq jinkludu wkoll tiswijiet ta’ tabelli u crash barriers fost oħrajn. L-aġenzija ser tieħu ħsieb li, wara li jkunu saru l-konsultazzjonijiet meħtieġa, tgħarraf id-dati ta’ meta jkunu ser jibdew xogħlijiet f’toroq speċifiċi lill-pubbliku u lil dawk konċernati, direttament.

Proċeduri ta’ appell – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament għadx għandu appuntament għall-proċeduri tal-appell fuq każ li jidher fil-korrispondenza li qed tingħata separatament?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-appell inkwistjoni, nstema’ nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Marzu 2018, kif kien indikat fid-dokument mehmuż mal-mistoqsija. L-appell dakinhar stess ġie differit għad-deċiżjoni, liema deċiżjoni ntbagħtet lill-appellant fil-21 ta’ Marzu 2018 b’posta reġistrata. Minn informazzjoni li għandu d-dipartiment, l-ittra waslet fid-destinazzjoni fl-24 ta’ Marzu 2018.

Kontijiet tad-Dawl — każ ta' individwu

Question

Jista’ l-Ministru jivverifika dwar x’qed iseħħ fil-ħruġ ta’ kontijiet tal-elettriku li kopja tagħhom qed tingħata separament peress li f’kont datat 18 ta’ Lulju 2018 sa 22 ta’ Settembru 2018, l-individwu li kien dovut iħallas, spiċċa ġie mitlub iħallas €2,541.37 meta l-kontijiet tar-residenza rispettiva kienet titħallas regolarment? Jista’ jgħid x’kienet ir-raġuni li tali kont kellu jiġi mħallas mis-sid tar-residenza? Jista’ l-Ministru jagħmel il-verifiki biex jara dan is-sid tar-residenza kemm għandu ġustament iħallas u jingħata l-informazzjoni meħtieġa dwar xi ħlas huwa dovut li jħallas?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li d-dettalji tal-individwu ġew mgħoddija lill-entità konċernata biex tistħarreġ dan l-ilment.

Il-Mosta — Triq Nicolò Isouard - dawl

Question

Jista' l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li d-dawl fi Triq Nicolò Isouard fil-Mosta jerġa' jibda jinxtegħel peress li dan id-dawl tat-triq ilu mitfi għal ħafna ġranet?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li d-dawl fi Triq Nicolo’ Isouard fil-Mosta jinsab mixgħul.

Fish Farms – input u output ta’ tonn

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar x’kien l-input u l-output ta’ tonn li kull fish farm tat-tonn immaniġġja rispettivament f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena għal kull fish farm tat-tonn?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għada qed tinġabar.

Transport Malta – Medical Team

Question

B’referenza għar-risposta għall-mistoqsija parlamentari 8915, jista’ l-Ministru jivverifika ma’ korrispondenza li l-istess Transport Malta tibgħat lil min ikun qed japplika għal-liċenzja tas-sewqan u jkun ġa notifikat b’dak li hu meqjus bħala Medical Team? Jista’ jivverifika jekk applikant li jkollu bżonn notifikazzjoni mill-Medical Team ma jkunx mitlub iħallas spiża aktar milli jkun mitlub applikant li ma jkunx referut għall-Medical Team?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Trasport illi Transport Malta ma titlobx u ma timponi l-ebda ħlas addizzjonali lil kull min jeħtieġ li jintbagħat għand il-Medical Team. Minn naħa tal-Awtorità japplikaw biss l-istess pagamenti li huma relatati u meħtiega mat-tiġdid tal-liċenzja tas-sewqan.

Għajnuna Soċjali — Każ ta' persuna

Question

Jista’ l-Ministru jara jekk id-deċiżjoni rigward il-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament kenitx korretta? Jista’ l-Ministru jindaga dan il-każ umanitarju sabiex jara li l-għajnuna soċjali mitluba, tkun ikkunsidrata mill-ġdid?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi, l-applikazzjoni għall-Allowance Miżjuda għall-Carers tal-persuna li tagħha qegħdin jingħataw d-dettalji b’mod separat, ġiet irrifjutata għaliex il-pazjent illi tieħu ħsieb u li applikat f’ismu, ma jissodisfax il-kriterji mediċi stabbiliti fil-liġi biex jikkwalifika bħala persuna ta’ dipendenza għolja.

Dipartiment tas-Saħħa – Spettorat – binjiet f’barrieri

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’qed isir mill-Ispettorat tad-Dipartiment tas-Saħħa (Sanità) sabiex jara li l-kmamar li qed jinbnew fil-barrieri jkunu diċenti biex jgħixu persuni fihom?

Response (FEARNE, CHRIS)

Nitlob lill-Onor. Interpellant sabiex jikkjarifika għal liema barrieri qiegħed jirreferi. Ninfurmah ukoll illi ma saru l-ebda rapporti mad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali dwar l-istess suggett.

Awtorità tal-Iżvilupp – permessi maħruġa għall-bini f’barriera

Question

Jista’ l-Ministru jqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra l-permessi maħruġa mill-Awtorità tal-Iżvilupp għall-kmamar li qed jinbnew f’barrieri, maħsuba li fihom jgħixu ħaddiema barranin?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lil Onor. Interpellant skont ma jien infurmat mill-Awtorita’ tal-Ippjanar, b’referenza għall- mistoqsija parlamentari numru 9115, L-istess Awtorità ma ħarġet l-ebda permess relatat mat-tip ta’ żvillup imsemmi.

Ħaddiema – ħlas ta’ servizzi soċjali

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ ħaddiema għal kull pajjiż rispettiv li għal dawn l-aħħar ħames snin ħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom tas-servizzi soċjali (social services)? Jista’ jgħid ukoll x’kienu l-kategoriji rispettivi tal-ħlasijiet li saru minn dawn il-ħaddiema f’dawn l-aħħar ħames snin maqsuma sena b’sena?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.

Transport Malta – ħruġ ta’ liċenzji ta’ sewqan

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi t-tariffa mitluba minn Transport Malta għal ħruġ ta’ liċenzji ta’ sewqan li jkollhom bżonn ta’ verifika ta’ tim mediku?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li Transport Malta ma titlob l-ebda forma ta’ ħlas żejjed minn klijenti li jkollhom bżonn riferimenti mediċi għal kwalunkwe raġuni.