Il-Mosta — Triq il-Kostituzzjoni - sinjali tal-parking
Question
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex fi Triq il-Kostituzzjoni fil-Mosta jsiru s-sinjali tal-parking?
Response (BORG, IAN)
Infrastructure Malta għaddejja bit-twettiq tal-investiment nazzjonali bla preċedent ta’ aktar minn €700 miljun sabiex ittejjeb l-effiċċjenza, il-kwalità, is-sigurtà u s-sostenibilità tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna. Bħalissa għaddej ġmielu x-xogħol ta’ bini mill-ġdid ta’ madwar 120 triq residenzjali f’ħafna lokalitajiet differenti li se jsiru din is-sena bħala parti minn dan l-investiment. Qed jiġu aġġudikati wkoll is-sejħiet għall-offerti għal kuntratt ieħor li permezz tiegħu Infrastructure Malta se tkun qed tibda tibni mill-ġdid 170 triq residenzjali oħra aktar tard din is-sena.
Fl-istess ħin, l-aġenzija qed tagħmel xogħlijiet ta’ manutenzjoni kontinwa u ta’ tiswijiet ta’ tabelli, crash barriers, żebgħa tat-triq u tiswijiet tal-asfalt, kif ukoll qed twettaq programm ta’ manutenzjoni u tiswijiet ta’ ħafna toroq oħrajn li jkunu jeħtieġu li jsirilhom intervent urġenti sakemm jasal il-waqt biex dawn ukoll jinbnew mill-ġdid.
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat minn Infrastructure Malta,li fost it-toroq li sarilhom intervent simili fil-ġimgħat li għaddew kien hemm Triq il-Kostituzzjoni fil-Mosta, waqt li hemm ippjanat li jsiru interventi oħrajn fiż-żmien li ġej. Sadattant, ix-xogħlijiet indikati biex isiru s-sinjali jinsabu fil-pjan ta’ Infrastructure Malta għall-jiem li ġejjin.
Persuni li jkollhom diffikultajiet jew suġġerimenti dwar xi infrastruttura relatata mat-toroq li tagħhom hija responsabbli Infrastructure Malta, jew xi xogħlijiet li jkunu għaddejjin f’dawn l-istess toroq, jistgħu jitkellmu mal-istess aġenzija b’mod dirett billi jċemplu fuq 2334 1000, jibagħtu email fuq info.im@infrastructuremalta.com jew jagħmlu kuntatt permezz ta’ Facebook fuq il-paġna “Infrastructure Malta”
Jista’ l-Ministru jgħid x’qed jagħmel apparti li joħroġ sejħa għall-impjieg, biex isolvi l-problema ta’ nuqqas ta’ għalliema tal-Malti u tal-Matematika?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li wara li l-Gvern laħaq ftehim ġdid flimkien mal-MUT u li bih komplew jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għalliema, qed jinfetħu korsijiet ġodda kemm mill-Fakultà tal-Edukazzjoni (UOM) u mill-Institute for Education, kemm għal studenti li jixtiequ jidħlu fil-professjoni, u kif ukoll biex impjegati minn setturi u oqsma oħra jidħlu fl-edukazzjoni. Minbarra t-titjib li sar fil-proċess tal-ingaġġ u li ħalla riżultati tajbin, qed niddiskutu wkoll miżuri oħrajn li jistgħu jħajru aktar persuni jidħlu fil-professjoni tat-tagħlim.
Korrezzjoni tal-karti tal-eżami tal-Malti u tal-Matematika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid min huma dawk li ħa jikkoreġu l-karti tal-eżami tal-Malti u tal-Matematika? Fejn huwa l-post tax-xogħol tagħhom attwalment?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma l-Onor. Interpellant li l-persuni li qed jikkoreġu l-karti tal-Malti u l-Matematika ta’ l-eżami annwali fl-iskejjel tal-Istat huma għalliema professjonali.
Għalliema – korrezzjoni tal-karti tal-eżami tal-Malti u l-Matematika
Question
Jista’ l-Ministru jgħid kemm sab għalliema li attwalment jgħallmu fl-iskejjel tal-Istat biex jikkoreġu l-karti tal-eżami tal-Malti u tal-Matematika?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-eżami tal-Matematika qiegħed jiġi kkoreġut minn 20 għalliem tal-Istat, 6 għalliema minn skejjel mhux tal-Istat u 2 għalliema rtirati.
L-eżami tal-Malti qiegħed jiġi kkoreġut minn 17-il għalliem tal-Istat, 5 għalliema minn skejjel mhux tal-Istat u 1 għalliem irtirat.
Jista’ l-Ministru jgħid hekk hux minnu li l-parti tal-job description tal-2007 fejn jobbliga lid-Dipartiment tal-Edukazzjoni jitlob għar-rapport kull sentejn fuq ammont ta’ kilogrammi li jridu jqandlu l-LSEs tneħħietx mill-job description li qed isir ġdid?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Ninforma l-Onor. Interpellant li r-rapport ta’ kull sentejn indikat fil-job description tal-2007 huwa marbut mal-apparat li l-iskejjel u ċ-Ċentri għandhom u mhux mal-piż li LSE jista’ jqandel. Bir-regoli tal-Health and Safety, iċ-Ċentri u l-iskejjel fejn hemm dan l-apparat huma obbligati li jiċċekkjawhom kull sentejn biex jikkonfermaw li jifilħu l-piż indikat fil-job description.
L-Isla – parkeġġi riservati għal persuni b’diżabilità – moniteraġġ mill-pulizija
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji biex ikun hemm sorveljanza mill-pulizija sabiex spazju ta’ parking riservat għal persuni b’diżabilità fil-Pjazza tal-Isla u f’bnadi oħra fl-istess lokalità, ma jitteħidx minn persuni oħra bla diżabilità?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
Ninsab infurmat li l-Pulizija tad-Distrett konxji u jissorveljaw spazju ta’ parking riservat għal persuni b’diżabilità fil-Pjazza tal-Isla u bnadi oħra. Fil-fatt kien hemm okkażjonijiet fejn anke nħarġu Traffic Offence Tickets lill-persuni li pparkjaw irregolarment f’dawn il-postijiet. Il-Pulizija tat-Traffiku jagħmlu s-sorveljanza tagħhom ukoll biex jevitaw l-istess abbużi f’kull lokalità.
Jista’ l-Ministru jara li tittieħed deċiżjoni sabiex kontijiet pendenti li qed jintbagħtu lill-proprjetarji ta’ proprjetà li tkun mibjugħa b’kuntratt uffiċjali, il-proċedura ma tibqax li l-propretarji oriġinali jibqgħu jirċievu l-kontijiet tad-dawl u ilma bħalma qed jiġri fuq il-kont li qed jintbagħat separatament?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li bħala proċedura, meta jinbiegħ post, il-persuna li tkun ser tbiegħ għandha timla formoli apposta skont il-każ, senjatament formula ta’ trasferiment tas-servizzi jew formula ta’ tneħħija tas-servizzi jew formula ta’ tibdil tal-indirizz.
Dawn il-formoli jistgħu jinġabru mill-uffiċini tal-kumpanija ARMS ltd jew titniżżel mis-sit uffiċjali tal-kumpanija.
Nfakkar ukoll li s-servizzi huma abbinati mal-applikant, u għaldaqstant hu l-applikant/konsumatur innifsu li jrid jinforma lill-ARMS ltd permezz tal-imsemmija formoli b’kull tibdil relatat mal-kont.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta ser jibda x-xogħol fuq ir-rampa fin-naħa t’isfel fiċ-ċimiterju tal-Mosta sabiex tkun aċċessibbli wkoll għall-persuni b’diżabilità? Din il-mistoqsija qed issir peress li fil-preżent din ir-rampa f’dan iċ-ċimiterju toħloq diffikultajiet kbar sabiex persuni b’diżabilità jkollhom aċċess għal parti t’isfel taċ-ċimiterju.
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi f’Jannar 2019 saret konsultazzjoni u ġew sottomessi pjanti ġodda sabiex ir-rampa li tagħti għal fuq il-parti ta’ wara taċ-Ċimiterju tal-Mosta tkun aktar aċċessibbli għal persuni b’diżabilità. Bil-mod kif inhu mibni ċ-Ċimiterju tal-Mosta, ir-rampa ma tistax tiġi bl-elevazzjoni kif rikjesta bil-liġi għal persuni b’diżabilità ta’ 1:10.
Dawn il-pjanti ġew sottomessi lid-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali flimkien ma’
Bill of Quantities
sabiex isiru x-xogħlijiet.
Bħalissa d-Direttorat jinsab fil-proċess li jiġbor kwotazzjonijiet. Ġaladarba jinġabru l-kwotazzjonijiet u jiġu approvati l-finanzi u jkun hemm l-approvazzjoni mill-Awtortà tal-Ippjanar jinbdew ix-xogħolijiet.
Mosta – Triq il-Kungress Ewkaristiku – manutenzjoni ta’ culverts
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-nefqa fuq il-proġett ta’ manutenzjoni ta’ culverts f’Triq il-Kungress Ewkaristiku fil-Mosta fejn tali xogħol sar fil-ġranet ta’ qabel l-elezzjoni tal-Kunsilli Lokali tal-Mosta?
Response (BORG, IAN)
Ikun apprezzat jekk l-Onor. Interpellant jindika eżattament is-sena tal-elezzjoni li qed jirreferi għaliha.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid kemm hu n-numru ta’ nurses li huma assenjati ma’ entitajiet tal-gvern barra mill-qasam tas-saħħa? Jista’ jgħid dawn in-nurses issa fejn qegħdin jaħdmu?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li hemm 21 infermiera li huma assenjati ma’ entitajiet tal-gvern barra mill-qasam tas-saħħa.
Jista’ l-Ministru jgħid x’inhi l-istatus ta’ art f’San Pawl il-Baħar li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament? Jista’ jgħid jekk din l-art hijiex imqabbla lill-bdiewa jew saret art mifnija?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tal-Artijiet li l-art immarkata li ġiet indikata separatament milll-Onor. Interpellant hija proprjetà tal-Gvern u hija mikrija.
Il-Mosta – Triq il-Kungress Ewkaristiku – tabelli ta’ Stop u No Entry
Question
Jista’ l-Ministru jieħu l-azzjoni meħtieġa permezz ta’ Transport Malta sabiex isiru t-tabelli meħtieġa ta’ Stop Sign u No Entry f’Triq il-Kungress Ewkaristiku salib it-toroq ma’ Triq it-Torri?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, li Transport Malta għamlet spezzjoni fiż-żona ta’ salib it-toroq msemmija u jirriżulta li hekk kif jindikaw ir-ritratti li qed jitpoġġew fuq il-Mejda tal-Kamra, s-sinjali kemm mal-art kif ukoll fir-rigward ta’ tabelli, qegħdin fuq il-post. Manutenzjoni ta’ dawn is-sinjali taqa’ taħt ir-responsabiltà tal-kunsill lokali.
Jista’ l-Ministru jara li tittieħed l-azzjoni meħtieġa sabiex ir-rotot 238 u 260 fl-ebda ħin tal-ġurnata ma joħorġu mir-rotta tagħhom f’Triq San Anton, kif qed iseħħ xi drabi bi żball, u minflok qed jidħlu f’Triq l-Oratorju u Triq it-Torri, u b’hekk qed jinħolqu dawn l-inċidenti?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, li se tkun qiegħda tissorvelja din il-parti tar-rotot imsemmija ġewwa l-Mosta b’aktar reqqa u ħa tieħu l-passi meħtieġa sabiex tillimita t-tali istanzi jekk jirriżulta li l-karozzi tal-linja qedgħin joħorġu mir-rotta preskritta.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex ir-rotot tat-trasport pubbliku 250 u 47 jibdew jgħaddu mit-toroq ta' Santa Margerita, il-Mosta?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, li kemm ir-rotta 47 kif ukoll ir-rotta 250 jgħaddu mill-inħawi ta’ Santa Margerita, ġewwa l-Mosta.
Ninsab infurmat ukoll li bejn Jannar u April 2019 sar xogħol infrastruturali fuq Triq Dawret il-Wied fiż-żona magħrufa bħala San Margerita ġewwa l-Mosta. Minħabba dawn ix-xogħlijiet ir-rotot 47 u 250 kellhom jiġu devjati għal Triq il-Fortizza tal-Mosta u Vjal il-Qalbiena Mostin.
Infurmat ukoll li l-operatur tat-trasport pubbliku nħarġulu struzzjoniet sabiex mill-aħħar ta’ April 2019 ir-rotot 47 u 250 jerġu jibdew jgħaddu bir-rotta normali.
Jista’ l-Ministru jgħid kemm inħarġu liċenzji tal-kaċċa fl-2017 u fl-2018? Jista’ jgħid ukoll kemm inħarġu liċenzji tal-insib fl-2017 u 2018?
Response (FARRUGIA, MICHAEL)
‘Ninsab infurmat illi fis-sena 2017 ġew imġedda 12,925 liċenzja tal-Pulizija għall-ġarr ta’ armi tan-nar għall-kaċċa u nħargu 224 liċenzja ġdida għall-istess skop. Fis-sena 2018 ġew imġedda 12,913 liċenzja għall-ġarr ta’ armi tan-nar għall-kaċċa, waqt li nħarġu 165 liċenzja ġdida għall-istess skop. Liċenzji tal-kaċċa jinkludu kaċċa fuq l-għasafar mill-art u mill-baħar u kaċċa għall-fniek u persuna jista’ jkollha iktar minn liċenzja waħda. Dwar liċenzji ta’ nsib dawn jaqgħu taħt ir-responsabilità tat-Taqsima tar-Regolamentazzjoni għall-Għasafar Selvaġġi fi ħdan il-Ministeru responsabbli għall-Ambjent’.
Jista' l-Ministru jieħu passi sabiex f’kamra f'Dar tal-Anzjani li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament ikun jista’ jkun hemm mill-ġdid l-aċċess għall-provvista tal-ilma peress li ż-żewġ anzjani residenti fl-istess kamra, ilhom nieqsa mill-provvista tal-ilma minn tal-inqas għal dawn l-aħħar ħames ġimgħat?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li, d-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Kommunità, segwa mill-qrib din is-sitwazzjoni ġewwa d-dar tal-Anzjani msemmija. Il-ħaddiema tad-Dipartiment għall-Anzjanità Attiva u Kura fil-Kommunità, ħadmu fuq din il-problema u nikkonferma li l-provvista tal-ilma reġgħet irritornat għan-normal.
Sptar Mater Dei — spejjeż għal proċedura ta' twelid ta' tarbija
Question
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x'inhuma l-ispejjeż mitluba li jitħallsu mill-Isptar Mater Dei jew entità oħra, li jikkonċernaw il-proċedura ta' twelid ta' tarbija f'każ ta' mara ta' nazzjonalità Pollakka u f'każ ta' mara ta' nazzjonalità Spanjola rispettivament?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li min mhux intitolat għal servizzi tas-saħħa b’xejn, f’każ ta’ twelid naturali f’Mater Dei, l-ispiża hija ta’ madwar €780 li tinkorpora t-twelid u żewġ iljieli fl-istess sptar. Il-prezz indikat ma jinkludix servizzi oħra li jista’ jkun hemm bżonn u li jvarjaw minn każ għal ieħor.