Legislature:
Category:
Reset
Active:

ERL — ħaddiema li għalqu l-età tal-irtirar

Question

Jista' l-Ministru jgħid jekk ħaddiema li llum qed jaħdmu ma' Engineering Resource Limited (ERL) li saret biex tiġbor fiha ħaddiema tal-Ex Enemalta hijiex se tippermetti li ħaddiema li għalqu ż-żmien tal-irtirar, ikollhom opportunità jieqfu jaħdmu kontra qalbhom għaliex bħala ħaddema jkunu jixtiequ jibqgħu jaħdmu?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li l-ERL tagħti permess ta’ estensjoni jekk il-kriterji stabiliti jiġu sodisfatti.

Għajnuna lill-bdiewa minħabba ħsarat fis-serer

Question

Jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra informazzjoni dwar: a. kemm kien in-numru ta’ bdiewa li applikaw għal għajnuna li nieda l-Gvern biex jagħmel tajjeb għall-ħsara li saret fis-serer bil-maltemp li sar fil-bidu ta’ din is-sena; b. kemm kien l-ammont ta’ flus li l-bdiewa applikaw għalihom b’din l-iskema; u c. jgħid ukoll mil-liema lokalità ġejjin il-persuni li applikaw għal din l-għajnuna?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-iskema għal għajnuna lill-bdiewa minħabba ħsarat fis-serer għada m’għalqitx u l-applikazzjonijiet ser jibqgħu jintlaqgħu sal-31 ta’ Ottubru 2019. Għalhekk l-informazzjoni mitluba ma tistax tiġi provduta f’dan l-istadju għaliex l-applikazzjonijiet għadhom qed jigu miġbura u evalwati.

Il-Mosta – Minibuses — tfal

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi meħtieġa sabiex jara li minibuses li jniżżlu t-tfal fi Triq l-Indipendenza ma’ Triq Ċelju Tonna fil-Mosta u fil-Pjazza Rotunda, sabiex imorru fl-Iskola Primarja f’Triq Grognet ma jkunx hemm periklu għal dawn it-tfal peress li preżentement, dawn it-tfal iż-żgħar qed jitħallew jimxu waħedhom sal-iskola?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ngħarraf lill-Onorevoli interpellant li s-Sezzjoni tat-Trasport tal-Iskejjel kienet irrappurtat il-każ mal-operatur tar-rotta inkwistjoni. Infurmat li llum il-ġurnata t-tfal qegħdin jitwasslu filgħodu u jinġabru wara nofsinhar sa/mill-bieb tal-iskola.

Roundabouts u Central Strips

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex dawk il-pjanti u fjuri li jkunu miżrugħa jew imħawwla f’roundabouts u f’central strips ma jikbrux b’mod li jkun ta’ periklu għaliex jgħattu l-viżjoni ta’ min ikun qed isuq?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant biex jitlob l-informazzjoni meħtiega lill-Ministru kkonċernat.

Il-Mosta – tindif ta’ siġar mejta

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex siġar li huma mejta jiġu mnaddfa biex jitneħħa l-periklu fit-toroq madwar il-Mosta, speċjalment f’toroq madwar Wied il-Għasel u f’toroq mill-Mosta għal Burmarrad?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ninforma lill-Onor. Interpellant, li Ambjent Malta fi ħdan il-Ministeru għall-Ambjent, Żvilupp Sostenibbli u Tibdil fil-Klima, diġa rrapurtat lil-Awtoritajiet konċernati (Infrastructure Malta u Transport Malta) sabiex titneħħa is-siġra tal-prinjol mejta li hemm fin-niżla ta’ Burmarrad minħabba li din tista’ tkun ta’ periklu. Din iż-żona ma taqax taħt ir-responsabbiltà tal-Malta Embellishment Landscaping Project fi ħdan il-Ministeru. Peress li ż-żona ta’ Wied il-Għasel hi kemm xejn kbira, qed jintalbu aktar dettalji ta’ fejn jinsabu dawn is-siġar mejta.

L-Imġarr – art rilaxxata

Question

Jista’ l-Ministru jgħid meta l-art fix-xagħra tal-Knisja fl-Imġarr se tkun rilaxxata biex is-sidien preżenti jkunu jistgħu jagħmlu użu alternattiv mill-binja tagħhom?

Response (BORG, IAN)

Nitlob lill-Onor. Interpellant jindika b’mod ċar, permezz ta’ site plan, għal liema parti mill-art fix-xagħra tal-Knisja fl-Imġarr qed jirreferi.

Il-Bidnija – Triq tal-Milord – twessiegħ ta’ triq

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex qabel ma jingħata t-tarmak fi Triq il-Milord fil-Bidnija jkun hemm xogħol ta’ tqattigħ tal-blat biex fejn tkun tista’, it-triq titwessa’ u ma tibqax kif inhi llum?

Response (BORG, IAN)

Nirrakkomandaw li dan is-suġġeriment għal twessigħ ta’ triq fil-kampanja jiġi referut lill-Ministeru konċernat mill-awtoritajiet ambjentali sabiex ikun magħruf jekk dan l-iżvilupp jistax jiġi kkunsidrat.

Il-Bidnija – toroq rurali — tarmak

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’xogħol ta’ għoti tat-tarmak qed isir fil-preżent f’toroq rurali li huma fil-limiti tal-Bidnija lejn l-inħawi magħrufa bħala Ta’ Buqana? Jista’ jgħid x’inhi r-raġuni li qed jingħata t-tarmak f’dawn it-toroq? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-pjanta li turi fejn se jsiru toroq oħra u fejn qegħdin isiru t-toroq f’dawn l-inħawi fil-preżent?

Response (BORG, IAN)

Infrastructure Malta għaddejja b’ħidma sabiex ittejjeb il-kwalità tat-toroq tal-pajjiż, fosthom toroq arterjali, toroq residenzjali u anke toroq rurali li jintużaw mill-bdiewa sabiex jaslu għall-għelieqi tagħhom. L-aġenzija qed twettaq għadd ta’ proġetti sabiex tibni mill-ġdid mal-40 kilometru ta’ toroq fil-kampanja, li sfortunatament kienu tħallew mitluqa bla ebda manutenzjoni għal snin twal. Ħafna bdiewa f’diversi partijiet ta’ Malta kien ilhom snin twal jitolbu lill-awtoritajiet jgħinuhom fil-ħidma tagħhom billi jipprovdulhom aċċess aktar sikur għall-għelieqi li jaħdmu. Fl-istess waqt, dawn it-toroq fil-kampanja jintużaw ħafna wkoll minn dawk li jħobbu jmorru xi passiġġata, ġirja jew dawra bir-rota fl-inħawi. Fl-inħawi msemmija tal-Bidnija din is-sena diġà saru xogħlijiet fi Triq is-Sagra Familja, waqt li bħalissa qed isir xogħol fi Triq il-Bdiewa (limiti tal-Qolla) u hemm ippjanat li ssir ukoll Triq Wied il-Ħżejjen. Ix-xogħlijiet li jiffurmaw parti mill-investiment bla preċedent tal-Gvern fit-toroq rurali mhux biss għoti ta’ tarmak kif intqal fil-mistoqsija, imma bini mill-ġdid tat-triq li jirrikjedi tisħiħ tal-pedamenti, kif ukoll bdil jew tqegħid ta’ servizzi skont il-bżonn, qabel ma t-triq isirilha wiċċ ġdid. Infrastructure Malta ser tkompli għaddejja bil-ħidma kontinwa sabiex twettaq il-pjan fit-tul biex ikollna infrastruttura ta’ kwalità, effiċjenti u sostenibbli, hekk kif jixraq lill-familji u n-negozji f’Malta u Għawdex.

Applikazzjonijiet għal sussidju fuq stair lifts pendenti

Question

Jista’ l-Ministru jgħid kemm hu n-numru ta’ applikazzjonijiet għal sussidju fuq stair lifts li għadhom pendenti? Jista’ jieħu l-passi meħtieġa biex dawn l-applikazzjonijiet ikunu mogħtija l-attenzjoni meħtieġa?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi bħalissa l-Awtorità tad-Djar għandha 41 applikazzjoni pendenti taħt l-Iskema tad-Diżabilità għall-installar ta’ stairlift.

Każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Water Services Corporation tieħu l-passi meħtieġa sabiex ikun iffinalizzat il-proċess mal-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament, kemm jista’ jkun fl-inqas żmien possibbli ladarba dan l-individwu huwa bla paga?

Response (MIZZI, JOE)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-ilment imressaq ġie mgħoddi lill-entità konċernata.

LSEs – rapport — linji gwida dwar il-piżijiet

Question

Skont il-job description ta’ Learning Support Educator (LSE) fl-2007, l-LSEs kienu marbuta biex f’Ċentri ta’ Riżorsi kif ukoll dawk l-LSEs kollha li jaħdmu fil-mainstream, kull sentejn kellhom isiru rapporti dwar il-linji gwida tal-piżijiet li għandhom jitqandlu manwalment, u jkun deċiż jekk għandhomx jinżammu jew jinbidlu. F’dan il-każ, jista’ l-Ministru jgħid jekk dawn ir-rapporti rigward dawn il-linji gwida msemmija, sarux jew le? Jekk iva, jista’ l-Ministru jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-aħħar tliet rapporti li saru?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninsab infurmat li r-rapport ta’ kull sentejn indikat fil-Job description tal-2007 huwa marbut mal-apparat li l-iskejjel u ċ-Ċentri għandhom u mhux mal-piż li LSE jista’ jqandel. Bir-regoli tal-Health and Safety, iċ-Ċentri u l-iskejjel fejn hemm dan l-apparat huma obbligati li jiċċekkjawhom kull sentejn biex jikkonfermaw li jifilħu l-piż indikat fil-Job description. Eżempju ta’ dan qiegħed jingħata permezz taż-żewġ skejjel imsemmija fit-tabella li qed titqiegħed fuq il-Mejda tal-Kamra.

Mosta – Triq il-Kungress Ewkaristiku – xogħol ta’ culverts — nefqa

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’kienet in-nefqa ta’ xogħol fil-culverts li saru bil-katusi f’parti minn Triq il-Kungress Ewkaristiku l-Mosta f’Mejju 2019? Jista’ jgħid ukoll min kien il-perit ta’ dan il-proġett?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għalhekk it-tweġiba ser tingħata f’seduta oħra.

Sajjieda – xiri ta’ fuel minn kumpanija

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex is-sajjieda qed jintalbu jixtru fuel issussidjat għad-dgħajjes tas-sajd tagħhom mingħand il-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament, biex dawn bħala sajjieda jkunu jistgħu japplikaw għas-sussidju? Jista’ jgħid għaliex is-sajjieda mhux qed jitħallew jixtru l-fuel tagħhom b’mod ħieles mingħand operaturi f’suq fejn huma jkunu jistgħu jixtru l-fuel b’prezz irħas minn din l-istess kumpanija?

Response (HERRERA, JOSÈ)

Ngħarraf lill-Onor. Interpellant illi ninsab infurmat li s-sajjieda membri tal-koperattivi huma marbuta mill-koperattivi stess sabiex jixtru d-diesel mingħand din il-kumpanija. Infakkar lill-Onor. Interpellant li kienet l-amministrazzjoni preċedenti li ffirmat ftehim maż-żewġ koperattivi fir-rigward tad-diesel duty free, fejn b’dan l-istess ftehim il-koperattivi ntrabtu li l-membri tagħhom għandhom jixtru d-diesel duty free mingħand din il-kumpanija.

Mosta – Triq id-Difiża Ċivili – xogħol fuq roundabout

Question

Jista’ l-Ministru jgħid għaliex s’issa l-kumpanija li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament għadha ma għamlet xejn mix-xogħol ta’ roundabout il-Mosta fejn hemm l-istess entratura għall-istess stabbiliment fi Triq id-Difiża Ċivili, f’salib it-toroq mal-entratura tal-MCAST u fejn ix-xogħol fuq ir-roundabout kien mitlub li jsir mill-Awtorità tal-Ippjanar bħala “community gain” favur il-komunità tal-Mosta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li, kif diġà ġie spjegat fir-risposta tal-Mistoqsija Parlamentari Nru 6020, il-permess huwa marbut, fost l-oħrajn, ma’ titjib fir-road junction fuq Triq id-Difiża Ċivili bi spejjeż tal-iżviluppatur, kif ukoll li Transport Malta għandha toħroġ ċertifikazzjoni qabel ma jibda jopera l-kumpless. L-Awtorità tal-Ippjanar diġà ħadet il-passi meħtiega permezz ta’ Avviż biex Tieqaf u ta’ Twettiq peress li l-kundizzjoni msemmija ma ġietx onorata mill-applikant. L-Avviż imsemmi qed jiġi kkontestat mill-applikant quddiem it-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar. Dan l-appell għadu pendenti. Sadanittant Transport Malta ħarġet ċertifikazzjoni rigward il-miżuri temporanji li ttieħdu fl-immaniġġjar tat-traffiku relatati mal-proġett.

Mosta – xogħol bħala community gain minn stabbiliment

Question

Jista’ l-Ministru jgħid x’sar s’issa mill-istabbiliment li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fejn l-Awtorità tal-Ippjanar kienet obbligat biex l-istess supermarket iwettaq xogħol bħala “community gain” favur il-komunità tal-Mosta?

Response (BORG, IAN)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni għadha qed tinġabar u għalhekk it-tweġiba se tingħata f’seduta oħra.

Regolazzjoni ta’ ċumnija – każ ta’ persuna

Question

Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jara li jittieħdu l-passi sabiex tkun irregolata ċumnija peress li twaħħlet fl-istess għoli ta’ bitħa interna u qed twaddab ‘l isfel fil-bitħa interna tal-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament?

Response (FEARNE, CHRIS)

Ninforma lill-Onor. Interpellant illi mad-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali ma kien hemm l-ebda ilment reġistrat fuq tali ċumnija msemmija minnu. Għaldaqstant, saru l-kuntatti meħtieġa mal-persuna kkonċernata. Il-każ qed jiġi nvestigat mill-Uffiċjali tas-Saħħa Ambjentali. L-ilment ser jiġi ukoll mgħoddi lill-Awtorità ta’ l-Ippjanar minħabba l-għoli taċ-ċumnija.

LSE — tqandil

Question

Jista’ l-Ministru jgħid jekk il-piż massimu li għandhom iqandlu l-LSEs, skont il-job description il-ġdid hux se jkun dak ta’ 27kg? Jekk iva, jista’ jgħid mil-liema studju ħareġ dan il-piż ta’ 27kg?

Response (BARTOLO, EVARIST)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-piż indikat huwa wieħed approvat mill-OHSA. Tajjeb li wieħed jinnota li l-iskejjel u ċ-Ċentri ta’ Riżorsi li għandhom każijiet li huma Profound and Multiple Learning Disabilities (PMLD), illum kollha għandhom apparat apposta biex l-LSEs ma jqandlux u x-xogħol tagħhom ikun iffaċilitat.

Il-Mosta – Kappella tal-Isperanza – xogħol ta’ manutenzjoni fuq tappiera

Question

Jista’ l-Ministru jara li l-Water Services jieħdu l-passi meħtieġa sabiex tappiera ta’ drenaġġ quddiem il-Kappella tal-Isperanza fil-Mosta, isirilha xogħol ta’ manutenzjoni sabiex il-konkos imkisser madwarha jkun irranġat għaliex fil-preżent qed jinħoloq periklu għal min isuq mutur jew rota?

Response (MIZZI, JOE)

Ninsab infurmat li t-tappiera tad-drenaġġ ġiet imsewwija fil-25 ta’ Ġunju. Manutenzjoni ulterjuri u bidla sħiħa tat-tappiera għandhom isiru fil-jiem li ġejjin.

Pensjoni – każ ta’ individwu

Question

Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex l-individwu li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament jingħata l-pensjoni ta’ Diċembru 2018?

Response (FALZON, MICHAEL)

Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-persuna msemmija minnu, kull xahar jirċievi l-pagamenti tal-pensjoni fil-kont bankarju tiegħu. Dak li qiegħed jirreferi għalih l-Onor. Interpellant, huwa l-bonus tal-aħħar tas-sena. Ngħarraf lill-Onor. Interpellant li minħabba l-fatt li l-persuna msemmija minnu, għadha f’impjieg, id-Dipartiment tas-Sigurtà Soċjali ma jħallasx tali bonus sakemm l-individwu jipprovdi l-informazzjoni meħtieġa mingħand min iħaddmu. Issa li waslet din l-informazzjoni għand id-Dipatiment, inħadmu l-arretrati dovuti u ser ikunu qed jitħallsu lill-individwu mal-pagament li jmiss. Minbarra l-parti tal-bonus ta’ Diċembru 2018, ser ikun qiegħed jitħallas ukoll il-parti tal-bonus ta’ Ġunju 2019.