Bejjiegħa tal-Monti tal-Belt Valletta u tar-Rabat Għawdex — kumpens
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 5206 u jgħid xi pjanijiet hemm li jwasslu sabiex bejjiegħa fuq il-monti tal-Belt Valletta ikunu mogħtija kumpens biex jirtiraw il-permess tagħhom bħalha bejjiegħa tal-Monti tal-Belt? Jista' jgħid xi pjanijiet hemm sabiex iwasslu li bejjiegħa tal-Monti li kienu jarmaw fil-Pjazza tat-Tokk fir-Rabat, Għawdex, ikun mogħti kumpens biex ikunu mħajra jirtiraw il-permess tagħhom ta' bejjiegħa tal-Monti fil-post indikat? Jista' jgħid f'kull każ kien se ikun il-kumpens maħsub?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6435 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni rigward fondi tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-biedja u s-sajd u ċjoe:
a) kemm huwa n-numru ta’ applikanti għal kull applikazzjoni ta’ fond differenti li hemm, u li fil-preżent qed ikun iġġudikat mill-aġenzija rispettiva li għandha responsabilità li tiġġudika l-applikazzjonijiet għall-fondi tal-Unjoni Ewropea;
b) id-deskrizzjoni tal-fondi li fil-preżent qed ikunu aġġudikati; u
c) meta huwa ż-żmien (id-data) li fih il-perjodu tal-aġġudikazzjoni jagħlaq?
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 6509 u jgħid x’kienet iż-żieda fil-pensjoni wara l-budget tas-sena 2015, 2016, 2017 u 2018?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi ż-żiedet li ngħataw lill-pensjonanti kif ukoll titjib ieħor ewlieni fil-pensjonijiet fil-baġits għas-snin imsemmija, huma kif ġej ;
Fl-2015
Il-pensjonijiet żdiedu b’€0.58 fil-ġimgħa għall-għoli tal-ħajja. Barra minn hekk ingħataw €35 addizzjonali ta’ darba.
Fl-istess sena tneħħew l-anomaliji li kienu nħolqu fil-pensjoni tas-Sigurta` Soċjali ta’ eluf ta’ ħaddiema tat-Tarzna, billi l-pensjoni tagħhom tpoġġiet fuq l-istess binarji fl-istruttura tas-salarji tal-ħaddiema tal-Gvern, għaliex l-ażjenda li kienu jaħdmu magħha kienet spiċċat jew il-post tax-xogħol illi kienu jokkupaw ma baqax jeżisti.
Il-pensjoni wara 25 sena servizz giet estiża għall-ħaddiema tad-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili.
Ħaddiema b’kontribuzzjonijiet tas-sigurta` soċjali nieqsa ngħataw l-opportunita` li jkunu jistgħu jħallsu sa 5 snin kontribuzzjonijiet neqsin, li mhux neċessarjament ikunu l-aħħar 5 snin ta’ qabel issir it-talba, biex itejbu l-pensjoni tagħhom.
Għal persuni oħra b’eta` bejn it-62 u 74 sena, speċjalment nisa rtirati, li fl-imgħoddi għamlu ħafna snin barra mill-impjieg u li m’għandhomx pensjoni, bdew jirċievu bonus ta’ 200 ewro jekk ikunu ħallsu aktar minn ħames snin f’kontribuzzjonijiet u 100 ewro jekk ħallsu anqas bolol.
Fl-2016
Il-pensjonijiet żdiedu b’€1.75 fil-ġimgħa għall-għoli tal-ħajja.
Barra minn hekk, l-pensjoni minima nazzjonali żdiedet għal €140 fil-ġimgħa, li kienet tfisser żieda medja ta’ aktar minn €8 fil-ġimgħa. Għal dawk li kellhom kontribuzzjonijiet imnaqqsa ħadu ż-żieda pro-rata.
Ingħatat żieda wkoll ta’ €4.15 fil-ġimgħa, inkluż il-ħlas għall-ogħli tal-ħajja, lill-persuni fuq il-pensjoni minima tal-miżżewġin.
Romol illi kienu jaħdmu u kellhom dritt għall-pensjoni tal-irtrar, li iżda tilfuha meta romlu għax bdew jieħdu l-pensjoni tar-romol, bdew jirċievu l-pensjoni sħiħa tal-konjugi tagħhom u mhux aktar 5/6 kif kien qed jiġri sa dik is-sena.
F’din is-sena ġew irduppjati l-krediti tal-bolla tas-sigurta` soċjali għall-ġenituri li kellhom jieqfu għal xi snin mix-xogħol biex irabbu l-uliedhom u għall-ewwel darba iddaħħlu l-krediti għal dawk il-persuni li jibqgħu barra mid-dinja tax-xogħol biex ikomplu l-istudji u t-taħrig tagħhom.
Biex ħaddiema jiġu nċentivati volontarjament jibqgħu fid-dinja tax-xogħol meta jaslu fl-eta’ tal-irtirar, tniedet skema li permezz tagħha jekk ma japplikawx għall-pensjoni meta jkollhom dritt għaliha, għal kull sena jingħataw żieda perċentwali fil-pensjoni.
Fl-2017
Il-pensjonijiet żdiedu b’€1.75 fil-ġimgħa għall-ogħli tal-ħajja.
Barra minn hekk, pensjonanti u anzjani miżżewġin b’pensjoni minima ħadu żieda oħra ta’ €4 fil-ġimgħa. Mill-istess żieda gawdew ukoll pensjonanti miżżewġin li jirċievu l-Pensjoni tal-Eta`.
Bdiet isseħħ riforma fuq medda ta’ sentejn sabiex pensjonanti ta’ ‘l fuq minn 61 sena ma jibqgħux iħallsu income tax fuq il-pensjoni tagħhom.
Saret ukoll riforma fl-Allowance Supplimentari li gawdew eluf ta’ pensjonati bi dħul anqas minn €13,000 fis-sena.
Fid-dawl tat-tneħħija ta’ kull forma ta’ diskriminazzjoni abbażi ta’ ġeneru ġew riveduti l-pensjonijiet tan-nisa. F’dan il-każ iż-żiedet fil-pensjoni kienu jlaħħqu sa madwar €20 fil-ġimgħa.
Beda eżerċizzju biex jiġu riveduti pensjonijiet tal-irtirar u tar-romol biex jidħlu f’sintonija ma’ titjib li jkun iseħħ fil-paġi permezz ta’ reviżjoni ta’ ftehim kollettiv għall-impjegati fir-servizz pubbliku, fis-settur pubbliku u fis-settur privat. Dan beda jsir skont kif titlob il-ligi tas-Sigurta` Soċjali, iżda li kien ilu wieqaf għal bosta snin minħabba nuqqas ta’ riżorsi u finanzjament. Bis-saħħa ta’ dan l-eserċizzju li għadu għaddej, eluf ta’ persuni kellhom titjib konsiderevoli fil-pensjoni tagħhom u tħallsu miljuni ta’ ewro f’arretrati.
Il-bonus illi jingħata kull sena lill-persuni, l-aktar nisa miżzewġa li ma kellhomx kontribuzzjonijiet tas-sigurta` soċjali biżżejjed biex jikkwalifikaw għal pensjoni, żdied b’50 ewro.
Fl-2018
Iż-żieda għall-għoli tal-ħajja fil-pensjonijiet għal din is-sena kien ta’ €1.75 fil-ġimgħa.
Flimkien ma’ din iż-żieda l-pensjonanti kollha, kemm dawk li jieħdu l-pensjoni kontributorja u dik mhux kontributorja, bdew jitħallsu €2 oħra fil-ġimgħa.
Bdiet issir stima mill-ġdid tal-pensjoni f’każijiet fejn pensjonanti jibqgħu jaħdmu wara li jilħqu l-eta` tal-irtirar u jibqgħu jħallsu l-bolla sakemm jgħalqu l-65 sena. Din l-istima tieħu inkonsiderazzjoni l-bolol li jkunu tħallsu wara l-eta` tal-pensjoni.
Kompliet ir-riforma mibdija fl-2017 favur ħelsien fuq it-taxxa fuq il-pensonijiet. Barra minn hekk il-massimu ta’ dħul minn pensjonijiet li mhux intaxxat għola għal €13,200.
F’kull sena minn dawk imsemmija hawn fuq, kien hemm miżuri ukoll favur il-pensjonanti tas-servizz. Barra minn hekk iż-żidiet u l-miżuri għall-pensjonanti issoktaw u komplew jissaħħu fl-2019 u l-2020 ukoll.
Sistema ta' liċenzji ta' negozji – Kunsill Konsultattiv għall-Intrapriża
Question
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 7352 u jgġid: B’referenza għat-tweġiba tal-mistoqsija parlamentari 7224, jista’ l-Ministru jgħid x’kien il-feedback miġbur mill-istakeholders waqt il-laqgħa tal-Kunsill Konsultattiv għall-Intrapriża, x’azzjoni ttieħdet u x’progress sar f’dan ir-rigward li tkellem dwaru l-istess Ministru skont ir-risposta li ta fil-mistoqsija parlamentari rispettiva?
Response (SCHEMBRI, SILVIO)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9117 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra tagħrif dwar kemm hu n-numru ta’ ħaddiema għal kull pajjiż rispettiv li għal dawn l-aħħar ħames snin ħallsu l-kontribuzzjonijiet tagħhom tas-servizzi soċjali (social services)? Jista’ jgħid ukoll x’kienu l-kategoriji rispettivi tal-ħlasijiet li saru minn dawn il-ħaddiema f’dawn l-aħħar ħames snin maqsuma sena b’sena?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ġentilment ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi t-tweġiba ser tingħata f’Seduta oħra.
Jista' l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 9238 u jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-informazzjoni dwar x’kien l-input u l-output ta’ tonn li kull fish farm tat-tonn immaniġġja rispettivament f’dawn l-aħħar ħames snin, maqsuma sena b’sena għal kull fish farm tat-tonn?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li qiegħed inpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra d-dokument bl-informazzjoni mitluba. L-informazzjoni għas-sena 2015 qed tinġabar peress li s-sistema sa dak iż-żmien kienet għadha manwali.
Attachments:Fish Farms – input u output ta’ tonn Sitting 11th Feb.docx
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jieħu l-passi meħtieġa sabiex anzjan li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament isirlu appuntament għall-vista u jsir in-nuċċali għaliex fil-preżent qed ibati min nuqqas ta' vista?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-każ qed jiġi segwit.
Għajnuna finanzjara lill-bdiewa għal danni fis-serer
Question
B'referenza għal għajnuna finanzjarja li l-Gvern pjana li joffri għall-bdiewa li soffrew danni fis-serer tagħhom, jista' l-Ministru jgħid:
a. kemm applikaw bdiewa għal din l-għajnuna;
b. mil-liema lokalità ġejjin dawn il-bdiewa;
c. meta kien (id-data) li daħlet l-aħħar applikazzjoni;
d. jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra l-lista tal-bdiewa li se jkunu mogħtija l-għajnuna u kemm se jkunu mogħtija l-flus dawn il-bdiewa; u
e. min huma l-bdiewa li applikaw għal fondi u li ġie deċiż li ma jkunux mogħtija l-fondi mitluba?
Response (REFALO, ANTON)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li l-informazzjoni mitluba għadha qed tinġabar u t-tweġiba ser tingħata f’xi seduta oħra.
Jista' d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid meta se jsir ix-xogħol ta' manutenzjoni fiċ-Ċimiterju tal-Mosta? Jista' jgħid x'se jsir biex titranġa l-ħsara li seħħet fil-maltemp ta' din ix-xitwa fejn siġra tidher li qed tiċċaqlaq u għamlet ħsara f'qabar biswit is-siġra?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onorevoli Interpellant illi d-Direttorat għas-Saħħa Ambjentali laqgħa kwotazzjonijiet sal-Ġimgħa 24 ta’ Jannar 2020 sabiex tkun tista’ tinqala’s-siġra msemmija u b’hekk jitneħħa kull periklu.
Mosta – Triq il-Kungress Ewkaristiku – xogħol ta’ culverts — nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10817 u jgħid x’kienet in-nefqa ta’ xogħol fil-culverts li saru bil-katusi f’parti minn Triq il-Kungress Ewkaristiku l-Mosta f’Mejju 2019? Jista’ jgħid ukoll min kien il-perit ta’ dan il-proġett?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li fl-2019, Infrastructure Malta wettqet xogħlijiet ta’ tiswijiet temporanji ta’ parti qasira tas-sistema ta’ lqugħ tal-ilma tax-xita fi Triq il-Kungress Ewkaristiku, sabiex il-propjetajiet fl-istess triq ma jibqgħux isofru l-konsegwenzi tal-għargħar.
Għal snin twal, il-kantini ta’ dawn il-propjetajiet kienu jegħrqu minħabba ħsarat li kien hemm fil-kanali taħt it-triq għall-ilqugħ tal-ilma tax-xita. Ix-xogħol indikat kien jinkludi t-tħaffir ta’ madwar 30 metru tal-kanal eżistenti u t-tqegħid ta’ pajpijiet ġodda minfloku. Dan l-intervent intemm bil-kisi mill-ġdid tal-parti tat-triq li kellha bżonn titħaffer. It-tiswijiet swew madwar €3,700 u permezz tagħhom ittaffew id-diffikultajiet fil-propjetajiet tal-inħawi sakemm jasal iż-żmien li t-triq kollha tiġi mibnija mill-ġdid b’sistema ta’ lqugħ tal-ilma tax-xita ġdida, bħala parti mill-impenn tal-Gvern li jgħolli l-kwalità tal-infrastruttura tat-toroq f’pajjiżna fis-snin li ġejjin.
Mosta – xogħol bħala community gain minn stabbiliment
Question
Jista’ l-Ministru jwieġeb il-mistoqsija parlamentari 10820 u jgħid x’sar s’issa mill-istabbiliment li d-dettalji dwaru qed jingħataw separatament fejn l-Awtorità tal-Ippjanar kienet obbligat biex l-istess supermarket iwettaq xogħol bħala “community gain” favur il-komunità tal-Mosta?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li skont ma jien infurmat mill-Awtorità tat-Trasport, li l-permess oriġinali kien jitlob garanzija bankarja ta’ €15,000 sabiex l-iżviluppatur ikopri parti mill-ispejjeż għat-titjib tar-road junction bejn Triq Pantar, Triq il-Belt Valletta u r-roundabout fl-istess toroq.
B'referenza għall-proġett tas-Central Link minn Ħ'Attard għar-Rabat, jista' l-Ministru jgħid jekk waqt li jsir il-proġett, tinstab art bi fdalijiet storiċi, x'se jsir minn dawn il-fdalijiet storiċi?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant li Central Link Project huwa investiment ta’ Infrastructure Malta biex jonqos il-ħin fl-ivvjaġġar, titjieb il-kwalità tal-ajra u jinħolqu spazji aktar siguri għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi fir-rotta ta’ toroq ewlenin bejn l-Imrieħel u Ta’ Qali.
Ix-xogħlijiet fuq dan il-proġett li ilu tant mistenni bdew aktar kmieni dan ix-xahar wara li l-pjanijiet tiegħu kienu approvati mill-Awtorità tal-Ippjanar u studjati mill-Kummissjoni Ewropea fl-2019. F’Novembru li għadda, dawn il-pjanijiet ġew approvati wkoll mit-Tribunal ta’ Reviżjoni tal-Ambjent u l-Ippjanar, li ċaħad talba minn xi għaqdiet u seba’ individwi biex jiġu revokati l-permessi tal-proġett. Ftit ġimgħat ilu, il-Prim’Awla tal-Qorti Ċivili wkoll irrifjutat talba biex jinħareġ mandat t’inibizzjoni li saret mill-istess appellanti u kkonfermat li Infrastructure Malta tista’ tibda tiplimenta dan il-proġett ta’ importanza nazzjonali b’mod immedjat.
Is-Central Link Project huwa mfassal fuq pjanijiet li kienu parti mill-Pjan Lokali għaċ-Ċentru ta’ Malta tal-2006, li diġà kien identifika l-konġestjoni fi Triq l-Imdina, Triq in-Nutar Zarb u toroq oħrajn fil-madwar bħala problema kbira għal Ħ’Attard u lokalitajiet oħrajn fil-viċin. Infrastructure Malta tejbet il-pjanijiet tal-2006 biex trendihom aktar effiċjenti u sostenibbli għal aktar tul ta’ żmien u biex tnaqqas l-impatti mhux mixtieqa fuq l-art tal-madwar. Fost oħrajn, fil-pjanijiet oriġinali tal-2006 kien maħsub li tittieħed art mhux żviluppata għal triq ħafna aktar wiesa’, mill-inqas erba’ korsiji mhux tnejn biss kif qed isir permezz ta’ Central Link Project. Fl-istess waqt, il-pjan ta’ Infrastructure Malta jżid ukoll infrastruttura ġdida għal dawk li jagħmlu użu mit-trasport pubbliku jew jivvjaġġaw bil-mixi jew bir-rota, faċilitajiet li bħalissa huma kważi ineżistenti f’din iż-żona.
It-Transport Master Plan 2025 tal-pajjiż ukoll jelenka l-importanza ta’ dan l-investiment, waqt li jidentifika r-rotta bejn Triq l-Imdina u Triq in-Nutar Zarb bħala t-12 minn 29 intervent kruċjali li jeħtieġ isiru b’mod urġenti għal aktar sigurtà u effiċjenza fit-toroq ewlenin ta’ pajjiżna li jagħmlu parti min-network TEN-T tal-Unjoni Ewropea.
Il-proġett se jnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar bin-nofs billi jinbnew mill-ġdid 13-il junction, jitneħħew erba’ sistemi ta’ traffic lights u jiżdiedu aktar minn seba’ kilometri f’korsiji ġodda tul din ir-rotta ta’ 4.3 kilometri. Se jiġu introdotti wkoll diversi faċilitajiet għall-mezzi tal-ivvjaġġar alternattivi, fosthom aktar minn 10 kilometri f’passaġġi siguri għall-mixi, faċilitajiet aħjar għal dawk li jivvjaġġaw b’tal-linja u l-itwal korsija għar-roti mifruda mit-triq li se jkun hawn fil-pajjiż u li se tgħaqqad l-Imrieħel, Birkirkara, Ħal Balzan, Ħ’Attard u Ta’ Qali. Matul ir-rotta tal-proġett, Infrastructure Malta se tiżviluppa wkoll aktar minn 24,000 metru kwadru f’żoni ġodda msebbħin bis-siġar u l-pjanti.
Ix-xogħlijiet bdew wara li tim t’esperti għamlu proċess ta’ ppjanar metikoluż, li kien jinkludi konsultazzjoni pubblika u studju komprensiv dwar l-impatt ambjentali. Dan l-istudju indipendenti janalizza l-benefiċċji u l-impatti li se jkollu l-proġett mhux biss fl-immedjat, imma wkoll f’terminu medju ta’ żmien u fit-tul. Wara li jikkunsidrati proposti differenti dwar kif jista’ jiġi mtejjeb in-netwerk ta’ toroq fiċ-ċentru tal-pajjiż, l-istudju jidentifika l-pjan tas-Central Link Project bħala l-aħjar soluzzjoni biex ikun hemm titjib fil-kwalità tal-ajra, sostenibbiltà ambjentali kif ukoll biex jitnaqqas il-ħin tal-ivvjaġġar.
L-istudji xjentifiċi jikkonfermaw li jekk ma tiġix imtejba l-infrastruttura preżenti, il-problemi li ta’ kull jum qed jolqtu lil eluf ta’ persuni se jkomplu sejrin għall-agħar. Fil-fatt, skont dawn l-istudji, jekk ma tiġix imtejba s-sistema ta’ toroq eżistenti fl-inħawi, biex tivvjaġġa mill-Imrieħel sa Ta’ Qali ddum sagħtejn u kwart litteralment iġġamjat fit-traffiku, b’veloċità ta’ 1.83km fis-siegħa. Fuq kollox dawn l-istudji juru li permezz ta’ Central Link Project, il-ħin tal-ivjaġġar se jonqos bin-nofs, anke meta tqis żidiet fid-domanda għat-trasport li jista’ jkun hemm fil-futur.
L-istudju dwar il-kwalità tal-arja li sar bħala parti mill-EIA, li huwa bbażat fuq monitoraġġ tal-arja li sar fl-2018 f’diversi nħawi matul ir-rotta, juri l-effetti ħżiena li din il-konġestjoni severa tħalli fl-arja tal-madwar. Kieku l-proġett ma jsirx, it-trab iswed fl-inħawi, inkluż f’Ħ’Attard u Ħal Balzan, jiżdied b’278% sal-2030. It-trab iswed u d-dijossidu tan-nitroġenu huma l-akbar żewġ sorsi ta’ tniġġis ikkaġunat mill-emissjonijiet tal-karozzi. Bis-Central Link Project tkun eliminata l-konġestjoni ta’ bħalissa fit-toroq u l-junctions fl-inħawi u dan iwassal għal tnaqqis fit-trab iswed sa 66% sal-2030, anke meta tikkunsidra ż-żieda li se jkun hawn fit-trasport. Bl-istess mod, l-emissjonijiet tad-dijossidu tan-nitroġenu jonqsu b’41%.
Bħal ma tagħmel fi proġetti oħra li jinvolvu tħaffir taħt l-art, Infrastructure Malta qed twettaq dan il-proġett f’kordinazzjoni mas-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali. Ix-xogħol kollu tal-iskavar qed isir taħt is-superviżjoni ta’ arkeologi approvati u awtorizzati mill-istess Sovrintendenza. L-arkeologi jkunu preżenti waqt li jsiru xogħlijiet ta’ skavar u jirrapurtaw kull ma jkun qed iseħħ lis-Sovrintendenza biex jiġi żgurat il-ħarsien ta’ kull wirt storiku ta’ valur li jista’ jkun hemm fl-inħawi.
Fl-aħħar ġimgħat, il-kuntratturi ta’ Infrastructure Malta bdew il-proġett bit-tħaffir tal-ħamrija u materjali oħra li hemm fl-inħawi tal-proġett fejn se jsiru l-korsiji ġodda, bankini, waqfiet għall-karozzi tal-linja, korsiji għar-roti u infrastruttura oħra. Dan ix-xogħol qed isir taħt il-ħarsien tal-arkeologi. Fejn l-arkeologi jħossu li hemm fdalijiet li jeħtieġ jiġu mistħarrġa aktar mill-qrib, ix-xogħol ta’ tħaffir jieqaf. F’dawn is-sitwazzjonijiet, Infrastructure Malta tagħti l-appoġġ kollu lill-arkeologi billi tipprovdi l-ħaddiema biex jgħinu fl-iskavar arkeoloġiku meħtieġ, skont metodi stabbiliti mis-Sovrintendenza. Permezz ta’ dan il-proċess, l-arekologi jagħmlu l-istudji neċesssarji biex jaraw jekk hemmx xi fdalijiet arkeoloġiċi li għandhom jiġu dokumentati jew saħansitra ppriservati. L-aġenzija u s-Sovrintendenza diġà wettqu kollaborazzjonijiet simili fil-proġett tal-bini mill-ġdid ta’ Triq Aldo Moro, bħala parti mill-Marsa Junction Project, fil-proġett tal-mini ta’ Santa Luċija, kif ukoll f’dawk ta’ Vjal ix-Xarolla fiż-Żurrieq u ta’ Triq il-Kuċċard, Ħal Safi, fost oħrajn.
Wara li jsir l-istħarriġ, is-Sovrintendenza tiggwida lil Infrastructure Malta dwar kif ix-xogħlijiet tal-proġett ikunu jistgħu jkomplu. Jekk is-Sovrintendenza titlob li l-fdalijiet jiġu priservati, il-periti ta’ Infrastructure Malta jistabbilixxu tibdil fil-pjanti tal-proġett biex dan ikun jista’ jitwettaq mingħajr ma jitneħħew il-fdalijiet. Fi proġetti oħra, kien hemm sitwazzjonijiet fejn Infrastructure Malta saħansitra inkludiet fil-proġett infrastruttura ġdida biex fdalijiet importanti mhux biss jiġu priservati, iżda biex minflok jintradmu mill-ġdid, ikollhom aċċess permanenti li jkunu jistgħu jużaw l-arkeologi għal aktar studji fil-futur. Dan hekk kif seħħ pereżempju f’Santa Luċija, fi Vjal ix-Xarolla u fi Triq il-Kuċċard.
Infrastructure Malta se tkompli tikkollabora mal-awtoritajiet biex tgħolli l-kwalità u s-sostenibilità tal-infrastruttura ta’ Malta, waqt li tħares u ttejjeb l-ambjent mibni u rurali, u l-wirt kulturali madwarha.
Jista' l-Ministru jgħid x'kienet ir-raġuni li jibda x-xogħol fis-Central Link Project kemm-il darba kien hemm appell fil-Qorti għall-permessi maħruġa?
Response (BORG, IAN)
Ninforma lil Onor. Interpellant għad-deċiżjoni tal-Qorti Ċivili mogħtija fir-rigward tar-rikors tal-Mandat Nru. 1681/19 GM tat-30 ta’ Diċembru 2019. Qed inpoġġi kopja ta’ din id-deċiżjoni fuq il-mejda tal-Kamra.
Jista’ l-Ministru jgħid x’passi se jittieħdu sabiex ladarba se jkun qed isir xogħol fi Triq Tas-Sridak f’żona industrijali fil-limiti tal-Mosta, dawk kollha bil-garaxxijiet li jaħdmu hemm, ikun possibbli għalihom li jibqgħu jaħdmu hemm?
Response (BORG, IAN)
Infrastructure Malta ilha minn meta twaqqfet li bdiet twettaq bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali, toroq rurali kif ukoll ħafna xogħol ta’ manuntenzjoni u tiswijiet f’toroq oħrajn. Imbagħad f’Jannar varat l-akbar proġett ta’ bini mill-ġdid ta’ toroq residenzjali li qatt ra pajjiżna, b’investiment bla preċedent ta’ €700 miljun mifrux fuq seba’ snin.
Fil-każ tat-triq indikata, Infrastructure Malta għaddejja b’konsultazzjonijiet mal-entitajiet rispettivi biex tara x’xogħlijiet hemm bżonn li jsiru fiha b’konnessjoni ma’ servizzi. Bħal f’kull każ, l-aġenzija tagħmel minn kollox biex tnaqqas kemm tista’ l-inkonvenjent u, sa fejn ikun possibbli, t-triq xorta tibqa’ aċċessibbli għar-residenti, għall-ħwienet u negozji oħrajn li jkun hemm fl-inħawi.
Jista’ l-Ministru jgħid id-deċiżjoni rigward ħaddiema tal-Engineering Resource Limited (ERL) u jekk għandhomx jingħataw il-permess li jkompli jaħdmu mal-istess kumpanija wara l-età ta’ 63 sena, hijiex kundizzjonata miċ-ċirkolari no. 09/2018 maħruġa mill-Uffiċċju tal-Prim Ministru? Jista’ jpoġġi fuq il-Mejda tal-Kamra kopja taċ-ċirkolari numru 09/2018?
Response (MIZZI, JOE)
Ninforma lill-Onor. Interpellant li tali deċiżjoni hija skont iċ-Ċirkolari OPM Nru 09/2018 u li kopja tagħha qed titpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra.
Jista’ d-Deputat Prim Ministru u Ministru għas-Saħħa jgħid x’testijiet saru mill-perit biex jivverika jekk tassew is-saqaf tas-sala MW3B fl-Isptar Monte Carmeli hux ikkundannat?
Response (FEARNE, CHRIS)
Ninforma lill-Onor. Interpellant illi l-management kien iddeċieda li jqabbad Structural Engineer fejn ikkumissjona u għamel Visual Survey tas-soqfa.Wara li sar dan ix-xogħol, dawk is-soqfa li kienu ġew identifikati u li kienu jirrikjedu tiswijiet estensivi, ġie deċiż li jiġu battala, fosthom kmamar li hemm fis-sala MW3B liema sala llum hija battala kollha.
Jista’ l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex studenti mill-Imġarr (Malta) li għad ma għandhomx trasport għall-MCAST (Raħal Ġdid) jara li jkollhom dan it-trasport provdut?
Response (BARTOLO, EVARIST)
Infurmat li l-MCAST ma jipprovdix trasport lill-istudenti li jattendu l-Kulleġġ. Iżda jsiru arranġamenti sabiex trasport ikun provdut f’każi fejn l-istudent juża siġġu tar-roti jew f’każi ta’ mobilità severa.
Jista' l-Ministru jieħu l-passi neċessarji sabiex jara kif tista' tiġi megħjuna l-persuna li d-dettalji dwarha qed jingħataw separatament u jara li jkollha akkomodazzjoni alternattiva f'dar tal-anzjani?
Response (FALZON, MICHAEL)
Ninforma lill-Ono. Interpellant li l-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità, ser ikun qiegħed jagħmel kuntatt mal-persuna kkonċernata hekk kif għad m’hemmx applikazzjoni f’isem il-persuna imsemmija.
Il-Buskett – Ċentru għar-Riċerka dwar il-Vitikoltura — nefqa
Question
Jista’ l-Ministru jgħid x’sar u x’flus intefqu fiċ-Ċentru għar-Riċerka dwar il-Vitikoltura fil-Buskett?
Response (HERRERA, JOSÈ)
Ninforma lil Onor. Interpellant li fiċ-ċentru għar-riċerka dwar il-Vitikultura fil-Buskett saru diversi nterventi, fosthom ‘upgrading’ u manutenzjoni tal-post biex jiġi konformi mar-regolamenti kkonċernati, installazjoni ta’ għamara fil-laboratorji u ssetjar ta’ apparat li jista’ jintuża biex issir ir-riċerka. Saru wkoll interventi fir-raba’ ta’ madwar il-binja biex din isservi bħala ‘motherblocks’ għal dwieli indiġeni Maltin. Il-flus li ser ikunu ntefqu matul dawn l-aħħar sentejn jammontaw għal Euro 25,250. Sar ukoll ftehim mal-Universita ta’ Malta sabiex il-faċilitajiet ikunu aċċessibli għall-istudenti Universitarji.